Kitba ta’ Herman Melville
(Amerikan, 1819-1891)
Madwar 5,000 kelma

Attivitajiet dwar dan il-ktieb
MoħbaKelma QabbelTnejn X'Kelma din! Isma' u wieġeb
 

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Aktar tagħrif f' Sagħtar
Ħarġa numru 387 (Ottubru 2024)

1: Il‑Pequod

Jisimni Ishmael. Fl‑1841 tħajjart nagħtiha għal ftit xogħol fuq il‑baħar biex ikolli l‑opportunità nżur pajjiżi differenti madwar id‑dinja. Tfajt ftit ħwejjeġ f’barżakka u rħejtilha lejn New Bedford. Kien Diċembru u domt ftit sakemm sibt akkomodazzjoni. Spiċċajt f’lukanda kemxejn żgħira u qadima. L‑intrata tagħha kienet kamra daqsiex bil‑ħitan tagħha kollha mżejna b’armi ta’ kull daqs u għamla: skieken kbar, lanez, mazez ħoxnin u ħarpuniet. Sid il‑lukanda qalli li ma kellux kamra vojta.

“Tajjeb jekk inqiegħdek ma’ ħarpunist?” qalli. “Qed nimmaġina li ġejt biex issib xogħol fuq kaċċatur tal‑balieni, mela jaqbillek tibda tidra dik it‑tip ta’ ċorma.”

Ma kellix aptit inkompli ndur il‑port biex insib aħjar, għalhekk aċċettajt. Waqt li kont qed nieħu l‑kolazzjon, saqsejt lil sid il‑lukanda dwar il‑ħarpunist li kelli noqgħod miegħu. Qalli li kellu karnaġġjon skur u li kien jiekol biss laħam nej. Wara, sid il‑lukanda ħadni fil‑kamra, imma dak il‑ħin il‑ħarpunist ma kienx hemm. Għajjien kif kont, inxtħett mill‑ewwel qalb il‑friex u għajni marret bija.

Stenbaħt malli smajt il‑bieb jinfetaħ kemxejn bil‑goff, u daħal raġel. Għalkemm għall‑ewwel hu ma ntebaħx bija, fid‑dawl inemnem tal‑lampa lmaħt wiċċ li kexkixni.

Kien wiċċ skur u kollu mpinġi b’disinji strambi magħmula minn ħafna ponot suwed. Kien kollu fartas għajr troffa xagħar marbuta fuq l‑iskutella tar‑ras. Kien għadu ma ntebaħx bija meta beda jinża’ ħwejġu, u osservajt li ġismu kollu kien impinġi b’dak l‑istess disinn li kellu fuq wiċċu. Beda jgħanni għanja b’lingwa li ma stajtx nagħraf. Qagħad bilqiegħda u beda jpejjep pipa twila.

Iċċaqlaqt fis‑sodda u għamilt ħoss żgħir. Milli jidher ħsadtu, għax minnufih ir‑raġel qomos bilwieqfa, ħataf mannara, qabeż fuqi u qabadni minn għonqi. Ħares lejja b’ħarsa selvaġġa u ħalq miftuħ beraħ. Rajt żewġ fillieri ta’ snien bojod karti li kienu sserrati u ppuntati bħal ta’ tigra.

“Min‑e int‑e?” għajjat b’leħen żorr u b’Ingliż imkisser. “Le tkellem‑e, jien noqtlok‑e!”

Tista’ tobsor kif dak il‑ħin imsarni niżlu f’saqajja. Imwerwer kif kont bdejt ngħajjat għall‑ajjut, u fis tfaċċa sid il‑lukanda, bi tbissima fuq wiċċu. “Tinkwetax!” qalli. “Kwikweg, hawn, ġwejjed u ma jagħmillek xejn.” Imbagħad dar lejh.

“Dan raġel jorqod‑e hawn. Tifhem‑e?”

“Jien nifhem‑e ħafna,” wieġeb Kwikweg bl‑aċċent stramb tiegħu.

Meta ċċarajna kollox, jien erġajt imteddejt, u Kwikweg daħal f’soddtu wkoll.

L‑għada filgħodu sirt naf li Kwikweg kien it‑tifel ta’ re ta’ waħda mill‑gżejjer fil‑Paċifiku, imma kien telaq minn pajjiżu biex isir ħarpunist. Meta għidtlu li xtaqt ningħaqad ma’ ċorma ta’ kaċċatur tal‑balieni, beda jinsisti biex immur miegħu. L‑għada tlaqna flimkien fuq xini lejn Nantucket. Aħna u sejrin kien hemm buffura qawwija u wieħed mill‑baħrin waqa’ l‑baħar. Fil‑pront Kwikweg neża’ l‑qmis u qabeż fil‑baħar warajh biex isalvah.

Tista’ tgħid li f’dawk iż‑żminijiet Nantucket kienet il‑kapitali tal‑kaċċa tal‑balieni. Meta wasalna hemm u sibna kamra f’lukanda, Kwikweg ħareġ statwa żgħira sewda, li kien isejħilha Jojo. Minn dak li stajt nifhmu jispjegali, kien xi għamla ta’ idolu tar‑reliġjon tiegħu. “Jojo jkellem‑e Kwikweg,” qalli. “Huwa jgħid ħabib‑e jsib xini. Immorru‑e xini flimkien.”

Għalhekk spiċċajt indur il‑port biex nara nsibx xogħol għalija u għal Kwikweg fuq xi wieħed mill‑kaċċaturi tal‑balieni li kien hemm ankrati. Fl‑aħħar sibt il‑bastiment Pequod. Kien kaċċatur żgħir, imma kien jidher li kien qatta’ ħafna żmien fuq il‑baħar, u kien għadda minn ħafna maltempati wkoll. L‑injam kien jidher skulurit, u mkagħbar f’xi partijiet. F’postijiet minnhom kien imsewwi, u osservajt li minflok injam, xi tiswijiet kienu magħmula mis‑snien jew għadam ta’ balieni.

Tlajt abbord u sibt raġel imdaħħal fiż‑żmien bilqiegħda fuq il‑gverta. Staqsejtu kienx il‑kaptan tax‑xini u kellux bżonn jimpjega xi baħrin.

“Jien l‑Kaptan Peleg,” weġibni, “imma jien għandi sehem żgħir tax‑xini. Il‑kaptan ewlieni huwa l‑Kaptan Aħab. Jekk għadek ma ltqajtx miegħu kun af li huwa bniedem serju ħafna u ta’ kliem iebes. Tagħrfu mill‑ewwel għaliex għandu sieq waħda. L‑oħra kienet ħatfithielu, gerrmithielu u kilithielu l‑aktar baliena mostruża li qatt dehret fl‑ibħra tad‑dinja. Ejjew it‑tnejn għada filgħodu, u nirreġistrakom maċ‑ċorma.”

Għarraft lil Kwikweg li konna sibna xogħol fuq il‑Pequod, u l‑għada filgħodu rħejnielha lejn il‑port. Waqt li konna sejrin resaq lejna raġel kollu żdingat. “Għadkom ma rajtuhx lill‑Kaptan Aħab?” staqsiena. “Oqogħdu attenti minnu! Qalilkom bis‑sigriet tiegħu? Qalilkom x’biħsiebu jagħmel?” U b’dan il‑kliem, qabel ma tana ċans inweġbuh, telaq jiġri u għeb qalb il‑folla.

***** ***** stat_3 ***** *****

2: Il‑Kaptan Aħab

L‑għada filgħodu bakkarna biex inkunu abbord il‑Pequod sagħtejn qabel ma jsalpa. Malli wasalna morna fil‑kassru tal‑pruwa. Ma kien għad hemm ħadd ħlief baħri wieħed, rieqed fuq żaqqu, fuq żewġ banketti baxxi. Malli rah hekk Kwikweg qagħad bilqiegħda fuqu u l‑baħri, minnufih, qomos u beda jogħrok għajnejh.

“Meta se nitilqu?” staqsejtu.

“Fi ftit sigħat,” wieġeb il‑baħri. “Il‑Kaptan Aħab tela’ abbord ilbieraħ filgħaxija... Milli qed nisma’ l‑ewwel uffiċjal diġà beda x‑xogħol. Dak Starbuck, dak. Raġel ħabrieki u reliġjuż ħafna.”

Waqt li jien u Kwikweg bdejna xogħolna fuq il‑gerlin, il‑Kaptan Aħab baqa’ fil‑kabina tiegħu. Saqsejt dwaru lil wieħed mill‑baħrin li kien qed jaħdem viċin tiegħi.

“Se ddum ftit qabel ma tarah,” weġibni. “Qed iqatta’ ħafna żmien fil‑kabina bħalissa. Hemm min qed jgħid li ma jiflaħx, imma ma jidhirx li huwa marid. Aktar naħseb li għandu burdata ħażina – ħażina ħafna!”

Starbuck kien l‑ewwel uffiċjal tal‑Pequod wara l‑Kaptan. Twieled u għex f’Nantucket. Kien raġel twil u mibni sew, u kellu l‑ġilda skura wara ħafna żmien taħt ix‑xemx. L‑għada li salpajna ġabar liċ‑ċorma kollha fuq il‑gverta.

“Kollha kemm intom mingħalikom li intom kuraġġużi u ta’ ħila,” beda jgħid, “Imma meta nkunu barra fil‑baħar f’nofs l‑oċean, u nkunu mdawrin bil‑balieni, irrid naċċerta ruħi li l‑baħrin li jkunu fuq il‑frejgatina tiegħi jkunu l‑aqwa li hawn abbord.”

Ipponta lejn Kwikweg. “Inti, baħri!” sejjaħlu. “Għidli, inti tibża’ mill‑balieni?”

Il‑ġgant impinġi ħares dritt lejn għajnejn l‑ewwel uffiċjal. “Kwikweg, le, jigdeb‑e. Baliena‑e twerwer Kwikweg ħafna‑e!”

Wiċċ Starbuck xegħel. “U hekk għandu jkun! Inti se tkun il‑ħarpunist tiegħi f’dan il‑vjaġġ, sieħeb. Fuq il‑frejgatina tiegħi irrid baħrin li joqogħdu b'seba' għajnejn meta jmorru wara baliena!”

Starbuck dar fuqi, u ordnali biex immur ngħin lil Wigery, li kien fuq il‑quċċata tal‑arblu ewlieni. Jien u tiela’ l‑ħbula ħassejt taħlita ta’ emozzjonijiet: ferħ, eċċitament, tferfir u anki ftit biża’ wkoll.

Hemm fuq fil‑għoli, ir‑riħ kien qawwi tant li kien jaqtagħlek nifsek, imma xorta stajna nisimgħu t‑tħambiq ta’ Wigery, li kien il‑kap tal‑arbli, waqt li beda jagħti l‑ordnijiet biex inkebbu, jew nirrumblaw, il‑qlugħ. Kienet biċċa xogħol iebsa u perikoluża. Il‑qlugħ kienu goffi u tqal, u ma kienx faċli li nirrumblawhom f’dak il‑għoli, f’dak ir‑riħ qawwi, meta konna weqfin biss fuq gerlin u xejn aktar.

Waqt li konna qed nissaraw kontra r‑riħ u t‑toqol tal‑qala’, il‑baħri ta’ ħdejja introduċa lilu nnifsu u qalli li kien jismu Geach.

“Rajtu lill‑Kaptan?” staqsieni.

“Għadni le,” weġibt jien.

Hekk kif tbissimli rajt li f’ħalqu kellu ħafna snien neqsin. “Dalwaqt se tarah!” għajjat.

Fil‑fatt, malli nżilna fuq il‑gverta, ilmaħt lill‑Kaptan Aħab għall‑ewwel darba.

Kien qisu statwa tal‑bronż. Minn xagħru griż, kellu ġerħa kerha nieżla ’l isfel tul wiċċu kollu. Ma tniffisx hekk kif baqa’ wieqaf hemm fuq in‑naħa l‑għolja tal‑poppa: wieqaf sod minkejja r‑riġel artifiċjali li kellu minflok ir‑riġel xellugi. Dak ir‑riġel artifiċjali kien abjad karti, magħmul minn għadma ta’ baliena. Il‑ħarsa fuq wiċċu kienet ta’ wieħed li kien għaddej minn dwejjaq kbar. Id‑dehra tiegħu ħalliet effett qawwi fuqi.

Fejn kien se jeħodna?

***** ***** stat_3 ***** *****

3: Baliena kbira bajda

Bqajt inħares imbellah lejn il‑Kaptan. Malli rajtu mill‑ewwel ġabli suġġizzjoni. Kien qisu l‑alla Ġove fuq il‑Muntanja Olimpus, b’għajnejh imberrqin u xagħru griż jittajjar mar‑riħ, wieqaf dritt, b’id waħda jżomm mal‑ħbula, u ħarstu dritta ’l quddiem lejn l‑orizzont.

Starbuck lemaħni niċċassa lejh, u ġibidni la ġenba. “Dak hu, dak il‑Kaptan Aħab,” qalli minn taħt l‑ilsien. “Baliena kbira bajda ħaditlu siequ u sfiguratlu wiċċu meta konna fl‑ibħra tal‑Ġappun. Issa kulma għandu f’moħħu hija vendetta... irid ipattiha lil dik il‑baliena li ġabitu f’dik is‑sura.”

Aħab ftit li xejn kien jitkellem, u l‑parti l‑kbira taċ‑ċorma kienet tibża’ tkellmu. Imma kien hemm uffiċjal jismu Stubb li ma kienx daqshekk timidu, u darba minnhom tela’ minn isfel waqt li Aħab kien fuq il‑gverta.

“Sur Kaptan,” qallu, “Is‑sieq tal‑avorju li għandek qed nisimgħuha tħabbat wisq minn isfel, fuq rasna. Tista’ tgeżwirha b’biċċa drapp ħalli ma tagħmilx daqshekk ħoss u nkunu nistgħu norqdu?”

Wiċċ Aħab bjad hekk kif ħa nifs qawwi ’l ġewwa, u leħnu dewa mal‑gverta kollha tal‑bastiment. “X’nagħmel?! Xi l‑mniefaħ qed taħseb li int biex tkellimni hekk!? Inżel isfel u tħallinix nara wiċċek, ja biċċa ta’ kelb!”

Għaddew xi jiem oħra qabel ma rġajna rajna lill‑Kaptan. Ftit wara l‑kolazzjon ta’ filgħodu qal lil Starbuck biex jiġborna kollha lejn il‑poppa tal‑bastiment. Starbuck stagħġeb għax ordni bħal dik, ġeneralment, kaptan kien jagħtiha jekk kien ikun hemm xi emerġenza.

Malli kulħadd kien miġbur kif ried il‑Kaptan, Aħab ħares lejna wieħed wara l‑ieħor qabel ma beda jitkellem.

“Għiduli, baħrin, x’tagħmlu meta tilmħu baliena?”

“Ngħajtu ħalli navżaw liċ‑ċorma kollha,” wieġbu xi wħud għalenija.

“Tajjeb!” kompla Aħab. “U x’tagħmlu wara?”

“Inniżżlu l‑frejgatini u mmorru warajha!”

Aħab berraq għajnejh u reġa’ beda jifli kull wieħed minna. “Mela isimgħuni sew. L‑ewwel wieħed li javża li jkun lemaħ baliena bajda, b’geddum mgħawweġ u bi tliet toqbiet f’denbha, se nagħtih din il‑biċċa deheb li tiswa sittax‑il dollaru!”

Aħab ħataf martell u musmar, u sammar munita tad‑deheb mal‑arblu ewlieni tal‑bastiment.

Taxtego, wieħed mill‑ħarpunisti, qabeż jgħajjat, “Qed tgħid għall‑baliena l‑bajda li jsejħulha Moby Dick, hux, Kaptan?”

Aħab dar minnufih lejh. “Iva, dik hi, sieħeb! Hija ġgant. L‑iżbokka tagħha hija qawwija u għolja ħafna. Tagħrfuha wkoll għax diġà għandha gozz ħarpuniet imwaħħlin ma’ ġildha. Dik hija Moby Dick! Dik hija Moby Dick!”

Leħen Aħab issa beda jogħla u jirbombja mal‑bastiment kollu. “Kienet Moby Dick li ħaditli sieqi u għamlitni zopp għal għomri. Imma jien se nibqa’ nikkaċċjaha f’kull baħar u f’kull oċean u sa tarf id‑dinja jekk hemm bżonn! Bl‑għajnuna tagħkom naqbadha u noqtolha, imqar jekk tkun l‑aħħar ħaġa li nagħmel f’ħajti!”

Il‑baħrin kollha qabdu jgħajtu bil‑qalb, ferħanin. Madankollu, osservajt li Starbuck baqa’ kwiet, jogħrok id‑daqna ħosbien. U Aħab osservah ukoll.

“Jaqaw, Sur Starbuck! Għandek xi problema b’Moby Dick?” staqsa l‑Kaptan.

“M’għandix, Kaptan, sakemm ma tfixkilx il‑missjoni ewlenija tagħna. Ftakar li qegħdin hawn biex niġbru żejt kemm nistgħu, mhux biex naqdu l‑vendetta tal‑Kaptan tagħna. Kemm‑il barmil żejt se tagħtina l‑baliena jekk noqogħdu naħlu l‑ħin niġru warajha?”

Dan il‑kliem m’għoġobx lill‑Kaptan. “Iskot, Starbuck!” qallu bil‑ħatfa. “Iskot u obdi l‑ordnijiet!”

Starbuck dar u beda miexi lejn in‑naħa l‑oħra tal‑gverta. Hekk kif għadda minn ħdejja smajtu jgerger minn taħt l‑ilsien, “Mela Alla jħarisni – u jħares lilna lkoll.”

***** ***** stat_3 ***** *****

4: Tibda l‑kaċċa

Komplejna nbaħħru, imħeġġin mir‑rieda qawwija tal‑Kaptan tagħna u x‑xenqa tiegħu għall‑vendetta. Wara li l‑Kaptan għamel il‑wegħda tiegħu tal‑premju tad‑deheb, bħallikieku kulħadd kien nesa l‑periklu tal‑baliena l‑bajda, u kulħadd inxteħet għalenija f’xogħlu fuq il‑bastiment.

Kien waranofsinhar ta’ jum imsaħħab, waqt li l‑parti l‑kbira taċ‑ċorma kienu qed jistrieħu wara għodwa xogħol iebes, li nstama’ leħen jirbombja mill‑quċċata tal‑arblu ewlieni. Kien il‑leħen tal‑ħarpunist Taxtego.

“Hemm hi! Hemm hi! Qed naraha!”

“Fejn?”

“Lejn it‑tmun, żewġ mili ’l bogħod! Hemm ġliba sħiħa!”

Minnufih qamet għagħa fuq il‑gverta tal‑bastiment, u f’qasir żmien tliet frejgatina minn erbgħa li kellna tniżżlu fl‑ilma.

Jiena nżilt fil‑frejgatina ta’ Starbuck flimkien ma’ Kwikweg. Il‑ħarpunist l‑ieħor Taxtego niżel fil‑frejgatina tal‑uffiċjal Stubb. Kien f’dan il‑waqt li smajna l‑ħoss ta’ riġel il‑Kaptan Aħab iħabbat mal‑gverta tal‑bastiment. Ħarisna kollha ’l fuq u stagħġibna malli rajna min kien wieqaf ħdejh.

Kien raġel twil u mibni sewwa. Kien liebes sidrija Ċiniża u kellu turban abjad fuq rasu. Xagħru iswed kien miġbur f’malja waħda wara għonqu. Matul dawk il‑ġranet kollha li konna għamilna fuq il‑baħar, ħadd ma kien ra lil dak ir‑raġel qabel. X’aktarx tul iż‑żmien kollu minn meta salpajna, kien baqa’ moħbi fil‑kabina tal‑Kaptan.

“Naħseb li kien ġie abbord mal‑Kaptan billejl,” qal wieħed mill‑baħrin, “Min jaf għalfejn?”

Il‑Kaptan Aħab dar lejn ir‑raġel misterjuż. “Lest, Fedellaħ?” staqsieh.

“Lest,” lissen ir‑raġel b’leħen sod.

Il‑Kaptan niżel fuq ir‑raba’ frejgatina, u Fedellaħ niżel miegħu.

Minn fuq il‑frejgatina tiegħu, Stubb għajjat lil Starbuck. “X’taħseb dwar dak, Sur Starbuck?”

“Dak saħħar mill‑Manilla, Alla magħna!” wieġeb Starbuck. “Kull baħri onest jibża’ minnhom. Jgħidu li l‑Manilli jaħdmu biss għal sidhom, ix‑Xitan! Imm’issa ma nistgħu nagħmlu xejn dwaru. Komplu aqdfu, nies! Komplu aqdfu b’kemm għandkom saħħa!”

L‑erba’ frejgatini komplew jersqu lejn fejn konna lmaħna l‑balieni. Imma f’daqqa waħda niżwl ċpar fuq wiċċ il‑baħar u ma stajna naraw xejn aktar. Wara ftit smajna tvenvina rqiqa riesqa lejna b’ġirja.

“Hemm hi! Hemm hi!” għajjat Starbuck, “Agħtihielha!”

Kwikweg għolla l‑ħarpun, lest biex jitfgħu.

Fawra ta’ ilma sħun għoliet ħesrem mill‑baħar maġenbna. Ħassejna xi ħaġa ċċaqlaq il‑qiegħ tal‑frejgatina, u din għoliet fl‑arja. Tajritna kollha fl‑arja, u fi ftit sekondi spiċċajna qalb ir‑ragħwa tal‑mewġ. B’xorti tajba l‑frejgatina ma tkissritx, u stajna nerġgħu nitilgħu fuqha u niġbru l‑imqadef li kienu f’wiċċ l‑ilma madwarna.

Imma sadattant il‑baliena kienet għosfrot.

F’qasir żmien rajna l‑frejgatina tal‑Kaptan riesqa lejna minn qalb iċ‑ċpar.

“Tlifnieha, Kaptan,” għajjat Starbuck, kollu għasra.

“Ma jimpurtax. Ma kenitx Moby Dick,” wieġeb Aħab bl‑aħrax. “U ma rridx nitlef il‑ħarpuniet fuq balieni oħra. Erġgħu lura fuq il‑bastiment. Moby Dick hija l‑mira tagħna.”

Fi skiet perfett l‑erba’ frejgatini qadfu lura lejn il‑Pequod, u sadattant bdejt insaqsi lili nnifsi fejn kien se jwassalna dan kollu. Qsamt ħsibijieti ma’ Kwikweg, li kien bilqiegħda ħdejja fuq il‑frejgatina.

“Dan xi bniedem hu? Se nibqgħu nbaħħru sal‑aħħar tad‑dinja b’Kaptan iffissat bil‑vendetta, u ma’ raġel li jagħmilha max‑Xitan!”

Il‑ħarpunist beda jmejjel rasu, għalkemm ma qal xejn. Biss malli tlajna abbord ilmaħtu jdaħħal idu fil‑but u joħroġ l‑idolu li kellu. Kwikweg kien inkwetat daqsi. Malli azzettajna fil‑kabini tagħna, iddeċidejt li nikteb it‑testment tiegħi.

***** ***** stat_3 ***** *****

5: Il‑mostru tal‑baħar

Issa konna fuq in‑naħa tal‑Grigal tal‑gżejjer ta’ Ġava. Jum minnhom ilmaħt ġliba ta’ balieni qed jisparaw l‑ilma fl‑arja.

“Hemm hi! Hemm hi!” għajjatt.

Iċ‑ċorma kollha nġabret fuq il‑gverta biex josservaw, inkluż il‑Kaptan Aħab. Ħares lejn id‑direzzjoni fejn kont qed nipponta.

“Xejn,” lissen b’diżappunt. “Gabdolli komuni, imma m’hemmx Moby Dick magħhom. Inkomplu sejrin, m’għandniex ħin x’naħlu nikkaċċjawhom.”

U gerbu l‑jiem, bil‑Kaptan dejjem wieqaf fuq il‑gverta, jgħarbel il‑baħar. Darba minnhom ilmaħna mirkeb ieħor riesaq lejna. Kienet l‑iskuna Town‑Ho. Meta konna qrib, Aħab għajjat lill‑kaptan tagħha.

“Rajtu l‑baliena l‑bajda, dik li tissejjaħ Moby Dick?” staqsieh.

“Iva,” wieġeb il‑kaptan tat‑Town‑Ho. “Iltqajna magħha ftit inqas minn sentejn ilu... ’il barra minn Taħiti.”

Wara dan bqajna sejrin għal rasna. Iltqajna ma’ ħafna mriekeb oħra fil‑ġimgħat li għaddew, imma l‑ebda waħda ma setgħet tagħtina tagħrif siewi. Madankollu, tal‑Jeroboam kellhom ħafna x’jgħidulna.

Il‑kaptan tagħha rrakkuntalna l‑esperjenza tagħhom. “Dażgur li ltqajna ma’ dak il‑mostru! Fir‑rebbiegħa qatlet lill‑ewwel uffiċjal tiegħi, viċin il‑Barriera tas‑Silġ. Ilqattnieha b’żewġ ħarpuniet, imma għebet fil‑qiegħ bħal leħħa ta’ berqa, u ma reġgħetx telgħet fil‑wiċċ.

U għalhekk bqajna sejrin. Il‑Kaptan Aħab issa qabbadna nduru lejn in‑Nofsinhar, lejn il‑baħar iffriżat, u wara, dan reġa’ dawwarna lejn it‑Tramuntana. Konna qrib l‑ibħra tal‑Ġappun meta lmaħna xi ħaġa fil‑baħar.

Xbieha kbira, bajda, tfaċċat f’wiċċ l‑ilma fuq in‑naħa tal‑pruwa tal‑bastiment.

“Hemm hi! Hemm hi!” beda jgħajjat wieħed mill‑baħrin. “Qiegħda eżatt quddiemna! Il‑baliena l‑bajda! Il‑baliena l‑bajda!”

Minnufih niżżilna l‑erba’ frejgatini fil‑baħar. Il‑frejgatina tal‑Kaptan kienet fuq quddiem nett hekk kif bdejna nersqu lejn dik ix‑xbieha kbira. Ix‑xbieha għebet taħt il‑baħar, u domna ftit minuti nistennewha terġa’ titla’ fil‑wiċċ.

Taħt il‑wiċċ tal‑ilma stajna naraw, kemm kemm, massa kbira ta’ xi ħaġa roża ċara, bi speċi ta’ swaba’ twal ħerġin miċ‑ċentru.

“Ix‑xjafek jieħdu lil dak l‑idjota li għajjat!” tenna Aħab. “Din mhix baliena!”

Hekk kif Aħab lissen dan il‑kliem, tentakolu oħxon daqs il‑ġisem ta’ bniedem tfaċċa minn taħt l‑ilma u dar dawramejt madwar il‑frejgatina tal‑Kaptan. Kienet qarnita enormi. Minnufih Aħab ħataf mannara u beda jfajjarha fuq it‑tentaklu bis‑saħħa kollha li kellu.

“Itlaq, ja bhima!” beda jgħajjat. “M’intix se toħodli demmi u għadmi! Dawk qegħdin biss għal Moby Dick!”

Il‑frejgatina bdiet titbandal ’l hawn u ’l hinn bħal biċċa sufra hekk kif baqgħet fil‑ħakma tat‑tentaklu. Imma Aħab baqa’ jfajjar u jfajjar bil‑mannara. Aħna, li konna fuq il‑frejgatini l‑oħra, bqajna nħarsu ċassi. Bl‑ebda mod ma stajna ngħinu l‑frejgatina tal‑Kaptan. Din kienet battalja personali tiegħu: jew jirbaħha, jew jitlifha.

***** ***** stat_3 ***** *****

6: Titfaċċa Moby Dick

Daqqa wara l‑oħra, Aħab baqa’ jfajjar bil‑mannara fuq dak it‑tentaklu hekk kif beda jinbaram madwar il‑frejgatina. Kien tentaklu enormi, oħxon u moqżież. Taħt l‑ilma stajna naraw it‑tentakli l‑oħra u ras tonda kbira.

Li kieku ma kienx għall‑ferneżija qawwija u l‑qilla li ħakmet lil Aħab dak il‑ħin, naħseb li dik il‑frejgatina kienet tintilef għalkollox. Imma Aħab baqa’ jirsisti sakemm fl‑aħħar it‑tentaklu telaq id‑dgħajsa u għeb taħt il‑baħar imdemmi.

Aħab ħa nifs twil u telaq il‑mannara. “Immorru lura fuq il‑Pequod,” qal lill‑baħrin. “Ma ġejniex hawn biex nissaraw ma’ mostru bħal dak.”

Il‑baħri li kien għajjat li ra l‑oġġett fil‑baħar kellu denbu bejn saqajh meta Aħab reġa’ tela’ fuq il‑bastiment, u kien qed jistenna xi ħasla papali mingħand il‑Kaptan. Madankollu, Aħab baqa’ sieket hekk kif irħielha lejn il‑kabina tiegħu. Issakkar hemm ġew u dakinhar ma rajniehx aktar.

L‑għada filgħodu tfaċċa l‑bastiment Rachel, u trakka magħna. Aħab ħareġ mill‑kabina tiegħu biex isaqsi l‑mistoqsija tas‑soltu.

“Rajtu ’l Moby Dick?”

“Iva, ilbieraħ,” wieġbu l‑Kaptan tar‑Rachel, “U intom – rajtu frejgatina maqluba fil‑baħar?”

Bi tbissima Aħab wieġbu li ma konna lmaħna l‑ebda frejgatina, u stieden lill‑kaptan biex jitla’ abbord. Aħab għarfu għax kien wieħed mill‑baħħara minn Nantucket.

“Fejn rajtu l‑baliena l‑bajda? Ma qtiltuhiex, hux?” staqsa Aħab kollu ħerqan.

Il‑kaptan tar‑Rachel ma kienx jidher kuntent ħafna. “Meta lmaħna l‑baliena niżżilna l‑frejgatini tagħna u morna warajha,” beda jirrakkonta. “Il‑baliena resqet lejn waħda mill‑frejgatini u b’daqqa waħda ta’ denbha għamlitha frak. Il‑baħrin kollha li kienu fuqha għebu fil‑baħar. Wieħed minnhom kien ibni.”

Il‑Pequod kompliet tbaħħar, u issa kollha kemm aħna kellna għajnejna mberrqin, nistennew li nilmħu l‑baliena minn mument għall‑ieħor. Qattajna jum sħiħ hekk, u l‑għada ltqajna ma bastiment ieħor, id‑Delight. Mingħandhom sirna nafu li Moby Dick kienet reġgħet marret għall‑attakk.

“Iltqajna ma’ dik ix‑xifajk ilbieraħ,” qalilna l‑kaptan tad‑Delight. “Kissritilna żewġ frejgatini u qatlet lil kulħadd li kien abbord.”

Minn dak il‑ħin il‑Kaptan Aħab intilef hekk kif intebaħ li kien qed joqrob lejn il‑priża, u la seta’ jiekol u lanqas jorqod. Jien u Kwikweg domna għassa qatigħ ma’ żewġ baħrin oħra, fuq il‑quċċata tal‑arblu ewlieni. Kwikweg deher li kien inqabad fl‑eċċitament li kien ħakem liċ‑ċorma kollha. Minn ħin għall‑ieħor beda joħroġ lill‑idolu li kellu fil‑but, Jojo, u jagħfsu ma’ sidru.

“X’qed jgħidlek l‑alla tiegħek, Kwikweg?” staqsejtu jien.

Kwikweg tbissem hekk kif kixef dawk is‑snien ippuntati tiegħu.

“Jojo tkellem‑e ħafna‑e!” qalli. “Naraw‑e Moby‑Dick malajr‑e!”

Ma nistax ngħid kemm kien veru dak li qal Kwikweg, għax wara kollox kelli idea tajba ta’ kemm kien hemm affarijiet strambi fil‑pajjiżi tal‑Lvant, imma wara dik id‑diskursata ma stagħġibtx meta, ftit wara, Kwikweg ġibidli l‑attenzjoni lejn parti tal‑baħar.

“Ħares hemm‑e. Ara,” qalli.

Stagħġibt malli rajt fejn kien qed jipponta. Ħierġa minn wiċċ l‑ilma kien hemm ħotba daqsiex, bajda karti daqs is‑silġ. Fuq wara kien jidher denb ta’ madwar għoxrin pied, bi tliet toqbiet kbar. Fuq il‑ħotba kien hemm numru ta’ ħarpuniet, miksijin bil‑ħaxix tal‑baħar u xi ħbula mħabblin magħhom.

Ma kellniex dubju x’kienet. Din kienet Moby Dick!

“Hemm hi!” bdejt ngħajjat, “Hemm hi! Moby Dick!”

Taħti fuq il‑gverta rajt lill‑Kaptan idur minnufih lejn fejn kont qed nipponta.

“Niżżlu l‑frejgatini! Niżżlu l‑frejgatini!”

Il‑baħrin mill‑ewwel ġrew lejn il‑pożizzjonijiet tagħhom. Flimkien mal‑ħarpunisti bdew iniżżlu l‑frejgatini fl‑ilma. Jien u Kwikweg tant inżilna mal‑ħbula bil‑għaġla li slaħna jdejna u saqajna, imma bl‑eċċitament lanqas biss ħassejna l‑uġigħ.

Dlonk il‑frejgatini kienu kollha fl‑ilma, u bdew jersqu malajr lejn il‑baliena. Dik ta’ quddiem kienet naturalment tal‑Kaptan. Kien wieqaf dritt fuq il‑poppa, u warajh kien hemm il‑Manilla Fedellaħ, bil‑ħarpun tiegħu mgħolli lest.

Il‑baliena kienet tidher wieqfa, b’rasha għadha taħt wiċċ l‑ilma. Kollha kemm aħna bdejna nħossu qalbna tħabbat sitta sitta, hekk kif bqajna naqdfu bis‑saħħa kollha li kellna u noqorbu aktar u aktar.

Fl‑aħħar, kien wasal il‑waqt li niġu wiċċ imb wiċċ mal‑priża tagħna.

***** ***** stat_3 ***** *****

7: Żewġt itwiebet u ħabel

Ma kienx għad hemm sens ta’ periklu immedjat hekk kif bqajna noqorbu lejn il‑baliena, imma kollha konna qed inħossu taħlita ta’ eċċitament u biża’ liema bħalu. Aħab ma ċċaqlaqx minn fuq il‑pruwa tal‑frejgatina tiegħu, wieqaf bħal statwa, bil‑ħarpun f’idu.

“Gawdi x‑xemx għall‑aħħar darba, Moby Dick,” beda jgħajjat. “Is‑siegħa tiegħek waslet u l‑ħarpun għalik huwa pront. Mhijiex din is‑siegħa tiegħi wkoll, xi tgħid Fedellaħ?”

Fedellaħ ta ħarsa twila lejn il‑baliena u mbagħad lejn il‑Kaptan fanatiku tiegħu.

“Nistennew – u nittamaw, Kaptan,” lissen bil‑mod.

Hekk kif qrobna aktar lejn il‑baliena, stajna naraw sew dak il‑ġisem kbir, b’dawk il‑ħafna ħarpuniet midfunin f’dik il‑ġilda ħoxna, qalb taħbila waħda ta’ ħbula mdawrin mal‑annimal. Kull mossa li l‑baliena kienet tagħmel, il‑ħarpuniet bdew jiġbdu l‑laħam u joħolqu ġrieħi friski fuq ġisimha.

F’daqqa waħda l‑baħar imtela bir‑ragħwa hekk kif il‑baliena tat skoss qawwi. Il‑ħlejqa għoliet minn wiċċ l‑ilma u għamlet arkata ta’ madwar tmenin pied qabel ma reġgħet għodsot minn rasha fl‑ilma.

Aħab infexx f’għajta ta’ korla. “Elf saħta fuqha! Se togħdos, ja xifajk li hi! Se togħdos!”

Denb il‑baliena għola fl‑arja għal ftit sekondi, u mument wara għeb għalkollox taħt wiċċ l‑ilma. Il‑frejgatini tagħna qorbu lejn il‑post fejn il‑baliena għebet taħt il‑baħar, u f’dak l‑ilma ċar stajna naraw il‑forma enormi tagħha. Aħab waddab il‑ħarpun tiegħu f’qiegħ id‑dgħajsa.

“Telqet! Imma terġa’ tiġi. Oqogħdu fuq kliemi, terġa’ tiġi żgur mhux forsi. Jiena nafha, lil dik ix‑xitan. Żommu sod mal‑imqadef u għajnejkom imberrqin!”

Għal ftit mumenti kien hemm kalma sħiħa fuq wiċċ il‑baħar, u l‑mewġ beda jleqq taħt ix‑xemx tisreġ. Iżda f’daqqa waħda l‑ilma żbroffa bħal splużjoni u feġġet Moby Dick, tiġri bħal vleġġa lejn il‑frejgatina tal‑Kaptan Aħab, ħalqha miftuħ beraħ b’filliera ta’ snien bojod u mgħawġin.

Il‑baħrin bdew jaqdfu lura hekk kif Aħab għajjat għajta u ħataf il‑ħarpun.

Il‑ħalq enormi nfetaħ aktar u għal ftit sekondi stħajjilna qegħdin inħarsu ġo għar mudlam qisu qabar tal‑irħam. Il‑ħalq ingħalaq f’nofs il‑frejgatina b’ħoss itarrax ta’ injam qed jinqasam u l‑għajjat ta’ paniku tal‑baħrin.

Il‑frejgatina nqasmet min‑nofs u l‑baħrin kollha spiċċaw fl‑ilma. Lil Aħab ma rajniehx aktar. Għall‑ewwel Moby Dick dehret qed titbiegħed, imma f’daqqa waħda daret dawramejt u reġgħet bdiet tersaq lejn il‑baħrin li kienu fl‑ilma. F’dak il‑mument ras Aħab tfaċċat f’wiċċ l‑ilma, u l‑frejgatini l‑oħra bdew jaqdfu kollha f’salt lejh b’qilla kbira.

Sadattant il‑baħrin li kienu għadhom fuq il‑Pequod kienu raw x’kien qed jiġri, u l‑bastiment, bil‑qlugħ kollha miftuħin, kien qed itellaq lejn il‑baliena. Il‑pruwa tal‑Pequod kienet ippuntata u miksija bi pjanċi tal‑metall, u hekk kif il‑baliena kienet kważi se tilħaq lill‑baħrin fl‑ilma, il‑bastiment laqatha bil‑qawwa kollha tiegħu. Għal darb’oħra, il‑baliena għodsot taħt l‑ilma.

Irnexxielna ntellgħu lill‑baħrin mill‑ilma fuq il‑frejgatini l‑oħra. Jiena stess tellajt lill‑Kaptan, u ntbaħt li r‑riġel tal‑avorju li kellu kien tkisser, u minnu issa kien baqa’ biss xi ftit skald. Il‑Kaptan kien mitluf f’rabja liema bħalha hekk kif għennieh jitla’ abbord il‑Pequod.

“Reġgħet rebħitli, dik il‑mingħul!” beda jgerger. “Imma ħinek se jiġi dalwaqt, Moby Dick, anki jekk hemm bżonn immut jien miegħek! Xi tgħid, Fedellaħ?”

U Fedellaħ wieġbu, “Qabel ma tmut f’dawn l‑ibħra, se tara żewġ twiebet oħra f’wiċċ il‑baħar, Kaptan. Wieħed minnhom ma jkunx magħmul mill‑bnedmin. U l‑injam tal‑ieħor ikun minn siġar li kibru l‑Amerka.”

Malli sema’ dan Aħab infaqa’ jidħaq. “Ħa! M’iniex se nara ħaġa bħal dik! M’għandekx xi profezija oħra għalija?”

Fedellaħ kompla: “Qabel ma tmut inti, jien inkun mitt diġà – u bħala mejjet jiena se nidhirlek. U l‑aħħar ħaġa: ħabel huwa biżżejjed għalik biex tmut.”

“Mela ma jien se mmut qatt!” wieġeb Aħab. “Żgur mhux se nispiċċa mgħallaq fuq forka.” U dar lejn il‑baħrin. “Erġgħu niżżlu l‑frejgatini. Il‑battalja tiegħi ma’ Moby Dick għadha mhix lesta!”

***** ***** stat_3 ***** *****

8: Jibda l‑aħħar dwell

Għalkemm Aħab ħa kliem Fedellaħ biċ‑ċajt, jien ħassejt tkexkixa meta smajtu jgħidu, u stajt nara li anki l‑kumplament taċ‑ċorma ma ħadux gost b’dak li semgħu.

Moby Dick feġġet madwar nofs mil ’il bogħod malli Aħab ordna li jerġgħu jitniżżlu l‑frejgatini.

“La tibżgħux, nies,” għajjat Aħab. “Se naqbduha. L‑ebda mostru mill‑abbiss ma jista’ għalina! Issa aqdfu kemm tifilħu. Se nipprova naqbadha minn quddiem.”

L‑istrateġija ta’ Aħab ma kenitx bla sens. Għajnejn il‑baliena jinsabu fuq il‑ġenb u ħafna lura minn geddumha, għalhekk m’għandhiex viżjoni tajba ta’ dak li jkun hemm eżatt quddiemha. Il‑baliena bdiet riesqa lejna b’għaġla kbira.

Kienet dehra tal‑għaġeb. L‑ebda baliena oħra ma qatt beżżgħetni, imma ħassejt li Moby Dick kellha xi ħaġa kważi sopranaturali, u d‑dehra tagħha kienet tkexkixni.

Il‑frejgatina ta’ Aħab kienet eżatt quddiemha, u l‑Kaptan kien wieqaf pront bil‑ħarpun lest għaliha. Iżda milli jidher, il‑baliena lemħet xi waħda mill‑frejgatini l‑oħrajn mill‑ġenb, għaliex daret ħesrem u bdiet riesqa lejn il‑frejgatina tagħna. Kwikweg tefa’ l‑ħarpun tiegħu fil‑pront, u rajtu jidħol dritt fil‑ġilda ħoxna tal‑baliena. Imma sekonda wara ħassejtni nogħla fl‑arja u wara naqa’ fl‑ilma u ninżel fil‑fond.

Bdejt naqdef bħal miġnun b’dirgħajha u b’riġlejja biex infittex nitla’ fil‑wiċċ. Malli rasi ħarġet mill‑ilma lmaħt il‑baliena xi għoxrin pied ’il bogħod minni.

Smajt għajta ħarxa u rajt il‑frejgatina tal‑Kaptan. Rajtu jdaħħal il‑ħarpun tiegħu fil‑ġenb tal‑baliena. “Mut, Moby Dick! Mut!” beda jwerżaq.

Għal ftit sekondi immaġinajt li fl‑aħħar il‑Kaptan Aħab kien irnexxielu fl‑iskop tiegħu, għax rajt il‑baliena tgħib qalb mewġ u ragħwa.

Imma kienet ferħa bla temma, għax il‑baliena reġgħet tfaċċat minnufih. Il‑frejgatina ta’ Aħab ma kellha l‑ebda ċans twarrab min‑nofs, għax Moby Dick laqtitha bil‑qawwa b’geddumha u tajritha fl‑arja. Il‑baħrin għolew kollha fl‑arja u waqgħu sparpaljati fl‑ilma. Il‑baliena reġgħet għebet taħt l‑ilma mqalleb.

Il‑frejgatina tal‑Kaptan ma dehritx aktar, u stajt nara biss l‑irjus ta’ ħafna baħrin fl‑istess kundizzjoni tiegħi – jissaraw biex jibqgħu f’wiċċ l‑ilma. Il‑Pequod resqet lejna biex tibda tiġborna abbord.

Malli konna abbord, Aħab ordna lil Starbuck biex jiġbor lil kulħadd fuq il‑gverta ħalli jara kienx intilef xi ħadd. Il‑baħrin kienu kollha hemm, minbarra wieħed.

“Min?” staqsa Aħab.

“Fedellaħ,” wieġeb Starbuck. “Qed nassumi li qatlitu Moby Dick.”

Aħab deher imbellah hekk kif irħielha lejn il‑parti għolja fuq il‑poppa tal‑bastiment.

Ftit anqas minn tletin minuta wara, fil‑baħar ilmaħt dehra li kexkxitni. “Alla magħna! Ħarsu ’l hemm! Ħarsu ’l hemm!” għajjatt b’ħanqa fi griżmejja.

Kulħadd dar ’il fejn ippuntajt. Il‑baliena kienet reġgħet telgħet f’wiċċ l‑ilma, bil‑ħarpuniet u l‑ħbula mħabblin ma’ ġisimha. U maqbud f’dawk il‑ħbula kien hemm il‑ġisem ta’ Fedellaħ!

“Il‑profezija,” lissen Aħab, mistagħġeb. “Il‑profezija ta’ Fedellaħ... nerġa’ narah, u f’tebut, imma tebut mhux magħmul mill‑bnedmin!”

***** ***** stat_3 ***** *****

9: L‑aħħar profeziji

Bqajna nħarsu mbellhin lejn dak il‑ġisem marbut mal‑baliena. Ħadd ma kellu s‑saħħa jgħid xi ħaġa. Imma kollha kemm aħna fhimna dak li qal il‑Kaptan. It‑“tebut mhux magħmul mill‑bnedmin” kienet Moby Dick stess. It‑tebut l‑ieħor li kien semma’ Fedellaħ kellu jkun magħmul minn siġar li kibru fl‑Amerka. Imma dan x’kien ifisser eżatt? U jekk l‑ewwel profezija ta’ Fedellaħ seħħet tassew, il‑profeziji l‑oħra kienu se jiġru wkoll?

Issa kien baqgħalna frejgatina waħda biss, imma Aħab kien għadu mhux lest, u beda jħeġġeġ liċ‑ċorma biex tkompli xogħolha.

“Din il‑biċċa trid tispiċċa llum,” lissen b’leħen sod. “Niżżlu l‑frejgatina!”

Jiena bqajt fuq il‑gverta tal‑Pequod hekk kif Aħab u xi baħrin oħra niżlu mal‑frejgatina u ppuntaw lejn il‑lok fejn rajna l‑baliena l‑aħħar, b’Fedellaħ marbut magħha. Aħab beda jgħajjat u r‑riħ wasslilna dak li kien qiegħed jgħid:

“Nisfidak, Moby Dick! Qabel ma mmut għandi nara tebut magħmul minn siġar tal‑Amerka. U hawn m’hawn l‑ebda tebut u m’hawn l‑ebda siġra!”

F’daqqa waħda leħnu ntefa hekk kif instema’ ħoss aktar qawwi: iċ‑ċafċif tal‑ilma madwar id‑dgħajsa kif tfaċċat Moby Dick, eżatt maġenbha.

Aħab dar lejn il‑qaddiefa, “Ibqgħu hemm! Żommu l‑moqdief! Intom id‑dirgħajn u r‑riġlejn tiegħi, issa! Min minnkom jazzarda jaħrab noqtlu jien b’dan il‑ħarpun! Ibqgħu mal‑moqdief, ja qatta beżżiegħa!”

Jista’ jkun li l‑baliena kienet għajjiena minħabba l‑feriti li kellha – jew forsi kienet sempliċi makakkerija tagħha – imma baqgħet wieqfa u ħalliet il‑frejgatina timxi tul il‑ġenb tagħha. Aħab għolla l‑ħarpun...

“Din hija l‑vendetta tiegħi!” għajjat.

Il‑ħarpun niżel b’qawwa kbira u nifed il‑ġenb tal‑baliena. Moby Dick bdiet titkagħweġ bl‑uġigħ u d‑denb enormi tagħha tajjar lill‑frejgatina. Din inqasmet bħall‑qoxra ta’ bajda imma, b’xi mod jew ieħor, baqgħet fuq wiċċ l‑ilma. Tliet qaddiefa spiċċaw fl‑ilma, imma Aħab irnexxielu jibqa’ wieqaf hekk kif il‑baliena tbiegħdet minn mal‑frejgatina b’għaġla kbira. F’ħin minnhom, il‑ħabel marbut mal‑ħarpun tqaċċat.

Issa Moby Dick daret lejn il‑Pequod. Rajnieha riesqa dritt lejna. Ħassejna skoss qawwi hekk kif ras il‑baliena ħabtet mal‑ġenb tal‑bastiment, ftit ’l isfel minn wiċċ l‑ilma. Il‑ħoss li għamel il‑bastiment mad‑daqqa kien tal‑biża’.

Id‑daqqa sabbtitni mal‑gverta qalb l‑injam imfarrak u l‑ilma li beda dieħel. Il‑Pequod damet titbandal qabel ma reġgħet azzettat. Imma mill‑ewwel stajt inħoss li l‑bastiment kien nieżel bil‑qajla, u bħal leħħa ta’ berqa ġietni quddiem għajnejja t‑tieni profezija ta’ Fedellaħ: tebut magħmul mill‑injam ta’ siġar li kibru l‑Amerka... it‑tieni tebut kien il‑Pequod stess!

Qalb dak il‑paniku u l‑istorbju kollu xorta stajt nisma’ l‑għajjat u l‑insulti li Aħab kien qiegħed jixħet fuq il‑baliena:

“Ja mostru qerriedi! Sal‑aħħar se nibqa’ nissara miegħek! F’ġieħ il‑mibegħda li għandi lejk nobżoq fuqek l‑aħħar nifs ta’ ħajti!”

B’dan il‑kliem, Aħab tefa’ l‑ħarpun, u laqat lill‑baliena f’punt fatali. Il‑baliena tbiegħdet minn mal‑frejgatina, u ġibdet magħha l‑ħabel marbut mal‑ħarpun. F’dak il‑mument, il‑ħabel iddawwar ma’ sieq il‑Kaptan, u ġibdu miegħu għal ġol‑ilma.

Fl‑aħħar mumenti ta’ ħajjitha, Moby Dick bdiet iddur u ddur u tinżel aktar fil‑fond, bil‑ħabel tal‑ħarpun jiddawwar magħha. Fl‑aħħar, Aħab spiċċa marsus mal‑baliena minn għonqu, minn sidru u minn riġlejh. Ma kienx hemm mod li l‑Kaptan seta’ jaħrab minn dik il‑morsa.

Hekk kif rajt dan kollu jiġri quddiemi, ftakart fl‑aħħar profezija ta’ Fedellaħ: kellu jkun ħabel biex joqtol lill‑Kaptan Aħab!

Ftit sekondi wara, Moby Dick, b’dawk l‑iġsma marbutin magħha, għebet f’qiegħ il‑baħar għall‑aħħar darba. Il‑mostru kien miet, u kien ħa miegħu dak il‑bniedem li kien ħalef tant li joqtlu.

Il‑Pequod ma damx ħafna fil‑wiċċ. Il‑bastiment ukoll, f’qasir żmien, għeb taħt il‑baħar.

Jien biss salvajt. Il‑baħrin l‑oħra kollha kienu għerqu, inkluż il‑ħabib tiegħi Kwikweg. Ftit żmien wara ġabarni mirkeb Ċiniż minn qalb it‑tifrik li kien baqa’ f’wiċċ l‑ilma.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Frejgatina: Dgħajsa mdaqqsa li l‑baħrin kienu jużaw biex joqorbu lejn il‑balieni ħalli jkunu jistgħu jaqbduhom bil‑ħarpuniet. [Lura]

Ġliba: Grupp ta’ ħut jew balieni flimkien. [Lura]

Gerlin: Ħabel oħxon li jintuża mal‑ankra ta’ xini jew vapur, jew ma’ bollard (biex jorbot il‑vapur max‑xatt). [Lura]

Kassru tal‑pruwa: Parti li tkun fuq quddiem (pruwa) tal‑bastiment, fejn joqogħdu u jorqdu l‑baħrin. [Lura]

Manilla: Mir‑reġjun ta’ New South Wales, l‑Awstralja. [Lura]

Nantucket: Gżira li tagħmel parti mill‑istat ta’ Massachusetts, fl‑Istati Uniti, u li fi żmien din l‑istorja kienet tiddependi ħafna fuq l‑industrija tal‑kaċċa tal‑balieni. [Lura]

New Bedford: Belt u port, ukoll fl‑istat ta’ Massachusetts. Fil‑bidu tad‑dsatax‑il seklu kien wieħed mill‑aktar portijiet importanti għall‑kaċċa tal‑balieni. [Lura]

Pied: Kejl Ingliż/Amerikan li huwa daqs madwar 30 ċm. [Lura]

Poppa: In‑naħa ta’ wara ta’ dgħajsa jew bastiment. [Lura]

Skuna: Biċċa tal‑baħar żgħira, b’żewġt arbli u iżgħar minn bastiment. [Lura]

Tmun: Il‑parti fil‑poppa ta’ dgħajsa jew bastiment li biha titbiddel id‑direzzjoni tal‑mirkeb. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****