Ħafna żmien qabel mal‑kotba kienu stivati puliti fl‑ixkafef tal‑libreriji kif nafuhom illum, l‑istejjer kienu mxandra permezz tal‑kant u l‑poeżija. Fost il‑poeti tal‑antikità magħrufin, ħadd mhu rrispettat daqs Omeru, li l‑Griegi jagħrfuh bħala missier l‑Epika. Għalkemm ma nafux ħafna dwar ħajtu, il‑vrus tiegħu nebbħu l‑immaġinazzjoni ta’ mijiet ta’ poeti li ġew warajh, madwar id‑dinja kollha.
Skont it‑tradizzjoni, Omeru kien għex fit‑tmien seklu qabel l‑Era Kristjana, għalkemm is‑snin eżatt mhumiex magħrufin. Ħafna bliet fl‑Asja Minuri jsostnu li kien twieled fihom, fosthom Smyrna u Chios. Il‑leġġenda tgħid li kien għami, u kien jiġġerra, jgħanni l‑poeżiji tiegħu bil‑mużika u bir‑ritmu, u kien jiftakar kull vers bl-amment.
Omeru huwa l‑aktar imsemmi għal żewġ xogħlijiet monumentali: L‑Iliade u L‑Odissea. L‑Iliade tirrakkonta parti mill‑istorja tal‑assedju ta’ Trojja, l‑episodju meta l‑eroj Achilles, l‑aqwa ġellied qalb il‑Griegi, telaq l‑armata u ta l‑bidu għal sensiela ta’ traġedji, niket u glorja. L‑Odissea tirrakkonta l‑vjaġġ ta’ Odysseus, suldat ieħor Grieg, lura lejn pajjiżu wara l‑waqgħa ta’ Trojja. It‑temi tal‑Iliade jiġbru fihom il‑kburija, l‑għadab u l‑unur tas‑suldati fil‑gwerra. It‑temi tal‑Odissea jitkellmu dwar ir‑reżiljenza u l‑kilba tal‑bniedem fi triqtu lura lejn artu u l‑familja tiegħu.
Dawn il‑poeżiji ma kinux moqrija mill‑kotba, iżda rreċtati flimkien mad‑daqq u l‑kant, hekk kif Omeru kien imur minn raħal għal ieħor.
Sa llum ma nafux eżatt min kien tassew Omeru. Kien individwu ġenju li kellu memorja kbira u l‑ħila li jżomm l‑interess tal‑udjenza bil‑mod kif kien jgħid l‑istejjer, jew "Omeru" kien sempliċement isem ġeneriku li kien jirreferi għal ħafna poeti li kienu jiġġerrew fit‑toroq u l‑pjazez tal‑Greċja l‑Qadima? Għalkemm l‑istudjużi ma jaqlbux dwar dan, għall‑Griegi tal‑lum ma tagħmilx differenza. Huma jemmnu li kien persuna li kenet teżisti tassew.
Virġilju, il‑poeta Ruman, fassal epika fuq l‑istess mudell tal‑epiki ta’ Omeru. L‑Eneide hija l‑istorja ta’ Aeneas, refuġġjat Trojjan li wara li spiċċat il‑gwerra, ħarab minn taħt idejn il‑Griegi u waqqaf raħal fl‑Italja li maż‑żmien kiber u sar il‑belt ta’ Ruma.
Qari tal-provi: Kelly Fiteni
© Norman C. Borg