
Omeru
Madwar 14,358 kelma
Ġeneri
Leġġendi
Mitoloġija
Kapitli
1: L‑Assedju ta’ Trojja | 2: Iż‑Żiemel ta’ Trojja | 3: Il‑Wikkiela tal‑Ġilju tal‑Ilma | 4: L‑Għar ta’ Polifemu | 5: Priġunieri taċ‑Ċiklopu | 6: Il‑Pjan ta’ Odysseus | 7: “Jisimni Ħadd” | 8: Ħelsien minn Polifemu | 9: L‑Irjieħ ta’ Aeolus | 10: Il‑Gżira tal‑Kannibali | 11: Is‑Saħħara Circe | 12: Fjura kontra s‑Seħer | 13: Tiresias | 14: L‑Għana tas‑Sireni | 15: Bejn Scylla u Charybdis | 16: Il‑Bhejjem ta’ Helios | 17: Lura lejn Scylla | 18: Fuq il‑Gżira ta’ Calypso | 19: Athena Taqbeż għal Odysseus | 20: Il‑Parir ta’ Mentes | 21: Telemachus Ikellem lin‑nobbli | 22: Fil‑Palazz ta’ Menelaus | 23: Proteus | 24: Odysseus Jitlaq lil Calypso | 25: L‑Għadab ta’ Poseidon | 26: Nausicaa | 27: Fil‑Palazz ta’ Alcinous | 28: Il‑Logħob fl‑Arena | 29: Lura f’Ithaca | 30: Penelope u n‑Nobbli | 31: Odysseus Jiltaqa’ ma’ Telemachus | 32: Odysseus Jidħol fil‑Palazz | 33: L‑Isfida ta’ Irus | 34: Odysseus u Euryclea | 35: Il‑Prova tal‑qaws | 36: Il‑Ħila ta’ Odysseus | 37: L‑Għadab ta’ Odysseus | 38: Għeluq | Noti
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-Provi: Carlo Agius u Kelly Fiteni

Mappa tal‑vjaġġi ta’ Odysseus.
Klikkja l‑istampa biex taraha akbar.
Priam, ir‑re ta’ Trojja, bagħat lil ibnu, il‑prinċep Paris, fuq missjoni għand Menelaus, ir-re ta’ Sparta, biex isaħħu r‑rabta bejn iż‑żewġ pajjiżi. Madankollu, mal‑wasla tiegħu, Paris sar jaf li Menelaus ma kienx fil‑pajjiż. Minflok, fil‑palazz laqgħetu Helen, mart Menelaus. Paris kien żagħżugħ sabiħ, u malajr intilef wara Helen. Mingħajr ma qagħad jaħseb fil‑konsegwenzi ta’ għemilu, ħataf lil Helen u ħarab biha lura lejn Trojja. Qatt ma basar it‑tiġrib li kien se jixħet fuqu u fuq pajjiżu.
Meta Menelaus kien iżżewweġ lil Helen, ir‑rejiet kollha tal‑Greċja kienu ħalfu li jiddefendu lilu u lil martu f’kull sitwazzjoni. Għaldaqstant, malli Menelaus ġie lura f’pajjiżu u għarrfuh b’għemejjel Paris, ġabar lir‑rejiet kollha tal‑Greċja u spjegalhom x’kien ġara. Dlonk qatgħuha li jmorru fi gwerra kontra Trojja, u għażlu lil Agamemnon, ħu Menelaus, bħala l‑kap tal‑Armati Magħqudin. Qalb dawk ir‑rejiet kien hemm Odysseus, ir‑re ta’ Ithaca. Kont tagħrfu mill‑qaws li dejjem kien iġorr miegħu u li hu biss kien kapaċi juża.
F’qasir żmien, flotta liema bħalha salpat għal Trojja, miżgħuda bl‑armati tar‑rejiet kollha. Damu għaxar snin twal jassedjaw lill‑belt, iżda tul dak iż‑żmien kollu, ma rnexxilhomx iwaqqgħuha. Mietu ħafna suldati qalbenin fuq iż‑żewġ naħat, fosthom Achilles, l‑aqwa eroj min‑naħa tal‑Griegi, kif ukoll Paris u ħuh Hector min‑naħa tat‑Trojjani. Iżda l‑assedju kien qed ikaxkar fit‑tul, u l‑Griegi, wara li tilfu daqstant ġellieda qalbenin, kienu waslu biex jaqtgħu qalbhom. Sakemm Odysseus, li kien l‑aktar suldat stuż fl‑armata, ma ħasibx fi pjan.
Ordna biex jinbena żiemel tal‑injam enormi quddiem is‑swar ta’ Trojja. Fis‑satra tad‑dlam, ponn suldati nħbew f’żaqq iż‑żiemel. L‑għada filgħodu, l‑armata Griega marret lura fuq ix‑xwieni, u tbiegħdu mix‑xatt ta’ Trojja, bħallikieku rtiraw u salpaw lura l‑Greċja. Malli t‑Trojjani, minn fuq is‑swar, raw il‑flotta Griega titbiegħed, infexxew f’għajjat ta’ ferħ liema bħalu, wara dak l‑assedju twil. Ħasbu li ż‑żiemel mitluq fix‑xatt kien ix‑xbieha ta’ xi alla Grieg, għalhekk daħħluh ġewwa s‑swar. Dan kellu jkun il‑qirda tagħhom.
Ma’ nżul ix‑xemx, il‑flotta Griega qorbot l‑art mill‑ġdid, u s‑suldati li kienu moħbijin f’żaqq iż‑żiemel ħarġu inkiss inkiss, u niżlu fit‑toroq vojta tal‑belt waqt li t‑Trojjani kienu kollha reqdin fi djarhom. Bdew jagħtu n‑nar lid‑djar u fetħu l‑bibien tal‑belt biex sħabhom setgħu jidħlu minn barra. Dulluvju ta’ suldati Griegi nxterdu mat‑toroq kollha qabel ma t‑Trojjani kellhom iċ‑ċans jintebħu x’kien qiegħed jiġri. Malli saru jafu li r‑re Priam inqatel mill‑għadu, intilfu f’paniku. Kollox kien mitluf. Menelaus ħeles lil martu Helen, u dlonk il‑Griegi telqu lura lejn arthom. Ħallew warajhom ħerba sħiħa.
Wieħed wara l‑ieħor, is‑suldati qalbenin li kien irnexxielhom jibqgħu ħajjin wara assedju ta’ għaxar snin, bdew jirkbu x‑xwieni tagħhom biex iħejju l‑vjaġġ lura lejn artijiethom. Odysseus kellu seba’ mitt sena biex jerġa’ jara ’l pajjiżu u speċjalment lill‑maħbuba martu Penelope u lil ibnu Telemachus, li kien jiftakru biss tarbija. Qatt ma seta’ jobsor li l‑flotta ċkejkna ta’ tnax‑il xini li kellu, kellha tieħu għaxar snin oħra biex tasal Ithaca.
Ftit wara li salpaw, il‑flotta waslet fil‑pajjiż tal‑poplu Cicones. Dan il‑poplu kien wieħed paċifiku, u ma kienx iħobb inkwiet u gwerer. Madankollu, in‑nies ta’ Odysseus kienu qattgħu għaxar snin sħaħ dejjem jiġġieldu, għajjenin u bil‑ġuħ, u matul dak iż‑żmien kollu kienu nsew kif iġibu ruħhom sew ma’ nies kwieti u mhux ġellieda. Mingħajr ma qagħdu jaħsbuha darbtejn, l‑ewwel ħaġa li għamlu malli niżlu l‑art, attakkaw l‑eqreb raħal li sabu, qatlu lir‑raħħala, u kaxkru għal fuq ix‑xwieni tagħhom l‑ikel u l‑bhejjem li setgħu jsibu.
Madankollu, wħud mir‑raħħala rnexxielhom jaħarbu, u marru jfittxu l‑għajnuna mill‑belt fil‑qrib. Sadanittant, Odysseus u niesu qasmu l‑ġid kollu li kienu ħatfu bejniethom, u Odysseus ta l‑ordni biex isalpaw minnufih. Imma s‑suldati bdew jitnikkru għax riedu jgawdu dak li kienu kisbu. Minflok ma obdew l‑ordnijiet ta’ Odysseus, baqgħu x‑xatt, kebbsu ħafna ħġejjeġ, u għamlu festa bl‑ikel u x‑xorb li kienu ħatfu. L‑għada filgħodu, in‑nies tal‑post daru għalihom.
Odysseus u ċ‑ċorma tiegħu kienu waqqfu ftit tined fil‑bajja biex jorqdu matul il‑lejl, u bilkemm kienu qamu mir‑raqda meta r‑raħħala u s‑suldati li ġabu magħhom attakkawhom ma’ sbieħ il‑jum. Odysseus u sħabu ssaraw bil‑qilla kollha li kellhom, iżda kienu magħluqin. Fuq naħa kien hemm ir‑raħħala u s‑suldati qed jaħbtu għalihom. Fuq in‑naħa l‑oħra kien hemm il‑baħar. Ħin minnhom Odysseus ordna lil niesu biex jieqfu mill‑ġlied, jinżlu fl‑ilma baxx u jimxu lejn ix‑xwieni tagħhom li kienu ankrati ftit lil hinn mix‑xatt.
Il‑Griegi salpaw bil‑ġirja, u ħallew lir‑raħħala u lis‑suldati tagħhom fuq ix‑xatt, rebbieħa. Dlonk Odysseus fela r‑ringieli tiegħu u sogħob bih mhux ftit malli sab li kien tilef sitt baħrin minn kull xini li kellu. B’qalbhom sewda, komplew il‑vjaġġ tagħhom lejn darhom. Iżda ftit wara qam riħ kontra u biddlilhom ir‑rotta. Damu jbaħħru xi disat ijiem sakemm fl‑aħħar waslu fil‑pajjiż tal‑wikkiela tal‑ġilju tal‑ilma. Odysseus kellu kurżità kbira biex ikun jaf aktar dwar dawn in‑nies strambi, għalhekk bagħat tliet suldati biex jesploraw l‑art u jiġbru xi tagħrif dwar min kien jgħix hemmhekk.
Malli tħalltu mal‑poplu tal‑pajjiż, it‑tliet irġiel Griegi malajr intebħu li dawn kienu nies kwieti ħafna, kemxejn għażżenin, u li kienu jħobbu jgħixu ħajja sempliċi billi jqattgħu l‑ġurnata jieklu l‑fjuri tal‑ġilju tal‑ilma li kienu mxerrdin kullimkien f’pajjiżhom, u ma jagħmlu xejn għajr li joqogħdu jiċċaċċraw. Lit‑tliet suldati laqgħuhom b’idejhom miftuħin, u offrewlhom iduqu l‑fjuri tal‑ġilju. Malli kielu l‑fjuri, il‑Griegi nsew għalkollox lil sħabhom li kienu qegħdin jistennewhom fuq ix‑xwieni. Insew għalkollox id‑djar tagħhom u lill‑maħbubin tagħhom f’pajjiżhom. Ma ridux jitilqu aktar minn hemm. Intefgħu bilqiegħda maġenb in‑nies tal‑post u ħallew il‑ġurnata tgħaddi.
Sadanittant, malli Odysseus intebaħ li t‑tliet suldati ma ġewx lura, bagħat grupp ieħor biex ifittixhom għax immaġina li kienu f’xi periklu. Intilef f’għadab kbir malli wasslulu l‑aħbar li niesu kienu qed igawdu festa u bl‑ebda mod ma riedu jmorru lura fuq ix‑xwieni. Kellhom imorru għalihom, jorbtuhom bil‑ħbula u jkaxkruhom sax‑xatt biex ittellgħuhom abbord. Malli wettqu dan, Odysseus minnufih ordna li jsalpaw, ħalli jitilqu lejn pajjiżhom u l‑familji tagħhom mill‑aktar fis.
Għaddew ħafna jiem oħra jivvjaġġaw bejn sema u ilma qabel ma reġgħu lemħu art qed toqrob. Fiċ‑ċpar ta’ tlugħ ix‑xemx, trakkaw fejn gżira kollha siġar u għelieqi bil‑mogħoż. Fuq in‑naħa l‑oħra tal‑gżira kien hemm l‑art taċ‑Ċiklopi, il‑pajjiż ta’ nies slavaġ, ġganti b’għajn waħda, li kienu jrabbu l‑mogħoż u n‑nagħaġ u kienu jgħixu fl‑għerien. Il‑Griegi niżlu u baqgħu fuq ix‑xatt. Matul il‑ġurnata qatlu xi mogħoż għall‑ikel. L‑għada filgħodu, Odysseus qabad ix‑xini tiegħu u baħħar lejn il‑parti ewlenija tal‑art.
Ankra x‑xini taħt xi rdumijiet, u għażel tużżana mill‑aqwa baħrin li kellu u ħadhom miegħu fuq l‑art. Kellu miegħu wkoll xi btieti tal‑inbid biex joffrihom bħala rigal lil min seta’ jiltaqa’ miegħu hemm. Fil‑quċċata tal‑irdum sabu għar. Malli daħlu ġewwa raw li kien mogħni b’għadd ta’ għamara u affarijiet oħra. Kien jidher sew li xi ħadd kien jgħix hemmhekk. Sabu wkoll maqjel vojt. Lil Odysseus tah x’jifhem li min kien joqgħod hemm x’aktarx kien xi ragħaj, u dak il‑ħin kien ħareġ biex jirgħa lin‑nagħaġ tiegħu. Għaldaqstant qatagħha li jmexxi lil niesu ġewwa nett fil‑għar, ħalli hemmhekk jistennew lir‑ragħaj. Mingħajr ma kien jaf, kien qiegħed immexxi lil niesu f’periklu kbir.
Ġewwa nett fil‑għar sabu għadd kbir ta’ ħrief u gidjien, bramel tal‑ħalib u basktijiet mimlijin bil‑ġobon. Wħud mis‑suldati xtaqu jieklu xi ftit minn dak l‑ikel, iżda Odysseus ma ħalliehomx. Ma riedx li japprofitta minn sid il‑għar sakemm ma kienx hemm. Malli qorob filgħaxija, ir‑ragħaj wasal lura bil‑merħliet tiegħu, u malli lemħu, Odysseus fehem li kien għamel żball kbir. Il‑bidwi kien fih daqs tlitt irġiel u kellu għajn waħda f’rasu. Il‑Griegi tkexkxu mad‑dehra tiegħu.
Bilkemm riedu jieħdu nifs bil‑biża’ li kien qabadhom. Baqgħu siktin hekk kif il‑ġgant poġġa ġebla kbira fil‑fetħa tal‑għar. Issa kienu magħluqin hemm ġew miegħu. Osservawh hekk kif beda jaħleb lin‑nagħaġ u lill‑mogħoż. Bi ftit qasab li kien ġab minn barra, qabbad ħuġġieġa f’nofs l‑għar. Issa, bid‑dawl tan‑nar, il‑ġgant seta’ jara lill‑irġiel imgeddsin f’qiegħ l‑għar.
Leħnu rbombja qawwi daqs ragħada. “Min intom? X’qegħdin tagħmlu fid‑dar ta’ Polifemu ċ‑Ċiklopu?”
Odysseus rabba l‑kuraġġ u resaq ’il quddiem. Beda jispjega lill‑ġgant min kienu u minn fejn kienu ġew. Qallu wkoll li x‑xini tagħhom kien iġġarraf u issa kienu mitlufin f’dan il‑pajjiż. Din kienet gidba, imma kellu s‑suspett li kieku qal lil Polifemu li x‑xini kien trakkat fil‑qrib, il‑ġgant żgur kien imur biex jeqirdu. Polifemu xorta waħda kien irrabjat għax il‑Griegi kienu daħlu f’daru mingħajr permess, u nxteħet fuqhom bl‑għadab kollu li kellu. Is‑suldati sparpaljaw mal‑għar kollu, imma ma kellhomx ħafna fejn imorru jinħbew. Tnejn minnhom spiċċaw f’idejn il‑ġgant.
Quddiem sħabhom imwerwrin, Polifemu sabbat ras iż‑żewġ imsejknin mal‑blat, u beda jikolhom. Il‑bqija tas‑suldati sabu fejn setgħu jistkennu mill‑korla tal‑ġgant, iżda dan deher li kien sodisfatt bil‑pranzu terribbli tiegħu. Ħataf żewġt ibramel ħalib u niżżilhom f’nifs wieħed. Wara dan, inxteħet għal tulu f’rokna tal‑għar qrib il‑ħuġġieġa u għajnu dlonk marret bih.
Odysseus u sħabu kienu armati, u setgħu jsibu x‑xoqqa f’moxtha dak il‑mument biex jaqbżu f’salt fuq il‑ġgant u joqtluh fuq il‑post. Madankollu kien jaf li kien se jkun diffiċli li jċaqilqu l‑blata l‑kbira li kienet tagħlaq id‑daħla tal‑għar, u għalhekk xorta ma kinux ikunu jistgħu joħorġu minn hemm kif ġieb u laħaq. Dak il‑lejl inġabru f’rokna biswit il‑ġgant u bdew jiddiskutu kif setgħu jegħlbuh.
L‑għada filgħodu malli qam, Polifemu ħataf lil żewġ suldati oħra u belagħhom bħala kolazzjon. Wara, ressaq il‑blata l‑kbira, ħareġ lill‑merħliet tiegħu, u reġa’ mexxa l‑blata biex jagħlaq l‑għar warajh u biex ikun żgur li l‑bqija ta’ nies Odysseus ma jaħarbulux. Dlonk reħielha biex jirgħa l‑merħliet tiegħu, b’burdata tajba għax kien jaf li kellu pranzu tajjeb qed jistennieh wara.
Sadanittant, Odysseus u sħabu komplew iħokku rashom biex isibu kif setgħu jeqirdu liċ‑Ċiklopu u jaħarbu minn hemm. Kienu jafu li jekk ma kinux se jsibu soluzzjoni malajr, kollha kienu se jispiċċaw ħażin, żgur mhux forsi. Fl‑aħħar, kien Odysseus li rnexxielu jfassal pjan.
Qabad waħda miz‑zkuk kbar li kien hemm f’rokna u li l‑ġgant kien juża biex ikebbes in‑nar bihom. Bix‑xabla beda jittempra minnha sakemm kienet bejn wieħed u ieħor it‑tul ta’ raġel. Wara ordna lil sħabu biex jaqtgħu tarf minnhom sakemm ġabuh ponta, u għaddewha minn fuq in‑nar biex jagħmluha aktar iebsa.
“Illejla,” spjega lis‑suldati, “insaħħnu l‑ponta taz‑zokk sew, u ndaħħluha fl‑unika għajn li għandu biex nagħmuh!”
Wara dan, tellgħu bil‑polza biex jiddeċiedu min kienu dawk l‑erbgħa li kellhom jgħinu lil Odysseus iwettaq il‑pjan tiegħu. Kien pjan iddisprat, imma Odysseus ma setax jaħseb fi pjan aħjar minn dan.
Ma’ ħin il‑għabex, Polifemu ġie lura minn xogħlu.
Bħall‑ġurnata ta’ qabel, il‑ġgant ħalleb lill‑mogħoż u n‑nagħaġ tiegħu, u dar lejn il‑priġunieri biex jaħtaf tnejn minnhom għall‑ikel. U bħall‑jum ta’ qabel, l‑imsejkna bdew jiġru madwar l‑għar biex jippruvaw jiżgiċċaw minn idejh. Imma fl‑aħħar, Polifemu qabad tnejn minnhom, u niżżilhom f’belgħa waħda. Issa li kien mimli, intefa’ tulu bilqiegħda ħdejn il‑ħuġġieġa.
Kien issa li Odysseus resaq ’il quddiem. Kellu f’idu waħda mill‑btieti tal‑inbid li kienu ġabu magħhom minn fuq ix‑xini. Lil Polifemu offrielu belgħa. Lill‑ġgant, l‑inbid niżillu għasel wara dik l‑ikla tajba. Għalhekk, Odysseus offrielu aktar inbid. U aktar.
Dak l‑inbid kien qiegħed jogħġbu, u għalhekk Polifemu saqsa lir‑raġel x’kien jismu.
“Jisimni Ħadd,” wieġeb Odysseus fil‑pront.
“Tajjeb wisq,” lissen Polifemu. “Mela bħala ringrazzjament tal‑qalb tajba tiegħek, lilek nieklok l‑aħħar!”
Issa l‑inbid beda jagħmel tiegħu, u Polifemu ma damx wisq ma ntilef f’raqda fonda. L‑inħir tiegħu beda jirbombja ġewwa l‑għar. Inkiss inkiss, Odysseus u sħabu qabdu z‑zokk l-ippuntat, u poġġewh fuq in‑nar biex isaħħnuh. Wara dan, ġarrewh lejn il‑ġgant, u b’daqqa qawwija u soda, daħħluh fl‑għajn waħda li kellu.
Iċ‑Ċiklopu beda jgħajjat u jokrob bl‑uġigħ u bil‑għadab. Polifemu qam fis għarkopptejh u qala’ z‑zokk minn għajnu. Imma issa ma seta’ jara xejn, u beda jiġġerra madwar l‑għar b’idejh quddiemu biex iħoss fejn kien qiegħed jimxi. Beda jiftaħ u jagħlaq idejh bit‑tama li jaħtaf lil xi ħadd minn Odysseus u sħabu. Issa ma kienx se jistenna li joqgħod jikolhom tnejn tnejn. Ried jeqridhom kollha minnufih!
Il‑ġirien ta’ Polifemu, iċ‑Ċiklopi l‑oħra li kienu jgħixu fl‑għerien tagħhom fil‑qrib, bdew jisimgħu l‑għajjat u l‑krib ta’ seħibhom, u dlonk ġew quddiem l‑għar tiegħu biex jaraw x’kien inqala’. Billi l‑blata kienet għadha qed tagħlaq il‑fetħa, ma setgħux jidħlu, imma bdew jgħajtulu minn barra.
“X’għandek, Polifemu? X’ġaralek?” bdew jistaqsuh.
“Għalfejn qiegħed tgħajjat?”
“Xi ħadd seraqlek il‑merħliet?”
“Tinsab fil‑periklu?”
“Ħadd qed jipprova joqtolni!” wieġeb Polifemu minn ġewwa l‑għar.
“Jekk ħadd mhu qed jipprova joqtlok, ma nistgħu nagħmlu xejn.”
“Qajjimtna għalxejn!”
Wara ftit tgemgim, kollha reġgħu marru fl‑għerien tagħhom.
L‑għada filgħodu, il‑ġgant ressaq il‑blata tal‑għar u ħareġ jixxemmex fid‑daħla. Għalkemm ma setax jara, żamm idu mal‑art fid‑daħla biex jekk xi wieħed mill‑Griegi kien jipprova jiżgiċċa, kien ikun jista’ jħossu b’idu. Iċ‑Ċiklopu xorta waħda kellu joħroġ lill‑merħliet biex jirgħu, għaldaqstant, waqt li ħalliehom joħorġu, beda jmissilhom il‑pil fuq daharhom biex ikun ċert li l‑ebda wieħed mill‑Griegi ma seta’ joħroġ moħbi qalb l‑annimali. Odysseus resaq lejn il‑ġgant, u żamm ftit passi ’l bogħod fejn id Polifemu ma setgħetx tilħqu. Hemmhekk beda jaħseb x’kien imissu jagħmel. Għalkemm kien irnexxielhom jagħmu lill‑ġgant, xorta waħda kienu għadhom magħluqin fl‑għar. Kien hemm bżonn ifasslu pjan ieħor biex joħorġu minn hemm mingħajr ma jaqbadhom iċ‑Ċiklopu, ħalli jkunu jistgħu jmorru lura fuq ix‑xini u f’pajjiżhom.
Odysseus dam qatigħ iħabbel rasu biex jara jsibx xi pjan li seta’ jirnexxi, u fl‑aħħar deherlu li sab soluzzjoni. Spjega l‑pjan tiegħu lis‑sitt suldati li kienu għadhom ħajjin. Ordnalhom jorbtu lill‑mogħoż fi gruppi ta’ tlieta. B’dan il‑mod, il‑mogħoż kienu jibqgħu flimkien huma u ħerġin mill‑għar. Wara dan, qalilhom biex jintrabtu ma’ żaqq il‑mogħoż. Għalih, Odysseus għażel l‑akbar muntun li kien hemm fil‑merħla, u bħal sħabu, iddendel ma’ żaqq l‑annimal.
Malli beda jisbaħ, il‑merħla, bħalma kienet imdorrija tagħmel kuljum, resqet lejn id‑daħla tal‑għar, u l‑annimali kollha dlonk bdew iwetwtu u jgħajtu biex juru lil sidhom li riedu joħorġu. Polifemu beda jħoss mal‑ħitan tal‑għar sakemm laħaq il‑blata, mexxieha biex jiftaħ id‑daħla, u qagħad hemm sakemm l‑annimali bdew ħerġin. Poġġa idu fuq dahar kull mogħża u nagħġa li għaddiet minn taħtu biex jara li l‑ebda Grieg ma kien riekeb fuq xi waħda minnhom. F’mument minnhom, Odysseus ħaseb li l‑pjan tiegħu ma kienx se jirnexxi, hekk kif Polifemu ntebaħ li l‑muntun il‑kbir li kellu, il‑mexxej tal‑merħla, ma kienx fuq quddiem bħas‑soltu. “Għalfejn m’intix qed tmexxi lill‑oħrajn illum?” staqsa Polifemu. Il‑muntun kien qiegħed jimxi aktar bil‑qajla minħabba t‑toqol ta’ Odysseus li kien qiegħed jiggranfa mal‑pil tiegħu. Iżda b’xorti tajba, Polifemu ma baqax jaħseb ħafna dwar dan, u fl‑aħħar Odysseus u niesu kienu kollha barra l‑għar.
Dlonk, bdew imexxu lill‑merħla ’l isfel lejn ix‑xatt fejn kellhom ix‑xini qiegħed jistenniehom. Minnufih salpaw. Ftit ’il barra mix‑xatt, Odysseus mar fuq il‑pruwa tax‑xini, u b’ħanxra daqsiex għajjat liċ‑Ċiklopu.
“Polifemu! Jekk xi ħadd isaqsik min għamiek, għidilhom li kont jien, Odysseus, ir‑re ta’ Ithaca!”
Ir‑riħ wassal l‑għajta ta’ Odysseus lejn il‑gżira, u malli semagħha, Polifemu nfexx f’għadab kbir. Bir‑rabja li ħakmitu, ħataf blata mdaqqsa u pprova jwaddabha lejn fejn sema’ l‑għajta. Il‑blata waqgħet fl‑ilma ftit metri ’l bogħod mix‑xini, li għal ftit ma nqalibx bil‑mewġa kbira li għamlet.
“Saħta fuqek u fuq niesek, Odysseus!” għajjat Polifemu. “Nitlob lil missieri Poseidon, l‑alla tal‑baħar, biex jeqred il‑flotta tiegħek! U jekk jirnexxilek tibqa’ ħaj, ma jkollokx għajr niket u nkwiet tul ħajtek kollha!”
Odysseus u sħabu ħallew il‑gżira taċ‑Ċiklopi warajhom, u komplew il‑vjaġġ lejn arthom.
Għalkemm kienu diġà mbegħdin mill‑gżira, is‑saħta ta’ Polifemu baqgħet tidwi, u Odysseus u sħabu semgħuha sew. Iżda Odysseus ma riedx iħalli dan jinkwetah wisq, u beda jikkonċentra minflok fuq triqtu lura lejn Ithaca. F’qasir żmien waslu fejn gżira mdawra bi swar għoljin kollha bronż.
Din kienet il‑gżira tar‑re Aeolus u t‑tfal tiegħu. Aeolus laqa’ lil Odysseus u lil niesu b’idejn miftuħin, u l‑Griegi baqgħu fil‑gżira madwar xahrejn. Tul dan iż‑żmien, is‑suldati ta’ Odysseus irrakkontaw l‑avventuri li għaddew minnhom fi żmien l‑assedju ta’ Trojja u wara.
Iżda wara dan iż‑żmien kollu, Odysseus reġa’ beda jaħseb f’artu u fil‑familja tiegħu, u ddeċieda li kien il‑waqt li jerġgħu jsalpaw. Talab lil Aeolus biex jgħinu. Aeolus kien il‑Gwardjan tal‑Irjieħ. Din kienet responsabbiltà li kien tah l‑alla Zeus stess.
Biex jgħin lil Odysseus, Aeolus tah xkora. L‑ixkora kienet minfuħa sew, għax kien hemm maqbudin fiha l‑irjieħ kollha. Malli x‑xwieni ta’ Odysseus salpaw, Aeolus sejjaħ lir‑Riħ tal‑Punent biex imexxihom fid‑direzzjoni t‑tajba. Żammew ma’ din ir‑rotta għal xi disat ijiem.
Waqt dawn il‑jiem, madankollu, ħafna miċ‑ċorma fuq ix‑xini ta’ Odysseus kienu qed iħarsu lejn dik l‑ixkora minfuħa b’ċertu suspett. “Ir‑re Aeolus ta’ xi teżor lil Odysseus,” bdew jgħidu bejniethom, “u dak mhux qed jurihulna għax irid iżommu kollu għalih.”
Darba waħda, waqt li Odysseus kien rieqed, wħud minnhom resqu lejn l‑ixkora u ħallew il‑ħbula li kienet marbuta bihom. Minnufih, l‑irjieħ kollha ħarġu f’salt, u f’qasir żmien, il‑flotta sħiħa nqabdet f’buffuri qawwija u maltempati kbar. Il‑mewġ beda jbandal lix‑xwieni b’qilla kbira daqslikieku kienu qasab.
L‑irjieħ baqgħu jaħkmu lix‑xwieni għal jiem sħaħ u jbegħduhom aktar minn Ithaca, tant li fl‑aħħar reġgħu spiċċaw fil‑gżira ta’ Aeolus.
“X’qed tagħmlu hawn?” staqsa r‑re lil Odysseus. “Suppost ilkom li wasaltu Ithaca!”
Odysseus spjegalu kollox.
“Mela tassew li l‑allat irrabjati miegħek,” qal Aeolus, “u ma rridx nispiċċa ħażin jien għaliex qed ngħinkom! Fittxu itilqu minn arti mill‑aktar fis.”
Dlonk reġgħu telqu mill‑gżira ta’ Aeolus. Din id‑darba, madankollu, ma kien hemm l‑ebda riħ biex jiggwidahom lejn arthom.
Mingħajr l‑irjieħ jonfħu l‑qlugħ tax‑xwieni, il‑Griegi kellhom jaqdfu biex ikomplu l‑vjaġġ tagħhom, u wara sitt ijiem fuq baħar imqalleb, kienu għajjenin mejta hekk kif qorbu l‑art ta’ Laestrygon.
Ħdax‑il xini mill‑flotta baqgħu deħlin fil‑port li seta’ joffri ftit kenn. Iżda Odysseus kien aktar prudenti, u żamm lix‑xini tiegħu barra mill‑port. Minflok, trakka ma’ blata lil hinn mid‑daħla. Qabbad lil tlieta minn sħabu jmorru fuq l‑art u jkellmu lin‑nies tal‑post.
Ftit ħin wara, tnejn minnhom ġew jiġru lura mwerwrin.
“X’ġara?” staqsiehom Odysseus. “Fejn hu seħibkom?”
Wara li setgħu jieħdu nifs, irrakkontaw l‑istorja. “Iltqajna ma’ tfajla ħdejn bir, u staqsejnieha min kien il‑ħakkiem tal‑pajjiż. Ħaditna għand il‑ġenituri tagħha. Hemmhekk sibna lil ommha, biċċa ta’ ġolf kbira u kerha. Ftit wara wasal żewġha wkoll, u mingħajr kliem ta’ xejn qatel lil seħibna u qal lil martu biex issajru għall‑ikel. Irnexxielna naħarbu qabel ma qabad lilna wkoll. Dan huwa pajjiż ta’ ġganti kannibali!”
Bilkemm laħqu jirrakkontaw l‑istorja li ma semgħux ħafna storbju minn fejn kienu ankrati x‑xwieni ta’ sħabhom fil‑port. Ħafna ġganti tfaċċaw fuq l‑għoljiet ta’ madwar il‑port, u bdew jissuttaw blat kbir fuq ix‑xwieni. Ħafna mill‑Griegi mietu mill‑ewwel. Hekk kif ix‑xwieni bdew jitfarrku biċċiet, il‑bqija tas‑suldati qabżu fil‑baħar biex isalvaw, iżda sadanittant aktar ġganti tfaċċaw fil‑moll tal‑port, mogħnija b’lanez u vleġeġ, u bdew joqtlu lill‑Griegi li kienu fl‑ilma.
Odysseus u ċ‑ċorma tiegħu baqgħu jħarsu mbikkmin hekk kif sħabhom ġew immassakrati. Imma Odysseus ma seta’ jagħmel xejn. Qata’ l‑ħbula li kienu qed iżommu x‑xini tiegħu trakkat mal‑blata, u ordna biex isalpaw minnufih.
“Aqdfu b’kemm għandkom saħħa!” beda jgħajjat lis‑suldati.
Ix‑xokk u l‑biża’ li qabduhom taw liċ‑ċorma saħħa sopranaturali li biha tbiegħdu mill‑gżira b’ħeffa liema bħalha. Waqfu jaqdfu biss meta kienu ċerti li kienu ’l bogħod biżżejjed biex il‑lanez, il‑vleġeġ u l‑blat tal‑ġganti ma jilħquhomx. Kien f’dak il‑mument li waqfu u setgħu jisgħobbihom tat‑telfa terribbli ta’ sħabhom.
U meta Odysseus ra fil‑bogħod it‑tifrik tal‑flotta kollha tiegħu, ftakar fi kliem Polifemu u s‑saħta li kien xeħet fuqu u fuq sħabu. Parti minn dik is‑saħta kienet diġà twettqet.
Issa Odysseus kien baqagħlu xini wieħed biss. Dlonk resqu lejn gżira miksija bis‑siġar, u trakkaw f’waħda mill‑bajjiet biex iċ‑ċorma setgħet tinżel l‑art u tfittex għall‑ikel u x‑xorb. Is‑suldati lemħu duħħan tiela’ minn qalb is‑siġar ftit mili ’l bogħod. Odysseus qabbad lil Eurylochus, l‑aktar suldat li kien jafda, biex jidħol fil‑foresta u jara min kien jgħix hemmhekk.
Eurylochus ħa nofs iċ‑ċorma miegħu, u sakemm Odysseus u l‑bqija baqgħu max‑xini, daħlu ’l ġewwa fil‑gżira. F’qasir żmien waslu ħdejn dar kbira u sabiħa. Kienet mibnija kollha minn irħam abjad. Li għaġġeb lill‑grupp, u għall‑bidu inkwetawhom, kienu l‑ħafna lpup u ljuni li kienu madwar id‑dar. Madankollu, l‑annimali m’għamlux għalihom, u mad‑dehra tas‑suldati baqgħu kalmi daqslikieku kienu klieb mansi. Ftit minnhom saħansitra daru mas‑suldati biex jilqgħuhom fil‑post.
Eurylochus madankollu xorta ma kienx qiegħed jafdahom, u sakemm sħabu komplew mixjin lejn id‑daħla tad‑dar, hu baqa’ lura, u staħba wara xi siġar biex josserva mill‑bogħod. Is‑suldati telgħu t‑taraġ lejn bieb id‑dar. F’ħin minnhom, dan infetaħ, u dehret tfajla sabiħa. Laqgħethom b’idejha miftuħin u qaltilhom li kien jisimha Circe.
Li l‑Griegi ma kinux jafu kien li Circe kienet saħħara, u kienet tieħu pjaċir tbiddel lill‑mistednin tagħha f’annimali. Fil‑fatt dawk l‑iljuni u l‑ilpup kollha li kien hemm barra d-dar darba kienu bnedmin u issa kien imiss lis‑suldati ta’ Odysseus jispiċċaw vittmi tagħha.
Daħħlithom f’darha, u hemmhekk offritilhom ikla kif imiss, ikel u frott bnin u nbid tassew tajjeb. Iżda l‑inbid, mingħajr ma setgħu jobsru s‑suldati, kellu taħlita fih. Il‑Griegi ntefgħu jgawdu l‑ikla mingħajr ħsieb ta’ xejn waqt li Eurylochus baqa’ josserva minn barra, qalb is‑siġar.
Waqt li l‑irġiel kienu mitlufin jieklu, jidħqu u jiċċajtaw, Circe qabdet bastun u bdiet iddur madwar il‑mejda. Tat daqqa żgħira bil‑bastun fuq l‑id ta’ kull mistieden li kellha. Wieħed wara l‑ieħor, dawn bdew jitbiddlu fi ħnieżer.
Eurylochus tkexkex malli ra dan. Baqa’ mbellah hekk kif ra lil Circe tmexxi lill‑ħnieżer barra minn darha. Ħadithom f’maqjel li kien wara d‑dar u sakkrithom hemm, fejn bdiet titmagħhom ġandar u ġewż tal‑fagu. Eurylochus stenna sakemm ra lil Circe tidħol lura f’darha, u malli sab ftit kuraġġ, ħareġ mill‑moħba tiegħu u mar jiġri lura lejn ix‑xatt biex jgħarraf lil Odysseus b’dak kollu li kien ra.
Malli wasal ix‑xatt bla nifs, Eurylochus qal kollox lil Odysseus. Minnufih, Odysseus ħataf ix‑xabla.
“Ħudni għand din is‑saħħara,” ordna lil sieħbu.
Iżda Eurylochus inxteħet għarkopptejh fuq ir‑ramel imbikkem, u qallu li ma riedx jerġa’ jmur f’dak il‑post terribbli.
“Mela mmur waħdi,” kompla Odysseus mingħajr ma qagħad jaħsibha darbtejn. Dar fuq il‑kumplament taċ‑ċorma. “Ma nistax nitlaq lil niesi warajja. Intom ibqgħu kollha hawn. Jekk ma niġix lura jkollkom issalpaw mingħajri.”
Hekk kif beda jimxi fil‑foresta lejn id‑dar tas‑saħħara, Odysseus beda jaħseb kif seta’ jqarraq b’Circe. Kien jaf li ċertu ħaxix kien qawwi biżżejjed biex itaffi l‑effett ta’ ċerti sħarijiet, għalhekk beda jieqaf kull ftit passi biex jara jsibx il‑fjura ta’ xitla partikolari. Malli sabha, ġabarha u ħadha miegħu. Hekk kif wasal quddiem id‑dar, lemaħ lill‑iljuni u l‑ilpup bilqiegħda kwieti madwar it‑taraġ tal‑bieb prinċipali. Rabba l‑kuraġġ u mexa qalbhom.
Circe fis tfaċċat fil‑bieb, u bi tbissima ħelwa laqgħetu f’darha. Talbitu joqgħod bilqiegħda mal‑mejda l‑kbira tagħha, mimlija kollha ikel, frott u buqari tal‑inbid. Poġġietlu banketta quddiemu fejn seta’ jserraħ saqajh. Bdiet toffrilu kull għamla ta’ ikel, flimkien ma’ tazzi bl‑inbid bit‑taħlita msaħħra tagħha.
Sakemm kienet aljenata, Odysseus beda jitfa’ ftit mill‑petali tal‑fjura li kien ġabar fit‑tazza tal‑inbid qabel ma beda jixrob. Circe, moħħha mistrieħ li t‑taħlita tagħha kienet se tagħmel xogħolha, issa kien imissha tmisslu idu bil‑bastun li kellha, u Odysseus dlonk kien jitbiddel f’ħanżir bħal sħabu.
Missitu bil‑bastun.
U ma ġara xejn.
Mistagħġba, għamlet pass lura, hekk kif Odysseus ħesrem qam bilwieqfa u ħareġ ix‑xabla tiegħu.
“Jien Odysseus, ir‑re ta’ Ithaca!” għajjat. “Is‑seħer tiegħek m’għandu l‑ebda effett fuqi, ja mara ħażina!”
Circe, imwerwra, inxteħtet għarkopptejha quddiemu. Bdiet titolbu ħniena u maħfra u wegħditu li ma terġax tipprova tingannah. Imma Odysseus ma kienx qiegħed jafdaha, u ma kienx lest li jemminha qabel ma treġġa’ lil sħabu lura bħala bnedmin.
Circe ħaditu wara d‑dar fejn kien hemm il‑maqjel. Hemmhekk, Odysseus sab tnejn u għoxrin ħanżir. Baqa’ mbellah hekk kif Circe daħlet qalb il‑ħnieżer u bdiet tmiss kull wieħed bil‑bastun imsaħħar tagħha. Wieħed wieħed, bdew jitbiddlu fi bnedmin. Malli lemħu lill‑kap tagħhom, is‑suldati marru jilqgħu lil Odysseus.
Wara dan, Circe żammet il‑wegħda tagħha u m’għamlet l‑ebda ħsara lil Odysseus u lil niesu. Fil‑fatt reġgħet laqgħethom bħala l‑mistednin tagħha, din id‑darba bir‑rieda sinċiera kollha tagħha, u Odysseus u sħabu baqgħu jgħixu fil‑gżira tagħha għal aktar minn sena.
Madankollu, għalkemm il‑ħajja ma’ Circe kienet komda ħafna u mingħajr aktar inkwiet, kemm Odysseus kif ukoll niesu reġgħu bdew iħossu n‑nuqqas ta’ arthom u l‑familji tagħhom. Sakemm damu fil‑gżira ta’ Circe daru dawra sew lix‑xini tassew imkabar. Kellhom jagħmlulu arbli u qlugħ ġodda u jiksu l‑gverta bi pjanċi tal‑injam mill‑ġdid. Odysseus talab lil Circe turih id‑direzzjoni li kellu jieħu mill‑gżira tagħha.
“Se jkollok tinżel f’Tartarus, il‑pajjiż tal‑Mejtin,” qaltlu. “Hemmhekk għandek issib lill‑profeta l‑għami Tiresias. Hu jurik it‑triq lejn Ithaca. Aqbad ir‑riħ tat‑Tramuntana. Dak iwasslek sa Tartarus, il‑pajjiż tal‑Mejtin.”
U tassew, kif qalet Circe, malli x‑xini telaq il‑gżira nqabad f’żiffa ħelwa li mexxietu lejn katina ta’ gżejjer żgħar. Kien qiegħed jidlam, u fil‑bogħod setgħu jaraw is‑sħab l‑iswed ta’ maltempata li kienet qiegħda toqrob. Fost il‑gżejjer li bdew ibaħħru qalbhom, Odysseus fl‑aħħar lemaħ waħda mudlama. Mal‑ilma kien hemm taraġ li kien jieħu għall‑quċċata tal‑blat, u hemm fuq seta’ jara daħla żgħira, mingħajr bieb u b’żewġ kolonni fuq il‑ġnub tagħha. Kien hemm dlam ċappa.
Odysseus minnufih basar li dik kienet il‑gżira ta’ Tiresias, u d‑daħla għall‑pajjiż tal‑Mejtin.
Ordna li jankraw ix‑xini ’l bogħod mix‑xatt. Niżel f’dgħajsa u beda jaqdef lejn it‑taraġ. Qalbu bdiet tħabbat sitta sitta hekk kif ipprova jimmaġina x’kien qiegħed jistennieh hemmhekk.
Fuq it‑taraġ quddiem id‑daħla ħalla ftit buqari b’ħalib u għasel bħala offerti, u b’leħen għoli sejjaħ lil Tiresias. L‑ispirtu tal‑profeta l‑għami ma damx ma tfaċċa fid‑daħla, mistrieħ ma’ bastun tad‑deheb. Ix‑xbieha trasparenti bilkemm kienet tidher sew fil‑għabex.
Odysseus rabba l‑kuraġġ u kellem lill‑ispirtu. Qallu min kien u li xtaq ikun jaf ir‑rotta għal pajjiżu Ithaca.
L‑ispirtu wieġbu. “Infakkrek, Odysseus, li Poseidon, l‑alla tal‑baħar, huwa għadban mhux bil‑ftit bik talli għamejt lil ibnu Polifemu. Madankollu, nista’ ngħidlek li fl‑aħħar se tasal pajjiżek. Biss, isma’ sew dan li se nwissik.”
Odysseus sema’ sew dak li beda jwissih il‑profeta, u dlonk mar lura fuq ix‑xini. Lit‑tmunier tah id‑direzzjoni li qallu Tiresias, u taħt id‑dawl tal‑qamar, telqu mill‑ibħra tal‑pajjiż tal‑Mejtin.
Is‑suldati kollha kienu kuntenti, għaliex issa kienu reġgħu qabdu r‑rotta lejn il‑maħbuba arthom. Madankollu, kien għad hemm ħafna perikli x’jistennewhom qabel ma kellhom jaslu hemm. Odysseus kien jaf sew x’kien hemm quddiemhom, u pprepara għall‑ewwel għawġ li kienu se jsibu ma’ wiċċhom.
Malli sebaħ l‑għada filgħodu, Odysseus bellah lil sħabu malli ordnalhom jorbtuh mal‑arblu tal‑qala’, minn driegħu u minn riġlejh. Spjegalhom li dalwaqt kienu se jgħaddu minn ħdejn il‑gżira tas‑Sireni. Is‑Sireni kienu tfajliet tassew sbieħ li kienu jsaħħru lill‑baħrin bil‑kant ħelu tagħhom. Malli jisimgħu dak il‑kant, il‑baħrin tant kienu jintilfu minn sensihom, li kienu jaqbżu l‑baħar biex jilħqu lit‑tfajliet, imma dlonk il‑baħar qalil kien isabbathom mal‑blat tax‑xatt u kienu jegħrqu.
“Irrid nisma’ l‑għanja tas‑Sireni mingħajr ma naqbeż fil‑baħar,” kompla jispjega lil sħabu. “Imma intom, ħbieb, ikollkom tibqgħu taqdfu x‑xini. Għalhekk irridkom issoddu widnejkom bix‑xemgħa ħalli ma tkunux tistgħu tisimgħu l‑kant.”
Is‑suldati għamlu kif qalilhom Odysseus. L‑ewwel rabtu lilu sew mal‑arblu, u aċċertaw li ma seta’ jinħall b’xejn. Wara, bdew isoddu widnejhom bix‑xemgħa, u sabu posthom mal‑moqdief. Bil‑qajla, bdew resqin lejn il‑gżira tas‑Sireni.
Minnufih, Odysseus lemaħ żewġ Sireni fuq blata ftit ’il barra mill‑art. Mill‑bogħod diġà beda jisma’ l‑kant ħlejju tagħhom, u aktar ma sħabu bdew jaqdfu lejn il‑gżira, il‑kant beda’ jinstema’ aktar ċar, aktar qawwi. Tassew, kif kien wissieh Tiresias, dik l‑għana daqshekk melodjuża bdiet iġġennu. Nesa għal kollox li kien ħerqan biex jasal f’pajjiżu, għand martu u għand ibnu. Kull ma beda jaħseb kien biss li jfittex jaqbeż fil‑baħar u jilħaq lil dawk iż‑żewġ Sireni.
Beda jitqanżaħ kemm jiflaħ biex jinħeles minn mal‑arblu, iżda kien kollu għalxejn. Beda jgħajjat b’għadab kbir, jgħajjar lil sħabu talli kienu rabtuh hemm, u jordnalhom biex jeħilsuh. Imma ċ‑ċorma ma kienet qiegħda tisma’ xejn; la l‑għana msaħħra tas‑Sireni u lanqas il‑krib iddisprat tiegħu. Baqgħu jaqdfu ’l quddiem, minn ħdejn il‑blata biż‑żewġ Sireni u lil hinn.
Odysseus baqa’ jissara mal‑ħbula, u kien kważi rnexxielu jinħall. Iżda sieħbu Eurylochus kien qiegħed b’seba’ għajnejn fuqu, u malli ra li l‑ħbula kienu se jċedu, qam minn postu u mar biex jerġa’ jorbothom sod.
Malli kienu ’l bogħod biżżejjed mill‑għana tas‑Sireni, is‑suldati neħħew ix‑xemgħa minn ma’ widnejhom, u ħelsu lil Odysseus minn mal‑arblu.
“Nirringrazzjakom mill‑qalb, għeżież ħbieb,” qalilhom. “Irnexxieli nisma’ l‑għana tas‑Sireni, u għadni ħaj biex nirrakkonta l‑avventura!”
Issa li kienu ħelsu mill‑periklu tas‑Sireni, Odysseus kien jaf li kien għad hemm sfidi oħra x’jistennew lilu u lil sħabu. Skont dak li kien qallu Tiresias, kien jaf li quddiemhom issa kien hemm [belliegħa] qawwija li kienu jsejħulha Scylla, u li setgħet tibla’ lix‑xini b’kull min kien hemm abbord, u tiġbed kollox taħt il‑baħar. Għalhekk, Odysseus ordna liċ‑ċorma biex ikomplu jbaħħru eżatt fir‑rotta li kien se jagħtihom, ħalli jeħilsu mill‑ġibda tal‑belliegħa. Kellhom jgħaddu f’medda ta’ ilma dejqa bejn Scylla u l‑irdum għoli ta’ gżira.
Li ma qalx liċ‑ċorma, biex ma jallarmahomx wisq, kien il‑fatt li f’wieħed mill‑għerien li kien fuq il‑faċċata tal‑irdum, kien hemm Charybdis, mostru enormi b’sitt irjus li kien jattakka kull xini li kien jaħsel jgħaddi minn taħt l‑irdum. Ma semma xejn dwar Charybdis għax beża’ li niesu kienu jitilfu rashom maqbudin bejn żewġ perikli liema bħalhom.
Minflok, tahom ir‑rotta biex isuqu x‑xini bejn Scylla u l‑irdum, u hu libes l‑armatura u ħataf żewġ lanez f’idejh bil‑lest. Hekk kif ix‑xini beda jbaħħar taħt l‑irdum, bil‑baħar imqalleb mill‑belliegħa fuq il‑ġenb l‑ieħor, beda jħares ’il fuq lejn wiċċ l‑irdum, biex jara jilmaħx lill‑mostru.
Ix‑xini beda jitqalleb ’l hawn u ’l hinn fuq il‑mewġ għoli, imma l‑baħrin, imħarrġin sew f’ibħra mqallba, irnexxielhom iżommu x‑xini dritt, il‑ħin kollu b’għajnejhom fuq il‑belliegħa fuq naħa u l‑blat fuq in‑naħa l‑oħra biex żgur ma jaqgħux f’waħda u ma jitkissrux mal‑oħrajn.
Iżda f’daqqa waħda, minn ġod‑dalma ta’ wieħed mill‑għerien tal‑irdum fuq rashom, tfaċċa l‑mostru Charybdis, b’sitt irjus fuq għenuq twal qishom sriep. Qabel ma Odysseus kellu ċ‑ċans jgħolli l‑lanez, kull ħalq tal‑mostru ħataf wieħed mill‑baħrin minn fuq il‑gverta tax‑xini u ġibidhom kollha fil‑għar.
B’xorti tajba, il‑kurrent tal‑baħar tant kien qawwi li x‑xini laħaq għadda minn taħt l‑irdum, u sakemm Charybdis reġa’ ħareġ l‑irjus tiegħu minn ġewwa l‑għar, ix‑xini kien tbiegħed wisq biex seta’ jaħtaf vittmi oħra.
Sadanittant, ix‑xini kien tbiegħed ukoll mill‑ibħra l‑qliel ta’ madwar Scylla, u issa kien f’ilma kalm mingħajr periklu ta’ xejn. Imma Odysseus kien għadu mħasseb. Kemm kienu se jdumu jgawdu dan il‑kwiet qabel ma jsibu ruħhom quddiem xi għawġ ieħor?
Ma’ nżul ix‑xemx bdew joqorbu l‑gżira ta’ Thrinacia, u Odysseus ftakar fi profezija oħra li kien qallu biha Tiresias.
“Ħbieb,” qal liċ‑ċorma tiegħu, “qed noqorbu gżira li l‑profeta l‑għami kien avżani dwarha. Hemm jinsabu l‑bhejjem sagri ta’ Helios, l‑alla tax‑xemx. Tiresias wissieni li jekk nagħmlu xi ħsara lil dawk l‑annimali, nitilfu ħajjitna.
“Jiena konxju li għandkom kilba biex nieqfu u nistrieħu fuq il‑gżira, iżda nħeġġiġkom biex nibqgħu sejrin u ma ninżlux fuq din il‑gżira.”
Il‑baħrin bdew igergru, u fl‑aħħar Eurylochus kellem lil Odysseus.
“Sinjur,” qallu, “inti raġel qawwi u ma tgħeja qatt. Iżda aħna kollha dgħajfa u għajjenin minħabba l‑qdif bla waqfien. Għala se tħallina niġġieldu kontra l‑maltempati tal‑lejl f’dawn il‑kundizzjonijiet? Hekk mhux se jkollna saħħa nitqabdu mal‑mewġ bla ħniena li jixħtu fuqna l‑allat.
“Xi ħsara nistgħu nagħmlu billi sempliċiment nankraw għal‑lejl u nsibu ftit kenn? Insajru ikla, u nitilqu mill‑ewwel malli jisbaħ.”
Il‑bqija taċ‑ċorma qablet ma’ Eurylochus. Għalkemm Odysseus basar li din kienet xi nasba li l‑allat kienu ppreparaw għalih, fehem ukoll li għalxejn kien se jargumenta ma’ niesu.
“Kollox sew,” qalilhom, “nagħmlu hekk. Imma tridu twegħduni kollha kemm intom li ma tagħmlu l‑ebda ħsara lill‑baqar u lin‑nagħaġ tal‑gżira, għax dawk huma tal‑alla tax‑xemx.”
L‑irġiel kollha taw kelmthom. Ankraw ix‑xini, kielu u raqdu matul il‑lejl.
Iżda bil‑lejl, Zeus qajjem maltempata terribbli fuq il‑gżira. Ma kienx hemm dubju li l‑għada filgħodu ma setgħux isalpaw minn hemm. Għalhekk, tellgħu x‑xini fuq ir‑ramel ta’ bajja mkennija mill‑irjieħ qawwija u stennew sakemm il‑maltempata tgħaddi.
Iżda baqgħu jistennew għal xahar sħiħ, u għal dak iż‑żmien kollu kien hemm irwiefen mix‑Xlokk u mil‑Lvant bla waqfien. Malli qorob tmiem ix‑xahar, il‑ħażna tal-ikel li kellhom fuq ix‑xini bdiet tonqos sew. Irnexxielhom jaqbdu xi annimali selvaġġi u xi għasafar, u saħansitra xi ħut mill‑baħar imqalleb. Iżda dan ma kienx biżżejjed, u bil‑qajla, il‑ġuħ beda jagħfas sew.
Odysseus kien inkwetat. Daħal ’il ġewwa fil‑gżira biex jitlob lill‑allat isibulu xi soluzzjoni, iżda deher li ma semgħuhx. Minflok, waqqgħuh f’raqda twila.
Sakemm kien warrab minn maċ‑ċorma, Eurylochus sejjaħ lil sħabu madwaru.
“Isimgħuni sew,” qalilhom. “Jekk nibqgħu sejrin hekk, se mmutu bil‑ġuħ fuq din il‑gżira – b’dak l‑ikel kollu qed jistenniena. Noqtlu xi ftit minnhom, u noffru baqra lill‑alla tax‑xemx biex nitolbuh maħfra. U jekk ma jaħfrilniex, jien nippreferi mewta qasira f’qiegħ il‑baħar milli mewta fit‑tul bil‑ġuħ.”
Il‑baħrin qablu ma’ Eurylochus, u malli Odysseus qam mir‑raqda, xamm minnufih ir‑riħa tal‑laħam mixwi. Mill‑ewwel intebaħ x’kien ġara, iżda kien tard wisq, u ma seta’ jagħmel xejn.
Malli l‑alla Helios intebaħ x’kien ġara, sejjaħ lill‑allat l‑oħra.
“Zeus Missier, Odysseus qatel uħud mill‑baqar tiegħi. Qiegħed nitlob li Odysseus u niesu jkunu kkastigati. Jekk ma jsirx hekk, nitlaq din l‑art u mmur fl‑Art tal‑Mejtin, u d‑dinja tibqa’ għal dejjem fid‑dlam.”
Zeus wiegħdu li jisma’ t‑talba tiegħu.
Għal sitt ijiem sħaħ, Odysseus u niesu baqgħu fuq il‑gżira u jieħdu mill‑baqar ta’ Helios. Fl‑aħħar, il‑maltemp beda jmajna, u Odysseus ordna li jsalpaw minnufih.
Iżda Zeus baqa’ jżomm il‑wegħda tiegħu lil Helios, u malli x‑xini ta’ Odysseus kien f’nofs ta’ baħar ’il bogħod minn kull art, qajjem maltempata liema bħalha, b’xita qliel, ragħad u sajjetti bla waqfien u rjieħ qawwija li tellgħu mewġ mogħla muntanji. Iżda dan ma kienx biżżejjed. Wara, Zeus xeħet sajjetta dritt lejn ix‑xini. Ix‑xini tkisser f’biċċiet u ċ‑ċorma waqgħu kollha fil‑baħar.
Odysseus iggranfa ma’ biċċiet tal‑injam li kien baqa’ f’wiċċ l‑ilma. B’saħħa liema bħalha u f’dak il‑mewġ imqalleb, irnexxielu jorbot flimkien ftit twavel tal‑injam u bena speċi ta’ ċattra. Il‑mewġ qawwi beda jbandalha ’l hawn u ’l hinn, iżda Odysseus kellu l‑ħila jżomm sod.
Milli seta’ jara, hu biss kien irnexxielu jsalva, iżda kien għadu f’periklu kbir hekk kif ir‑riħ biddel id‑direzzjoni, u Odysseus ma kienx jaf fejn kien se jwasslu l‑kurrent. Dam disat ijiem jitkaxkar mal‑mewġ fuq diċ‑ċattra żgħira, sakemm f’daqqa waħda ntebaħ li l‑kurrent kien qiegħed ikaxkru lura lejn il‑belliegħa Scylla. Il‑kurrent kien qawwi wisq, u għalxejn ittanta jaqdef kontra l‑ġibda qawwija tal‑belliegħa. Iżda issa kien qorob aktar lejn biċċa art ukoll, u f’ħin minnhom, hekk kif il‑mewġ għollieh ’il fuq, irnexxielu jaħtaf fergħa ta’ siġra li kienet imxabbta fuq blata baxxa. Żamm sod magħha hekk kif ra ċ‑ċattra tgħib f’ħalq il‑belliegħa.
Bl‑aħħar ftit saħħa li kellu, żamm sod mal‑fergħa u għolla lilu nnifsu minn ġol‑ilma. B’hekk ħarab mill‑kurrent qawwi tal‑baħar u mill‑morsa kiefra ta’ Scylla. Baqa’ mdendel mal‑fergħa sakemm resaq lejn l‑art u fl‑aħħar intelaq fuq ir‑ramel wara l‑blata. Baqa’ mimdud hemm, aktar mejjet milli ħaj. Issa kien jidher li ma kienx aktar fil‑periklu, imma x’kellhom aktar merfugħ għalih l‑allat?
Li Odysseus ma kienx jaf kien li l‑gżira fejn kien jinstab kienet il‑gżira ta’ Ogygia, id‑dar tan‑ninfa Calypso, bint Atlas, l‑alla li kien iżomm il‑kolonni li kienu jifirdu l‑art mis‑sema. Calypso sabitu hemm, mixħut fuq ix‑xatt, barra minn sensieh. Bdiet iddur bih, u għal żmien twil, bdiet tieħu ħsiebu lejl u nhar sakemm ġie lura f’tiegħu. Waqt dan iż‑żmien kollu, Calypso saret tħobbu.
“Ibqa’ miegħi, Odysseus,” talbitu meta kien fieq għalkollox u beda jaħseb biex ikompli l‑vjaġġ tiegħu lura lejn daru. “Jekk tibqa’ hawn miegħi, nista’ nagħmlek immortali – ma tixjieħx u ma tmut qatt.”
Iżda Odysseus ma setax jinsa lil artu, lil martu Penelope, u lil ibnu Telemachus, li kien għadu biss tarbija meta Odysseus kien telaq mal‑armata Griega biex jassedjaw lill‑belt ta’ Trojja. Kienu għaddew tlettax‑il sena minn dak iż‑żmien. Issa kellu seba’ mitt sena biex jerġa’ jarah. Għaldaqstant, Odysseus wieġeb lil Calypso li ma setax jibqa’ magħha.
Iżda kien impossibbli li jeħles mis‑seħer tan‑ninfa. Talabha biex tagħtih l‑għodda biex ikun jista’ jibni dgħajsa, iżda ma ħallitux.
U b’hekk Odysseus qatta’ seba’ snin sħaħ fil‑gżira ta’ Calypso, kuljum wieqaf fuq ix‑xatt, iħares lejn ix‑xefaq fuq il‑baħar, b’kilba liema bħalha biex jara lil pajjiżu u lill‑familja tiegħu mill‑ġdid.
Għalkemm għadda dan iż‑żmien kollu minn meta telaq minn Trojja, l‑allat ma kinux insew lil Odysseus. Kienu għaddew għaxar snin minn mindu Odysseus kien beda triqtu lura lejn daru wara l‑waqgħa ta’ Trojja, u għoxrin sena minn mindu kien telaq minn artu Ithaca biex jiġġieled fil‑gwerra. U f’dan iż‑żmien kollu, l‑allat baqgħu jiftakru l‑qlubija ta’ Odysseus, is‑saħħa u l‑għerf tiegħu.
L‑alla Athena minn dejjem għamlet minn kollox biex tipproteġi u taqbeż għal Odysseus, u issa resqet lejn l‑alla Zeus biex terġa’ titkellem f’isem ir‑re ta’ Ithaca.
“Zeus Missier, Alla tal‑Allat, għalfejn qiegħed twebbes qalbek daqshekk lejn il‑qalbieni Odysseus? Għalfejn għandu jibqa’ f’dik il‑gżira mbiegħda, itturufnat minn artu u mill‑familja tiegħu, miżmum hemm minn Calypso kontra r‑rieda tiegħu? Ma batiex biżżejjed? Ma kkastigajtux biżżejjed?”
“Għażiża binti Athena,” weġibha Zeus. “Mhuwiex jien li għandi qalbi iebsa lejn Odysseus, imma Poseidon li ħalef li jeqirdu. Dak qatt ma ħafirlu talli għama lil ibnu Polifemu ċ‑Ċiklopu.
“Madankollu, għamilt sew li fakkartni bil‑qagħda ta’ Odysseus, u naqbel li wasal iż‑żmien li fl‑aħħar jerġa’ jilħaq pajjiżu. Bħalissa Poseidon qiegħed fl‑Etjopja, imma jien ċert li kieku kien hawn, kien se jaqbel magħna. Wara kollox, ma jistax jibqa’ jikkastiga lil Odysseus għal dejjem. Din hija r‑rieda tal‑allat.”
“Tajjeb wisq, Zeus Missier,” qalet Athena. “Mela ħalli nibagħtu lill‑messaġġier tagħna Hermes għand Calypso biex jgħidilha tħalli lil Odysseus jitlaq. Jiena, sadanittant, immur Ithaca biex inserraħ ras Telemachus. Ilu nkwetat ħafna dwar missieru u qiegħed jibża’ li huwa mejjet. Barra minn hekk, għandu nkwiet ieħor kbir minħabba ħafna nobbli li prattikament ħonqu l‑palazz ta’ Ithaca għax iridu jiżżewġu lir‑reġina Penelope biex wieħed minnhom isir ir‑re ta’ Ithaca.”
Athena libset il‑qorq dehbi tagħha li permezz tiegħu setgħet ittir fuq l‑art u l‑baħar bil‑ħeffa tal‑irjieħ, ħatfet il‑lanza bil‑ponta tal‑bronż tagħha, u niżlet mill‑Muntanja Olympus lejn il‑gżira ta’ Ithaca.
Meta l‑allat kienu jidhru lill‑bnedmin, qatt ma kienu jidhrulhom fix‑xbieha naturali tagħhom, imma kienu jieħdu l‑forma ta’ xi bniedem jew annimal. U f’dan il‑każ, Athena ħadet ix‑xbieha ta’ Mentes, raġel twil fuq l‑erbgħin sena li kien ġej minn pajjiż imbiegħed, hekk kif daħlet fil‑palazz ta’ Odysseus.
Athena sabet lin‑nobbli kollha hemm, jiġġerrew mal‑palazz kollu, mitluqin komdi fuq il‑pultruni u fis‑sodod, jew jieklu u jilagħbu, jew jitgħażżnu, qishom kienu fil‑palazzi tagħhom. Lil Telemachus sabitu f’kamra għalih, inkwetat għax missieru ma kienx hemm biex ikeċċihom mill‑palazz tiegħu. Malli lemaħ lil Athena fix‑xbieha ta’ Mentes, intebaħ li kien stanġier li ma kellux x’jaqsam man‑nobbli l‑oħra, u mar jilqgħu.
Kienet drawwa fil‑pajjiż li meta’ jasal barrani sid id‑dar jilqgħu u joffrilu x’jiekol, u ma jsaqsih xejn qabel ma jkun stejqer kif imiss. Iżda waqt li Mentes kien qiegħed jiekol, Telemachus ma felaħx iżomm lura milli jgħaddi kumment dwar in‑nobbli li kienu invadew il‑palazz ta’ missieru.
Hekk kif qabbad lid‑daqqaqa tal‑palazz idoqqu melodija ħelwa waqt l‑ikla, Telemachus lissen, “Kieku missieri kien hawn, ilna ħafna li ħlisna minn dan l‑irmixk ta’ nobbli li qed jiġġerrew fil‑palazz. Iżda nibża’ li jinsab mejjet, mitluq f’xi gżira mbiegħda.” Wara dan, dar lejn il‑barrani. “Iżda m’għandix noqgħod indejqek b’dawn il‑problemi. Għidli, sinjur, min int u minn fejn ġej?”
“Jisimni Mentes, u jien ħabib antik ta’ missierek,” wieġbet Athena. “Naħseb għandek żball jekk qed taħseb li missierek huwa mejjet. Jiena ċert li għadu ħaj; tassew, forsi f’xi gżira mbiegħda kif qiegħed tgħid int, iżda naħseb li huwa miżmum hemm mill‑allat għal xi raġuni li jafu huma biss.”
U wara dan komplew jitħaddtu għal ftit żmien. Fl‑aħħar, Mentes kompla, “Telemachus, issa inti m’għadekx tifel żgħir. Hemm bżonn li tieħu din il‑problema f’idejk. Isma’ sew il‑parir tiegħi. Iġbor lin‑nobbli flimkien u għidilhom biex imorru lura lejn darhom. Għidilhom li malli ommok tiddeċiedi li terġa’ tiżżewweġ, issejħulhom lura. Malli jitilqu n‑nobbli, aqbad xini u mur fittex lil missierek. Mur Pylos u Sparta, u staqsi għalih hemmhekk. Jekk issir taf li għadu ħaj xi mkien, mela stenna sakemm jiġi lura. Jekk issir taf li mejjet, ejja lura hawn, organizza funeral għal missierek, u għid lil ommok tagħżel lil min tixtieq tiżżewweġ min‑nobbli.”
Malli waqaf jitkellem, Mentes ħareġ fil‑gallarija. Hemmhekk Athena biddlet ix‑xbieha tagħha f’ajkla kbira, u taret lejn is‑sema. Telemachus baqa’ mbellah hekk kif intebaħ li kienet żaritu waħda mill‑allat.
L‑għada filgħodu Telemachus stenbaħ b’qalb qawwija u b’kunfidenza ġdida. Fis, ġabar lin‑nobbli kollha madwaru, u kellimhom b’ton sod u iebes. Għall‑ewwel in‑nobbli stagħġbu, u malajr fehmu li Telemachus kien tassew iben il‑qalbieni Odysseus. Iżda ftit wara, bdew iħarsu lejh biż‑żufjett. X’seta’ jagħmel żagħżugħ kontrihom kollha? Telemachus ma qatax qalbu, u qalilhom li kien biħsiebu jitlaq ifittex lil missieru. In‑nobbli bdew jidħqu bih aktar, u qalulu li kien se jibqa’ jfittex fil‑vojt.
Wara dan, in‑nobbli telqu u ħallewh waħdu. Telemachus niżel fil‑bajja, fejn ħasel idejh u għollihom lejn is‑sema, jitlob lil Athena.
“Ilbieraħ ġejt tkellimni u għedtli biex nitlaq infittex lil missieri. Nitolbok tgħini nagħmel dan.”
Athena reġgħet niżlet tkellmu. Din id‑darba dehret fix‑xbiha ta’ ħabib ieħor antik ta’ Odysseus, Mentor. Qabel ma telaq għall‑gwerra, Odysseus kien ħalla f’idejh il‑manutenzjoni tal‑palazz.
“Illum urejt li għaqli u kuraġġuż,” qal lil Telemachus. “Tagħtix kas lil dawk in‑nobbli boloh. M’għandhomx idea x’hemm lest għalihom. Se nsiblek mirkeb u qaddiefa tajbin li jkunu jistgħu jeħduk fejn hemm bżonn.”
U tassew, fi ftit jiem, waqt li Athena xeħtet lin‑nobbli kollha f’raqda twila biex ma jkunux jistgħu jfixklu lil Telemachus, iben Odysseus ipprepara kollox u salpa fi vjaġġ biex isib lil missieru li kien ilu ma jara għoxrin sena.
Athena tat parir lil Telemachus biex imur isib lir‑re ta’ Pylos, Nestor, li kien iġġieled ma’ missieru fil‑gwerra ta’ Trojja. Nestor laqgħu b’idejh miftuħin, u rrakkontalu bosta avventuri li kellu ma’ Odysseus fi żmien il‑gwerra. Iżda ma kellu l‑ebda aħbar dwaru wara li kienu nfirdu biex kulħadd imur lura daru. Minflok, tah parir ieħor.
“Mur kellem lir‑re ta’ Sparta, Menelaus,” qallu. “Naf li għadu kemm jiġi lura minn vjaġġ twil, u forsi ltaqa’ ma’ missierek waqt il‑vjaġġ. Jekk hemm xi ħadd li jaf fejn jinsab Odysseus, għandu jkun hu.”
Bħalma għamlet drabi oħra, u mingħajr ma kienu jafu Telemachus u Nestor, Athena ħadet ix‑xbiha ta’ ħabib ieħor ta’ Odysseus, u waqt it‑taħdita tagħhom kienet semgħet kollox. Athena qablet magħhom li Telemachus kellu jżur lil Menelaus.
“Irkeb karru ħafif,” qalet lil Telemachus. “Jiena sadanittant immur navża liċ‑ċorma tiegħek.”
Athena reġgħet tbiddlet f’ajkla u taret lejn il‑port.
Malli rawha titlaq, Nestor dar lejn Telemachus u qabdu minn driegħu. “Għażiż ħabib, hemm għandek alleat qawwi,” qallu. “Għax dik kienet Athena. Dik kienet qabżet ħafna għal missierek fi żmien il‑gwerra, u issa qed tipproteġi lilek ukoll. Mela, ħalli qabelxejn noffru sagrifiċċju lilha, u wara, inti u ibni Pisistratus tistgħu titilqu lejn Sparta mill‑aktar fis.”
Malli waslu fil‑palazz ta’ Menelaus, ir‑re laqagħhom bi ħġaru, u ma staqsiehom xejn qabel ma offrielhom x’jieklu biex jistejqru mill‑vjaġġ tagħhom. Iż‑żewġ żgħażagħ, sadanittant, baqgħu mbellhin bil‑kobor u s‑sbuħija tal‑palazz.
“Il‑palazz kollu magħmul minn deheb, fidda, ambra u avorju. Naħseb li lanqas il‑palazz tal‑alla Zeus innifsu ma hu mgħammar daqshekk!”
Menelaus sema’ l‑kumment.
“Ma jeżisti l‑ebda post li jista’ jħaqqaqha mal‑kobor tal‑palazzi tal‑allat,” wieġeb bi tbissima. “Madankollu, tassew, nammetti li ftit li xejn nies għandhom daqstant ġid. Dawn it‑teżori kollha damu s‑snin biex ġbarthom minn ħafna pajjiżi differenti. Wara l‑waqgħa ta’ Trojja domt nivvjaġġa għal seba’ snin sħaħ qabel ma ġejt lura f’pajjiżi.”
Iżda malli qal dan, it‑tbissima għebet minn fuq wiċċ Menelaus. “Madankollu lest li nroddu kollu lura biex nerġa’ nara l‑uċuh ta’ dawk il‑ħbieb kbar li għenuni, iġġieldu miegħi, u saħansitra mietu għalija waqt il‑gwerra. Kemm nixtieq nerġa’ nara lill‑qalbieni re Odysseus, li ssagrifika daqshekk għalija, u issa ma nafx fejn jinsab.”
Malli sema’ isem missieru, qabżet demgħa minn għajn Telemachus, u mesaħha malajr bil‑mantell tiegħu.
Kien f’dak il‑waqt li daħlet fil‑kamra r‑reġina Helen, bint l‑alla Zeus, u li kienet ir‑raġuni ewlenija għalfejn kienet faqqgħet il‑gwerra ta’ Trojja. Mill‑ewwel berrqet għajnejha malli lemħet lil Telemachus.
“Sinjur,” qalet lil żewġha, “għajnejja qed iqarrqu bija? Dan ma jistax ikun għajr Telemachus, bin Odysseus, li kien telqu tarbija warajh meta baħħar lejn Trojja. Jixbhu wisq!”
“Kont għadni ma saqsejtx l‑ismijiet ta’ dawn is‑sinjuri,” wieġeb Menelaus, “iżda tassew, issa li qed tgħidli, nista’ nara li huwa bin Odysseus. Mhux ta’ b’xejn demmgħu għajnejh meta semmejt lill‑eroj il‑kbir!”
Telemachus minnufih ammetta li kien iben Odysseus, u waqa’ s‑skiet hekk kif kulħadd, għal ftit mumenti, ftakar fis‑suldat qalbieni li kollha kienu jħobbu. Helen poġġiet fit‑tazzi tal‑inbid taħlita li kienet ġabet mill‑Eġittu. Kienet taħlita biex tgħinhom jinsew it‑tifkiriet koroh u tnaqqas is‑sogħba tagħhom.
Wara dan, Menelaus u Helen irrakkontaw liż‑żgħażagħ dawk l‑għemejjel qalbiena u l‑għerf bla qies ta’ Odysseus li kienu jiftakru.
L‑għada filgħodu, Menelaus kellem lil Telemachus meta kienu waħidhom. “Għalkemm tassew li ilni ma nara lil Odysseus minn meta tlaqna minn Trojja,” qallu, “fil‑vjaġġi tiegħi smajt xi aħbarijiet dwaru. Ħalli ngħidlek xi smajt.
“Waqt il‑vjaġġ tiegħu lura kelli xi inkwiet meta konna qrib l‑Eġittu. Kont ittraskurajt is‑sagrifiċċji lill‑allat u huma kienu rrabjati miegħi, tant li l‑ikel li kellna abbord kien kważi spiċċa għalkollox. Waqt li kont qiegħed nippassiġġa waħdi fil‑bajja, ħosbien, lemħitni ninfa u tħassritni.
“Kienet bint Proteus, ix‑Xwejjaħ tal‑Baħar, u qaltli li missierha seta’ jgħidli kif stajt insib triqti lura d‑dar, u li seta’ anki jwieġeb xi mistoqsijiet li kelli. ‘Madankollu,’ kompliet, ‘l‑ewwel ikollok taqbdu. Se tkun biċċa xogħol iebsa, għax għandu l‑ħila jbiddel surtu kif irid.’
“Jien u tliet suldati oħra ħaffirna xi ħofor, inżilna fihom, tgħattejna bil‑ġild tal‑annimali u bqajna nistennew. Meta ftit żmien wara Proteus ħareġ mill‑ilma u mtedd biex jorqod fuq il‑blat, qbiżna fuqu.
“Kemm issara! L‑ewwel tbiddel fi ljun, u wara f’serp, u f’leopard u anki f’ħanżir selvaġġ. Wara dan tbiddel f’ilma, u wara f’siġra. Iżda ma qtajniex qalbna, u bqajna nżommuh sod f’morsa qawwija. Fl‑aħħar, għajjien, tbiddel għas‑sura naturali tiegħu, u qalilna li kien lest iwieġeb għall‑mistoqsijiet tagħna.
“L‑ewwel qalli x’kienu s‑sagrifiċċji li kelli nagħmel biex nogħġob lill‑allat u nħajjarhom jagħtuni l‑irjieħ favorevoli għall‑vjaġġ tiegħi lura d‑dar. Wara dan beda jirrakkontali x’kien sar mill‑eroj l‑oħra li kienu ġġieldu miegħi fi Trojja wara li telqu lura għal djarhom. Fost l‑eroj li semma kien hemm Odysseus. Proteus qalli li kien ra lil Odysseus fuq gżira. Kien miżmum hemm min‑ninfa Calypso. Qalli li hemmhekk Odysseus kien qalbu sewda, imma li ma kellu l‑ebda mezz biex jitlaq minn hemm u jkompli l‑vjaġġ tiegħu lejn Ithaca.”
Dan kien dak kollu li Telemachus kellu bżonn ikun jaf, u din l‑aħbar qawwiet qalb iż‑żagħżugħ. Għall‑inqas issa kien ċert li Odysseus kien għadu ħaj. Għaldaqstant ipprepara biex ibaħħar lura lejn Ithaca ħalli hemmhekk, kif qaltlu jagħmel Athena, jistenna l-miġja lura ta’ missieru.
Sadanittant, lura fil‑palazz ta’ Odysseus, dawk in‑nobbli li kienu qegħdin jistennew lir‑reġina Penelope tagħżel biex tiżżewweġ lil wieħed minnhom, bdew jikkonfoffaw biex jeħilsu minn Telemachus.
“Il‑mawra tiegħu se tagħtina l‑opportunità li neħilsu minnu darba għal dejjem,” qalilhom il‑mexxej tagħhom. “Barra minn hekk ħadd ħliefna mhu se jkun jaf li jkun miet. Dan huwa l‑pjan tiegħi. Hu u ġej lura, ix‑xini tiegħu se jkollu jgħaddi mill‑fliegu ta’ Samos. Nieħu xini u għoxrin suldat tajbin, u nistennieh hemmhekk biex nonsbu. B’hekk inkunu ħlisna minn Telemachus għalkollox!”
Fl‑aħħar, wara li Odysseus kien ilu għaxar snin jivvjaġġa lura lejn artu, l‑allat iddeċidew li kellhom iħalluh jasal f’pajjiżu. Għaldaqstant, Zeus, ir‑re tal‑allat, ta ordni lil Hermes, il‑messaġġier tal‑allat.
“Mur għand Calypso u għidilha biex lil Odysseus tħallih jitlaq. Għidilha li jien bgħattek b’din l‑ordni.”
Hermes libes is‑sandli tad‑deheb tiegħu, li bih seta’ jtir bil‑ħeffa tal‑irjieħ, qabad l‑istaffa tiegħu, u reħielha lejn il‑gżira ta’ Calypso.
Sabha fil‑għar imdaqqas tagħha, qalb is‑siġar kollha frott, id‑dwieli mogħnija b’għenieqed kbar tal‑għeneb, għadajjar ta’ ilma safi, għelieqi miksija bl‑aħdar u għasafar jgħannu. Calypso kienet bilqiegħda f’nofs l‑għar, ħdejn ħuġġieġa nar, tkanta għanja ħelwa.
Hermes waqaf għal ftit sekondi jħares lejn dik ix‑xena ħelwa. Dlonk daħal ġewwa l‑għar.
Calypso, ta’ alla li kienet, għarfitu mill‑ewwel. Minnufih offrietlu x’jiekol u x’jixrob. Wara li stejqer, Hermes għarrafha bl‑ordni ta’ Zeus.
“Imma kemm intom ta’ qalb iebsa, intom l‑allat!” lissnet Calypso. “Ma kienx Zeus stess li xeħitlu sajjetta u qeridlu x‑xini tiegħu? Mhux jien kont li ġbartu mix‑xatt nofsu mejjet, u dort bih sakemm reġa’ ġie f’tiegħu. Ma ħabbejtux biżżejjed u offrejtlu l‑immortalità?”
Madankollu Calypso kienet taf li għalxejn bdiet tipprotesta. La l‑allat hekk riedu, hekk kellu jsir. Wara li sellmet lil Hermes, niżlet b’qalb sewda sax‑xatt, fejn sabet lil Odysseus bilqiegħda jħares imxennaq lejn ix‑xefaq.
“Mhux se tibqa’ b’qalbek sewda aktar, Odysseus,” qaltlu. “Wasal il‑waqt li titlaq mill‑gżira. Issa nagħtik l‑għodod biex bihom tkun tista’ tibni dgħajsa. Nagħtik ukoll l‑ikel u x‑xorb li għandek bżonn, u nqajjem l‑irjieħ li jkunu jistgħu jwassluk sa pajjiżek. Din hija r‑rieda tal‑allat.”
Odysseus baqa’ skantat bi kliemha, u għall‑ewwel lanqas ried jemmen, sakemm fl‑aħħar ma ħalfitlux li ma kinitx qed tqarraq bih, u li ma riedet tixtieqlu l‑ebda ħsara.
“Għażiża Calypso,” weġibha, “jekk tarani kuntent li se nitlaq il‑gżira tiegħek, ma nixtieqx tkun magħdba bija. Naf li marti Penelope mhix sabiħa daqsek, u li mhijiex alla bħalek. Naf ukoll li inti offrejtli li nibqa’ żagħżugħ u ma mmut qatt. Madankollu qalbi tħabbat għaliha u għal pajjiżi.”
Calypso żammet kelmtha. Ġabitlu l‑għodod li kellu bżonn biex ikun jista’ jaqta’ s‑siġar biex jibni d‑dgħajsa, u drappijiet biex bihom ikun jista’ jfassal il‑qlugħ. Barra minn hekk, ipprovdietlu l‑ikel u x‑xorb u l‑ħwejjeġ oħra biżżejjed biex jistejqer tul il‑vjaġġ.
Malli d‑dgħajsa kienet lesta, tatu ħwejjeġ ġodda, u qajmet żiffa ħelwa biex ikun jista’ jbaħħar. Biesha għall‑aħħar darba, tela’ fuq id‑dgħajsa u ħareġ ’il barra fuq il‑mewġ. Waqt li tbiegħed fuq iż‑żiffa, Calypso baqgħet għal ftit ħin tħares lejh, u wara daret u marret lura fil‑għar tagħha biex tkompli tgħix waħidha.
Għal sbatax‑il jum, Odysseus żamm rotta dritta, jiġġieled kontra n‑ngħas biex jibqa’ mqajjem u jżomm Id‑Debb il‑Kbir dejjem fuq ix‑xellug tiegħu, kif kienet qaltlu Calypso. Fl‑aħħar, seta’ jara fuq ix‑xefaq linja rqiqa ta’ art.
Kien f’dak il‑waqt li Poseidon, l‑alla tal‑baħar u missier Polifemu, iċ‑Ċiklopu li kien għamieh Odysseus, lemħu fuq wiċċ il‑baħar, u ħarstu ddallmet b’għadab kbir.
“Mela l‑allat l‑oħra qatgħuha li jgħinuh minn wara dahri,” lissen. “Imma għadu ma ħelisx minni għalkollox!”
Minnufih qajjem l‑erbat irjieħ f’salt u dallam is‑sema bi sħab iswed faħam. Id‑dgħajsa ta’ Odysseus bdiet titqalleb bħal biċċa sufra.
Odysseus heżżeż snienu hekk kif l‑irwiefen bdew iħabbtu d‑dgħajsa mingħajr ħniena. Beda jaħseb li l‑allat kienu qegħdin jilagħbu bih – l‑ewwel jagħtuh dgħajsa u żiffa kalma, biex umbagħad jibagħtulu maltempata hekk kif lemaħ artu fil‑qrib.
“Mela din hija xortija,” beda jaħseb. “Se negħreq fil‑baħar ftit mili ’l bogħod minn pajjiżi. Aħjar mitt mal‑ħbieb tiegħi fi Trojja! Kieku kienu jidfnuni bl‑akbar unur u rispett!”
F’daqqa waħda feġġet mewġa ħafna akbar mill‑oħrajn. Qasmet l‑arblu u tajritlu l‑qalgħa. Id‑dgħajsa nqalbet rasha ’l isfel u Odysseus spiċċa fil‑baħar. It‑toqol ta’ ħwejġu beda jiġbdu ’l isfel u aktar ’l isfel. Madankollu, Odysseus ma qatax qalbu. Ġabar is‑saħħa kollha li kellu u beda jaqdef ’il fuq, sakemm ħareġ f’wiċċ l‑ilma u ggranfa mal‑ġenb tad‑dgħajsa maqluba.
Il‑mewġ u l‑irwiefen kienu qed iħabbtu bil‑qilla kollha tagħhom, u Odysseus ma kienx jaf kellux aktar saħħa biex jibqa’ jżomm mad‑dgħajsa.
Iżda f’dak il‑mument, Ino, in‑ninfa li kienet tgħix f’qiegħ il‑baħar, lemħitu, u rat li kien fil‑periklu. Telgħet ħdejn id‑dgħajsa.
“Ma nafx x’għamiltlu lil Poseidon biex irrabjajtu daqshekk,” qaltlu, “imma mhux se jeħles minnek b’dan il‑mod. Inża ħwejġek u tkebbeb f’dan il‑mantell li se nagħtik. Għum sakemm tilħaq l‑art. Malli titla’ fuq ix‑xatt, ixħet il‑mantell lura fil‑baħar.”
B’dan il‑kliem, offrietlu l‑velu, u għebet taħt il‑mewġ imqalleb.
Issa Odysseus kien wasal f’punt li ma kienx jaf jafdax lill‑allat aktar, u ħasibha ftit qabel ma qatagħha li jaħtaf il‑mantell u jitgezzez fih kif qaltlu jagħmel in‑ninfa. Ħataf il‑mantell, imma baqa’ jżomm mad‑dgħajsa.
Mewġa oħra kbira waqgħet fuqu b’saħħa liema bħalha, u kissret id‑dgħajsa f’biċċiet. Issa Odysseus baqa’ ggranfat ma’ biċċa injama ċatta. Tela’ fuqha, neża l‑ħwejjeġ li kienet tatu Calypso, u tgeżwer fil‑mantell ta’ Ino. Wara dan, qabeż fl‑ilma, u beda jgħum bis‑saħħa kollha li kellu.
L‑alla Athena kienet qiegħda tara dan kollu, u issa sikktet l‑irwiefen kollha minbarra r‑riħ tat‑tramuntana, biex jgħinu jasal l‑art aktar malajr.
Dam jgħum għal jumejn u żewġt iljieli, qalb mewġ imqalleb u kiesaħ, u qatigħ, il‑mewġ ġibdu taħt l‑ilma u kellu jissara biex jerġa’ jitla’ fil‑wiċċ. Malli qorob lejn l‑art, bilkemm seta’ jsib fejn jitla’. Seta’ jara biss blat għoli u aħrax li ma setax jiggranfa miegħu. Fl‑aħħar sab ruħu fejn id‑daħla ta’ xmara, fejn l‑ilma kien aktar kalm, u seta’ jgħum ’il ġewwa sakemm sab fejn jitkaxkar għal fuq l‑art. Kif kienet talbet Ino, neħħa l‑mantell minn fuqu, u xeħtu lura fil‑baħar.
Imma issa kien mingħajr ħwejjeġ u jterter bil‑bard. Kellu bżonn jidħol ’il ġewwa fl‑art u jsib xi għamla ta’ kenn. Ma seta’ jara l‑ebda bini fil‑qrib, u bl‑għejja kbira li kellu, intefa’ mal‑art, u tgħatta bil‑ftit weraq li seta’ jsib. Dlonk, għajnu marret bih u ntilef f’raqda fonda.
Nausicaa kienet it‑tifla tar‑re tal‑pajjiż fejn kien niżel Odysseus. Waqt li kienet rieqda, l‑alla Athena żaritha f’ħolma.
“Nausicaa,” qaltilha, “għalfejn qiegħda titgħażżen. Ara kemm għad hemm ħwejjeġ fil‑palazz li għandhom bżonn jinħaslu bil‑lest għal min jiġi jżurkom. Taf li skont it‑tradizzjoni għandu jkollkom ħwejjeġ nodfa u ppreparati biex toffruhom lill‑mistednin, u li meta tkun miżżewġa dak se jkun parti minn xogħlok.”
Malli stenbħet, il‑ħolma baqgħet ċara f’moħħha, għaldaqstant ġabret il‑ħwejjeġ li kellhom bżonn jinħaslu, poġġiethom fuq karettun, u niżlet bihom ħdejn ix‑xmara mat‑tfajliet qaddejja tagħha.
Malli waslu, ħaslu l‑ħwejjeġ fuq il‑blat maġenb ix‑xmara, u wara li perrċuhom biex jinxfu, qagħdu bilqiegħda biex jieklu u jistrieħu. Wara dan, bdew jilagħbu bil‑ballun li kienu ġabu magħhom.
L‑istorbju u d‑daħk ferrieħi tagħhom qajjem lil Odysseus, li kien rieqed taħt is‑siġar ftit passi ’l bogħod. Dan kien eżatt dak li riedet Athena. Odysseus qomos bilwieqfa, maħsud.
“X’għamla ta’ pajjiż ġejt fih?” beda jgħid bejnu u bejn ruħu. “Dan xi post tas‑slavaġ? Dawk l‑ilħna huma ta’ xi ninfi, jew ta’ bnedmin?”
Għatta lilu nnifsu b’fergħa ta’ siġra, ħareġ minn qalb is‑siġar u resaq lejn it‑tfajliet. Mad‑dehra tiegħu it‑tfajliet kollha telqu jiġru maħsudin, iżda Nausicaa, bint ir-re, ma beżgħetx u baqgħet wieqfa fejn kienet. Odysseus ipprova jkellimha bil‑ħlewwa.
“Sinjura, nitolbok ħniena minni,” lissen, “Jekk inti waħda mill‑allat mela bla dubju ta’ xejn inti Artemis. Iżda jekk inti bniedma, mela l‑ġenituri tiegħek huma xxurtjati li għandhom bint sabiħa bħalek.”
Wara dan, beda jispjegalha kif sab ruħu hemmhekk. Talabha tagħtih xi ħwejjeġ u tieħdu għand ir‑re tal‑pajjiż.
Lil Nausicaa laqatha l‑mod pulit u ġentili kif kellimha, u weġbitu, “Nagħmel kif qed titlob. Jien bint Alcinous, ir‑re ta’ Phaeacia, il‑pajjiż fejn tinsab.”
Il‑qaddejja kienu għadhom moħbijin wara l‑blat u s‑siġar, imma sejħitilhom lura. Ordnatilhom isibu kenn għal Odysseus fejn seta’ jinħasel. Ipprovdewlu żejt biex ikun jista’ jneħħi l‑melħ minn fuq ġismu, kif ukoll xi ftit ħwejjeġ.
Wara li nħasel u stejqer sew, id‑dehra ta’ Odysseus kienet tabilħaqq differenti mir‑raġel maħmuġ, miksi bit‑tajn u migruf li kien qabel, u t‑tfajliet baqgħu mbellhin bil‑bidla tiegħu. “Għall‑ewwel tħassartu,” Nausicaa qalet lill‑qaddejja tagħha, “iżda issa jidher qisu wieħed mill‑allat nieżel mis‑smewwiet. Dan huwa t‑tip ta’ raġel li nixtieq li jkun żewġi jekk jiddeċiedi jibqa’ f’pajjiżna.”
Wara li kien stejqer, Nausicaa qaltlu, “Issa, sinjur, ħalli nieħdok fil‑palazz ta’ missieri. Ibqa’ miexi ħdejja sakemm naslu fil‑belt, iżda malli nkunu hemm oqgħod attent, għax meta jarawk l‑irġiel jibdew jissuspettaw li ġibt stranġier minn art oħra biex niżżewweġ lilu minflok xi wieħed tal‑post.
“Mela,” kompliet Nausicaa, “malli nidħlu fil‑belt aqbad trejqa fil‑ġenb li tieħdok f’masġar żgħir. Ibqa’ stenna hemm sakemm taħseb li nkun wasalt fil‑palazz ta’ missieri. Imbagħad sib triqtek lejn il‑palazz, idħol u mur ara lil ommi. Jekk tkun dħuli magħha hemm mnejn tgħinek issib triqtek lura d‑dar.”
Odysseus għamel kif qaltlu. Malli daħlu fil‑belt, qabad minnufih it‑trejqa li kienet tagħti għall‑masġar, u baqa’ jistenna hemm. Hawnhekk reġgħet dehritlu Athena, din id‑darba fix‑xbieha ta’ tfajla ġġorr buqar ilma.
Spjegatlu kif kellu jsib triqtu lejn il‑palazz. Wara dan, billi n‑nies fil‑belt kienu ostili lejn il‑barranin, għattietu b’velu inviżibbli. B’hekk beda miexi qalb il‑folla mingħajr ma ħadd seta’ jarah, sakemm wasal quddiem id‑daħla tal‑palazz. Daħal, u malli sab lil omm Nausicaa, neħħa l‑velu inviżibbli minn fuqu u nxteħet għarkopptejh quddiemha.
Kulħadd inħasad bid‑dehra mhux mistennija tiegħu. Odysseus talab lir‑reġina biex tipprovdilu mezz ħalli jkun jista’ jitlaq mill‑pajjiż u jerġa’ lura f’artu.
Ir‑re Alcinous, li kien wieqaf maġenb martu malli feġġ Odysseus, qabdu minn idu, u mexxieh lejn mejda, u l‑qaddejja ġabulu ikel u nbid x’jixrob.
Bħalma kienet id‑drawwa, ħallewh jistejqer mingħajr ma saqsewh xejn. Wara li kien lest, ir‑re bagħat lin‑nobbli kollha lura fi djarhom, ħalli jiltaqgħu l‑għada biex jisimgħu l‑istorja tal‑istranġier. Odysseus baqa’ waħdu mar‑re u r‑reġina.
Kien hemm ħaġa waħda li kienet qed tħawwad lir‑reġina. Għarfet il‑ħwejjeġ li Odysseus kien liebes. Kienu ħwejjeġ li hi stess kienet ħietet flimkien mal‑qaddejja tagħha. Ma setgħetx tiflaħ il‑kurżità li ħakmitha.
“Sinjur,” qaltlu. “Tista’ tgħidilna minn fejn ġej, u min tak dawk il‑ħwejjeġ?”
Odysseus fil‑qosor spjega kif Calypso kienet żammitu priġunier fil‑gżira tagħha, kif wara li telaq mill‑gżira maltempata qawwija kienet ġabitu fuq ix‑xtut ta’ pajjiżhom, u kif binthom Nausicaa kienet sabitu u għenitu.
“Binti għamlet sew,” lissnet ir‑reġina fl‑aħħar. “Biss għamlet ħaġa waħda ħażina. Kellha ġġibek hi personalment fil‑palazz.”
L‑għada filgħodu, in‑nobbli, flimkien ma’ ċittadini oħrajn, iltaqgħu fl‑amfiteatru tond, tal‑ġebel, fil‑pjazza ewlenija tal‑belt, fejn kienu jsiru l‑laqgħat tal‑poplu. Alcinous kellem lill‑udjenza dwar l‑istranġier.
“Ma nafx ismu, għaliex għadni ma saqsejtulux,” qalilhom, “iżda talabna biex ngħinuh jasal lura f’pajjiżu. Skont it‑tradizzjoni tagħna, jien nipproponi li nagħtuh mirkeb u ċorma ta’ tnejn u ħamsin qaddief. Din hija d‑deċiżjoni tiegħi. U sakemm dan iseħħ, aħna nilqgħu lill‑mistieden tagħna fil‑palazz.”
Wara dan saret festa kbira, u malli ntemmet l‑għannej tar‑re daħal u beda jkanta. L‑ewwel għanja tiegħu kienet dwar l‑assedju ta’ Trojja, dwar il‑battalji l‑qliel u dwar l‑eroj li mietu hemm. Malli sema’ dik l‑għanja dwar sħabu l‑mejtin, Odysseus ma setax iżomm il‑biki, u dlonk għatta wiċċu bil‑mantell tiegħu.
Ir‑re biss osserva s‑sogħba mistura ta’ Odysseus, iżda biex jiskartalu aktar mistħija, ordna li joħorġu barra biex jilagħbu xi kompetizzjonijiet. B’dan il‑mod l‑istranġier seta’ jara l‑ħila atletika tan‑nobbli tal‑pajjiż.
In‑nobbli ħadu pjaċir li kellhom l‑opportunità juru l‑ħiliet tagħhom. Saru kompetizzjonijiet ta’ tlielaq, qbiż, sarar u twaddib tad‑diski u l‑lanez. Fl‑aħħar, wieħed minnhom stieden lill‑istranġier biex jieħu sehem fil‑logħob ukoll.
“Jiddispjaċini,” wieġeb Odysseus, “imma qalbi mdejqa wisq biex nieħu sehem fil‑logħob. L‑unika ħaġa li għandi f’rasi bħalissa huwa li nfittex nitlaq lejn pajjiżi.”
“Stajt bsart,” lissen in‑nobbli b’ton ta’ tkasbir, “li m’intix bniedem atletiku, imma sempliċiment kaptan ta’ bastiment tat‑tagħbija moħħu biss fil‑kummerċ u fil‑profitti.”
Odysseus ħares lura lejh biċ‑ċiera.
“Ħasra, sinjur,” wieġeb lura, “li moħħok u l‑imġiba tiegħek mhumiex sbieħ daqs wiċċek. Dak kien diskors ta’ wieħed injorant. Imma għalkemm jien għajjien minħabba l‑vjaġġi tiegħi u magħkus bit‑tbatija li sofrejt, xorta waħda nista’ nurik x’nista’ nagħmel!”
B’dan il‑kliem qabeż għal ġol‑arena, u ħataf wieħed mill‑itqal diski li kienu għadhom ma lagħbux bihom. Mingħajr ma qagħad ineħħi l‑mantell minn fuq spallejh issotta l‑ġebla fil‑għoli. Waqgħet ħafna aktar ’il bogħod mid‑diski l‑oħra li kienu waddbu l‑atleti.
“Tista’ tagħmel aħjar minn hekk, żagħżugħ?” staqsa lin‑nobbli. “U issa li rrabjajtni bi kliemek, qed nisfida lil kwalunkwe minnkom joħroġ biex jirbaħli f’kull logħba li tridu tagħżlu!”
Odysseus baqa’ wieqaf hemm, b’ħarstu serja lejn iż‑żgħażagħ kollha fl‑arena.
Minnufih ir‑re niżel fl‑arena wkoll għaliex xamm li kien se jinqala’ l‑inkwiet.
“Għandek raġun tieħu għalik, sinjur,” qallu. “Ħadd f’sensih ma hu lest li jiddubita l‑ħiliet tiegħek. Iżda ħalli ninsew il‑kompetizzjonijiet. Jien ċert li aħna aħjar fiż‑żfin milli fil‑logħob. Ejja, ħalli nuruk spettaklu li żgur ma tinsiehx meta tasal lura f’pajjiżek.”
Tassew, iż‑żfin kien sabiħ, u l‑burdata ħażina ta’ Odysseus għosfrot bil‑qajla. Malli spiċċaw il‑mużika u ż‑żfin, l‑atleta nobbli li kien insultah fl‑arena qorob lejh u skuża ruħu tal‑imġiba tiegħu, u offrielu wkoll xabla sabiħa. Wara dan, in‑nobbli l‑oħrajn kollha resqu lejh u offrewlu rigali; deheb, fidda u avorju.
Wara l‑ikla ta’ filgħaxija, Odysseus qalilhom min kien tassew. Kollha kienu semgħu dwar għemejjel l‑eroj waqt il‑gwerra ta’ Trojja, imma issa Odysseus kompla jirrakkonta wkoll x’kien għadda minnu wara l‑assedju: kif kien għama lill‑ġgant Ċiklopu, kif kien għadda qrib il‑gżira tas‑sireni, u kif għadda minn bejn Scylla u Charybdis, kemm dam priġunier fuq il‑gżira ta’ Calypso, u kif fl‑aħħar spiċċa fuq ix‑xtut ta’ pajjiżhom.
L‑għada filgħodu, ħaduh fil‑port fejn kienu ppreparaw ix‑xini għalih. Stivawlu abbord ir‑rigali kollha li kienu tawh, u wara ħafna tislim emozzjonanti, il‑qaddiefa salpaw lil hinn mill‑port.
Malli kienu bejn sema u ilma, tellgħu l‑qlugħ, u x‑xini ħaffef il‑ġirja tiegħu lejn Ithaca. Odysseus ħa nifs twil, u tant ħassu hieni li malajr intilef f’raqda fonda. Kien għadu rieqed meta x‑xini wasal f’Ithaca. Il‑baħrin qatgħuha li ma jqajmuhx. Geżwruh f’kutra sħuna u ġarrewh bil‑mod għal fuq ix‑xatt. Fis‑skiet, poġġewlu r‑rigali kollha ħdejh fuq ir‑ramel, u nkiss inkiss reġgħu qadfu lura lejn arthom.
Malli stenbaħ, sab ruħu fuq xatt miksi biċ‑ċpar dieħel mill‑baħar. Baqa’ mistagħġeb għax ma kienx jaf fejn kien, u pprepara ruħu għall‑agħar.
“Fejn ix‑xjafek ġabuni?” qal bejnu u bejn ruħu. “X’pajjiż hu, dan, u kif inhuma n‑nies, hawn?”
Kien f’dak il‑mument li Odysseus lemaħ lil ragħaj żagħżugħ joqrob lejh.
“Għidli, tfajjel,” qallu Odysseus. “X’jismu dan il‑pajjiż?”
Iż‑żagħżugħ tbissimlu. “Sinjur, jew inti iblah jew inkella ġej mill‑bogħod. Din hija Ithaca.”
Odysseus ried jaqbeż bil‑ferħ, iżda wara l‑esperjenzi koroh kollha li kien għadda minnhom, ried joqgħod attent u ma riedx juri min kien. Minflok ivvinta l‑ħrafa kif telaq minn Trojja, mar fi Kreta u hemmhekk qatel raġel, għalhekk ħarab minn hemm fuq xini tal‑Feniċi fi triqtu lejn Pylos, iżda nqabad f’maltempata li wasslitu hawn.
Ir‑ragħaj daħaq daħqa żgħira, u ħesrem tbiddel fl‑alla Athena.
“Inti tassew makakk, Odysseus!” qaltlu bi tbissima, “Iżda għamilt sew li ma afdajtx. Tassew li fl‑aħħar wasalt f’Ithaca, iżda għandek l‑għedewwa anki hawn, f’pajjiżek stess.”
Hekk kif qalet dan il‑kliem, Athena ferrxet iċ‑ċpar, u Odysseus beda jħares madwaru mbellah. Tassew kien f’pajjiżu! Seta’ jagħraf fil‑bogħod l‑għelieqi, il‑foresti u l‑muntanji li tant kien iħobb. Wara għoxrin sena, issa reġa’ kien f’Ithaca. Inxteħet għarkopptejh u bies l‑art.
Athena għenitu jaħbi t‑teżori tiegħu, u wara qaltlu dwar in‑nobbli li kienu invadew il‑palazz tiegħu bil‑ħsieb li xi wieħed minnhom jiżżewweġ lil martu Penelope.
“Ippruvaw jikkonvinċuha li inti mejjet,” qaltlu. “Għal ħafna żmien irnexxielha xxejjen ix‑xewqat tagħhom billi wegħdithom li tagħżel lil min tiżżewweġ wara li tkun lestiet tħit mantell għad‑dfin ta’ missierek Laertes. Kull għodwa kienet tibda taħdem fuq in‑newl, iżda fid‑dalma tal‑lejl, bil‑moħbi, kienet terġa’ tmur tħoll ix‑xogħol kollu li tkun għamlet il‑jum ta’ qabel. B’hekk qatt ma kienet tlesti l‑mantell u ma tagħżel lil ħadd min‑nobbli. Iżda lejl minnhom kixfitha waħda mill‑qaddejja tagħha, u issa n‑nobbli kienu qed jippretendu li tagħżel lil min tiżżewweġ minnufih.
“Dawn in‑nies lesti jagħmlu minn kollox jekk isiru jafu li għadek ħaj u qiegħed hawn. Madankollu, jien se nkun miegħek il‑ħin kollu,” kompliet tgħidlu. “L‑ewwel se mmur insib lil ibnek Telemachus, li telaq biex ifittxek. Ngħidlu biex jiġi lura mill‑aktar fis. Naf li lestewlu trappola biex joqtluh, imma jien se nipproteġih. Barra minn dan, hemm bżonn li nbiddlu surtek ħalli ma tintgħarafx.”
Malli qalet dan, għaddiet idha minn fuqu, u minnufih, Odysseus beda jitbiddel. Il‑ġilda tiegħu bdiet titkemmex, xagħru bjad, u għajnejh ittappnu. Il‑ħwejjeġ tiegħu saru mqattgħin u maħmuġin. Athena ħarset lejh b’sodisfazzjon. Kienet ċerta li kif kien issa, ħadd ma kien se jagħrfu.
“Issa, tiftakar lil Eumaeus, ir‑ragħaj li kien jieħu ħsieb il‑merħliet tiegħek? Dak baqa’ jafda fik u jistenna li fl‑aħħar tiġi lura qawwi u sħiħ. Mur għandu, u ibqa’ moħbi hemm sakemm Telemachus jiġi lura.
Malli Odysseus wasal fid‑dar ta’ Eumaeus, sabu waħdu. Naturalment, lil Odysseus m’għarfux. Għalkemm ir‑ragħaj kien fqir, xorta waħda laqa’ lill‑istranġier b’idejh miftuħin, u offrielu ikel u xorb mill‑ftit li kellu.
Odysseus ivvinta storja biex jispjega kif kien wasal hemm, u ftit ftit beda jsaqsih dwar dak kollu li ġara fil‑pajjiż sakemm ma kienx hemm. Fl‑aħħar, malli Odysseus serraħ rasu li seta’ jafdah, daħal fis‑sodda li kien ippreparalu Eumaeus u raqad fil‑fond. Kien lest li jibqa’ jistenna sakemm jasal ibnu.
Sadanittant Athena marret issib lil Telemachus. Avżatu li n‑nobbli kienu biħsiebhom jattakkaw ix‑xini tiegħu u qaltlu biex jaqbad rotta oħra. Madankollu, ma qaltlux li Odysseus kien wasal lura Ithaca. Minflok, qaltlu biss biex meta jasal hemm imur ifittex lir‑ragħaj Eumaeus qabel ma jmur il‑palazz.
U Telemachus hekk għamel. Malli daħal fir‑razzett ta’ Eumaeus, ir‑ragħaj ħatfu minn driegħu.
“Kont qed nibża’ li ma nerġax narak,” qallu.
“Ninsab qawwi u sħiħ grazzi għall‑għajnuna tal‑alla Athena. Imma ġejt biex nara lilek u nara x’aħbarijiet għandek dwar ommi.”
“Ir‑reġina tinsab tajba, imma għadha b’qalbha sewda minħabba Odysseus.”
Wara dan, Eumaeus introduċa lix‑xwejjaħ li kien fir‑razzett miegħu. Tenna l‑istorja li kien qallu Odysseus. Telemachus sellimlu, u reġa’ dar fuq Eumaeus. Talbu biex jiġri ġirja sal‑palazz u javża lil ommu li kien wasal.
Malli r‑ragħaj telaq, Athena dehret fid‑daħla tar‑razzett. Mingħajr ma ħalliet lil Telemachus jaraha, għamlet sinjal lil Odysseus biex joħroġ ikellimha barra.
“Wasal il‑mument li turi lil ibnek min int tassew,” qaltlu. “Ibdew fasslu l‑pjan kif teħilsu min‑nobbli. U ftakar, jien se nkun magħkom il‑ħin kollu.”
B’dan il‑kliem, għaddiet idha minn fuqu, u minnufih Odysseus reġa’ ħa s‑sura vera tiegħu. Issa kien jidher raġel sod u b’saħħtu, liebes ilbies u mantell puliti.
Malli daħal lura fir‑razzett, Telemachus ħares lejh, mifxul. “Inti m’intix il‑persuna li ħarġet minn hawn ftit ilu. Jewwilla inti xi alla?”
“M’iniex xi alla,” wieġeb Odysseus. “Jiena missierek, ġejt lura minn Trojja u wara li kont imġiegħel mill‑allat nivvjaġġa għal għaxar snin sħaħ.”
Telemachus dam ftit qabel ma beda jemmen li dak li kien wieqaf quddiemu kien tassew missieru; imma meta fl‑aħħar ikkonvinċa ruħu, it‑tnejn għannqu lil xulxin imbikkmin.
Wara dan, Odysseus spjega kif Athena kienet għenitu u ġabitu fir‑razzett.
“Issa rrid inkun naf kollox dwar in‑nobbli,” qal fl‑aħħar. “Hemm bżonn inkun naf kemm hemm minnhom u x’armi għandhom.”
“Missier,” wieġeb Telemachus, “tassew li inti famuż mad‑dinja kollha għas‑saħħa u l‑ħila tiegħek ta’ suldat, imma kif taħseb li aħna t‑tnejn nistgħu nisfidaw aktar minn mitt nobbli li huma wkoll suldati tajbin fil‑ġlied?”
“Se jkollna lil Athena magħna,” qabeż Odysseus. “Ma jistax ikollna għajnuna aħjar minnha. Issa, isma’ sew il‑pjan tiegħi.”
“Għada,” Odysseus beda jgħid lil Telemachus, “mur il‑palazz u ġib ruħek bħas‑soltu, u tgħid lil ħadd – lanqas lil ommok – li rajtni. Matul il‑ġurnata Eumaeus se joħodni l‑palazz bħala tallab, u meta tarani agħmel tabirruħek li m’għaraftnix.”
L‑għada filgħodu Telemachus mar il‑palazz, u mill‑ewwel seta’ jara li n‑nobbli ma ħadux pjaċir bih, billi kienu qed jaħsbu li kien miet fin‑nasba ta’ sħabhom. Mar dritt għand ommu u rrakkontalha dwar il‑vjaġġi tiegħu biex ifittex lil missieru. Madankollu ma qalilha xejn dwar li Odysseus kien wasal qawwi u sħiħ u li issa kien fil‑pajjiż.
Fl‑istess waqt li Telemachus kien qiegħed ma’ ommu, il‑mirkeb b’dawk in‑nobbli li kienu ttantaw jonsbu lil Telemachus daħal fil‑port. Mill‑palazz, Telemachus seta’ jarahom, u kien kemxejn imħasseb. Dan kien ifisser li issa n‑nobbli kollha kienu fil‑palazz – u kien hemm aktar minn mija!
Aktar tard dakinhar, Odysseus u Eumaeus qorbu l‑palazz.
“Naħseb li aħjar nidħol jien waħdi, għalissa,” qal Eumaeus. “Inti idħol ftit ħin warajja. Dawn in‑nies jistgħu jitħajru jkeċċuk sempliċiment għall‑kapriċċ tagħhom.”
Għaldaqstant, malli Eumaeus daħal fil‑palazz, Odysseus qagħad barra jistenna. Dak il‑ħin lemaħ kelb xiħ, xipli u maħmuġ, bilqiegħda fit‑triq ftit metri ’l bogħod. Odysseus baqa’ mbellah hekk kif intebaħ li kien il‑kelb tiegħu, li kien ħalla warajh bħala ġeru għoxrin sena qabel. Issuspetta li billi kien tiegħu, in‑nobbli kienu keċċewh mill‑palazz. Odysseus sejjaħ ismu minn taħt l‑ilsien, “Argos!”
Għalkemm kienu għaddew għoxrin sena, il‑kelb għaraf leħen Odysseus minnufih. Bata ftit sakemm qam fuq saqajh, u mexa bil‑qajla lejn Odysseus. Beda jingħi u jferfer ftit denbu hekk kif wasal ħdejn Odysseus. Iżda l‑eċċitament, il‑ferħ li ħakmu malli reġa’ ra lil sidu, kien wisq għal qalb ix‑xwejjaħ kelb, u dlonk waqa’ mejjet fejn saqajn Odysseus. Demgħa qabżet minn għajnejn Odysseus.
Bil‑mod, daħal fil‑palazz, u qagħad f’rokna mwarrba. Telemachus lemħu, u talab lil Eumaeus joħodlu ftit laħam u ilma.
Odysseus stejqer, u wara, biex jieħu idea ta’ kif kienu n‑nobbli, resaq lejhom u beda jdur madwarhom, jittallab għal xi ikel biex ipoġġih fl‑ixkora li kellu. Xi wħud minnhom kellhom ħniena minnu u tawh xi fdalijiet, iżda Antinous, li kien meqjus bħala l‑kap, il‑perċimes, tal‑klikka, beda jgħajru u jirrabja għax kienu ħallew lil tallab jiġri ma’ saqajhom.
“Ħu din jekk trid!” qallu, hekk kif ħataf banketta u ssuttaha lejn Odysseus.
Il‑banketta laqtet lil Odysseus bil‑qawwa fuq spalltu, iżda ma ċċaqlaqx. Minflok, mexa lejn il‑bieb tas‑sala, dar, u kellem lin‑nobbli.
“Dan in‑nobbli kburi għażel li jżeblaħ lil tallab imsejken, u b’hekk ġab il‑mistħija fuqkom ilkoll. Iżda l‑allat lesti li jipproteġu lil tallab ukoll, u issa nitlobhom iġibu l‑qirda fuqu dakinhar li jiżżewweġ!”
Ir‑reġina Penelope, li dak il‑waqt kienet fis‑sular ta’ fuq mal‑qaddejja tagħha, inkwetat meta semgħet li n‑nobbli kienu ttrattaw ħażin lil tallab f’darha. Bagħtet għal Eumaeus, u talbitu jġib lit‑tallab quddiemha.
“Smajt li dar ħafna postijiet. Hemm mnejn sema’ xi aħbar dwar Odysseus.”
Eumaeus mar isib lil Odysseus, u qallu li Penelope xtaqet tkellmu, iżda Odysseus għamel tabirruħu li beża’ jerġa’ jaqsam is‑sala fejn kien hemm in‑nobbli, għax ma riedx li jerġgħu jaqbdu miegħu. Madankollu, talab lil Eumaeus jgħid lil Penelope li kien se jaraha ma’ nżul ix‑xemx.
Odysseus ma kienx l‑uniku tallab li kien qiegħed jiġġerra fil‑palazz. Kien hemm ukoll wieħed li kien jismu Irus. Dan kien vagabond li kien jaqdi lin‑nobbli biex jaqla’ xi ftit ikel. Kien qed iħares biċ‑ċiera lejn Odysseus għaliex ħaseb li seta’ joħodlu postu.
“Warrab minn hawn, ja xiħ,” qallu, “għax inkella nkaxkrek ’il barra jien minn saqajk.”
Odysseus ħares lejh bil‑kalma kollha. “Jien m’għamiltlek xejn ħażin,” wieġbu. “Ma rridx innaqqsek minn dak li qiegħed tieħu hawn. Hawn biżżejjed x’niddubbaw it‑tnejn. Madankollu, tipprovokanix.”
Malli sema’ dan, Irus xejjer idejh quddiem wiċċ Odysseus, u sfidah għal ġlieda. Dan għoġob lin‑nobbli li kienu qed jisimgħu. Għalihom kien se jkun spettaklu.
“Mela ħalli niffurmaw ċirku madwarhom, sinjuri,” għajjat Antinous. “Lil min jirbaħ nagħtuh ikla papali u naħtruh ir‑re tat‑tallaba!”
Odysseus kompla magħhom. “Ma nixtieqx niġġieled ma’ dan iż‑żagħżugħ,” qal. “Imma milli jidher m’għandix għażla. Madankollu, nitlob ħaġa waħda biss mingħandkom. Ħadd minnkom m’għandu jerfa’ jdejh biex jgħin lil Irus.”
In‑nobbli kollha qablu, u Odysseus neża’ ċ‑ċraret li kellu u rabathom ma’ qaddtu. In‑nobbli stagħġbu malli raw il‑muskoli fi driegħu u f’saqajh u s‑sider mibni tiegħu. Irus ukoll beda jitħasseb, u xtaq li jwaqqaf kollox. Imma’issa kien tard wisq. In‑nobbli kienu qed jippretendu taqbida.
It‑tnejn għollew il‑ponnijiet lejn xulxin. Odysseus kien qiegħed jaħsibha joqtolx lil dak iż‑żatat mal‑ewwel daqqa, iżda għalissa ma riedx jallarma lin‑nobbli. Għalhekk, meta Irus fajjarlu daqqa fuq spalltu, Odysseus resaq la ġenba, u tah daqqa – mhux bis‑saħħa kollha li kellu – fuq għonqu. Irus waqa’ dahru mal‑art.
Irus baqa’ hemm jokrob, sakemm Odysseus ħatfu minn saqajh, kaxkru sa bieb is‑sala, u waqqfu mal‑ħajt.
“Tiċċaqlaqx minn hawn u żomm il-#8209;qżieqeż u l‑klieb barra,” qallu. “U ħu din bħala lezzjoni biex iġġib ruħek sew mal‑barranin. Darb’oħra ma nkunx daqshekk ħanin!”
Dik l‑għaxija, meta n‑nobbli kienu spiċċaw il‑festin tagħhom u telqu jorqdu, Odysseus baqa’ waħdu ma’ Telemachus.
“L‑ewwel parti tal‑pjan irnexxa,” qallu. “Issa għat‑tieni parti. L‑armi kollha li għandna mdenlin mal‑ħitan: hemm bżonn inneħħuhom kollha u naħbuhom. Jekk xi ħadd min‑nobbli jsaqsik xi ħaġa, għidilhom li niżżiltuhom biex jitnaddfu. Għidilhom li d‑duħħan mill‑ħġejjeġ li qabbdu fil‑palazz tappnuhom.”
Dlonk il‑missier u l‑iben bdew iniżżlu x‑xwabel, il‑lanez u t‑tarki minn fuq il‑ħitan. F’daqqa waħda feġġ dawl isfar dgħajjef li għatta lill‑ħitan kollha. Telemachus ħares madwaru mistagħġeb.
“Missier, dad‑dawl kollu mnejn ġej? Naħseb li hawn xi alla fil‑palazz!”
Odysseus minnufih fehem li l‑alla Athena kienet qed terġa’ tgħinu, imma riedet tibqa’ moħbija.
“Toqgħodx issaqsi, ibni,” wieġeb. “Ħadd ma jista’ jifhem kif jaħdmu l‑allat. Issa li lestejna, mur orqod. Jien se mmur inkellem lil ommok.”
Ftit ħin wara Penelope daħlet fis‑sala. Malli lemħet lil Odysseus saqsietu min kien u minn fejn kien ġej. Odysseus ivvinta storja, u saħansitra qalilha li fil‑fatt kien iltaqa’ ma’ Odysseus u li kien qallu li kien fi triqtu lura d‑dar.
Penelope bdiet tibki malli semgħet dan, iżda wara dak iż‑żmien kollu ta’ stennija, bilkemm riedet temmen li żewġha kien tassew għadu ħaj u li kien se jiġi lura f’qasir żmien.
“Madankollu niżżik ħajr ta’ kliemek li qiegħed jagħtini ftit faraġ.” U kompliet, “Issa, ħalli nġib lill‑qaddejja tiegħi ħalli jgħinuk tieħu banju u jlestulek sodda komda fejn torqod. Nagħtik merħba f’dari u ma nħallix lin‑nobbli jdejquk aktar.”
Odysseus qalilha li kien jippreferi waħda mill‑qaddejja x‑xjuħ biex tgħinu, għaldaqstant Penelope talbet lix‑xwejħa Euryclea taħsillu saqajh hi.
Issa Euryclea kienet ħadet ħafna ħsieb Odysseus meta kien għadu ċkejken, u għal mument Odysseus beda jibża’ li setgħet tagħrfu. Ipprova jżomm wiċċu fid‑dell tal‑kamra hekk kif daħlet bi friskatur ilma sħun u ftit xugamani.
Iżda kien għalxejn, għax Euryclea lemħet ġerħa antika li kellu f’siequ. Minnufih intebħet min kien u għajnejha bdew idemmgħu.
“Huwa int, għażiż tfajjel tiegħi! Inti biss għandek dik il‑ġerħa!” U dlonk dawret wiċċha lejn Penelope, li kienet bilqiegħda ftit ’il bogħod. Iżda ma laħqitx tniffset, għax Odysseus għattielha ħalqha b’idu.
“Għażiża Euryclea,” qalilha minn taħt l‑ilsien, “trid tarani mejjet? Iva, jien Odysseus, u wasalt lura d‑dar, imma n‑nobbli joqtluni jekk ikunu jafu min jien. Issa ’l dawk nieħu ħsiebhom meta u kif irrid jien.”
Odysseus neħħa idu minn fuq ħalqha. “Għażiż tiegħi,” weġbitu, “m’għandekx tibża’ li se nikxfek. Mhux se taħrab kelma minn ħalqi!”
Malli Odysseus serraħ rasu li s‑sigriet tiegħu kien għadu mistur, ħallieha taħsillu saqajh. Malli lestiet, mar joqgħod ħdejn Penelope qrib il‑fuklar, u din id‑darba għamel minn kollox biex il‑ġerħa tkun moħbija sew taħt il‑ħwejjeġ.
Wara ftit ħin jitkellmu flimkien, Penelope stqarret li ma setgħetx issib aktar skużi biex iddum ma twieġeb lin‑nobbli, li kienu għadhom qed jistennewha tiddeċiedi lil min minnhom kellha tiżżewweġ.
“Ma jimpurtani minn l‑ebda wieħed minnhom,” qalet. “Għaldaqstant biħsiebni norganizza kompetizzjoni. Niftakar kif il‑maħbub Odysseus tiegħi kien jieħu gost juża l‑qaws iebes tiegħu u bih jgħaddi vleġġa minn qalb l‑irjus ta’ tnax‑il mannara mqegħdin f’filliera waħda. Jekk xi ħadd min‑nobbli jkun kapaċi jagħmilha, niżżewweġ lilu.”
“Dik idea eċċellenti,” wieġeb il‑makakk Odysseus, “u għandek tagħmilha mill‑aktar fis possibbli, għax nissuspetta li Odysseus se jilħaq jasal qabel ma xi wieħed minn dawk il‑misħutin jirnexxilu jilwi l‑qaws!”
L‑għada filgħodu Odysseus stenbaħ kmieni. Kien għad ma kellux pjan sħiħ kif seta’ jeħles min‑nobbli. Għolla jdejh ’il fuq u beda jitlob.
“O Alla Zeus, Missier l‑Allat, għoġbok tħallini nasal lura dari. Agħtini xi sinjal biex turini li għadek qiegħed tieħu ħsiebi.”
Bilkemm laħaq temm it‑talba li Zeus ma tahx it‑tweġiba tiegħu. Ragħda qawwija dwiet mal‑pajjiż kollu. Dan qawwa qalb Odysseus mhux bil‑ftit, u niżel fis‑sala prinċipali kuntent.
Ma damx wisq ma beda jara lin‑nobbli ġejjin wieħed wieħed jew tnejn tnejn għall‑kolazzjon. Ftit wara wasal Telemachus ukoll, u ordna biex ix‑xwejjaħ tallab jingħata post fir‑rokna u banketta u tavolina biex jiekol ftit ikel.
Dlonk tfaċċat Penelope. F’idejha kellha qaws kbir u stoċċ mimli vleġeġ. Warajha ġew il‑qaddejja tagħha, bi tnax‑il ras ta’ mannara. Penelope malajr spjegat x’kellha f’rasha.
“Sinjuri,” qaltilhom. “Ilkom qatigħ tgawdu f’dari bl‑iskuża li tistennewni nagħżel wieħed minnkom jiżżewwiġni. Issa wasal il‑waqt. Se niżżewweġ lil dak il‑wieħed minnkom li jkun kapaċi jilwi dan il‑qaws u jispara vleġġa u jgħaddiha mit‑toqob kollha f’salt tal‑irjus ta’ dawn l‑imnanar f’ringiela waħda.”
Għal mument kien hemm skiet perfett. Fl‑aħħar, Telemachus ħareġ fin‑nofs, neħħa l‑mantell, u beda jpoġġi l‑irjus tal‑imnanar f’ringiela wara xulxin. Il‑vleġġa kellha tgħaddi mit‑toqba tal‑ewwel mannara għal ta’ warajha. Għalkemm Telemachus qatt ma kien ra din il‑logħba ssir, kien jaf xorta waħda x’kellu jagħmel. Waħħal l‑imnanar fuq tavla tal‑injam, u ttawwal mit‑toqba tal‑ewwel mannara biex jara li setgħet tidher it‑toqba tal‑mannara ta’ wara nett. Malli lesta, ħa l‑qaws mingħand ommu.
“Ħalli nipprova jien, l‑ewwel,” qal. “Jekk jirnexxili nagħmilha, mela ommi m’għandha bżonn tiżżewweġ lil ħadd!”
F’dawk iż‑żminijiet il‑qwies kienu magħmulin mill‑qrun tal‑barrin, mhux mill‑injam. L‑ispag kien magħmul mill‑ġild iebes tal‑annimali. Kienu jintrabtu mal‑qaws permezz ta’ ħoloq fit‑truf. Biex l‑ispaga tkun soda u jkollha forza, wieħed kellu jgħawweġ il‑qaws sew biex ikun jista’ jqabbad l‑ispaga maż‑żewġt itruf.
Telemachus żamm il‑qaws sew u tqanżaħ biex jgħawweġ il‑qaws, iżda kien iebes wisq. Ipprova tliet darbiet, iżda għalxejn. Mar‑raba’ darba, deher li kien se jirnexxilu, imma f’dak il‑waqt lemaħ lil Odysseus minn taħt il‑għajn jagħmillu sinjal b’rasu biex ma jkomplix. Din ma kinitx parti mill‑pjan. Telemachus fehem lil missieru, u telaq il‑qaws. Ma reġax ipprova.
“Iebsa wisq għalija, sinjuri,” lissen fl‑aħħar. “Forsi meta nrabbi ftit aktar saħħa! Mela, min imissu jipprova?”
Naturalment, Antinous, bħala l‑kap tal‑klikka kien qiegħed jippretendi li hu kien se jirnexxilu. Madankollu ppropona li kulħadd jipprova darba, jibdew minn tarf tas‑sala u jmisshom wieħed wara l‑ieħor.
Wieħed wieħed, iż‑żgħażagħ nobbli ppruvaw jgħawġu l‑qaws, iżda ħadd ma kellu s‑saħħa meħtieġa biex jorbot l‑ispaga miegħu. Mument minnhom saħħnu l‑qaws fuq in‑nar u saħansitra dilku ftit grass miegħu, bil‑għan li jrattbuh xi ftit, u komplew jippruvaw.
Sadanittant Odysseus warrab mis‑sala flimkien mar‑rgħajja Eumaeus u Philoetius.
“Kieku Odysseus kien hawn illum,” qalilhom, “tkunu lesti tiġġieldu maġenbu kontra n‑nobbli?”
“Mhux li kieku jitfaċċa,” qabeż Philoetius, “nurik jien kemm jifilħu dawn id‑dirgħajn jiġġieldu għalih!”
Eumaeus tenna dak li lissen sieħbu.
Odysseus poġġa jdejh fuq spallithom. “Mela ħbieb, ix‑xewqa tagħkom se titwettaq! M’inthomx qed tagħrfuni għaliex liebes ta’ tallab, imma żgur tistgħu tagħrfu l‑ġerħa li għandi f’sieqi – il‑ġerħa li Odysseus biss għandu!”
Iż‑żewġt iħbieb stagħġbu mbikkmin bil‑ferħ, imma Odysseus sikkithom biex ma jagħmlux ħafna storbju ħalli ma jinkixfux.
“Issa, ara x’irridkom tagħmlu. Inti, Eumaeus, għaddili l‑qaws meta nagħmillek sinjal, u wara għid lin‑nisa kollha tad‑dar biex ma jidħlux fis‑sala. Philoetius, lilek irridek tagħlaq il‑bibien tas‑sala. Malli tlestu, erġgħu ejjew ħdejja, imma mhux flimkien, ħalli ma tagħtux fil‑għajn.”
Malli Odysseus reġa’ daħal fis‑sala, kien għad baqa’ biss Eurymachus u Antinous biex jippruvaw jgħawġu l‑qaws. Eurymachus ġabar il‑qaws, saħħnu fuq in‑nar, u dilku bil‑grass. Tqanżaħ mhux ftit biex jgħawġu, tant li l‑vini fuq ġbinu bdew jaqbżu. Iżda kien kollu għalxejn. Sabbat il‑qaws mal‑art b’rabja.
“Impossibbli,” lissen. “X’mistħija, din li ħadd minna hawn ġew ma hu kapaċi jgħawweġ il‑qaws ta’ Odysseus! Se nidhru ridikoli ma’ kulħadd!”
“Ħmerijiet,” qabeż Antinous. “Ftakru li llum hija l‑festa ta’ Apollo, l‑alla tal‑arċieri. Nagħmlulu sagrifiċċju, u nerġgħu nippruvaw għada.”
Kien f’dan il‑waqt li Odysseus resaq ’il quddiem.
“Naf li jiena sempliċi tallab,” qalilhom, “iżda nixtieq nipprova ngħawweġ il‑qaws jien, sempliċiment biex nara għadnix b’saħħti bħalma kont f’żgħożiti.”
Malli n‑nobbli semgħu dan qam storbju sħiħ fis‑sala, hekk kif bdew jidħqu u jżebilħu bih.
“Kemm tiflaħ tkun insolenti, ja baħnan!” qallu Antinous. “Milli jidher l‑inbid tela’ għal rasek!”
Ir‑reġina Penelope ma kienet tkellmet xejn minn mindu ssuġġeriet il‑kompetizzjoni. Imma issa tkellmet.
“Antinous, ftakar li tinsab mistieden f’dari, u mhux se nippermettilek toffendi lill‑mistednin l‑oħra tiegħi. Tassew li forsi ma jkunx jista’ jgħawweġ il‑qaws. U anki jekk jirnexxilu, taħsbu li se joħodni f’daru biex jiżżewwiġni? Dażgur li le! Allura għaliex m’għandux jipprova hu wkoll?”
Issa mess lil Telemachus jidħol fid‑diskussjoni.
“Omm,” qabeż jgħid, “Dan il‑qaws kien ta’ missieri, għaldaqstant issa huwa tiegħi. Jiena biss għandi d‑dritt niddeċiedi min jużah. Inti mur f’kamartek, u ħalli lill‑irġiel isolvu din il‑kwistjoni!”
Penelope skantat bl‑imġiba ta’ binha lejha, imma ma tniffsitx, u telqet f’kamritha. Malli telqet, Telemachus ġabar il‑qaws u għaddieh lil Odysseus.
“Hawn, tallab. Urina x’għandek ħila tagħmel.”
Hekk kif uħud min‑nobbli bdew igergru minn taħt l‑ilsien, Odysseus qabad il‑qaws u beda jiflih. Sadanittant, Eumaeus beda miexi bil‑qajla lejn il‑bieb, u kellem lil Euryclea minn taħt l‑ilsien.
“Telemachus irid lilkom in‑nisa kollha tmorru f’kamritkom u tissakkru hemm. Toħorġux minn hemm qabel ma niġu għalikom aħna. Tagħtux kas l‑istorbju li tisimgħu fis‑sala.”
Euryclea fis ħarġet mis‑sala, u sakkret il‑bieb warajha. Fl‑istess ħin, Philoetius resaq lejn il‑bieb li kien jagħti għall‑bitħa u sakkru wkoll ħalli ħadd ma jkun jista’ jaħrab minn hemm. Wara dan, Eumaeus u Philoetius marru jsibu posthom wara Odysseus.
Malli Odysseus ra li kienu f’posthom, ipprova jgħawweġ il‑qaws. Kulħadd fis‑sala baqa’ sieket u mbellah hekk kif għawweġ il‑qaws mingħajr ebda tqanżih ta’ xejn. Malli l‑ispaga kienet issikkata sew mal‑qaws, ġibidha darba, u għamlet ħoss bħan‑nota ta’ arpa. Qabad vleġġa, poġġieha mal‑ispaga, u għolla l‑qaws lejn l‑imnanar. Bilkemm qagħad jieħu l‑ħin biex jimmira sew. Telaq l‑ispaga u l‑vleġġa sparat ’il quddiem. Taret minn ġot‑toqob tal‑imnanar kollha u weħlet mal‑ħajt ta’ faċċata.
Hekk kif in‑nobbli kollha baqgħu skantati b’dak li raw, Odysseus tajjar il‑mantell minn fuqu u waqaf quddiem il‑bieb prinċipali. Ħataf vleġġa oħra. Mingħajr kliem ta’ xejn, spara l‑vleġġa dritt lejn Antinous, li minnufih waqa’ mejjet mal‑art. In‑nobbli l‑oħra, imbellhin u rrabjati fl‑istess ħin, bdew jgħajtu hekk kif marru għat‑tarki u l‑armi li suppost kienu mdendlin mal‑ħitan. Imma ma sabu xejn, għaliex Odysseus u Telemachus kienu neħħewhom il‑lejl ta’ qabel. Daru lejn Odysseus.
“Ja miġnun!” bdew jgħajtu, “qtilt lil wieħed mill‑aqwa nobbli tal‑pajjiż! Se tpattiha qares ta’ dan!”
“Ja nies ta’ qattagħni!” Odysseus wieġeb lura. “Ħsibtu li ma kontx se niġi lura minn Trojja? Dħaltu fil‑palazz tiegħi u għamiltuh maqjel, ħadtu mill‑ikel u x‑xorb tiegħi, ippruvajtu tieħdu lil marti waqt li għadni ħaj, u saħansitra kasbartu r‑rieda tal‑allat. Issa wasal iż‑żmien li tħallsu bil‑qares!”
In‑nobbli ma ċċaqalqux u baqgħu jħarsu skantati lejn Odysseus. Kif, dan kien tassew Odysseus li kien reġa’ ġie lura? F’daqqa waħda bdew jitkellmu f’salt, kull wieħed jipprova jġib skuża għall‑imġiba tiegħu u jwiegħed kif seta’ b’xi mod isewwi l‑ħsara billi joffri teżori jew bhejjem. Iżda Odysseus ma tax kashom.
“Għandkom għażla waħda,” għajjat fuq l‑istorbju tagħhom. Minnufih reġgħu siktu. “Jew tilqgħu l‑isfida tiegħi u niġġieldu bil‑fier, jew tippruvaw taħarbu – imma naċċertakom li f’dak il‑każ ftit li xejn minnkom se jsalvaw.”
Eurymachus kien l‑ewwel wieħed li ħareġ ix‑xabla tiegħu u ħabat għal Odysseus. Iżda lanqas laħaq għamel erba’ passi, hekk kif b’ħeffa li ma titwemminx, Odysseus sparalu madwar sitt vleġeġ.
Hekk kif għamel biex jaħtaf vleġġa oħra mill‑istoċċ, nobbli ieħor ħebb għalih.
“Missier,” għajjat Telemachus, “għandna bżonn aktar armi! Nista’ mmur inġib aktar armi u tarki għalik, għal Eumaeus u għal Philoetius.”
“Mur iġri. Nibqa’ nżommhom lura sakemm jispiċċawli l‑vleġeġ,” wieġeb Odysseus.
Telemachus fetaħ il‑bieb u mar fil‑kamra fejn kienu stivaw l‑armi l‑lejl ta’ qabel. Malli ġie lura mgħobbi, sab numru ta’ iġsma mal‑art quddiem Odysseus. Il‑vleġeġ ta’ Odysseus kienu kważi spiċċawlu, iżda issa, bl‑elmi, it‑tarki u l‑armi li ġabilhom Telemachus, l‑erbgħa li kienu setgħu jwaqqfu r‑ruxmata ta’ nobbli li qabżu fuqhom.
Madankollu, wieħed mil‑qaddejja tan‑nobbli żgiċċa mill‑bieb li Telemachus kien ħalla miftuħ, u issa ġie lura b’aktar armi għan‑nobbli.
F’dak il‑mument dehret Athena fix‑xbiha ta’ Mentor, l‑għalliem ix‑xiħ ta’ Odysseus, li beda jqawwilu qalbu biex ma jiqafx. B’xi mod Odysseus intebaħ li fil‑fatt kienet qed tkellmu Athena. F’daqqa waħda Mentor għeb u minfloku tfaċċa għasfur tal‑bejt li tar fil‑għoli.
Iżda sadanittant, in‑nobbli wkoll armaw ruħhom sew, u billi kienu numru kbir, ma bdewx jibżgħu aktar u jibqgħu lura.
“Taħlux il‑lanez li għandna waħda waħda!” għajjat wieħed minnhom. “Ħalli nwaddbuhom kollha f’daqqa lejn Odysseus! Ladarba noqtlu lilu, lit‑tlieta l‑oħra neħilsu minnhom malajr.”
Minnufih, sitta minnhom waddbu l‑lanez tagħhom f’salt. Iżda Athena kienet għadha qed tħares lil Odysseus. Dawret il‑lanez fl‑arja, u dawn waqgħu ma’ saqajn Odysseus mingħajr ma messewh.
“Issa aħna jmiss!” għajjat Odysseus.
Erba’ lanez taru lejn in‑nobbli, u erba’ minnhom waqgħu tulhom fl‑art. Il‑bqija tan‑nobbli resqu lura, u Odysseus u sħabu ġrew lejn in‑nobbli l‑mejtin u ġabru l‑lanez tagħhom.
U hekk issuktat il‑battalja. Lanza laqtet lil Telemachus fil‑polz. Eumaeus ġarrab ferita fuq spalltu. Iżda xejn ma waqqaf lill‑erbat iħbieb milli jkomplu jimxu ’l quddiem, iwaddbu l‑lanez u jxejru quddiemhom ix‑xwabel imdemmija. L‑ebda wieħed min‑nobbli ma żgiċċalhom. Fi ftit ħin, kienu kollha minxurin mal‑art, mejta.
Malli l‑istorbju kien waqaf, l‑iġsma tal‑mejtin ġarrewhom ’il barra u l‑qaddejja ħaslu d‑dmija mill‑art, Odysseus qabbad lil Euryclea tmur isejjaħ lil martu.
Ix‑xwejħa marret tiġri fil‑kamra ta’ Penelope, fejn sabitha rieqda.
“Qum, Sinjura!” qaltilha bil‑ħlewwa. “Għandi aħbar sabiħa x’nagħtik! Odysseus qiegħed hawn, u għadu kemm qatel lin‑nobbli kollha!”
Penelope baqgħet tħares lejn il‑qaddejja tagħha mistagħġba, u għal mument ħasbet li x‑xwejħa kienet qed tiġġennen. Iżda sadanittant Euryclea kienet għadha qed titkellem tiġri u tirrakkontalha kif Telemachus kien iltaqa’ ma’ missieru qabel u kif kienu miftehmin, u kif hi stess għarfet lil Odysseus mill‑ġerħa li kellu f’siequ.
Hekk kif bilkemm kienet għadha bdiet temmen l‑istorja kollha, Euryclea ħaditha fis‑sala ewlenija. Hemmhekk Penelope rat raġel żdingat, bl‑ilbies ċraret u kollu mdemmi. Ħarset ċassa lejn wiċċu, iżda xorta baqgħet ma għarfitux.
Odysseus tbissmilha. “M’hemmx għaġla,” lissen. “Biż‑żmien se nagħtik biżżejjed provi biex tagħrafni.”
B’dan il‑kliem, Odysseus ħareġ mis‑sala u mar jieħu banju sħun u libes ħwejjeġ puliti. Athena żaritu dak il‑waqt, u reġgħet bidlitlu surtu, mit‑tallab ix‑xwejjaħ għax‑xbiha proprja tiegħu. Wara dan, reġa’ mar għand Penelope. Għalkemm kien tbiddel xi ftit wara għoxrin sena, Penelope issa setgħet tagħraf lil żewġha sew, u wara ftit taħdit bejniethom, fejn ġeddew ftit memorji u sigrieti antiki li huma t‑tnejn biss kienu jafu, Penelope għannqitu mbikkma.
“Aħfirli talli m’għaraftekx mill‑ewwel, Odysseus,” lissnet ir‑reġina. “L‑allat firduna għal tant żmien li ma bdejt nafda lil ħadd. Ma tafx kemm ġew jarawni rġiel, kollha jgħidu li kienu inti!”
Fl‑aħħar Odysseus kien wasal daru u reġa’ kien mal‑familja tiegħu. Iżda l‑inkwiet għalih kien għadu ma ntemmx. L‑għada filgħodu, il‑qraba tan‑nobbli maqtulin saru jafu b’dak li kien ġara, u riedu jpattuha lil Odysseus.
Odysseus kien qiegħed iżur lil missieru meta waslitlu l‑aħbar li armata nies kienet riesqa lejhom għas‑sodisfazzjon. Ma kellu lil ħadd ħlief missieru u xi ftit qaddejja biex jiddefendu ruħhom, madankollu armaw sew u ħarġa jistennew lill‑armata.
Athena marret quddiem Zeus. “X’se tagħmel, Missier?” qaltlu. “Trid li jkun hemm il‑gwerra f’Ithaca wkoll?”
“Għalfejn qiegħda ssaqsi lili?” weġibha r‑re tal‑allat. “Mhux inti għent lil Odysseus jiġi lura f’daru? Agħmel li trid. Mill‑banda tiegħi nippreferi li jkun hemm il‑paċi.”
Minnufih Athena niżlet u tfaċċat quddiem iż‑żewġ gruppi ta’ nies.
“Ċittadini ta’ Ithaca!” għajtet. “Ieqfu mill‑ġlied darba għal dejjem! Morru lura f’darkom u għixu fil‑paċi!”
Malli l‑qraba tan‑nobbli lemħu lil Athena, twerwru, telqu l‑armi tagħhom, u lebbtu lura minn fejn ġew. Odysseus għajjat għajta twila u beda jiġri warajhom.
Imma issa ndaħal Zeus ukoll. Waddab sajjetta quddiem Odysseus. Athena qaltlu li dan kien sinjal mill‑allat biex jieqaf mill‑ġlied minn issa ’l quddiem.
Odysseus baxxa rasu, u telaq ix‑xabla mal‑art. Wara kollox, hu wkoll kien għajja wara dawk is‑snin kollha ta’ taqbid u tbatija.
U hekk reġgħet niżlet il‑paċi fil‑pajjiż ta’ Ithaca. U l‑vjaġġi ta’ Odysseus kienu waslu fit‑tmiem tagħhom.
TMIEM
Alleat: Ħabib. [Lura]
Ambra (jew Għambra): Likwidu ġewwa s‑siġar li jibbies wara miljuni tas‑snin. Huwa trasparenti u għandu l‑kulur il‑għasel imdardar. [Lura]
Amfiteatru (jew Anfiteatru): Bini taż‑żminijiet Griegi u Rumani, ovali, tondi jew nofs tond, fejn in‑nies jiltaqgħu biex jaraw drammi, logħob atletiku jew diskussjonijiet. [Lura]
Arċier: Suldat tal‑imgħoddi armat bil‑qaws u l‑vleġeġ. [Lura]
Avorju: Materjal meħud min‑nejbiet tal‑iljunfanti jew ir‑rinoċeronti biex minnu jagħmlu statwetti, ġojjelli u oġġetti oħra. [Lura]
Fagu: Siġra b’zokk oħxon lixx, u l‑injam li jsir minnu biex tinbena l‑għamara. [Lura]
Ġandar: Frott tal‑balluta li jingħata bħala għalf lill‑bhejjem. [Lura]
Għadban (minn għadab): Irrabjat. [Lura]
Id‑Debb il‑Kbir: Grupp ta’ kwiekeb li jiffurmaw Ursa Major, jew The Great Bear. [Lura]
Newl: Makkinarju li bih jintiseġ il‑ħajt u d‑drapp. [Lura]
Ninfa: Tfajla fil‑mitoloġija Griega u Rumana meqjusa bħala Alla u li tgħix fl‑ilmijiet jew fil‑foresti. [Lura]
Ogygia: Xi studjużi jsostnu li Ogygia kien l‑isem Grieg għal Għawdex. [Lura]
Perċimes: Mexxej; dak li jmexxi lill‑oħrajn. [Lura]
Petala: Werqa jew folja waħda mill‑warda. [Lura]
Stoċċ: Speċi ta’ but fejn il‑persuna żżomm il‑vleġeġ wara daharha jew maġenb iż‑żiemel. [Lura]
Ta’ qattagħni: Ngħiduha għal persuna qalbha ħażina, li tkun lesta anki biex toqtol. [Lura]
Vagabond: Ġerrej. Wieħed għażżien li jrid jara kif jiddobba mingħand ħaddieħor. [Lura]
Iċ-Ċurkett tan-Nibelungi
© 2025
Norman C. Borg
liċenzjat bħala
CC BY-NC-ND 4.0. Dan ix-xogħol:
CC: Creative Commons
BY: għandu dejjem jinkludi ħajr lill-awtur;
NC: ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu;
ND: ma jistax jiġi ppubblikat jew riprodott b’mod fotostatiku, elettroniku jew mekkaniku.