Jonathan Swift
(1667-1745)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Ġeneri
Artkli
Essejs
Fantasija
Poeżija
Stejjer

Kotba fil-Librerija
Il-Vjaġġi ta' Gulliver 
 

Għalkemm Jonathan Swift huwa l-aktar magħruf għar-rumanz popolari tiegħu Il-Vjaġġi ta’ Gulliver, fil-fatt kien kittieb prolifiku ħafna, għax kiteb 230 xogħol, bejn stejjer, esejs u artikli, kif ukoll 300 poeżija u mijiet ta’ ittri li kollha saru parti importanti tal-letteratura Ingliża.

Swift twieled nhar it-30 ta’ Novembru, 1667, d’Dublin, l-Irlanda. Il-ġenituri tiegħu kienu Ingliżi, imma kienu jgħixu l-Irlanda. Għalhekk Swift tgħallem fi skejjel u kulleġġi Irlandiżi, f’Kilkenny Grammar School u fi Trinity College. Minn dan tal-aħħar ħareġ bil-Baċċellerat tal-Arti.

Beda jikteb fl-1704, meta ħareġ żewġ kotba ta’ proża. Wara dan tista’ tgħid li ma waqafx jikteb sal-1736, u kien jikteb kull għamla ta’ kitba. X’aktarx kien l-awtur li kiteb l-aktar xogħlijiet fi żmienu.

Ħafna mill-kitba tiegħu kienet satirika, jiġifieri kienet miktuba bl-iskop li tikkritika u tniggeż li xi ħaġa jew lil xi ħadd. Kien jara ħafna affarijiet ħżiena fis-soċjetà ta’ żmienu, għalhekk kien juża l-kitba biex jattakka dawn l-affarijiet u biex iħeġġeġ lill-qarrejja tiegħu jikkritikawhom ukoll.

Il-Vjaġġi ta’ Gulliver ħareġ fl-1726, u huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar rumanzi popolari, mhux fl-Ingilterra biss, imma madwar id-dinja. It-titlu proprja tar-rumanz huwa Il-Vjaġġi ta’ Lemuel Gulliver f’bosta nħawi madwar id-dinja.

Anki f’dan ir-rumanz, Swift għamel kummentarju biex jikkundanna l-liġijiet u d-drawwiet tas-soċjetà Ingliża kif ukoll ta’ ħafna pajjiżi oħra Ewropej. Fil-fatt wieħed mill-karattri fl-istorja jiddeskrivi l-poplu Ewropew bħala “l-agħar parassita odjuż u qerriedi fid-dinja.”

Swift miet nhar id-19 t’ Ottubru, 1745.

Qari tal-provi: Priscilla Sammut
© Norman C. Borg