Jonathan Swift
(Irlandiż, 1667-1745)
Madwar 4,100 kelma
Ġeneri
Fantasija
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-provi: Priscilla Sammut
Jisimni Lemuel Gulliver. Il‑vjaġġi tiegħi bdew nhar l‑4 ta’ Mejju, 1699. Sellimt lill‑mara u liż‑żewġt itfal tiegħi u rħejtilha għall‑port ta’ Bristol minn fejn salpajna lejn l‑ibħra tan‑Nofsinhar. Abbord kont it‑tabib taċ‑ċorma.
Għall‑ewwel ftit ġimgħat ma kienx hemm problemi, imma wara ħbatna ma’ maltempata kbira u x‑xini tagħna nnawfraga. Jien u ħames baħrin oħra lħaqna tlajna fuq waħda mid‑dgħajjes u ppruvajna naqdfu lejn gżira żgħira li lmaħna fil‑qrib. Imma ma lħaqniex wasalna sal‑art għaliex mewġa għolja qalbet id‑dgħajsa u spiċċajna kollha fl‑ilma. Malli tlajt f’wiċċ l‑ilma ma rajt lil ħadd minn sħabi, u ntbaħt li kont l‑uniku wieħed li salvajt.
Bdejt ngħum lejn l‑art sakemm fl‑aħħar stajt inħoss il‑qiegħ taħt saqajja. Wara ftit stajt nimxi għal fuq ir‑ramel ta’ bajja. Madwari la kienu jidhru nies u lanqas djar. Imxejt madwar xi mil tul il‑kosta, imma bqajt ma rajt ’il ħadd. Għajjien kif kont, intlaqt fuq xi ħaxix u għajni dlonk marret bija.
Kien binhar malli stenbaħt. Għal xi sekondi bqajt mimdud mal‑art, nipprova niftakar fejn kont, u ppruvajt inqum. Malajr intbaħt li la stajt inċaqlaq rasi, la driegħi u lanqas riġlejja! Kont marbut mal‑art, anki minn xagħri! Smajt xi speċi ta’ żarżir ma’ widinti, imma ma stajtx naqbad x’kien.
F’daqqa waħda ħassejt xi ħaġa miexja fuq sieqi x‑xellugija. Baqgħet tielgħa tul ġismi sakemm waqfet qrib geddumi. Ċaqlaqt għajnejja ’l isfel kemm stajt u rajt raġel żgħir, twil inqas minn sitt pulzieri. Kellu qaws u vleġġa f’idejh.
F’qasir żmien bdejt inħoss aktar nies żgħar jiġru kullimkien fuqi. Tant ħadt qatgħa b’dak li rajt li qbadt ngħajjat. Dan werwer lin‑nies iż‑żgħar, li bdew jiġru u jaqgħu fuq xulxin biex ifittxu jinżlu minn fuqi. Aktar tard sirt naf li xi ftit minnhom kienu weġġgħu malli waqgħu minn fuq sidri.
Bi sforz qawwi rnexxieli naqta’ l‑irbit li kelli ma’ driegħi ix‑xellugija u ftit minn ma’ xagħri, tant li stajt indawwar rasi. Dan beżża’ lin‑nies iż‑żgħar aktar, u wħud minnhom bdew jisparawli l‑vleġeġ. Xi ftit vleġeġ waqgħu fuq idi u fuq wiċċi, u bdew iniggżuni.
In‑nies iż‑żgħar warrbu minn ħdejja imma baqgħu josservawni minn ftit ’il bogħod. Jien ma ċċaqlaqtx u bqajt inħares lejhom, sakemm qatgħuha li ma kontx perikoluż. Għalhekk ħallew ftit aktar mill‑irbit, u stajt indawwar rasi ftit aktar.
Issa stajt nara li fuq in‑naħa ta’ rasi kienu bnew pjattaforma sabiex l‑Imperatur tagħhom ikun jista’ jkellimni u jħares dritt f’għajnejja. Beda jkellimni, imma ma stajt nifhem xejn. U beda anki jaqbadni l‑ġuħ. Allura ppuntajt lejn ħalqi u bdejt ngħamel mossi qisni qed nomgħod. Jidher li fehemni, għax minnufih ta l‑ordni biex iġibuli x’niekol u x’nixrob.
Poġġew xi slielem ma’ ġenbi, u f’kemm ili ngħid mijiet ta’ nies żgħar telgħu fuqi, b’ħafna basktijiet mimlijin ikel. Kull biċċa laħam kienet id‑daqs ta’ piżella, għalhekk kelli nibqa’ nitlob iġibuli aktar. Il‑ħobż tant kien żgħir li bdejt niekol tliet ħobżiet f’belgħa waħda.
Bettija nbid kienet qisha grokk wieħed għalija. Hekk kif xrobtha baqgħu jħarsu lejja b’ħalqhom miftuħ. Naħseb li qatt f’ħajjithom ma kienu raw lil xi ħadd jixrob daqshekk inbid f’salt. Imma baqgħu jġibuli l‑btieti, u jien bqajt nixrobhom.
Bdejt ngħamel is‑sinjali biex inġegħelhom jifhmu li ma kontx biħsiebni naħrab, u llaxkaw il‑ħbula biex inkun nista’ nimtedd la ġenba. Poġġew ukoll xi tip ta’ ungwent fuq il‑ġilda fejn kienu laqtuni bil‑vleġeġ.
Ftit wara, għajni reġgħet marret bija.
Meta stenbaħt sibt li kont għadni marbut, imma kont mimdud fuq speċi ta’ pjattaforma fuq roti, li kienet qed tmexxini sal‑belt kapitali ta’ dawn in‑nies ċkejkna, xi nofs mil ’il bogħod. Il‑pjattaforma kienu qed jiġbduha elf u ħames mitt żiemel, mill‑aqwa li kellu l‑Imperatur. Aktar tard sirt naf li kellhom ikunu ħames mitt inġinier u mastrudaxxi biex jibnu l‑pjattaforma, u disa’ mitt raġel biex jerfgħuni u jpoġġuni fuqha waqt li kont rieqed.
Għal ftit żmien ma kontx naf x’kien qajjimni. Madankollu aktar tard qaluli li xi żgħażagħ riedu jkunu jafu kif kont nidher waqt li nkun rieqed. Allura telgħu fuq il‑pjattaforma u bdew mixjin bil‑mod il‑mod sakemm waslu ħdejn wiċċi. Wieħed minnhom, uffiċjali fil‑Gwardja tal‑Imperatur, deffes il‑parti ppuntata tal‑lanza tiegħu fi mnieħri, li għarrxitni u ġegħlitni nagħtas, u stenbaħt. Telqu jiġru qabel ma indunajt bihom.
Bqajna mixjin il‑ġurnata kollha, u waqafna biex iż‑żwiemel jistrieħu għal‑lejl. Ħames mitt għassies qagħdu fuq kull naħa tiegħi biex ikunu ċerti li ma naħrabx.
Fl‑aħħar wasalna fil‑belt kapitali. Il‑pjattaforma li kont marbut fuqha waqfet quddiem knisja li ma kenitx għadha użata. L‑Imperatur kien iddeċieda li nibda noqgħod fiha għax kienet l‑akbar bini li kien hemm fil‑belt. Il‑bieb kien kbir biżżejjed biex inkun nista’ nitkaxkar ġewwa meta jkolli bżonn norqod. Imma ladarba kont ġewwa kont stajt nibqa’ mimdud biss, u ma stajtx niċċaqlaq.
Madankollu, in‑nies iż‑żgħar ma ħallewnix immur fejn irrid. Poġġew fuq il‑mitt katina żgħira mal‑għaksa ta’ sieqi l‑leminija, tant li għalkemm stajt noqgħod bilwieqfa, xorta ma stajtx nimxi ħafna ’l bogħod.
Malli raw li kont marbut sew, l‑Imperatur ġie jarani. Kellu f’idu xabla, li għalija kienet daqs labra tal‑ħjata, biex jiddefendi ruħu jekk qatt nittanta ngħamel għalih. Kien raġel twil u sabiħ, itwal minn ħafna min‑niesu. Kien liebes elmu tad‑deheb b’rix ta’ ngħama fil‑quċċata. Is‑sinjuri li ġew miegħu kienu kollha libsin ilbies fastuż, kollu deheb u fidda jiddu fix‑xemx.
Ippruvajt nifhem dak li kien qed jgħidli l‑Imperatur, iżda għalkemm naf ħafna lingwi, xorta waħda ma stajtx nifhmu. F’qasir żmien telaq biex joqgħod itella’ u jniżżel joqtolnix jew le, għax barra milli kont perikoluż, kont se niswielhom ħafna flus biex jitimgħuni.
Wara li l‑Imperatur telaq, folla kbira ta’ nies ċkejknin ġew jarawni, għaliex ħadd minnhom ma qatt ra persuna kbira daqsi qabel. Xi rġiel bdew jisparawli l‑vleġeġ, u wieħed għal daqsxejn ma laqatnix f’għajni. Is‑suldati ħatfu lil dawn l‑irġiel, rabtuhom u tawhom lili biex nikkastigahom.
Qbadt ħamsa minnhom u xħetthom fil‑but tal‑ġlekk. Lis‑sitt wieħed, imwerwer waħda sew, qbadtu f'idi u għamilt taparsi se nieklu. Imma mbagħad qbadt il‑mus li kelli u qtajt il‑ħbula li kien marbut bihom. Wara, poġġejtu bil‑mod mal‑art. Lill‑ħamsa l‑oħra għamiltilhom l‑istess: ħriġthom mill‑but wieħed wieħed. Kulħadd stagħġeb meta rawni nittrattahom b’mod daqshekk ġentili.
Tnejn mis‑suldati marru għand l‑Imperatur u rrakkuntawlu x’għamilt. Għalhekk iddeċieda li ma joqtolnix talli kont daqshekk ġentili ma’ niesu. Lil dawk in‑nies li kienu jgħixu viċin ta’ dari ordnalhom biex jibdew iġibuli sitt baqriet u erbgħin nagħġa kuljum, kif ukoll inbid x’nixrob. Bilkemm kien biżżejjed għalija billi kollox kien ċkejken.
Tliet mitt ħajjat tqabbdu jagħmluli ħwejjeġ ġodda, u sitt mitt ruħ kellhom ikunu l‑qaddejja tiegħi. Armaw tined maġenb il‑knisja fejn kont qed noqgħod biex ikunu jistgħu jaqduni malajr.
Barra minn dawn, kien hemm ukoll sitt irġiel li kellhom jgħallmuni l‑lingwa.
Tliet ġimgħat wara stajt nifhem u nitkellem il‑lingwa tagħhom mhux ħażin. L‑ewwel ħaġa li tlabt lill‑Imperatur kienet li jneħħili l‑ktajjen u jħallini ħieles. Qalli li l‑ewwel kellu jkun ċert li ma kelli xejn li seta’ jkun ta’ periklu lill‑poplu tiegħu. Żewġt irġiel daħlu fi bwieti biex jaraw x’kelli, u niżżlu kollox f’lista biex jgħadduha lill‑Imperatur.
Tawni isem ġdid ukoll: ir‑Raġel Muntanja. Fi bwieti sabu:
Maktur, li ħasbuh tapit.
Kaxxa tat‑tabakk tal‑imnieħer, li ħasbuha senduq mimli trab. Beda jġegħelhom jagħtsu.
Ktejjeb tan‑noti, li fehmu li kien kollu kitba kbira.
Pettne. Kienu jafu għal xiex kien jintuża, imma ddeskrivewh bħala ringiela ta’ balavostri bħalma kien hemm madwar il‑palazz tal‑Imperatur.
Mus, xafra tal‑leħja u żewġ pistoli. Dawn l‑oġġetti kollha kienu ġodda għalihom, u ma kellhom l‑ebda idea għal xiex setgħu jintużaw.
Arloġġ. Qalu li kien jagħmel ħoss bħal mitħna tal‑ilma. Ħasbu li kien xi alla li kont nadura, għax għidtilhom li dejjem inħares lejh qabel ma ngħamel xi ħaġa.
Portmoni. Iddeskrivewh bħala speċi ta’ xibka kbira bħal tas‑sajjieda, imma kienu jafu għal xiex kien jintuża. Baqgħu mbellhin kif raw il‑muniti tad‑deheb enormi li kelli fih.
Meta ż‑żewġt irġiel lestew ifittxu bwieti, bdew jiċċekkjaw iċ‑ċinturin li kelli. Fin‑noti tagħhom kitbu li kelli xabla twila daqs ħamsa min‑nies u xkora b’żewġt ibwiet. F’but minnhom kien hemm trab iswed waqt li fl‑ieħor kelli boċċi tqal taċ‑ċomb.
Għaddew il‑lista lill‑Imperatur, li mal‑ewwel ordnali biex inpoġġi x‑xabla tiegħi mal‑art bil‑mod. Wara staqsieni x’kienu jagħmlu l‑pistoli. Avżajtu biex ma jiħux qatgħa hekk kif sparajt tir fl‑arja.
Kulħadd inxteħet mal‑art imwerwer, minbarra l‑Imperatur, għalkemm wiċċu bjad. Qalli biex nagħtihom il‑pistoli minnufih. Għamilt hekk u wissejthom ukoll biex il‑porvli ma jħalluhx viċin in‑nar għax kien perikoluż.
Dawn l‑affarijiet kollha tpoġġew fl‑imħażen tal‑Imperatur, minbarra n‑nuċċali li kelli moħbi f’but li ż‑żewġt irġiel ma ndunawx bih.
Bil‑qajla l‑Imperatur u l‑poplu bdew jaraw li ma kontx ta’ periklu għalihom. Xi kultant xi ftit minnhom kienu joqogħdu jiżfnu fuq idi, u t‑tfal kienu joqogħdu jilagħbu noli f’xagħri waqt li kont mimdud mal‑art. Iż‑żwiemel ukoll ma baqgħux jibżgħu minni, u xi kultant kont inpoġġi idi wieqfa mal‑art biex xi rikkieba joqogħdu jqabbżu liż‑żwiemel minn fuqha.
Ġurnata waħda xi nies marru javżaw lill‑Imperatur li sabu oġġett kbir u iswed fl‑art. Qalu li ma kenitx xi ħaġa ħajja u li forsi kienet tar‑Raġel Muntanja. Kien il‑kappell tiegħi, li ħsibt li kont tliftu fil‑baħar! Biex iġibuhuli, taqqbu żewġ toqbiet biex jgħaddu l‑ħbula minnhom, u użaw ħamest iżwiemel biex ikaxkruh għal xi nofs mil – li ma kienx tajjeb ħafna għall‑kappell!
Darb’ oħra l‑Imperatur talabni noqgħod wieqaf b’saqajja miftuħin ħalli l‑armata tkun tista’ timmarċja minn taħthom. Kien hemm mhux inqas minn tlitt elef suldat u elf kavallier biż‑żwiemel, u għaddew minn taħti bil‑fanfari u l‑bnadar.
Erġajt tlabt lill‑Imperatur biex jeħlisni, u din id‑darba aċċetta, bil‑patt li kelli nobdi l‑ordnijiet tiegħu. Wegħidtu li ngħamel dan u fl‑aħħar neħħewli l‑ktajjen.
Minn dejjem kont xtaqt li nara l‑belt kapitali, u issa li kont ħieles l‑Imperatur qalli li stajt. Lin‑nies avżawhom biex sakemm ngħaddi jien kulħadd jibqa’ f’daru ħalli ma nirfes lil ħadd. Għalhekk kulħadd kien fit‑twieqi u l‑gallariji sakemm għaddejt jien. Għaddejt minn fuq il‑ħitan ta’ madwar il‑palazz u ġejt fil‑pjazza Imperjali.
Kienet tassew sabiħa, imma qisha dar tal‑pupi. Imteddejt mal‑art, u l‑Imperatriċi ħarġet f’gallarija, u tatni idha biex inbusha.
Ftit żmien wara li ħelsuni, wieħed min‑nies importanti tal‑belt ġie jżurni, u tkellimna fuq ħafna affarijiet, u tgħallimt aktar dwar il‑pajjiż, li kien jismu Lilliput. Malajr sirna ħbieb u beda jżurni ta’ spiss.
Kont ħadt l‑idea li Lilliput kien post kwiet u paċifiku, u li n‑nies kienet kuntenta. Imma l‑ħabib il‑ġdid tiegħi qalli li dan ma kienx minnu.
“Naħseb li nnutajt,” qalli, “li xi ftit minna jilbsu żraben bi tkaken twal, u oħrajn jilbsu żraben bi tkaken qosra. Minħabba dan ta’ spiss ikun hemm nuqqas ta’ ftehim bejnna l‑Lillipuzjani.
Wara dan semmieli problema li kienet ħafna aktar serja u perikoluża għall‑pajjiż.
“Viċin ta’ pajjiżna hemm gżira jisimha Blufescu, u n‑nies t’hemmhekk qed jippreparaw biex jattakkawna.”
“Għaliex?” staqsejtu jien.
“Il‑biċċa bdiet ħafna żmien ilu,” weġibni. “Meta l‑bużnannu tal‑Imperatur kien għadu tifel żgħir, qata’ sebgħu waqt li kien qed jipprova jkisser il‑parti ta’ fuq ta’ bajda. Sa dak iż‑żmien kulħadd kien ikisser bajda mit‑tarf il‑wiesa’ tagħha. Madankollu, wara l‑inċident, għaddiet liġi li kulħadd kellu jkisser il‑bajda mit‑tarf id‑dejjaq. Dawk li ma ridux jagħmlu hekk kellhom jitilqu minn Lilliput. Għalhekk telqu joqogħdu fil‑gżira ta’ Blufescu, u jsejħu lilhom infushom it‑Truf il‑Wesgħin. Issa qed jippjanaw gwerra kontrina u l‑Imperatur jixtieqek tgħinna.”
Jien għidtlu li kont lest li ngħin lill‑poplu ta’ Lilliput bi kwalunkwe mod, għax huma kienu twajbin ħafna miegħi.
Sirt naf li t‑Truf il‑Wesgħin kellhom flotta ta’ madwar ħamsin ġifen ankrati fil‑port tal‑gżira tagħhom, u ppjanajt biex naħtafhomlhom. Irbatt ħamsin sunnara ma’ xi ħbula, u rħejtilha għal Blufescu. Il‑gżira kienet biss xi nofs mil ’il bogħod, u l‑baħar ma kienx fond ħafna, tant li stajt nimxiha tul il‑parti l‑kbira, minbarra fin‑nofs, fejn il‑baħar kien aktar fond u kelli ngħum.
L‑għadu twerwer malli rani riesaq, u l‑baħrin qabżu fl‑ilma u għamu sal‑art. Waħħalt sunnara mal‑poppa ta’ kull ġifen, u rbatt it‑truf l‑oħra tal‑ħbula flimkien. Waqt din il‑biċċa xogħol, it‑Truf il‑Wesgħin bdew jisparawli eluf ta’ vleġeġ. Ilbist in‑nuċċali biex ma jolqtunix f’għajnejja. Wara li qtajt l‑ankri ta’ kull ġifen, qbadt it‑truf tal‑ħbula u tlaqt lura lejn Lilliput, jien u niġbed warajja ħamsin mill‑akbar iġfna li kellhom l‑għadu.
L‑Imperatur tant ħa pjaċir bija li ħatarni Nardak (speċi ta’ duka għal‑Lillipuzjani).
Imm’ issa l‑Imperatur talabni li mmur lura Blufescu u nieħu l‑bqija tal‑flotta tat‑Truf il‑Wesgħin. B’hekk ma kinux ikunu jistgħu jattakkaw lil Lilliput u hu jkun imperatur tagħhom ukoll, u jkollhom jobdu lilu biss. Għidt lill‑Imperatur li ma ridtx ngħamel ħaġa bħal dik għaliex ħassejt li ma kenitx sewwa. It‑tweġiba tiegħi irrabjat lill‑Imperatur mhux ftit.
Ftit żmien wara waslet delegazzjoni tat‑Truf il‑Wesgħin minn Blufescu. Riedu jagħmlu paċi ma’ Lilliput. Meta rawni stednuni biex immur Blufescu ħalli l‑poplu kollu jkun jista’ jara kemm kont kbir. Jien aċċettajt l‑istedina tagħhom, u dan irrabja lill‑Imperatur aktar.
Ma kienx l‑uniku Lillipuzjan li ma kienx kuntent bija. L‑Ammirall tal‑flotta kien qed jgħir għalija. L‑ewwel nett kien irnexxieli naħtaf il‑flotta tal‑għadu – hu ma kienx kapaċi jagħmel dan; it‑tieni nett għax l‑Imperatur kien ħatarni Nardak.
Nies oħra ma kinux kuntenti bija għax kont qed niklilhom wisq ikel, u oħrajn kienu għadhom qed jaħsbu li jien kont perikoluż.
Bl‑iskuża li ma kontx obdejt l‑ordnijiet tal‑Imperatur, ħafna minnhom talbuh biex jikkundannani għall‑mewt.
L‑Imperatur ma xtaqx jagħmel dan għax ftakar kemm kont għintu, madankollu qatagħha li kellhom jaqilgħuli għajnejja. Dan sirt naf bih għaliex il‑ħabib tiegħi li kien ta’ spiss fil‑palazz tal‑Imperatur kien ġie javżani x’kienu biħsiebhom jagħmluli.
Għalhekk iddeċidejt li kien wasal iż‑żmien għalija li nitlaq minn hemm. Mort fil‑port u ħtaft wieħed mill‑iġfna tal‑Imperatur, poġġejt ħwejġi kollha fih biex ma jixxarbux, u ġbidtu warajja lejn il‑gżira ta’ Blufescu.
Kemm l‑Imperatur ta’ Blufescu kif ukoll it‑Truf il‑Wesgħin kienu kollha kuntenti ħafna malli rawni. Kienu nies ġenerużi wkoll, imma ma xtaqtx inqatta’ l‑kumplament ta’ ħajti hemm. Ridt nerġa’ mmur lura f’pajjiżi u l‑familja tiegħi.
Ġurnata waħda lmaħt fil‑bogħod dgħajsa maqluba fil‑baħar. Intbaħt li kienet id‑daqs kbir ta’ dgħajsa normali, u tlabt lill‑Imperatur biex noħroġ u nġibha fuq ix‑xatt biex inkun nista’ nirranġaha u nitlaq biha lejn pajjiżi.
Malli tellajtha fil‑bajja, kellhom ikunu elfejn min‑nies iż‑żgħar biex jgħinuni naqlibha wiċċha ’l fuq. Wara dan bdejt it‑tiswijiet fuqha u l‑preparamenti l‑oħra biex nitlaq.
Id‑drapp li kienu jużaw dawn in‑nies kien ħafna aktar irqiq minn maktur normali, għalhekk biex jagħmlu qala’ għad‑dgħajsa kellhom jgħaqqdu tlettax‑il folja flimkien biex iġibu l‑ħxuna meħtieġa. Ħames mitt ruħ ħadmu fuq dan!
Il‑ħbula li kelli bżonn jien għamilthom billi lwejt xi tletin ħabel irqiq minn tagħhom. Il‑mastrudaxxi tal‑Imperatur għenuni ngħamel l‑arblu u l‑moqdief.
Meta dan kollu kien lest, ħżint ukoll xi ikel. Ħadt miegħi xi ftit annimali ħajjin – baqar u nagħaġ – li xtaqt nuri lill‑familja tiegħi. Tlabt lill‑Imperatur biex nieħu miegħi xi ftit min‑nies ukoll, imma l‑Imperatur ma ħallinix.
Fl‑aħħar wasal iż‑żmien li nsalpa, u ma domtx ma rajt xini kbir, li tellagħni abbord. Il‑Kaptan ma setax jemmen l‑istorja tiegħi sakemm ma urejtux l‑annimali ċ‑ċkejkna, li kont qed inżomm fil‑but.
Meta fl‑aħħar wasalt id‑dar, il‑familja tiegħi kienu kollha kuntenti u ħerqana biex jisimgħu dwar l‑avventuri tiegħi. Lill‑annimali ħallejthom jirgħaw fi ġnien pubbliku qrib id‑dar fejn noqgħod, fi Greenwich, Londra. Forsi jekk tmur hemm tkun tista’ tara xi ftit minnhom!
Billi jien inħobb nivvjaġġa, ma domtx ħafna d‑dar u f’qasir żmien bdejt vjaġġ ieħor.
L‑ewwel parti tal‑vjaġġ kien sabiħ, u ma kellniex problemi. Imma aktar tard kien hemm maltempata li mexxietna ħafna ’l bogħod mir‑rotta tagħna. Konna mitlufin f’baħar li ma konniex nafu. Kellna biżżejjed ikel abbord, iżda ilma kellna ftit. Għalhekk meta ġurnata minnhom ilmaħna l‑art, il‑kaptan ta l‑ordni biex ninżlu l‑art u nsibu l‑ilma.
Meta nżilna ma sibna l‑ebda xmara jew għadira ta’ ilma ħelu. Waqt li l‑kumplament taċ‑ċorma baqgħu viċin il‑bajja jfittxu ilma hemmhekk, jien dħalt ’il ġewwa biex nara nsibx ilma lil hinn. Imma ma sibt xejn, għalhekk erġajt lura l‑bajja.
Meta lħaqt il‑bajja sibt li l‑oħrajn kienu reġgħu rikbu d‑dgħajsa u kienu qed jaqdfu lejn ix‑xini b’għaġla kbira. Kienu nsewni warajhom! Imma malajr intbaħt għaliex. Raġel enormi kien qed jiġri warajhom fl‑ilma biex jipprova jaqbadhom.
Għalkemm bellahni dak li kont qed nara, ma qgħadtx nistenna biex nara x’kien se jiġri minn sħabi, u dlonk erġajt ġrejt lura ’l ġewwa f’dik l‑art. Mingħajr ma ħsibtha darbtejn tlajt l‑ewwel għolja li sibt, u mill‑quċċata stajt nara x’kien hemm aktar ’il ġewwa.
Ma stajtx nemmen dak li kont qed nara. Il‑ħaxix kien għoli daqs id‑djar, u l‑qamħ kien għoli daqs il‑kampnar ta’ knisja!
Rajt dak li ħsibt kienet triq, u bdejt nimxi tulha. Fil‑fatt ma kienet triq xejn, imma sempliċement mogħdija f’għalqa, u ftit wara sibt ruħi quddiem xi turġien. Dawn kienu enormi, u kienu għoljin wisq għalija biex nitlagħhom. Bdejt infittex mnejn ngħaddi qalb il‑ħaxix, u dlonk ilmaħt raġel ieħor enormi bħal dak li kont rajt fil‑bajja. Bil‑biża’ ppruvajt nistaħba qalb il‑qamħ.
Ir‑raġel għajjat għajta li għalija dwiet qisha ragħad, u ftit wara ġew sitt irġiel oħra, enormi daqsu. Kellhom l‑imnieġel f’idejhom, u bdew jaħsdu l‑qamħ. Kull waħda minn dawk l‑imnieġel kienet sitt darbiet akbar minn dawk li nużaw aħna, u issa kont imwerwer ħafna aktar!
Fejn stajt immur? Bdejt niġri ’l hawn u ’l hinn biex ma jolqtunix, imma kienu qed jgħaġġlu wisq għalija.
Hekk kif wieħed minnhom kien għoddu se jirfisni, għajjatt iddisprat, “Ieqfu! Ieqfu!” Ir‑raġel waqaf u ħares ’l isfel lejja, mistagħġeb. Ġabarni, u żammni sod f’idu ma mmurx nigdmu. Ħadni miegħu għand sidu biex jurih x’kien sab.
Dan kien bidwi, u kien l‑ewwel raġel li kont rajt fl‑għalqa. Il‑bidwi ħareġ maktur, geżwirni ġo fih u ħadni fir‑razzett tiegħu. Malli ratni, martu werżqet waħda u lebbtet fil‑kamra l‑oħra, bħalma tagħmel marti meta tara xi ġurdien.
Dlonk tfaċċaw tlitt itfal li ġew jiġru biex jarawni. Kienu se jieħdu l‑kolazzjon, għalhekk poġġewni fuq il‑mejda biex josservawni waqt li jieklu. Ħassejtni qiegħed fuq il‑bejt ta’ dar. Kont għadni mwerwer mhux ħażin, għalhekk għamilt minn kollox biex nibqa’ ’l bogħod minn xifer il‑mejda biex ma naqax għal isfel.
Mart il‑bidwi tatni ftit frak tal‑ħobż u ftit laħam ikkapuljat. Ħriġt il‑mus li kelli fil‑but u bdejt niekol, u dan jidher li ddevertiehom. Il‑mara ġabitli l‑iżgħar kikkra li kellha – li għalija kienet kbira daqs barmil – u offrietli ftit inbid, imma naturalment ma stajtx nixorbu kollu.
It‑tifel iż‑żgħir, li kien għadu tarbija, stħajjilni ġugarell. Ħatafni u ressaqni lejn ħalqu miftuħ beraħ! Jien għajjatt kemm flaħt, u bil‑qatgħa t‑tifel telaqni. B’xorti tajba, il‑mara kienet pronta u laqgħetni fil‑fardal tagħha – kieku kont ninstabat mal‑art u mmut!
Wara l‑ikel il‑bidwi mar lura jaħdem fl‑għelieqi, u martu poġġietni f’sodda b’maktur jgħattini bħala liżar. Is‑sodda kienet wiesgħa daqs triq ta’ belt, u l‑maktur kien oħxon iktar mill‑qala’ ta’ xini!
Aktar tard ġiet tarani t‑tifla biex tagħmilli sodda iżgħar fil‑benniena tat‑tarbija. Din it‑tifla, Glumda, kienet gustuża u kienet ġentili miegħi. Kellha disa’ snin u kienet żgħira għall‑età tagħha f’dak il‑pajjiż, billi kienet twila erbgħin pied biss! Bdiet issejjaħli Grildrig (li kienet tfisser Raġel Żgħir fil‑lingwa tagħhom), u fil‑fatt bdiet tgħallimni l‑lingwa tal‑post.
Malli l‑ġirien saru jafu bija, bdew jiġu biex jarawni. Wieħed minnhom qal lill‑bidwi biex jeħodni l‑belt meta kien imiss jum is‑suq, u jitlob lin‑nies iħallsu biex jarawni. U hekk għamel. Glumda ġiet magħna wkoll biex iddur bija.
Poġġewni fuq mejda kbira fl‑akbar kamra ta’ lukanda. Biex niddeverti lin‑nies bdejt ngħamel ħafna kutrumbajsi, naqbeż u niżfen. Aktar u aktar nies bdew ġejjin biex jarawni hekk kif ġriet il‑kelma dwari.
Fil‑fatt il‑bidwi għamel kemxa flus bija, u qatagħha li jeħodni fi bliet oħra. Fl‑aħħar wasalna fil‑belt kapitali fejn kienet toqgħod il‑familja rjali.
Lir‑Reġina tant għoġobtha li xtratni mingħand il‑bidwi. Tlabtha tħalli lil Glumda miegħi għax it‑tifla ma riditx titlaqni, u r‑reġina aċċettat. Għalhekk il‑bidwi mar lura d‑dar waħdu.
Ir‑Reġina qabbdet jagħmluli dar żgħira, bis‑saqaf jinfetaħ. Kellha l‑għamara kollha d‑daqs tajjeb għalija. Għalihom kienet qisha kaxxa żgħira, imdawra b’ċineg ħalli jkunu jistgħu jġorruha. Ir‑Reġina qabbdet lil min jagħmilli sett ta’ kikkri, platti u plattini tal‑fidda wkoll. Għaliha kienu qishom sett tat‑te tal‑pupi!
Kont niekol fuq mejda żgħira fuq il‑mejda l‑kbira tar‑Reġina, imma ma kienx jogħġobni kif kienet tiekol. Kienet iddaħħal żewġ ħobżiet kbar f’salt f’ħalqha, u l‑mod kif kienet ixxejjer is‑sikkina enormi kien ibeżżagħni.
Kull nhar ta’ Ħadd ir‑Re kien jiġi jiekol magħna. Kien jieħu pjaċir miegħi u kien isaqsini ħafna mistoqsijiet dwar l‑Ingilterra. Ried ikun jaf kemm konna differenti mill‑poplu u l‑pajjiż tiegħu, li kienu jsejħu Brobdingnag.
L‑unika persuna li ma ngwalajtx magħha kien in‑nanu tar‑Reġina. Kien ħames darbiet itwal minni – madwar tletin pied – imma għalihom kien qasir. Ir‑Re kien itwal minnu d‑doppju!
In‑nanu osserva li kont sirt il‑favorit tar‑Reġina, u kien qed jgħir għax stajt noħodlu postu. Darba xeħitni f’vażett mimli krema, u kelli ngħum sakemm wasalt f’xifer il‑vażett, u Glumda fl‑aħħar ġabritni. Ir‑Reġina tant kienet irrabjat li keċċiet lin‑nanu mill‑kamra.
Ħadt pjaċir meta għamlu dgħajsa żgħira għalija u poġġewni f’banju biex inkun nista’ noqgħod naqdef. Kont nista’ anki ntella’ qala’ fuq id‑dgħajsa, u r‑Reġina u ħbiebha kienu jużaw l‑imriewaħ biex jagħmlu r‑riħ u jmexxu d‑dgħajsa. Kienu jieħdu pjaċir jarawni mmexxi d‑dgħajsa, u għalija kien gost ukoll.
Imma kien hemm mumenti meta l‑ħajja fi Brobdingnag ma kenitx daqshekk sabiħa. Darba kelli nuża x‑xabla tiegħi biex inkeċċi xi żunżan li attakkawni. Kienu kbar daqs ħamiem, u x‑xewk tagħhom kienu twal daqs seba’ u qishom stalletti. Irnexxieli noqtol erbgħa minnhom qabel ma l‑kumplament telqu.
Darb’oħra xadina daħlet f’kamarti u qabditni f’idha. Forsi ħasbitni ferħ ta’ xadina, għax bdiet tmellisli wiċċi bil‑mod. F’daqqa waħda kien hemm ħoss fil‑kamra u tgerrxet. Ħarġet mit‑tieqa u bdiet tielgħa l‑ħajt sas‑saqaf tal‑bini, bija f’idha! Kellhom iġibu xi slielem biex telgħu fuq is‑saqaf, gerrxu lix‑xadina u niżżluni minn hemm fuq.
Ġurnata waħda, waqt li kont qiegħed nitkellem mar‑Re, għidtlu li stajt nurih kif jagħmel il‑porvli ħalli jkun jista’ jirbaħ gwerra. Madankollu r‑Re ta’ Brobdingnag kien raġel għaqli. Qalli li ma riedx ikun jaf kif jagħmel il‑porvli, u qalli biex ma nkellmux aktar dwar dak is‑suġġett. Qalli li kieku persuna tista’ tkabbar żewġ qamħiet fejn qabel setgħet tkabbar waħda biss, dan jagħmel aktar ġid milli jirbaħ gwerra.
Ftit jiem wara, ir‑Re u r‑Reġina telqu fi vjaġġ twil lejn parti oħra tal‑art ta’ Brobdingnag. Jien mort magħhom fil‑kaxxa tiegħi. Għamluli branda bħal tax‑xwieni ħalli meta nkun rieqed ma nħossx l‑iskossi tal‑vjaġġ. Glumda ġiet magħna, imma matul il‑vjaġġ qabadha riħ u meta waqafna kellha tibqa’ fis‑sodda għal xi jumejn. Minn fejn konna stajt inxomm l‑arja tal‑baħar, u xxennaqt biex nerġa’ narah.
Billi Glumda kienet għadha fis‑sodda, ir‑Reġina qabbdet lil wieħed mis‑sefturi tagħha biex jeħodni fil‑kaxxa sa ħdejn il‑baħar. Meta rajt il‑baħar tatni għafsa ta’ qalb. Meta kont se nkun nista’ nerġa’ lura dari, għand il‑familja tiegħi? Is‑seftur telaq għal rasu jfittex xi bajd tal‑għasafar, u għajni marret bija.
Stenbaħt bi skoss kbir. Bdejt nisma’ ħafna tvenvin qawwi fuq rasi, u ħassejt li l‑kaxxa kienet tielgħa ’l fuq b’għaġla kbira. Bdejt ngħajjat, imma ħadd ma semagħni. F’daqqa waħda indunajt x’kien qed jiġri. Xi għasfur kbir – xi seqer jew ajkla – kien ħataf il‑kaxxa tiegħi u tar ’il fuq biha. Kont fl‑ajru!
Xi mumenti wara, il‑kaxxa bdiet titbandal b’aktar qawwa u bilkemm stajt inżomm wieqaf. Smajt ħafna storbju u l‑għajjat ta’ mill‑inqas żewġt isqra. Milli jidher kienu qed jiġġieldu għall‑kaxxa li kont fiha. Ħesrem, bdejt inħoss il‑kaxxa taqa’ ’l isfel u ’l isfel. Il‑kaxxa waqfet f’daqqa u issa stajt nisma’ ħafna ċafċif.
Malli ġejt f’tiegħi u ma bqajtx nitriegħed bil‑qatgħa, ħarist ’il barra mit‑tieqa, u sibt li kont fil‑baħar. Ftaħt il‑bieba ż‑żgħira li kelli fuq is‑saqaf għal ftit arja friska, u dlonk bdejt ngħajjat għall‑ajjut. Imma ħadd ma wieġeb. Kemm xtaqt li kelli lil Glumda viċin, dak il‑ħin!
Qbadt il‑maktur li kelli u rbattu ma’ bastun. Wara tlajt fuq siġġu biex nilħaq il‑bieba tas‑saqaf, u bdejt inxejjer il‑maktur bħal bandiera, waqt li bqajt ngħajjat u ngħajjat. Imma l‑istess, ma kienx hemm tweġiba.
Dak il‑ħin qtajtha li kont mitluf għalkollox.
Domt hekk għal ħafna jiem. Darba minnhom, hekk kif qomt minn raqda, intbaħt li xi ħaġa jew xi ħadd kien qed jiġbed il‑kaxxa. Wara ftit waqfet, u bdejt nisma’ ħsejjes oħra, ta’ metall qed jaħbat mal‑kaxxa. Għalhekk erġajt ħriġt il‑maktur bil‑bastun, u rġajt bdejt ngħajjat.
Din id‑darba xi ħadd weġibni – u weġibni bl‑Ingliż!
Minnufih tlabtu biex joħroġni minn hemm. Qalli biex ma ninkwetax għax ma kont fl‑ebda periklu, u li n‑nies tiegħu kienu se jtaqqbu toqba fil‑kaxxa biex inkun nista’ noħroġ.
Fil‑fatt dan malajr għamluh, u malli ħriġt sibt ħafna jdejn ħerqana biex jiġbduni ’l fuq, u sibt ruħi fuq il‑gverta ta’ xini li kien qed itajjar il‑bandiera Ingliża. Sibt ruħi mdawwar minn ħafna baħrin – kollha tad‑daqs tiegħi, mhux ġganti!
Tistgħu timmaġinaw il‑kaptan u ċ‑ċorma tiegħu kemm kellhom mistoqsijiet x’isaqsuni: għalfejn kont f’dik il‑kaxxa? Minn fejn kont ġej? Għalfejn kont liebes ilbies stramb? Malli rrakkuntajt l‑istorja ma bdewx jemmnuni. Il‑Kaptan beda jissuspetta li kont għamilt xi ħaġa ħażina u xi ħadd kien għalaqni f’dik il‑kaxxa bħala kastig. Erġajt spjegajtlu dwar in‑nies ġganti ta’ Brobdingnag, imma baqa’ ma emminnix.
Ġbidtlu l‑attenzjoni lejn l‑ispeċi ta’ kullar li kelli madwar għonqi. Fil‑fatt kien ċurkett li r‑Reġina kienet tatni, u malli l‑Kaptan reġa’ ħares lejh, intebaħ li, tassew, kien ċurkett daqsiex! Fl‑aħħar emminni, u qalli li se jeħodni lura magħhom l‑Ingilterra.
Ħafna ġimgħat wara, meta fl‑aħħar wasalna l‑Ingilterra, bdejt nara l‑bini u n‑nies kollha ċkejknin, u għal ftit żmien ħassejtni kont lura f’Lilliput. Malli rrakkuntajt din l‑aħħar avventura tiegħi lill‑mara, ġegħlitni nwegħedha li ma mmurx inbaħħar aktar!
Mil: Kejl Ingliż, ftit aktar minn kilometru u nofs. [Lura]
Ngħama: Għasfur kbir li jgħix fl‑Afrika imma ma jtirx. (Ingliż: ostrich). [Lura]
Poppa: Il‑parti ta’ quddiem ta’ xini, vapur jew dgħajsa. [Lura]
Pulzier: Kejl Ingliż, ftit aktar minn żewġ ċentimetri u nofs. [Lura]