Jules Verne
(Franċiż, 1828-1905)
Madwar 6,400 kelma
Ġeneri
Avventura
Rumanzi klassiċi
Adattament: Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-provi:
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
Aktar tagħrif f'
Sagħtar
Numru 384 (Marzu 2024)
Phileas Fogg kien bniedem li jagħmel kollox preċiż u jimxi mal‑arloġġ. Kuljum, kien jitlaq minn daru f’Londra għall‑ikla ta’ nofsinhar fil‑każin. Waranofsinhar kien jaqra gazzetta mill‑bidu sal‑aħħar, u wara l‑ikel, kien jaqra gazzetta oħra bl‑istess mod. Filgħaxijiet kien iqattagħhom jilgħab il‑karti, li kien id‑delizzju tiegħu.
L‑għaxija tat‑2 ta’ Ottubru, 1872, bdiet bħal ħafna oħrajn. Qagħad bilqiegħda ma’ ħafna membri sinjuri tal‑każin biex jilagħbu logħba karti. Waqt il‑logħba bdew jitħaddtu dwar l‑aħħar aħbar li kienet qed tiġri ma’ Londra kollha. Raġel liebes pulit ħafna, kien irnexxielu jaħrab wara li seraq 55,000 lira sterlina mill‑Bank tal‑Ingilterra.
“Ħadd ma jista’ jgħid fejn qiegħed, issa,” lissen wieħed mill‑membri. “Min jaf fejn wasal bħalissa, la llum il‑ġurnata tista’ ddur id‑dinja fi tliet xhur.”
“Fi tmenin ġurnata,” qabeż Fogg.
Hawnhekk is‑suġġett tat‑taħdita tbiddel hekk kif il‑ħbieb madwar il‑mejda bdew jiddiskutu kemm dak li qal Fogg seta’ jiġri tassew. Kien hemm min qabel ma’ Fogg, u kien hemm min qal li dan kien impossibbli.
Imma Fogg ma bidilx l‑opinjoni; anzi, qal li kien lest li jagħmel imħatra, u kien lest li jilgħab 20,000 lira sterlina li seta’ jdur id‑dinja fi tmenin jum. Sħabu aċċettaw l‑imħatra.
“Kollox sew, sinjuri,” lissen Fogg. Ħareġ l‑arloġġ minn butu. “Mela nkun lura f’din il‑kamra nhar il‑Ħadd, 21 ta’ Diċembru fid‑disgħa nieqes kwart ta’ filgħaxija. Jekk le, il‑flus ikunu tagħkom.” Daħħal l‑arloġġ lura fil‑but.
Wieħed mill‑membri ħadu biż‑żufjett. “Mela jaqbillek ma taħlix ħin u titlaq minn issa!” qallu.
“M’hemmx għalfejn din l‑għaġla kollha. Għandna ħin biżżejjed biex nispiċċaw il‑logħba,” wieġeb Fogg kalm kalm.
Għal darba kontra d‑drawwa tiegħu, Fogg mar lura d‑dar kmieni, dakinhar. Malli wasal sejjaħ lis‑seftur Franċiż tiegħu, Passepartout, li kien għadu kemm jibda jaħdem miegħu dik l‑għodwa stess.
“Għaxar minuti oħra se nitilqu għal Dover u mbagħad għal Calais,” qallu. “Se mmorru nduru d‑dinja. Fi tmenin jum.”
Passepartout baqa’ tant imbellah li ma seta’ jgħid xejn. Poġġa xi ftit affarijiet importanti f’bagalja, u mar lura fil‑kamra ta’ Fogg.
Is‑Sur Fogg kien diġà lest. Kellu f’idejh il‑gwidi għall‑ħinijiet tal‑vapuri u dawk tal‑ferroviji, u basket żgħir.
“Tajjeb wisq,” qal Fogg. “Mela, żomm dan il‑basket. Għożżu sew u titilfux. Hemm għoxrin elf sterlina fih!”
Waqt l‑ewwel parti tal‑vjaġġ kollox mar tajjeb u skont il‑pjanijiet ta’ Fogg. Qabdu vapur minn Dover għal Calais, u minn hemm ħadu tren għal Pariġi, u ieħor għal Torino, fuq in‑naħa ta’ fuq tal‑Italja. Minn hemm qabdu tren ieħor li niżżilhom tul l‑Italja kollha sal‑port ta’ Brindisi. Hemmhekk qabdu vapur li kellu jeħodhom sal‑Kanal ta’ Suez, fl‑Eġittu.
Kien hawn li deher l‑ewwel xaqq ta’ inkwiet, għalkemm Fogg kien għadu ma jafx b’dan. Fil‑port kien hemm detektiv Ingliż bl‑isem ta’ Fix li, fost ħafna oħrajn, kien intbagħat mill‑Bank tal‑Ingilterra f’bosta portijiet madwar id‑dinja biex jaraw isibux lill‑ħalliel, skont id‑deskrizzjonijiet ta’ ħafna xhieda. Malli Fix lemaħ lil Fogg, ra li kien jaqbel eżatt mad‑deskrizzjonijiet tal‑ħalliel!
Id‑detektiv ra kif jagħmel biex ikellem lil Passepartout mingħajr ma jġiegħlu jaħseb ħażin, u sar jaf mingħand is‑seftur li kienu telqu mill‑Ingilterra bil‑ġirja, mingħajr pjanijiet ta’ xejn u b’basket b’kemxa flus kbira. Dan aktar ikkonvinċa lil Fix li Fogg kien il‑ħalliel, u li kellu bżonn jibqa’ miegħu sakemm isib l‑aħjar waqt biex jarrestah.
Ftit żmien wara, il‑kap tal‑pulizija ta’ Scotland Yard irċieva telegramma:
“Qed insegwi l‑ħalliel tal‑bank Phileas Fogg. Ibagħtuli l‑permess għall‑arrest minnufih f’Bombay. Detektiv Fix.”
Nhar l‑20 ta’ Ottubru l‑vapur wasal f’Bombay. Sa issa Fogg kien kuntent b’kif kienu sejrin l‑affarijiet. Barra li matul il‑vjaġġ kien sab ħafna ħbieb biex jilgħab il‑karti magħhom, il‑vapur wasal jumejn qabel mistenni.
Tren kellu jitlaq minn hemm dik l‑għaxija, għalhekk Passepartout qatta’ ftit żmien jagħmel xi xirjiet u jara l‑veduti. Lemaħ pagoda sabiħa u daħal fiha.
Issa tajjeb li tkun taf li f’ċerti pagodi fl‑Indja l‑Insara ma setgħux jidħlu, u ħadd – lanqas il‑Buddisti – ma seta’ jidħol biż‑żarbun. Passepartout ma kien jaf xejn minn dan kollu!
Waqt li kien qed jammira l‑bini, tliet patrijiet irrabjati qabżu fuqu, qalgħulu ż‑żarbun minn saqajh, u bdew ifajrulu d‑daqqiet. Il‑Franċiż kien ċkejken imma b’saħħtu u atletiku mhux ftit. Malajr qam bilwieqfa, qaleb lill‑patrijiet mal‑art, u lebbet ’il barra mill‑pagoda b’kemm kellu saħħa – ħafi.
Skont l‑iskeda, il‑vjaġġ tat‑tren minn Bombay, fuq naħa tal‑Indja, għal Calcutta, fuq in‑naħa l‑oħra, kellu jieħu tlitt ijiem. Għalhekk Fogg stagħġeb, hekk kif, fit‑tieni jum tal‑vjaġġ, it‑tren waqaf ħesrem, il‑gwardjan niżel, u beda jgħajjat, “Biddlu! Biddlu!”
Fogg staqsa lill‑gwardjan għalfejn kienu waqfu, u dan spjegalu li l‑ferrovija ma kenitx kompluta, għalhekk it‑tren ma setax ikompli jimxi. Il‑passiġġieri kollha kellhom ikomplu t‑triq għal Calcutta bil‑mixi – ħamsin mil ’il bogħod!
Il‑parti l‑kbira tal‑passiġġieri kienu jafu b’din il‑waqfa, u għalhekk kienu ħasbu minn qabel biex isibu xi għamla ta’ trasport u jkomplu l‑vjaġġ. Imma naturalment, Fogg ma kienx jaf b’dan.
“Ikollna nimxuha,” qal Fogg.
Madankollu Passepartout osserva li ftit ’il bogħod kien hemm Indjan fuq iljunfant. Wara ħafna negozjar, Fogg irnexxielu jixtri lill‑iljunfant. Sabu wkoll gwida biex ikun jista’ jurihom it‑triq, kif ukoll passiġġier ieħor mit‑tren li baqa’ l‑art, Sir Francis Cromarty.
L‑għada waranofsinhar, f’xi l‑erbgħa, l‑iljunfant kien għaddej minn qalb foresta densa. F’daqqa waħda, fil‑bogħod, bdew jisimgħu ħafna krib u tnewwiħ, mad‑daqq ta’ ċimblijiet u tnabar. Il‑ħsejjes bdew joqorbu lejhom. Waqqfu lill‑iljunfant wara xi siġar, u osservaw purċissjoni reliġjuża Ħindu għaddejja.
L‑ewwel kien hemm il‑qassisin. Warajhom kien hemm karru jġorr statwa kerha. Wara din kien hemm il‑braħmin, xi għassiesa armati u, fl‑aħħar nett, id‑daqqaqa. Fiċ‑ċentru tal‑purċissjoni kien hemm erba’ għassiesa jġorru l‑ġisem mejjet ta’ raġa liebes ilbies fastuż.
Madankollu, dak li l‑aktar ġibed l‑attenzjoni ta’ Fogg u sħabu kienet il‑mara sabiħa li kienet immexxija minn għadd ta’ rġiel quddiem il‑mejjet. Kienu qed iżommuha minn idejha għax bilkemm setgħet timxi.
Hekk kif il‑purċissjoni resqet maġenbhom, Sir Francis lissen minn taħt l‑ilsien, “Dik suttee.”
Malli l‑purċissjoni għaddiet, Sir Francis kompla jispjega, “Suttee hija sagrifiċċju volontarju. Il‑mara li rajtu hija mart ir‑raġa. Għada se jaħarquha ma’ żewġha. Iddrogawha biex ma tirreżistix.”
Fogg beda jaħseb fit‑tul dwar dan. Ftit wara, bil‑vuċi kalma tas‑soltu tiegħu, lissen, “Naħseb li hemm bżonn insalvaw lil dik il‑mara.”
“Jekk jaqbduna,” qabeż il‑gwida, “nistgħu nispiċċaw ittorturati.”
“Tajjeb,” wieġeb Fogg. “Mela ftehimna. Se jkollna nistennew sakemm jidlam biex nibdew ix‑xogħol!”
Mappa: Minn Londra għal Bombay
Il‑parti ta’ quddiem tal‑pagoda kienet mgħassa sew, għalhekk iddeċidew li jippruvaw jidħlu minn wara. Il‑ħitan hemmhekk kienu mibnijin bit‑tafal u bl‑injam, għalhekk setgħu jtaqqbuhom malajr. Bdew jaħdmu bil‑mod fil‑kwiet kemm jista’ jkun, għalkemm kien id‑dlam, sakemm fl‑aħħar irnexxielhom iħaffru ħofra mdaqqsa sew. F’dak il‑ħin semgħu l‑passi ta’ xi għassiesa qed joqorbu.
Għalhekk irħewlha lejn il‑kenn tas‑siġar. Imma issa l‑għassiesa baqgħu fuq dik in‑naħa tal‑pagoda, għalkemm fid‑dlam ma lemħux il‑ħofra li Fogg u sħabu kienu għamlu. Issa kien impossibbli għall‑ħbieb jidħlu minn hemm bil‑moħbi.
“Mela se jkollna nitilqu,” lissen Sir Francis, bil‑mod.
“Stenna ftit,” lissen Fogg. “Dalwaqt jisbaħ. Hemm mnejn tiġina opportunità oħra.”
Madankollu ma tfaċċat l‑ebda opportunità oħra, u xi siegħa qabel tlugħ ix‑xemx il‑ġisem tar‑raġa nġieb, flimkien ma’ ta’ martu mitlufa minn sensiha, u t‑tnejn tpoġġew fuq il‑pira. Xi Indjani tefgħu ż‑żejt fuq l‑injam u dlonk tawh in‑nar. Għoliet vampa mas‑sema minnufih.
F’daqqa waħda n‑nies bdew iwerżqu u jgħajtu b’disprament, u kollha waqgħu għarkopptejhom. Ir‑raġa ma kienx mejjet! Qam bilwieqfa fuq il‑pira, u refa’ lill‑mara li kienet għadha storduta. Waqt li l‑Indjani kollha kellhom rashom mal‑art imbeżżgħin, ir‑raġa qabeż minn qalb in‑nirien u beda jiġri lejn Fogg u Sir Francis.
“Isaw! Iġru!” għajjat hekk kif għadda minn ħdejhom, bil‑mara għadha f’idu, u baqa’ sejjer qalb is‑siġar tal‑foresta.
Kien f’dak il‑waqt li Fogg u Sir Francis intebħu li kien Passepartout! Waqt id‑daħna u l‑konfużjoni kien irnexxielu jiddeffes qalb l‑Indjani u jaħtaf lill‑mara qabel ma n‑nar ħakem il‑pira għalkollox.
Imma issa l‑Indjani wkoll kienu ntebħu b’li kien ġara, u bdew jisparaw lejn fejn kien telaq jiġri r‑‘raġa’. Fogg u sħabu rnexxielhom jevitaw il‑balal hekk kif f’qasir żmien intilfu fil‑foresta u qabdu t‑triq lejn Allahabad u l‑istazzjon tal‑ferrovija.
Malli waslu hemm Fogg ħallas lill‑gwida għas‑servizz tiegħu, imma kien għad hemm il‑problema tal‑iljunfant li għalih Fogg kien nefaq elfejn sterlina. Ma setgħux jeħduh magħhom madwar id‑dinja. Għalhekk Fogg dar lejn il‑gwida.
“Ħallastek għas‑servizz tiegħek,” qallu, “imma mhux għad‑dedikazzjoni li wrejtna. Jekk trid tista’ żżomm l‑iljunfant.”
Il‑grupp rikeb it‑tren għal Calcutta. Waqt il‑vjaġġ il‑mara ġiet f’sensiha, u rrakkontatilhom l‑istorja tagħha. Kien jisimha Aouda, l‑armla tar‑raġa li kien miet. Sakemm kienet għadha fl‑Indja, xorta kienet għadha fil‑periklu. Fogg saqsieha kellhiex xi qraba f’pajjiż ieħor, u wieġbet li kellha min jiġi minnha f’Hong Kong. Billi Fogg kellu jgħaddi minn Hong Kong fil‑vjaġġ tiegħu, stedinha biex tibqa’ magħhom sakemm jaslu hemm.
Għal Fogg l‑affarijiet kienu sejrin tajjeb ħafna. Kien jaf li malli jasal Calcutta kellu siegħa ċans biex jaqbad il‑vapur għal Singapore, li kellu jitlaq f’nofsinhar, u kollox kien miexi skont l‑iskeda. Madankollu nqala’ intopp hekk kif, kemm Fogg kif ukoll Passepartout, ġew arrestati minnufih malli niżlu mit‑tren.
Il‑pulizija tellgħethom il‑qorti, fejn ġew wiċċimbwiċċ ma’ tliet patrijiet Buddisti. Kienu l‑istess tlieta li Passepartout kien iġġieled magħhom fil‑pagoda ta’ Bombay! It‑tnejn li huma kienu nsew dak l‑episodju għalkollox – imma mhux id‑Detektiv Fix. Billi kien għadu bil‑ħsieb li Fogg kien il‑ħalliel tal‑Bank tal‑Ingilterra, kien ġab lill‑patrijiet f’Calcutta biex itellgħu lil Passepartout il‑qorti, bit‑tama li d‑dewmien fil‑qorti jagħtih ċans jirċievi l‑permess mill‑pulizija tal‑Ingilterra biex jarresta lil Fogg.
L‑imħallef ħa l‑każ b’serjetà kbira. “Nikkundanna lil Passepartout għal ħmistax‑il ġurnata ħabs u multa ta’ 300 sterlina. Bħala sid is‑seftur, nikkundanna lil Phileas Fogg għal tmint ijiem ħabs u multa ta’ 150 sterlina. Il‑każ huwa magħluq.”
Passepartout baqa’ mistagħġeb bis‑sentenza, l‑aktar għaliex dan kien ser iħassar il‑pjanijiet kollha tal‑imgħallem tiegħu. Imma Fogg ma deherx inkwetat, u talab għal kawzjoni.
“Dak huwa dritt tiegħek,” qal l‑imħallef. “Mela l‑kawzjoni hija ta’ 1,000 lira sterlina kull persuna. Għalissa intom ħielsa. Il‑flus teħduhom lura malli jingħalaq il‑każ.”
Fix immaġina li Fogg xorta waħda ma kienx se jkun jista’ jħallas dik is‑somma biex joħroġ mill‑ħabs, imma baqa’ skantat meta fil‑fatt Fogg għamel dan, u hu u Passepartout kellhom ħin biżżejjed biex jitilqu mill‑ħabs u, flimkien ma’ Aouda, jilħqu l‑vapur għal Singapore qabel ma jsalpa.
Nhar il‑31 ta’ Ottubru l‑vapur trakka f’Singapore, u kienu tnax‑il siegħa bil‑quddiem. Issa kien importanti ħafna li l‑vjaġġ li kien imiss ma jeħux aktar minn sitt sigħat, għax minn Hong Kong Fogg kellu jaqbad vapur għal Yokohama, il‑Ġappun.
Sadattant Fix baqa’ jivvjaġġa magħhom. Tħabbeb ma’ Passepartout u beda jeħodlu minn rasu dwar il‑pjanijiet ta’ Fogg. Aktar ma beda jagħmilha ma’ Passepartout, Fix aktar beda jikkonvinċi ruħu li Fogg kien tassew il‑ħalliel li ried jaqbad.
Mill‑banda l‑oħra, Passepartout wkoll beda jissusspetta f’Fix, u ħaseb li fil‑fatt kien aġent mibgħut mill‑każin ta’ Londra biex jibqa’ ma’ Fogg ħalli jara li tassew ikun dar id‑dinja skont l‑imħatra!
Waqt l‑ewwel parti tal‑vjaġġ minn Singapore għal Hong Kong, kollox għadda mingħajr ebda għawġ. Ir‑riħ kien qed jonfoħ favurihom u l‑kaptan tella’ l‑qlugħ biex imexxu aktar. Imma ftit wara, ir‑riħ biddel id‑direzzjoni u sar ħafna aktar qawwi, u l‑kaptan kellu jwaqqaf il‑vapur għal nofstanhar. Għalkemm tniżżlu l‑qlugħ, il‑vapur kellu jbaħħar bil‑mod qalb il‑mewġ qalil.
Lejn l‑4 ta’ Novembru l‑baħar beda jikkalma, u reġgħu tellgħu l‑qlugħ biex il‑vapur jgħaġġel aktar. Imma issa kien se jkun impossibbli biex jaslu Hong Kong f’inqas minn 24 siegħa qabel ma l‑vapur għal Yokohama kellu jsalpa. U l‑vapur li kien imiss kellu jitlaq tmint ijiem wara!
F’dawk it‑tmint ijiem Fogg kien jilħaq jitlef l‑imħatra. F’dawk it‑tmint ijiem Fix kien jilħaq jirċievi l‑permess biex jarrestah!
Mappa: Minn Bombay għal Singapore
B’xorti tajba għal Fogg, meta waslu Singapore sabu li l‑vapur għal Yokohama kellu xi problema, u għalhekk il‑vjaġġ kien ġie pospost. Fogg issa kellu sittax‑il siegħa biex ikun jista’ jwassal lil Aouda s’għand il‑qraba tagħha. Malli waslu fid‑dar tal‑qariba, sabu li din kienet telqet minn Singapore u issa kienet qiegħda l‑Ewropa. Għalhekk qatgħuha li Aouda tkompli l‑vjaġġ magħhom lura lejn l‑Ewropa.
Sadattant Fix kien għadu qed jistenna l‑permess biex jarresta lil Fogg. Hu u Passepartout marru l‑uffiċċju tal‑vjaġġi biex jaqtgħu l‑biljetti għal Yokohama. Sakemm kienu hemm saru jafu li l‑vapur kien se jitlaq dakinhar stess filgħaxija. Passepartout ħass li kellu jmur javża lill‑imgħallem tiegħu mill‑aktar fis possibbli. Imma Fix ma xtaqx dan.
Id‑detektiv ikkonvinċa lil Passepartout biex imorru jixorbu xi ħaġa f’taverna fil‑qrib. Sakemm kienu hemm, Fix qatagħha li jgħid il‑verità lil Passepartout. Qallu li fil‑fatt kien detektiv, u li kien qed isegwi lil Fogg għax il‑pulizija kienet qed tissuspettah li seraq il‑Bank tal‑Ingilterra. Fogg fil‑fatt ma kienx qiegħed idur id‑dinja minħabba mħatra, imma kien qed jipprova jaħrab mill‑pulizija.
Phileas Fogg kien impjega lil Passepartout dik l‑istess ġurnata li kienu telqu minn Londra, għalhekk Passepartout ma kien jaf prattikament xejn dwaru. Dak li sema’ mingħand Fix beda jikkonfondih, anki minħabba l‑fatt li Fix kien offrielu ftit wisq brandy x’jixrob. Imma fl‑aħħar qabad ilaqlaq, “Sur Fix, anki jekk dan li qed tgħidli huwa kollu veru, jien għadni impjegat mas‑Sur Fogg. S’issa, kulma naf dwaru hu li huwa raġel tajjeb u rett, u ħlief atti ta’ ġenerożità għadni ma rajtux jagħmel. Qatt ma nista’ nittradih!”
Imma Fix kien għad kellu pjan xi jwettaq. Hekk kif kien għadu qed jilgħabha ta’ ħabib, ikkonvinċa lil Passepartout jieħu żewġ nifsijiet minn pipa tal‑loppju, u s‑seftur il‑Franċiż fis intelaq, barra minn sensih.
“Hekk,” ħaseb Fix, “għall‑inqas ma jkollux ċans javża lil Fogg li l‑vapur se jitlaq illejla.” U telaq lil Passepartout fit‑taverna stordut.
L‑għada filgħodu Fogg kien ftit mistagħġeb meta Passepartout ma deherx fil‑ħin. Meta hu u Aouda waslu fil‑port, saru jafu li l‑vapur għal Yokohama kien diġà telaq, u dak li kien imiss kellu jitlaq ġimgħa wara.
Għamlu tliet sigħat iduru l‑port biex jekk ikun hemm bżonn anki jikru vapur jew xini żgħir. Fl‑aħħar sab kaptan ta’ skuna li qallu li seta’ jieħdu sa Shanghai u jilħaq il‑vapur għal Yokohama hemmhekk. Dan kien tajjeb biżżejjed għal Fogg. Imma qabelxejn mar sal‑Uffiċċju tal‑Pulizija. Hemmhekk ħalla flus biżżejjed għal Passepartout biex ikun jista’ jmur lura Franza. Wara dan, Fogg u Aouda rikbu l‑iskuna.
Fix kien il‑ħin kollu ma’ saqajhom. Malli osserva lil Fogg ifittex mod kif jilħaq il‑vapur għal Yokohama, għamel tabirruħu li hu wkoll kien passiġġier li tilef il‑vapur u li kien baqa’ l‑art. Għalhekk Fogg offra li jieħdu magħhom.
L‑iskuna li qabdu kienet it‑Tankadere, skuna żgħira imma b’saħħitha u tgħaġġel. Xorta waħda kellha tagħmel vjaġġ ta’ madwar 800 mil, fi staġun meta l‑Baħar Ċiniż ikun qawwi u tempestuż. Madankollu, l‑ewwel parti tal‑vjaġġ marret tajba. L‑iskuna żammet mal‑kosta, u r‑riħ kien favorevoli.
L‑għawġ beda mat‑tielet jum. Il‑kaptan avża lil Fogg li kienet ġejja maltempata kbira. Żgħira kif kienet, u b’qala’ waħda, ir‑riħ beda jgħolliha minn wiċċ il‑baħar bħal rixa, u kienet fil‑periklu li tinqaleb mhux inqas minn għoxrin darba, kieku ma kenitx għall‑ħila tal‑kaptan tagħha, li inzerta baħħar prim.
Ma’ nżul ix‑xemx ir‑riħ beda jitqawwa u l‑iskuna kienet f’periklu akbar li tinqaleb mill‑mewġ. “Naħseb li aħjar insibu kenn xi mkien mal‑kosta,” qal Fogg.
“Liema port tippreferi?” staqsa l‑kaptan.
“Ipprova Shanghai,” wieġeb Fogg.
Filgħodu nhar il‑11 ta’ Novembru r‑riħ beda jbatti, u fl‑aħħar il‑passiġġieri setgħu jistejqru bil‑kwiet. Il‑kaptan avżahom li Shanghai kienet madwar mitt mil ’il bogħod. Meta waslu tliet mili ’l bogħod, setgħu jaraw daħna żgħira fl‑ilma titbiegħed mill‑port. Kien il‑vapur għal Yokohama, li kienu tilfu għal xi tliet sigħat!
U x’kien sar minn Passepartout?
Meta ġie f’tiegħu, wara li Fix telqu stordut fit‑taverna, irnexxielu jilħaq il‑vapur għal Yokohama ftit minuti biss qabel ma salpa. Xorta waħda kien għadu mhux f’sikktu, u malli tela’ reġa’ waqa’ stordut fis‑sodda tal‑kabina tiegħu. Meta qaleb għall‑aħjar, sab li l‑vapur kien ilu li telaq minn Singapore, imma Fogg u Aouda ma kinux abbord. Meta l‑vapur wasal f’Yokohama, Passepartout kellu problema. Il‑vjaġġ għal Yokohama kien lest u mħallas, imma issa x’jagħmel?
Beda jimraħ il‑port ta’ Yokohama bit‑tama li jsib xogħol fuq xi vapur li kien sejjer lejn San Francisco. Minflok, sab avviż dwar programm ta’ grupp ta’ akrobati Ġappuniżi, u qatagħha li jipprova jsib xi xogħol hemmhekk. Sab xogħol bħala lavrant. Beda jgħin f’affarijiet sempliċi tal‑kumpanija, imma fis beda jgħin xi ftit fil‑preparazzjoni tal‑akrobaziji. Wieħed minn dawn ix‑xogħlijiet kien li joqgħod fil‑qiegħ tal‑piramida umana – għarkopptejh biex l‑akrobati jitilgħu fuq dahru.
Din kienet l‑aktar parti importanti u magħrufa tal‑programm tal‑kumpanija “l‑Imniħrijiet it‑Twal”. L‑akrobati kienu jilbsu mniħrijiet tal‑bambù twal bejn sitta u għaxar piedi. Tnax‑il akrobata kienu joqogħdu daharhom mal‑art bi mneħirhom fl‑arja. Akrobati oħra kienu jixxabbtu ma’ mneħirhom. Grupp ieħor ta’ akrobati kienu jixxabbtu ma’ dawn, u mbagħad grupp ieħor, sakemm kienu jilħqu s‑saqaf tal‑palk.
Passepartout kellu postu fil‑qiegħ nett tal‑piramida. Hekk kif il‑piramida kienet kważi lesta, u l‑aħħar akrobati kienu qed isibu posthom fil‑quċċata, lil min jilmaħ Passepartout qalb l‑udjenza f’waħda mill‑gallariji? Phileas Fogg u Aouda!
Mingħajr ma qagħad jaħsibha darbtejn, telaq minn postu, u ħarbat lill‑akrobati kollha ta’ maġenbu u ta’ fuqhom! Hekk kif dawn waqgħu kollha muntanja waħda fuq xulxin, Passepartout qabeż minn fuq il‑palk u ggranfa mal‑ħajt sakemm laħaq il‑gallarija ta’ Fogg u Aouda, it‑tnejn mistagħġbin b’dak li kien qed jiġri.
Imma kif irnexxielhom jaslu Yokohama, Phileas Fogg u Aouda?
Meta kienu għadhom fuq it‑Tankadere u raw li l‑vapur għal Yokohama kien diġà telaq minn Singapore, Fogg talab lill‑kaptan biex jibgħat messaġġ ta’ emerġenza lill‑vapur. Dan waqqaf il‑magni għal ftit sakemm Fogg u Aouda rikbu.
F’Yokohama kellhom ċans jistrieħu ftit, u kienet b’kumbinazzjoni kbira li fettlilhom jidħlu jaraw il‑programm tal‑akrobati fejn kien hemm Passepartout.
L‑importanti issa kien li Fogg kien reġa’ ġie fil‑ħin, u l‑vjaġġ madwar id‑dinja seta’ jkompli.
Mappa: Minn Hong Kong għal Yokohama
Il‑vjaġġ minn Yokohama sa San Francisco kien mingħajr intoppi. Il‑‘General Grant’ kien parti skuna u parti bastiment immexxi minn roti tal‑palelli, u għalhekk kien jimxi malajr fuq il‑baħar.
Disat ijiem wara li telaq minn Yokohama, u ħamsa u għoxrin jum wara li kien telaq minn Londra, Fogg kien eżatt nofs triq fil‑vjaġġ tiegħu, u fit‑23 ta’ Novembru, il‑bastiment qasam il‑mija u tmenin meridjan.
L‑uniku wieħed li kien iddiżappuntat b’dan kollu kien id‑Detektiv Fix. Naturalment kien irnexxielu jibqa’ mal‑grupp biex Fogg ma jaħrablux minn taħt għajnejh. Imma għalkemm fl‑aħħar kien irċieva l‑permess biex jarrestah, issa li ma kinux iktar fl‑Asja, il‑permess ma kienx jiswa. U kellu bilfors jistenna sakemm jaslu l‑Ingilterra biex ikun jista’ jarresta lil Fogg.
Nhar it‑3 ta’ Diċembru l‑‘General Grant’ daħal fil‑bajja u għadda minn taħt il‑Pont tal‑Golden Gate, u trakka fil‑port ta’ San Francisco. S’issa Fogg la kien ġurnata bil‑quddiem u lanqas waħda b’lura.
L‑ewwel tren għal New York kellu jitlaq fis‑sitta ta’ filgħaxija, għalhekk il‑grupp qatagħha li jżuru l‑belt u jaraw xi veduti. Waqt li kienu qed iżuru t‑toroq sabu ruħhom qalb folla nies fejn kienet qed issir dimostrazzjoni politika. Kien hemm ħafna rjus sħan, u l‑għajjat u t‑tgħajjir ma naqasx. Kien hemm xi nies li anki ġew fl‑idejn, u b’xorti ħażina Fogg u sħabu nqabdu fin‑nofs. Raġel goff u mibrum sew laqat lil Fogg b’daqqa ta’ ponn.
“Biċċa ta’ Yankee maledukat!” lissen Fogg hekk kif ħares lejh b’ċertu disprezz.
L‑ieħor ħares lejn biċ‑ċiera. “Ingliż!” wieġeb lura. “Nerġgħu niltaqgħu!”
“Meta trid,” kompla Fogg.
“X’jismek?”
“Phileas Fogg. U inti?”
“Jiena l‑Kurunell Stamp Proctor.”
Kien f’dak il‑mument li l‑mewġa tal‑folla firdithom, u Fogg ma ħasibx aktar dwar il‑biċċa sakemm wasal il‑ħin li jitilgħu fuq it‑tren.
“Għal li jista’ jkun ma rġajtx rajt lil dak il‑Kurunell Proctor, hux?” staqsa lil Fix.
“Le,” wieġeb Fix.
“Wara li nlesti dan il‑vjaġġ biħsiebni nerġa’ niġi l‑Amerka biex insibu,” qal Fogg bil‑kalma kollha. “Ġentlom Ingliż m’għandux joqgħod għal din it‑tip ta’ mġiba.”
Il‑vjaġġ bil‑ferrovija għal New York kien ta’ 3,786 mil, u t‑tren kellu jieħu sebat ijiem biex jasal. Suppost kellu jasal fil‑waqt biex Fogg ikun jista’ jaqbad il‑vapur għal Liverpool fil‑ħdax tax‑xahar.
Bdiet nieżla l‑borra xi siegħa wara li telqu l‑istazzjon, imma t‑tren baqa’ sejjer bil‑qawwa kollha sal‑għada, u waqaf biss biex iniżżel u jtella’ l‑passiġġieri. Waqfa waħda biss ma kenitx fil‑programm, hekk kif it‑tren kellu jieqaf minħabba merħla ta’ bejn 10,000 u 12,000 buflu li qasmu l‑ferrovija.
Naturalment ma kinux se jibqgħu għaddejjin minn fuqhom. It‑tren kien b’saħħtu biżżejjed biex itajjar xi ftit minnhom, u, żgur mhux forsi, il‑vaguni kienu jinqalbu bid‑daqqa. Għalhekk kellhom jistennew sakemm il‑merħla taqsam kollha, bit‑tama li wara, it‑tren ikun jista’ jgħaġġel aktar biex ipatti għad‑dewmien.
Waqfa oħra mhux mistennija kienet meta waslu fir‑Rocky Mountains. Sakemm kienu weqfin, Passepartout niżel biex jara x’kien qed jiġri, u ġie wiċċ imb wiċċ mal‑Kurunell Proctor. Il‑Kurunell ma rahx hekk kif kien qed jitkellem ma’ wieħed mill‑inġiniera. Passepartout sema’ x’kien qed jgħid l‑inġinier.
“Il‑pont f’Medicine Bow ma nistgħux ngħaddu minn fuqu. Ħafna mill‑ktajjen maqtugħin u mhux se jiflaħ it‑toqol tat‑tren.”
Milli jidher kienu bagħtu tren ieħor biex jiġi jiġbor il‑passiġġieri, imma xorta waħda ma setgħux jaqsmu x‑xmara biex jiltaqgħu miegħu. L‑unika ħaġa li setgħu jagħmlu kien li jimxu ħmistax‑il mil fis‑silġ biex jilħqu l‑aktar post viċin għall‑kenn. Is‑sewwieq tat‑tren ġietu idea.
“Jien naħseb li jekk immexxu t‑tren bl‑aqwa veloċità li għandna nkunu nistgħu ngħaddu minn fuq il‑pont malajr qabel ma jċedi.”
Sar dibattitu twil dwar din l‑idea, imma fl‑aħħar kulħadd qabel li jippruvaw.
“Għandna ħamsin fil‑mija ċans li jirnexxilna naqsmu għan‑naħa l‑oħra,” lissen wieħed, kemxejn inkwetat.
Il‑passiġġieri reġgħu marru kollha fil‑postijiet tagħhom. Passepartout ma qal xejn dwar il‑Kurunell Proctor jew dwar dak li l‑inġiniera kienu ddeċidew li jagħmlu.
Mexxew it‑tren madwar mil lura, ħalli jkun jista’ jaqbad ir‑rankatura u jtella’ l‑veloċità li kellu bżonn biex jaqsam il‑pont. Reġa’ beda miexi ’l quddiem, il‑ħin kollu jżid l‑għaġla tiegħu, sakemm fl‑aħħar beda miexi tassew mgħaġġel, bil‑magna tagħti mal‑għoxrin daqqa kull sekonda.
Għal mument kien qisu t‑tren kien qed itir fl‑arja b’mitt mil fis‑siegħa. U qasmu l‑pont f’ħakka t’għajn! Il‑passiġġieri ma setgħu jaraw xejn x’ġara lill‑pont. It‑tren baqa’ sejjer bl‑għaġla kollha tiegħu, u qabeż l‑istazzjon b’xi ħames mili qabel ma seta’ jieqaf. Il‑pont ma felaħx, u bilkemm laħqu qasmu li ma waqax biċċiet fl‑ilma ġieri tax‑xmara Medicine Bow.
Kien impossibbli li minn mument għal ieħor Fogg u l‑Kurunell Proctor ma jiltaqgħux. Hekk kif it‑tnejn niżlu minn fuq it‑tren mal‑waqfa li kien imiss, sabu ruħhom wiċċ imb wiċċ fuq il‑pjattaforma.
“Sur Kurunell,” lissen Phileas Fogg. “Ma nistax indum ħafna għax hemm bżonn nasal fil‑ħin l‑Ewropa. Wara l‑laqgħa tagħna f’San Francisco kont lest li nerġa’ niġi biex niltaqa’ miegħek.”
“Tassew?” wieġeb il‑Kurunell biż‑żufjett.
“Tista’ tagħżel xi data, qisu daqs sitt xhur oħra, u nkun nista’ niġi.”
“Dan biex teħles minni?” wieġeb il‑Kurunell. “Le. Jew issa jew qatt. L‑istazzjon li jmiss huwa Plum Creek. Se naslu hemm madwar siegħa oħra għal waqfa ta’ għaxar minuti. Għaxar minuti għandhom ikunu biżżejjed biex niġġilduha.”
“Kollox sew,” kompla Fogg. “Narak fi Plum Creek.”
F’xi l‑ħdax it‑tren wasal Plum Creek. Fogg ħareġ, u baqa’ jistenna fuq il‑pjattaforma. Il‑Kurunell feġġ ftit mumenti wara.
Madankollu reġgħet instemgħet it‑tisfira tat‑tren biex kulħadd jerġa’ jitla’ abbord. Il‑gwardjan tat‑tren sejjaħ lill‑passiġġieri kollha lura. “Sinjuri, jiddispjaċini imma t‑tren qiegħed b’għoxrin minuta tard, u jkollna nitilqu issa.”
Imbagħad dar fuq Fogg u l‑Kurunell. “Jekk tridu tagħmlu d‑dwell, tistgħu tagħmluh fuq it‑tren.”
Kemm Fogg kif ukoll il‑Kurunell qablu ma’ dan, għalhekk malli t‑tren reġa’ beda miexi, il‑gwardjan talab lill‑passiġġieri ta’ vagun minnhom biex imorru f’vaguni oħra, ħalli Fogg u l‑Kurunell jibqgħu waħidhom.
It‑tnejn kellhom żewġ revolvers b’sitt balal kull wieħed. Ftiehmu li jibdew jisparaw mat‑tisfira tat‑tren li l‑inġinier kien miftiehem li jagħmel għalihom. Wara żewġ minuti, il‑gwardjan jidħol u jara min kien għadu ħaj. Ma setgħetx tkun aktar sempliċi!
Mappa: Minn Yokohama għal San Francisco
Għalkemm Phileas Fogg u l‑Kurunell baqgħu jistennew għat‑tisfira li kellha tkun is‑sinjal biex jibdew jisparaw, din ma ġiet qatt. Minflok, instema’ ħafna sparar ġej minn barra l‑vagun. Fogg u l‑Kurunell ittawlu barra mill‑vagun u ntebħu li kien hemm madwar mitt Indjan Amerikan li kienu qed jattakkaw it‑tren. Kienu rekbin fuq iż‑żwiemel tagħhom, jiġru maġenb it‑tren. Uħud minnhom qabżu minn fuq iż‑żwiemel għal fuq il‑vaguni. Kissru t‑twieqi u daħlu minn ġo fihom. Oħrajn sfrundaw il‑bibien tal‑vaguni, waqt li oħrajn telgħu fuq is‑soqfa. Kollha bdew jattakkaw lill‑passiġġieri, hekk kif dawn ippruvaw jiddefendu ruħhom. Fogg u l‑Kurunell minnufih insew id‑dwell ta’ bejniethom, u marru jaqbżu għall‑passiġġieri.
Is‑sewwieq u l‑inġinier kienu kważi mejta meta xi Indjani attakkaw il‑magna tat‑tren. Il‑kap tal‑Indjani ttanta jwaqqaf it‑tren, iżda billi ma kienx jaf kif kien jaħdem, minflok għaġġlu, u issa t‑tren kien miexi bl‑akbar veloċità.
Imma kien importanti ħafna li t‑tren jieqaf fl‑istazzjon li jmiss, li kien biss ħames minuti bogħod. Hemmhekk kien hemm gwarniġjon ta’ suldati li setgħu jsalvaw lill‑passiġġieri.
Malli sar jaf b’dan, Fogg qatagħha, “Mela għandna bżonn inwaqqfu t‑tren issa, inkella jaqbeż l‑istazzjon u jibqa’ sejjer.”
Fil‑fatt Passepartout kien diġà ħaseb f’dan, u kien fetaħ bokkaport taħt il‑vagun. L‑idea tiegħu kienet li jiddendel ma’ qiegħ il‑vagun sakemm jasal sal‑magna. Minn hemm taħt l‑Indjani ma kinux jarawh u jwaqqfuh. B’ħeffa u ħila liema bħalhom, Passepartout tkaxkar bil‑mod il‑mod, jiggranfa ma’ kull katina u pajp li kienu ma’ qiegħ il‑vagun. Malli wasal fejn il‑katina li kienet torbot il‑vagun mal‑magna, beda jissara bil‑qilla kollha biex jaqlagħha, u fl‑aħħar, bi skoss qawwi, il‑vagun inqata’ minn mal‑magna.
Hekk kif il‑magna baqgħet tiġri ’l quddiem, il‑vagun – u l‑oħrajn kollha warajh – bdew inaqqsu l‑ġirja tagħhom. Minħabba t‑toqol tal‑vaguni u l‑veloċità li kienu sejrin biha, it‑tren naturalment ma waqafx mill‑ewwel, imma baqa’ miexi ftit sakemm waqaf għalkollox – xi mitt metru qabel l‑istazzjon ta’ Fort Kearney. Is‑suldati fil‑gwarniġjon semgħu l‑isparar, u fis ġrew biex jgħinu lill‑passiġġieri. Sakemm waslu, l‑Indjani kienu laħqu żgiċċaw.
B’xorti ħażina, malli għaddew il‑passiġġieri biex jaraw li kollha kienu hemm, sabu li kien hemm tlieta neqsin, fosthom il‑Franċiż qalbieni li kien salva t‑tren. L‑Indjani kienu ħatfuhom u ħaduhom magħhom.
Fogg ma setax iħalli lil Passepartout warajh, imma fl‑istess ħin kien jaf li jekk jieqaf biex isalvah, kien se jitlef ħin prezzjuż mill‑vjaġġ. Kellu għażla diffiċli x’jagħmel, u beda jaħseb sew x’jagħmel. Aouda, imbikkma, baqgħet maġenbu, imma ma tniffsitx. Fl‑aħħar, Fogg ħares lejha.
“Se mmur għalih, ħaj jew mejjet,” lissen. Aouda kienet taf x’sagrifiċċju kien se jagħmel. Jekk jittardja ġurnata, żgur mhux forsi, kien se jitlef il‑vapur għal Liverpool, għax ma kienx hemm vapur ieħor li seta’ jaqbad fil‑ħin minn New York.
Meta Fogg talab lis‑suldati biex jgħinuh, l‑uffiċjali rrifjutaw, u Fogg qatagħha li jmur ifittex lil Passepartout waħdu. Malli l‑uffiċjali raw li ma kinux se jaqtgħulu qalbu, bagħtu kontinġent ta’ tletin suldat miegħu. Fogg ħalla lil Aouda ma’ Fix, u telaq mas‑suldati.
Lanqas laħqu għaddew sagħtejn li l‑magna tat‑tren ma ġietx lura. Meta Passepartout kien ħallha minn mal‑vaguni, il‑magna kienet baqgħet sejra bil‑għaġla mingħajr kontroll, billi s‑sewwieq u l‑inġinier kienu għadhom storduti. Waqfet waħedha meta ma kellhiex aktar stim. Hekk kif is‑sewwieq u l‑inġinier ġew f’tagħhom, ma kinux jafu kif ġew hemm, u qatgħuha li jmorru lura l‑istazzjon ta’ Fort Kearney. Hemmhekk reġgħu rabtu l‑magna mal‑vaguni u lestew biex ikomplu l‑vjaġġ.
Imma Fogg kien għadu ma ġiex lura bil‑priġunieri meħlusin. Aouda ttantat tikkonvinċihom jistennew ftit aktar.
“Jiddispjaċini, Sinjura. Ma nistax inwaqqaf is‑servizz. Diġà qegħdin tliet sigħat tard. Jekk tridu tistgħu tistennew hawn. Tren ieħor jgħaddi minn hawn għada filgħaxija. Nittama li s‑Sur Fogg ikun ġie lura sa dak il‑ħin.”
Fix baqa’ ma’ Aouda hekk kif raw it‑tren jitlaq mingħajrhom. Sa filgħaxija, kien għad ma kienx hemm sinjal ta’ Fogg, tas‑suldati jew tal‑priġunieri. Gerbu s‑sigħat ta’ billejl, u mill‑ġdid ma kien hemm l‑ebda aħbar sakemm sebaħ filgħodu.
Hekk kif il‑kaptan tas‑suldati kien se jordna biex jitlaq kontinġent ieħor ta’ suldati biex isibuhom, semgħu sparatura tidwi, u xi nofs mil ’il bogħod lemħu lis‑suldati ġejjin lura, b’Fogg u t‑tliet priġunieri meħlusin quddiem.
Phileas Fogg issa kien għoxrin siegħa wara l‑ħin. Imma sadattant Fix ma kienx baqa’ b’idu f’idu. “Kieku ma kienx għall‑attakk tal‑Indjani,” qal lil Fogg, “kont tkun tnax‑il siegħa bil‑quddiem. Għalhekk issa għandek tmien sigħat x’tirkupra. Lest li tkompli l‑vjaġġ fuq slitta? Imma mhux slitta normali – slitta bil‑qlugħ?”
Il‑vettura li sabu kienet aktar qisha xaluppa milli slitta, forma ta’ dgħajsa kbira, b’żewġ arbli u qlugħ. Biss, il‑qiegħ kien magħmul minn xfafar li setgħu jiżżerżqu fuq is‑silġ. Fogg naturalment għoġbitu l‑idea.
Rikbu kollha fuq is‑slitta, kollha mgeddsin f’kutri ħoxnin. Għall‑ewwel Fogg xtaq li Aouda tibqa’ wara ma’ Passepartout, għaliex beża’ li l‑vjaġġ ikun perikoluż; imma Aouda insistiet li ma jerġgħux jinfirdu. Mill‑banda l‑oħra Passepartout ma xtaqx li jitlaq lil Fogg waħdu ma’ Fix, li kien għadu qed jistenna ċ‑ċans biex jarresta lil Fogg.
Billi r‑riħ kien favur tagħhom, kien faċli ħafna għas‑slitta, b’żewġt iqlugħ miftuħin, li tibda tiżżerżaq fuq il‑silġ b’ħeffa liema bħalha daqslikieku kienet tren.
B’dan il‑mod, il‑mitejn mil sa Oklahoma għamluhom f’radda ta’ salib. Hemmhekk kienu biħsiebhom jaqbdu tren għal New York. Daqs nofs mil qabel ma waslu, is‑sewwieq niżżel il‑qlugħ. “Kważi wasalna,” qal.
Malli waslu, kienu eżatt fil‑ħin biex jirkbu t‑tren għax kien se jitlaq.
L‑għada filgħaxija waslu f’Chicago, maġenb il‑lag ta’ Michigan. Kien għad fadal disa’ mitt mil għal New York, imma kien hemm biżżejjed trenijiet għal hemm, u Fogg ma damx jistenna qabel ma telaq wieħed.
Fl‑aħħar feġġet ix‑xmara Hudson, u filgħaxija ta’ nhar il‑11 ta’ Diċembru, it‑tren waqaf fl‑istazzjon faċċata tal‑moll tal‑vapuri tal‑passiġġieri tal‑kumpanija Cunard.
Imma l‑bastiment ‘China’, li Fogg kien ippjana li jaqbad, kien laħaq salpa tliet kwarti qabel!
Mappa: Minn San Francisco għal New York
Issa deher li Phileas Fogg kien se jitlef kollox. Kien hemm vapuri oħra dakinhar li kienu se jitilqu minn New York; imma l‑ebda wieħed minnhom ma seta’ jwasslu Londra fil‑ħin.
L‑għada kien se jkun it‑12 ta’ Diċembru, u Fogg issa kellu disat ijiem, tlettax‑il siegħa u ħamsa u erbgħin minuta biex jilħaq jasal fil‑ħin. Fogg ma qatax qalbu. Baqa’ jimraħ fil‑port ta’ Hudson, il‑ħin kollu jara kienx hemm xi vapuri li kienu lesti biex isalpaw. Fl‑aħħar lemaħ vapur tat‑tagħbija żgħir, ’il barra mill‑port, bid‑duħħan ħiereġ miċ‑ċmieni – sinjal li kien se jsalpa dalwaqt. Qabad dgħajsa u rħielha lejh.
Malli tela’ abbord, saqsa lill‑kaptan, il‑Kaptan Speedy, “Tista’ twassalni sa Liverpool?”
“Le. Sejjer Bordeaux, u mkien aktar.”
“Nikri l‑vapur,” lissen Fogg.”
“Le.”
“Nixtri l‑vapur.”
“Le.”
Fogg qagħad jaħsibha ftit. “Noffrilek elfejn dollaru kull wieħed għal erba’ passiġġieri biex twassalna Bordeaux.”
Il‑Kaptan Speedy kemmex ftit wiċċu. Hu kien il‑kaptan ta’ vapur tat‑tagħbija, u ma kienx jieħu pjaċir ħafna jtella’ passiġġieri. Mill‑banda l‑oħra tmint elef dollaru ma kinux ċajta!
“Se nitilqu fid‑disgħa,” lissen fl‑aħħar. “Jekk ma tkunux abbord sa dak il‑ħin – ”
“Se nkunu,” qatagħlu kliemu Fogg.
L‑għada f’nofsinhar il‑Kaptan Speedy kien fil‑kabina tiegħu – imsakkar!
Li ġara kien li malli Fogg tela’ abbord, offra l‑flus liċ‑ċorma, u dawn tant ħadu pjaċir li kienu lesti li jwasslu lil Fogg fejn irid – anki Liverpool minflok Bordeaux!
Aouda ma qalet xejn dwar dan. Passepartout kien kuntent sakemm dan seta’ jwassal lill‑imgħallem tiegħu fil‑ħin, u għalaq għajn waħda għall‑fatt li dak li għamel Fogg kien att ta’ piraterija u ammutinament! Naturalment, id‑Detektiv Fix kien kompletament miblugħ b’dak li kien qed jara. Vapur maħtuf, ċorma mixtrija, u Fogg kien qed juri wkoll ħila liema bħalha kif imexxi l‑vapur – dan kollu beda jimpressjona lil Fix, u ma kienx jaf x’jaqbad jaħseb. Imma fl‑aħħar beda jaħseb li dan Phileas Fogg, li kien seraq 55,000 sterlina mill‑Bank tal‑Ingilterra, fil‑fatt ma kienx sejjer Liverpool, imma f’xi post ieħor fejn seta’ jistaħba mill‑awtoritajiet.
Fl‑ewwel ftit jiem tal‑vjaġġ, kollox mar sew. Ir‑riħ kien qawwi u favur ir‑rotta tagħhom, u l‑vapur kien qed ibaħħar mingħajr ebda problema, daqslikieku kien l‑ifjen vapur tal‑passiġġieri. B’xorti ħażina, ftit wara dar ir‑riħ, u Fogg kellu jniżżel il‑qlugħ u jqabbad il‑magni. Fogg kellu esperjenza fuq il‑baħar u kien jaf kif imexxi liċ‑ċorma.
Nhar is‑16 ta’ Diċembru kien il‑ħamsa u sebgħin jum minn mindu kienu telqu Londra. Kienu kważi nofs triq tal‑vjaġġ u f’waħda mill‑agħar partijiet tal‑oċean. L‑inġinier tela’ fuq il‑gverta biex ikellem lil Fogg.
“Il‑faħam se jispiċċa dalwaqt,” qallu. “Minn mindu qlibna għall‑magni konna qed nużawhom fl‑aqwa tagħhom. Għalkemm kien se jkollna biżżejjed stim għal Bordeaux, issa mhux se jkollna biżżejjed biex naslu Liverpool.”
Fogg ħasibha sew qabel ma ddeċieda x’jagħmel. Fl‑aħħar dar lejn l‑inġinier, “Ibqa’ sejjer hekk sakemm jispiċċa l‑faħam,” qallu.
Jumejn wara, fit‑tmintax tax‑xahar, l‑inġinier avża lil Fogg li, bħalma kien basar, il‑faħam kien se jinħela kollu qabel ma tispiċċa l‑ġurnata. “Ħalli l‑magna għaddejja xorta,” qallu Fogg. Wara qalilhom biex joħorġu lill‑Kaptan mill‑kabina tiegħu.
“Kaptan, se jkolli nixtri l‑vapur mingħandek, għax se jkolli naħarqu – għall‑inqas il‑parti ta’ fuq.”
“Taħarqu!” tenna l‑Kaptan, mistagħġeb. “Dan il‑vapur jiswa ħamsin elf dollaru!”
“Tajjeb, mela hawn għandek sittin elf dollaru – u tista’ żżomm il‑ħadid u l‑magni.”
Malli l‑Kaptan sema’ dik is‑somma nesa kull ħaġa li kienet ġrat – ir‑rabja li kellu sa mument qabel, il‑fatt li kienu sakkruh fil‑kabina, l‑inkwiet li kien qabdu – kollox. Ħataf il‑flus li poġġa quddiemu Fogg u deffishom fil‑but. “Fatta,” qallu minnufih.
U wara dan sar ferneżija ta’ xogħol hekk kif iċ‑ċorma – megħjuna minn Passepartout – bdiet iżżarma ftit ftit kull ħaġa fuq il‑vapur li kienet tal‑injam u li setgħet tinħaraq minflok il‑faħam biex iżommu l‑magni sejrin. L‑ewwel bdew bil‑kabini tal‑gverta fuq il‑poppa u l‑pruwa. Fid‑19 ta’ Diċembru qalgħu l‑arbli u d‑dgħajjes iż‑żgħar. Fl‑20 ta’ Diċembru kien imiss il‑pjanċi tal‑gverta stess u l‑ħbula. Baqgħu sejrin hekk sakemm fl‑aħħar ma kien baqa’ xejn mill‑vapur għajr skeletru tal‑ħadid u l‑magni.
Imma filgħaxija setgħu jaraw il‑kosta tal‑Irlanda, u Fogg kellu bżonn erbgħa u għoxrin siegħa biex jasal Liverpool – kien se jieħu dak iż‑żmien kollu biex jasal, anki bl‑injam kollu li kellu jqabbad.
Madankollu kien għad hemm ftit tama. Queenstown kien port żgħir fl‑Irlanda fejn vapuri Amerikani kienu jittrakkaw biex iħottu l‑posta, li wara kienu jtellgħu lejn Dublin bit‑tren u lejn Liverpool b’dgħajjes mgħaġġlin. Fogg ikkalkula li jekk jaqbad waħda minn dawn seta’ jirbaħ tnax‑il siegħa.
Għalhekk iddeċieda li jagħmel hekk. Telaq lill‑Kaptan Speedy bl‑iskeletru tal‑vapur – li, żarmat kif kien, kien għadu jiswa daqs nofs il‑flus li kien nefaq għalih – u tela’ fuq tren għal Dublin. Minn hemm tela’ fuq waħda mid‑dgħajjes għal Liverpool.
Nhar il‑21 ta’ Diċembru, f’nofsinhar u għoxrin minuta, Fogg fl‑aħħar wasal Liverpool. Issa kellu sitt sigħat biex jasal Londra – u biex jirbaħ l‑imħatra kellu disa’ sigħat u kwart.
Kien f’dak il‑waqt li Fix resaq lejh u poġġa idu fuq spallet Fogg.
“Biex nikkonferma,” qallu bl‑akbar serjetà, “Inti jismek Phileas Fogg?”
Fogg ħares lejn miblugħ. “Iva,” wieġeb.
Fix ħareġ il‑permess uffiċjali ta’ Scotland Yard u wrieh lil Fogg. “Mela jiena narrestak f’isem ir‑Reġina!”
Mappa: Minn New York għal Liverpool
Issa li Fogg kien fil‑ħabs, kien jaf li l‑imħatra kien tilifha. Iżda xorta baqa’ kalm bħas‑soltu. Ħares lejn l‑arloġġ. Kienu s‑siegħa... is‑sagħtejn. Kieku f’dak il‑ħin kien jirkeb waħda mit‑trenijiet mgħaġġlin, kien jilħaq jasal fil‑każin eżatt fid‑disgħa nieqes kwart.
Fis‑sagħtejn u nofs u tliet minuti, sema’ pandemonju sħiħ barra miċ‑ċella tiegħu, u f’daqqa waħda nfetaħ il‑bieb beraħ u tfaċċaw Passepartout, Aouda u d‑Detektiv Fix, li tant kien nifsu maqtugħ li bilkemm seta’ jitkellem.
“Sinjur Fogg,” beda jgħajjat. “Aħfirli! Jiddispjaċini, imma d‑deskrizzjoni tiegħek kienet tant tixbah dik tal‑ħalliel! Lill‑ħalliel il‑veru qabduh, tlitt ijiem ilu! Inti ħieles!”
Fogg mar fuq Fix, ħares dritt f’għajnejh u fajjarlu daqqa ta’ ponn fuq imnieħru.
It‑tren kien diġà laħaq telaq, għalhekk Fogg ordna wieħed privat ta’ malajr. Imma f’kull arloġġ li ra, malli wasal fl‑istazzjon, sab li kienu d‑disgħa nieqes għaxra.
Wara l‑ġirja kollha li kien għamel madwar id‑dinja, Fogg kien tilef l‑imħatra għal ħames minuti!
Filgħaxija, Phileas Fogg ma marx il‑każin. U lanqas mar l‑għada. Minflok qatta’ ħinu jordna l‑affarijiet tiegħu.
Filgħaxija, tkellem ma’ Aouda. Skuża ruħu talli kien ġabha l‑Ingilterra, imma qalilha li meta kien issuġġerielha li tagħmel hekk kien għaliex kien ippjana li jagħtiha somma flus biex tkun tista’ tazzetta hemm. Issa, naturalment, bilkemm kellu biżżejjed għalih.
“Imma m’għandekx xi qraba u ħbieb?” staqsietu hi.
“Le, m’għandi lil ħadd,” weġibha hu.
“Mela, Sur Fogg, trid li jkollok qarib u ħabib fl‑istess ħin? Tridni nkun martek?”
Fogg għalaq għajnejh għal ftit sekondi, u malli reġa’ fetaħhom, qalilha sempliċement, “Inħobbok.”
Passepartout tela’ s‑seba’ sema meta tawh l‑aħbar. Fogg talbu biex imur għand il‑kappillan biex jorganizza ż‑żwieġ l‑għada. Passepartout tar biex isib lill‑kappillan.
Fl‑istess ħin li Fogg u Aouda ddeċidew li jiżżewġu, sħabu l‑membri tal‑każin kienu qed iħarsu lejn l‑arloġġi tagħhom.
“Sinjuri,” lissen wieħed minnhom. “Għoxrin minuta oħra se jkun il‑ħin li ftehimna mas‑Sur Fogg għal għeluq l‑imħatra. L‑aħħar tren minn Liverpool diġà wasal, u li jmiss mhux se jasal qabel nofsillejl u għaxar minuti. Mela nistgħu ngħidu li l‑imħatra rbaħnieha aħna.”
“Nistennew ftit ieħor,” qabeż membru ieħor, “Tafu Fogg kemm huwa preċiż – dak qatt ma jiġi ftit tard u lanqas ftit kmieni!”
Qagħdu bilqiegħda biex jibdew logħba karti, imma kollha kemm huma kellhom għajnejhom fuq l‑arloġġ tas‑sala. Kien qed juri t‑tmienja u erbgħa u erbgħin minuta.
Insew il‑karti, u baqgħu kollha siekta, għajnejhom imsammrin fuq l‑arloġġ.
Għoxrin sekonda qabel id‑disgħa nieqes kwart, u skiet perfett...
Għaxar sekondi, ikompli s‑skiet...
Ħames sekondi... u semgħu l‑għagħa barra mis‑sala, għajjat u ħafna ċapċip.
Sekonda qabel ma daqqew id‑disgħa nieqes kwart, Phileas Fogg daħal fis‑sala, “Hawn jien, sinjuri!”
Issa, għalfejn Phileas Fogg daħal erbgħa u għoxrin siegħa tard, fil‑każin? Kif il‑membri kienu għadhom qed jistennewh? Kompli aqra ħalli tifhem sewwasew x’ġara...
Għaxar minuti qabel, Passepartout, bla nifs u kollu eċċitat, daħal jiġri lura f’dar Fogg.
“Ma tistgħux tiżżewġu għada! Ma tistgħux tiżżewġu għada!” beda jgħajjat.
“Ikkalma, Passepartout,” qallu Fogg. “X’inti tgħid? Għala ma nistgħux niżżewġu għada?”
“Għax għada l‑Ħadd!”
“Kif il‑Ħadd? Għada t‑Tnejn. Illum il‑Ħadd,” kompla Fogg.
“Le, illum is‑Sibt! Ħadt żball! Ġejna erbgħa u għoxrin siegħa qabel! Imm’issa jonqos biss għaxar minuti biex tmur il‑każin fil‑ħin!”
Minnufih, it‑tlieta li huma qabdu karozzin, u Fogg wiegħed lill‑kuċċier mitt sterlina jekk iwasslu fil‑ħin. B’hekk Phileas Fogg kien rebaħ l‑imħatra tiegħu ta’ 20,000 lira sterlina!
Imma kif, tgħid int, bniedem daqshekk preċiż bħal Phileas Fogg kellu jagħmel żball bħal dak? Ir‑raġuni hija sempliċi ħafna. Rebaħ ġurnata żejda għaliex beda jivvjaġġa lejn il‑Lvant, lejn ix‑xemx tielgħa. Kieku fettillu jibda jivvjaġġa n‑naħa l‑opposta, lejn il‑Punent, fl‑aħħar kien ikun tilef ġurnata.
Kull darba li kien qed jaqsam minn meridjan għal ieħor, kien qiegħed jirbaħ erba’ minuti. B’kollox, hu qasam tmenin meridjan, filwaqt li għall‑membri tal‑każin, kienu għaddew biss sebgħa u disgħin meridjan.
Phileas Fogg rebaħ l‑għoxrin elf, imma meta tqis kemm nefaq tul il‑vjaġġ, issib li b’kollox kien nefaq 19,000 sterlina. Għalhekk, fil‑fatt, kien rebaħ biss elf sterlina. Dan ma dejjaqx lil Fogg. Wara kollox kien għamel l‑imħatra sempliċement għall‑gost, mhux għall‑flus. Dawk l‑elf qassamhom lil Passepartout u lill‑povru Detektiv Fix, li ma setax ma jaħfirlux għal dak li kien għamel.
X’kien rebaħ aktar, Phileas Fogg, b’dak il‑vjaġġ? X’kien ġab lura miegħu d‑dar? Xejn għajr mara grazzjuża li għamlitu l‑aktar raġel kuntent fid‑dinja.
Bombay: L‑isem Ingliż għal Mumbai, li sar l‑isem uffiċjali fl‑1995. [Lura]
Braħmin: Għamla ta’ qassisin fir‑reliġjon Ħindu. [Lura]
Calcutta: L‑isem Ingliż għal Kolkota, li sar l‑isem uffiċjali fl‑2021. [Lura]
Kawzjoni: Somma flus li titħallas lill‑qorti biex il‑persuna ma tibqax il‑ħabs sakemm jinqata’ l‑każ. Jekk il‑persuna ma tattendix il‑każ, il‑flus jinżammu mill‑qorti. [Lura]
Lira sterlina: Il‑munita Ingliża. [Lura]
Meridjan: Linja immaġinarja mill‑parti ta’ fuq tad‑Dinja (l‑Artiku) għall‑parti t’isfel (l‑Antartiku). Billi d‑dinja għandha bejn wieħed u ieħor il‑forma ta’ globu, hemm 360 meridjan. Nibdew ngħoddu l‑meridjani minn Greenwich fl‑Ingilterra u nimxu lejn il‑Lvant. Bejn meridjan u ieħor hemm siegħa (siegħa aktar minn Greenwich lejn il‑Lvant, u siegħa inqas lejn il‑Punent). Għalhekk il‑meridjan tan‑nofs, il‑180, fuq id‑dinja jiġi eżatt l‑oppost ta’ Greenwich, bejn wieħed u ieħor fin‑nofs tal‑Oċean Paċifiku, bejn l‑Asja u l‑Amerka. [Lura]
Mil: Kejl ta’ distanza antik li bejn wieħed u ieħor jiġi ftit aktar minn kilometru u nofs. [Lura]
Palelli: Imqadef bil‑pala kbira. [Lura]
Pira: Pjattaforma magħmula biz‑zkuk fejn ipoġġu l‑katavru għall‑ħruq. [Lura]
Pagoda: Tempju orjentali, forma ta’ torri b’ħafna sulari, ġeneralment tar‑reliġjon Buddista. [Lura]
Raġa: Sultan jew prinċep Indjan. [Lura]
Scotland Yard: Il‑kwartier ġenerali tal‑pulizija ta’ Londra. Illum magħruf bħala New Scotland Yard. [Lura]