Bram Stoker
(Irlandiż, 1847-1912)
Madwar 6,000 kelma
Ġeneri
Makabru
Kapitli
1: Jonathan
2: Il-Konti
3: Priġunier
4: Mina u Lucy
5: Van Helsing
6: It-Tfajla s-Sbejħa
7: Il-Kripta
8: Il-Kappella f’Carfax
9: Iż-Żarina Katerina
10: L-Oqbra fil-Kastell
11: Qabel Inżul ix-Xemx
Noti
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-provi: Anabel Micallef
Aktar tagħrif f'
Sagħtar
Numru 377 (April 2023)
Kien qed joqrob nofsillejl hekk kif il‑karozzin serrep tul it‑trejqa fil‑foresta qalb il‑muntanji tal‑Karpazja. L‑uniku passiġġier fil‑karozzin kien Jonathan Harker, avukat żagħżugħ. Kien għajjien mejjet, u għajnu bdiet tmur bih wara vjaġġ twil mill‑Ingilterra għat‑Transilvanja, pajjiż li għal Jonathan kien stramb u misterjuż mhux ftit.
Sema’ lupu jingħi fil‑bogħod, u beda jħossu kemxejn skomdu. Kien xeba’ jisma’ ħrejjef dwar ilpup, vampiri u sħaħar minn mindu rifes dan il‑pajjiż; pajjiż li tassew kien sabiħ, imma kien ukoll mimli misteri u superstizzjonijiet. Il‑lejl ta’ qabel, pereżempju, il‑mara ta’ sid il‑lukanda fejn kien straħ għal‑lejl dehret prattikament imwerwra malli qalilha fejn kien sejjer.
“Il‑Kastell Dracula?” kienet tenniet mistagħġba. “Hemm għalfejn tmur hemm?”
“Ikolli mmur,” kien weġibha hu. “Il‑Konti Dracula xtara biċċa art viċin Londra, u se noħodlu d‑dokumenti uffiċjali biex jiffirmahom. Se jibgħat karozzin biex iwassalni l‑kastell għada filgħodu.”
Ix‑xwejħa kienet dehret kemxejn konfuża għal ftit ħin, u dlonk poġġietlu l‑kurċifiss li kellha madwar għonqu.
“Mela, għal ruħ ommok, żomm dan dejjem fuqek, u la tneħħihx!”
Jonathan ma setax jifhem għalfejn kienet daqshekk imgerrxa, imma kompla magħha biex jikkuntentaha, u issa kien għadu qed iġorr dak il‑kurċifiss fuqu, taħt il‑qmis, tul dan il‑vjaġġ.
Il‑karozzin waqaf ħesrem u Jonathan tkexkex hekk kif ħares barra mit‑tieqa u ntebaħ li kienu mdawrin bi lpup, kollha bi lsienhom barra u bi snienhom mikxufin jiddu fid‑dawl tal‑qamar. F’daqqa waħda qabdu jingħu għalenija. Is‑sewwieq tal‑karozzin, liebes kollu iswed, ma deherx daqshekk imgerrex minnhom. Niżel minnufih minn fuq il‑karozzin, xejjer idu darba u l‑ilpup dlonk għebu fid‑dlam. Bil‑kalma kollha qabad il‑bagalji ta’ Jonathan u fetaħlu l‑bieba tal‑karozzin.
“Wasalna,” qallu xott xott.
Jonathan ħareġ bil‑mod, u lemaħ quddiemu kastell daqsiex, imponenti imma b’ħafna partijiet minnu qed jaqgħu. Ma kienx jidher dawl wieħed mit‑twieqi, u seta’ jara li l‑kastell kien enormi għax il‑forma tiegħu sewda kienet qed tidher fuq l‑isfond tal‑qamar jiddi. F’ħin minnhom intebaħ li sakemm qagħad josserva l‑kastell, il‑karozzin kien telaq, u f’daqqa waħda sab ruħu waħdu.
Jonathan baqa’ hemm, jistenna. Quddiemu kien hemm bieb kbir u goff, miksi bi msiemer goffi tal‑ħadid. X’jagħmel – iħabbat? Għadda ftit żmien sew qabel ma l‑bieb infetaħ bil‑mod, iżaqżaq taħt it‑toqol u l‑qedem tiegħu. Fil‑bieb deher raġel twil, liebes kollu iswed minn rasu sa saqajh.
“Jiena l‑Konti Dracula,” lissen. Tkellem b’Ingliż tajjeb, għalkemm kellu aċċent stramb. “Merħba f’dari, Sur Harker. Idħol bir‑rieda tiegħek kollha.”
Hekk kif Jonathan mexa wara l‑Konti, li wasslu f’kamra mdawla sew, ma baqax iħossu aktar skomdu u beżgħan. Kien hemm fuklar imqabbad fil‑ħajt ta’ faċċata, u f’nofs il‑kamra kien hemm mejda ppreparata bl‑ikel. Il‑Konti fetaħ bieb ieħor, li kien jagħti għal kamra tas‑sodda.
“Din hija kamartek, Sur Harker. Imma qabelxejn nitolbok tiekol. Naf biċ‑ċert li wara l‑vjaġġ tiegħek tinsab bil‑ġuħ. Skużani jekk ma nikolx miegħek. Jiena diġà kilt.”
Jonathan qagħad bilqiegħda u beda jiekol. Il‑Konti beda jsaqsih ħafna mistoqsijiet dwar il‑vjaġġ tiegħu. Wara l‑ikla qagħdu bilqiegħda ħdejn il‑fuklar, u l‑Konti baqa’ jsaqsi ħafna mistoqsijiet. Din id‑darba saqsa lil Jonathan dwar Carfax, l‑art li kien xtara viċin Londra. Iffirma wkoll id‑dokumenti li Jonathan kien ġablu. Il‑Konti baqa’ jitkellem miegħu għal sigħat sħaħ, sakemm qorob tlugħ ix‑xemx. F’dan il‑waqt il‑Konti qam minn postu.
“Orqod kemm għandek bżonn, Sur Harker,” qallu. “Tista’ timraħ kull fejn trid fil‑kastell, minbarra fejn hu msakkar. Madankollu nixtieq navżak biex torqod fil‑kamra tiegħek biss. Hawn fit‑Transilvanja l‑affarijiet ma jsirux kif isiru fl‑Ingilterra.”
Jonathan Harker tant kien għajjien li f’dak il‑mument ma tax kas dak il‑kumment stramb. Raqad fil‑fond u qam tard l‑għada filgħodu. Malli qam sab il‑kolazzjon lest għalih, bnin imma kiesaħ.
Il‑Konti Dracula ma kien jidher imkien, u lanqas kien jidher imqar seftur wieħed. Jonathan ħaseb li din il‑biċċa kienet kemxejn stramba, għax allura min kienet dik il‑persuna li kienet ġabitu hawn bil‑karozzin?
Dracula reġa’ feġġ filgħaxija, biex ikomplu x‑xogħol fuq id‑dokumenti. Malli kkonkludew kollox, Harker saqsa dwar l‑arranġamenti biex imur lura l‑Ingilterra.
“Nitolbok, titlaqx għalissa, ħabib tiegħi,” lissen il‑Konti. “Ġejt biex tikkonkludi l‑arranġamenti rigward Carfax, imm’issa nixtieqek tagħtini xi tagħrif dwar Londra. Għandi seba’ mitt sena sakemm inkun hemm. Qrajt ħafna dwar Londra f’kotba, imma nixtieqek tgħidli aktar!”
Il‑Konti baqa’ jsaqsi mistoqsijiet sakemm dalam u tul il‑lejl kollu, u ma waqafx qabel ma beda jisbaħ, u Jonathan kien għajjien mejjet. Din il‑biċċa baqgħet sejra għal xi ftit jiem. Tul il‑jum il‑Konti ma kien jidher imkien, u Jonathan kien jorqod fil‑paċi. Billejl il‑Konti kien jibqa’ l‑ħin kollu miegħu, il‑ħin kollu jiddiskuti. Jonathan osserva wkoll li sakemm kien ikun miegħu, il‑Konti qatt ma kien jiekol jew jixrob xi ħaġa.
Darba waħda filgħaxija Jonathan kien qiegħed iqaxxar il‑leħja bix‑xafra meta l‑Konti daħal f’kamartu mingħajr ma ħabbat mal‑bieb. Jonathan kesaħ hekk kif ħass lill‑Konti warajh, imma ma rax ir‑riflessjoni tiegħi fil‑mera!
Bil‑qatgħa, id Jonathan żelqet u qata’ ħaddtu bix‑xafra. Malli lemaħ id‑demm iċarċar ma’ wiċċ Jonathan, għajnejn il‑Konti tberrqu u qomos lejn iż‑żagħżugħ. Mument wara nxtorob u qabeż lura hekk kif lemaħ il‑kurċifiss ma’ għonq Jonathan.
“Oqgħod attent b’dik ix‑xafra!” lissen b’vuċi ħarxa. “M’għandekx idea kemm tista’ tkun perikoluża.”
Telaq mingħajr aktar kliem. Jonathan kien għadu qed jitriegħed bil‑qatgħa, u resaq lejn it‑tieqa għal ftit arja. Il‑kastell kien mibni f’xifer preċipizju. Hekk kif Jonathan ħares ’l isfel, lemaħ figura ħierġa minn tieqa, sular taħtu. Kien id‑dlam, imma Jonathan xorta waħda għaraf lil Dracula. Kien qed jitkaxkar ‘l isfel mal‑ħajt, qisu farfett il‑lejl enormi!
“X’tip ta’ kreatura hu dan Dracula?” beda jaħseb Jonathan.
Issa kien kompletament imwerwer. Kellu bżonn isib mod biex jitlaq minn dak il‑post mill‑aktar fis u jmur lura l‑Ingilterra fejn l‑għarusa tiegħu Mina.
Imma ma kienx daqshekk faċli jaħrab minn hemm. Il‑bieb il‑kbir ewlieni kien imsakkar, u għalkemm fittex kemm felaħ, Jonathan ma seta’ jsib l‑ebda mod ieħor kif joħroġ mill‑kastell. Kien priġunier tal‑Konti! Kompla jfittex iddisprat, anki minkejja l‑fatt li l‑Konti kien qallu li xi kmamar kienu perikolużi. Fl‑aħħar sab ruħu f’kamra li qatt ma kien ra qabel. Għajjien mejjet, daħal fiha. Milli jidher ma kenitx kamra użata ħafna, għax kollox kien miksi bit‑trab. Intefa’ fuq sufan tal‑bellus, u għajnu marret bih.
Ma kienx jaf kemm kien għadda żmien sakemm stenbaħ, imma mill‑ewwel intebaħ li ma kienx għadu waħdu fil‑kamra. Kollox kien għadu l‑istess, u fit‑trab fl‑art seta’ jara l‑marki tal‑passi tiegħu biss. Imma issa, fir‑raġġi tal‑qamar li kienu deħlin mit‑tieqa, seta’ jara tliet tfajliet sbieħ. Għalkemm id‑dawl tal‑qamar kien dritt fuqhom, Jonathan innota li ma kellhomx dell. Fit‑tbissima tagħhom kellhom snien jiddu bojod karti u xofftejn ħomor nar. Għalkemm Jonathan kien imwerwer b’din id‑dehra, ħassu msammar fil‑post u ma setax jiċċaqlaq minn hemm.
Waħda mit‑tfajliet resqet lejh u ħass snienha jagħfsu ma’ għonqu. F’dak il‑waqt intebaħ bi preżenza oħra fil‑kamra. Kien il‑Konti Dracula, u kien jidher ifferoċjat. Il‑Konti għamel mossa ħafifa b’idu u tajjar lit‑tliet tfajliet in‑naħa l‑oħra tal‑kamra b’forza liema bħalha. Jonathan kien ra dik il‑mossa qabel. Kienet l‑istess mossa ħafifa li biha s‑sewwieq tal‑karozzin kien gerrex lill‑ilpup dakinhar li Jonathan kien wasal fil‑kastell.
“Tażżardawx tmissuh!” għajjat Dracula. “Dak huwa tiegħi! Meta nlesti minnu, imbagħad tistgħu tagħmlu bih li tridu!”
“Allura aħna m’aħna se nieħdu xejn?” qabżet waħda mit‑tfajliet.
Dracula pponta lejn xkora li kien hemm mal‑art. Kienet qed tiċċaqlaq, u kien ċar li kien hemm xi ħaġa ħajja fiha. Jonathan stħajjel li sema’ l‑krib dgħajjef ta’ tarbija. B’ħerqa kbira, it‑tfajliet taru lejn l‑ixkora b’ħalqhom miftuħ u n‑nejbiet jiddu fid‑dawl tal‑qamar. Jonathan baqa’ b’għajnejh imberrqin, imwerwer, hekk kif it‑tfajliet bdew jixorbu demm it‑tarbija.
Dan kien wisq għal Jonathan. Ħassu ħażin u ntilef minn sensih.
Meta ġie f’sensih kien binhar, u x‑xemx tisreġ kienet dieħla minn kull tieqa tal‑kastell. Issa kien waħdu, imma xorta kien għadu qed iħossu beżgħan. U issa kien aktar determinat li jaħrab minn dak il‑post misħut. Kien hemm mod wieħed biss, jekk seta’ jażżarda jieħdu. Kien ra lill‑Konti jixxabbat ma’ wiċċ il‑ħitan tal‑kastell. Qatagħha li jagħmel bħalu.
Bil‑qajla ħareġ fuq ħoġor it‑tieqa. Taħtu kien hemm biss il‑vojt tal‑preċipizju. Madankollu seta’ jara li fil‑ħajt xi ġebel kien ħiereġ kemm kemm ’il barra u seta’ jservih bħala speċi ta’ taraġ fejn seta’ jserraħ saqajh hu u nieżel. Sakemm kien għad kellu l‑kuraġġ iddeċieda li jibda jinżel bil‑mod, u għamel minn kollox biex sadanittant ma jħarisx ‘l isfel. Wara ftit ħin ta’ taqtigħ il‑qalb wasal ħdejn tieqa li milli jidher kienet tagħti għall‑kamra tal‑Konti. Tant kien għajjien li fettillu jieqaf hemm. Kien jaf li l‑Konti ma kienx ikun fil‑kastell binhar, għalhekk qatagħha li jidħol hemm u jieħu nifs qabel ma jkompli n‑niżla.
F’rokna minnhom kien hemm bieb jagħti għal taraġ mudlam. Jonathan ħaseb li minn hemm seta’ jsib triq ‘l isfel mingħajr ma jirriskja ħajtu jerġa’ jixxabbat mal‑ħajt barra. Għalhekk niżel it‑taraġ.
Minħabba nuqqas ta’ twieqi, it‑taraġ kien kemxejn mudlam, iżda fl‑aħħar wasal f’kamra mdaqqsa, daqstant mudlama u b’riħa qawwija ta’ għeluq. Kienet tidher qisha speċi ta’ kripta. Seta’ jara li l‑art kienet għadha kemm tiġi mħaffra m’ilux. Kien hemm ukoll ħafna kaxxi tal‑injam kbar, tawwalin. Kien hemm eżatt ħamsin minnhom. Kollha kienu magħluqin b’għotjien, għajr waħda fuq wara nett. Jonathan fettillu jagħti daqqa t’għajn fiha u demmu kesaħ silġ hekk kif intebaħ li l‑Konti kien fiha, mimdud qisu rieqed!
Madankollu l‑Konti ma kienx qed jieħu nifs. Qalbu ma dehretx li kienet qed tħabbat, u wiċċu kien miksi bid‑demm. Xofftejh kienu kollha mċappsin bid‑demm, u d‑demm kien qed iċċarċar ma’ ħaddejh. Issa Jonathan kien ċert li l‑Konti wkoll, bħal dawk it‑tliet tfajliet misħutin tal‑lejl ta’ qabel, kien jgħix billi jixrob demm il‑bnedmin. U kien biħsiebu jmur Londra, qalb dawk il‑miljuni ta’ nies innoċenti! Kien hemm bżonn li xi ħadd iwaqqfu qabel ma jitlaq.
F’dak il‑waqt Jonathan nesa l‑periklu li kien fih huwa stess, u ħataf l‑ewwel ħaġa li sab qrib: pala. Niżżilha b’kull saħħa li kellu lejn ras il‑Konti. Hekk kif għamel dan, il‑Konti dawwar wiċċu lejh u tah ħarsa ta’ mibegħda b’għajnejn ħomor nar. Kien bħallikieku l‑pala ħadet il‑ħajja hekk kif minn jeddha daret lil hinn minn wiċċ il‑Konti, u laqtitu biss bi żbrixx.
Jonathan telaq il‑pala minn idejh u lebbet ’il barra mill‑kripta, bogħod kemm jista’ jkun minn dak il‑mostru.
Reġa’ sab ruħu fil‑kamra tal‑Konti. Il‑bieb ingħalaq warajh b’tisbita, u kif Jonathan ipprova jiftħu sab li kien issakkar waħdu. Jonathan beda jiddispra. Mit‑tieqa seta’ jisma’ l‑ħsejjes ta’ roti u kliem ta’ xi nies fil‑bitħa isfel, u ttawwal biex jara min kienu.
Kienu grupp ta’ żingari, u milli jidher kienu jafu b’xi mod kif jidħlu u joħorġu mill‑kastell, għax kienu qed joħorġu l‑kaxxi mill‑kripta u jistivawhom fuq il‑karettuni. L‑aħħar waħda li stivaw kienet dik bil‑Konti fiha. Jonathan beda jgħajjat u jxejjer kemm jiflaħ biex jiġbdilhom l‑attenzjoni, iżda kien kollu għalxejn. Malli lestew xogħolhom, bdew jgħannu waqt li ħarġu l‑karettuni mill‑kastell.
“Ejjew lura!” beda jgħajjat Jonathan iddisprat. “Ajjut! Għinuni!”
Imma f’qasir żmien ma baqax jisma’ l‑għana tagħhom. Jonathan kien mitluf. Dracula issa kien fi triqtu lejn Carfax u Londra, u hu ma seta’ jagħmel xejn biex iwaqqfu. Jonathan issa kien waħdu f’dak il‑kastell, ma’ dawk it‑tliet nisa misħutin. U issa x’kienu se jagħmlulu, ladarba Dracula ma kienx hemm biex iwaqqafhom milli jagħmlu għalih?
“Mina! Mina!” beda jokrob iddisprat. “Meta qatt se nerġa’ narak?”
Imma ma setax jibqa’ hemm imbikkem u ma jagħmel xejn. B’determinazzjoni qawwija qam fuq saqajh u reġa’ beda jfittex mod kif jaħrab minn dak il‑kastell, dak il‑pajjiż misħut, u lura Londra u għand il‑maħbuba tiegħu.
Kilometri ’l bogħod, fl‑Ingilterra, Mina Murray, l‑għarusa ta’ Jonathan, kienet għadha kif waslet fil‑belt ta’ Whitby, f’Yorkshire. Kienet se tqatta’ l‑btala ma’ ħabibitha Lucy Westenra, li kellha villeġġatura hemmhekk.
Lucy, li kienet tfajla ta’ għoxrin sena, ħelwa u żvelta, kienet fuq ix‑xwiek biex tagħti l‑aħbar lil ħabibitha Mina. F’ġurnata waħda mhux inqas minn tliet ġuvintur kienu talbuha tiżżewwiġhom. It‑tlieta kienu ħbieb kbar tagħha. L‑ewwel wieħed kien it‑tabib John Seward, żagħżugħ bravu u intelliġenti, li kien id‑direttur ta’ manikomju f’Londra. It‑tieni kien Amerikan mill‑istat ta’ Texas, Quincey P. Morris.
It‑tielet kien l‑Onorevoli Arthur Holmwood, it‑tifel ta’ Lord Goldaming. Kien dan tal‑aħħar li Lucy għażlet li tiżżewweġ.
“Se niżżewġu fil‑ħarifa,” qalet lil Mina, ħaddejha ħomor nar bl‑eċċitament.
Iż‑żmien għadda malajr f’Whitby hekk kif iż‑żewġt iħbieb qattgħu l‑ħin flimkien jippassiġġaw viċin l‑irdum ħdejn il‑baħar, jew fit‑toroq tal‑belt. Xi kultant kienu joqogħdu jiċċaċċraw mal‑gwardjan tal‑kosta, jew ma’ sajjied xwejjaħ li kien joqgħod fil‑qrib.
Lulju għadda u wasal Awwissu, u Mina bdiet tinkwieta għax kienet irċeviet nota waħda biss qasira mingħand Jonathan, u Transilvanja kienet wisq ‘il bogħod. Biex tagħqad, Lucy beda jkollha ħolm ikrah billejl, tant li ma setgħetx torqod aktar sew, u saħansitra kien hemm episodji meta rawha timxi waqt l‑irqad. Ħadd ma seta’ jifhem għalfejn kien qed jiġrilha hekk.
Darba waranofsinhar, waqt li kienu fil‑bajja qed jitkellmu max‑xwejjaħ sajjied, dalma kbira għattiet ix‑xemx. Riħ qawwi, kiesaħ, resaq mill‑baħar. Is‑sajjied kemmex wiċċu. “Hemm xi ħaġa f’dak ir‑riħ. Għandu x‑xejra tal‑mewt.”
Filgħaxija, għalkemm kien qed jinġema’ ħafna sħab, ix‑xena ta’ nżul ix‑xemx kienet dehra sabiħa. Ħafna nies marru x‑xatt biex jammiraw il‑veduta, u Lucy u Mina marru wkoll. Ħesrem faqqgħet maltempata bla mistenni. Il‑mewġ fil‑baħar beda jogħla u r‑riħ beda jvenven b’ħoss li jwaħħax.
“Ħarsu lejn dik l‑iskuna!” qabad jgħajjat is‑sajjied, hekk kif ipponta lejn il‑baħar.
Skuna bil‑qlugħ kollha mniżżlin kienet riesqa bil‑għaġla lejn ix‑xatt. Hekk kif resqet aktar qrib, il‑folla stagħġbet malli rat baħri mejjet marbut mat‑tmun.
L‑iskuna baqgħet riesqa sakemm ħabtet max‑xatt b’ħoss qawwi. F’dak il‑waqt kelb daqsiex niżel b’qabża minn fuq l‑iskuna għax‑xatt. In‑nies baqgħu jħarsu mbellhin hekk kif il‑kelb baqa’ jiġri dritt lejn il‑knisja li kien hemm fuq il‑quċċata ta’ għolja fil‑qrib. F’qasir żmien, għeb qalb il‑lapidi taċ‑ċimiterju ħdejn il‑knisja. Is‑sema ddallam għalkollox. Lucy bdiet titriegħed.
“Aħjar immorru lura d‑dar,” qaltilha Mina hekk kif ħaditilha idha.
Imma dak ma kienx l‑aħħar eċċitament tal‑ġurnata. Lucy ma kenitx f’sikkitha, u bdiet titqalleb fir‑raqda tagħha. Lejn nofsillejl, waqt li kienet għadha rieqda, qamet u mxiet barra mid‑dar. Mina semgħetha ħierġa u libset malajr biex tmur warajha. Ratha miexja lejn il‑knisja, u qagħdet bilqiegħda fuq bank ħdejn ir‑rixtellu taċ‑ċimiterju. F’daqqa waħda lemħet figura sewda ggrunċjata fuq il‑ħabiba tagħha.
“Lucy! Lucy!” qabdet tgħajjat bil‑biża’.
Il‑figura ħarset ‘il fuq lejha, u Mina rat wiċċ abjad karti u għajnejn ħomor imberrqin. F’daqqa waħda, il‑figura għebet. Mina ħadet lil Lucy lura d‑dar u fis‑sodda. Lucy baqgħet tħares fix‑xejn, skantata. Mina osservat li kellha xi marki ħomor fuq għonqha.
L‑għada filgħodu t‑temp kien sabiħ, u Lucy kienet f’sikkitha u ħafna aħjar. Marru lura fil‑bajja fejn l‑iskuna kienet inkaljata. Xi nies kienu qed iħottu kaxxi kbar minn fuqha. Il‑gwardjan tal‑kosta kien hemm, u sellmilhom.
“Hemm xi ħadd li salva minn fuq l‑iskuna?” saqsiet Mina.
“Ma kien hemm ħadd ieħor abbord ħlief il‑kaptan,” weġibha, “u kien mejjet. L‑iskuna ġiet mill‑port ta’ Varna, fil‑Balkani. Sibna dawn il‑kaxxi fost it‑tagħbija. Huma indirizzati għal dar f’Londra, u se nibagħtuhom hemm. Din hija biċċa stramba.”
Mina malajr insiet l‑iskuna hekk kif irċeviet ittra minn Budapest dik l‑istess għodwa. L‑ittra qalet li Jonathan kien għadu Budapest, imma fi sptar. Kien qed isofri minn deni qawwi wara xi esperjenza kerha li kien għadda minnha waqt li kien it‑Transilvanja.
“Is‑Sur Harker,” kienet qed tgħid l‑ittra, “qiegħed ibati minn xokk qawwi. Għalkemm issa qiegħed jirkupra fil‑kunvent tagħna, qed isaqsi għalik.”
“Hemm bżonn immur narah mill‑aktar fis,” qalet lil Lucy. “Inti kif int? Tħossok aħjar issa?”
“Dażgur li għandek tmur!” weġbitha pronta Lucy. “Hekk jew hekk wasal iż‑żmien għalija li mmur lura Londra. Arthur ikun qed jistennieni.”
Ftit żmien wara li Lucy waslet lura Londra, Arthur Holmwood mar iżur lit‑Tabib Seward. Seward, speċjalista fil‑mard tal‑moħħ, kellu daru maġenb manikomju, u l‑ħbieb ta’ spiss kienu jiltaqgħu f’dik id‑dar.
Waqt li kienu qed jiċċaċċraw, Seward tkellem fuq xi problemi li kellu dwar pazjent li kien hemm fil‑manikomju. “Qed jinkwetani wieħed mill‑pazjenti tagħna − Renfield. Sa ftit żmien ilu kont qed naħseb li kien qiegħed ifiq, imma dan l‑aħħar beda jġib ruħu b’mod tassew stramb.”
“F’liema sens?”
“Il‑lejl li għadda ħarab minn hawn, u qbadnieh jipprova jidħol f’Carfax, id‑dar li hawn fil‑qrib. Hija dar kbira magħquda ma’ knisja żgħira. Imma ma jgħix ħadd fiha. Wara li ħadnieh lura f’kamartu baqa’ jirrepeti l‑ħin kollu, ‘Is‑Sinjur wasal. Is‑Sinjur wasal.’ U wara baqa’ mimdud f’soddtu jħares ċass barra mit‑tieqa, lejn farfett il‑lejl li kien qed jittajjar fil‑qrib. Imġiba stramba għall‑aħħar. U hija ħasra, għax deher li kien qed ifiq sew.”
U mbagħad ħares lejn Holmwood. “Imma int qed tidher inkwetat ukoll, Arthur. X’għandek?”
“Lucy qed tinkwetani,” wieġeb Holmwood. “Tinsab ħażin ħafna u ma nistax nifhem għaliex. Tista’ tgħaddi u taraha?”
“Dażgur, mela le!”
Seward mar iżur lil Lucy l‑għada stess. Barra mill‑fatt li l‑karnaġġjon tagħha kien ftit bajdani, ma seta’ jsib xejn ħażin. Madankollu kienet tidher tassew dgħajfa, u għalkemm lanqas hu ma seta’ jifhem għaliex, beda jitħasseb xorta waħda.
“Iva, Arthur, għamilt sew li tlabtni naraha, u qed tinkwieta lili wkoll. Se nibgħat ittra lill‑ħabib tiegħi li jgħix f’Amsterdam, il‑Professur Van Helsing. Jispeċjalizza f’mard rari. Forsi hu jkun jista’ jsib irkaptu tal‑biċċa.”
Sakemm il‑Professur Van Helsing wasal minn Amsterdam, Lucy kienet qalbet aktar għall‑agħar. Wiċċha issa kien abjad karti, u xofftejha kienu vjola. Waqt li l‑professur beda jeżaminaha, wiċċu tqarras hekk kif lemaħ il‑marki li kellha fuq għonqha. Warrab lil Seward ma’ ġenb tal‑kamra.
“Għandha bżonn trasfużjoni tad‑demm mill‑aktar fis,” lissen minn taħt l‑ilsien.
“Għaliex, x’għandha?” saqsa Seward.
“Naħseb li naf x’għandha, imma nispera li sejjer żball,” wieġeb Van Helsing. “Għandi bżonn nikkonsulta l‑kotba tiegħi u naħsibha sew. Imma l‑ewwel, it‑trasfużjoni. U wara dawwarha bi fjuri tat‑tewm.”
“Fjuri tat‑tewm?” tenna ż‑żagħżugħ imbellah. “U għalfejn?”
“Inti għalissa agħmel sempliċement kif qed ngħidlek, oqgħod fuq kliemi.”
U Seward għamel kif qallu Van Helsing.
Wara t‑trasfużjoni tad‑demm, Lucy qalbet għall‑aħjar, iżda beda jkollha bżonn trasfużjonijiet aktar ta’ spiss. Meta sema’ bil‑marda tagħha, Quincey Morris mar iżurha wkoll biex jara setax ikun ta’ xi għajnuna. Kien imbellah bil‑bidla li ra fuq it‑tfajla. Kienet il‑ħin kollu thewden fuq il‑ħolm ikrah li kellha u fuq farfett il‑lejl li qalet li dejjem tara jittajjar barra t‑tieqa ta’ kamritha. Ħbiebha ma setgħu jagħmlu xejn għajr li jarawha tiddgħajjef aktar u aktar. Wara ftit żmien mietet.
Holmwood kellu qalbu maqsuma. “Għall‑inqas issa qiegħda fil‑paċi,” lissen Seward.
“Le, ħabib,” qabeż Van Helsing, b’ħarsa inkwetata. “Qed nibża’ li l‑agħar għadu ġej.”
Meta Jonathan u Mina waslu lura minn Budapest, il‑funeral ta’ Lucy kien diġà sar. Kienu żżewġu hemmhekk malli Jonathan kien qaleb għall‑aħjar, u kellhom qalbhom sewda meta semgħu bl‑aħbar tal‑mewt ta’ ħabibithom.
Mina kienet qed iżżomm għajnejha fuq Jonathan il‑ħin kollu. Barra milli kienet ixxukkjata bl‑istorja li għadda minnha Jonathan fil‑kastell ta’ Dracula, Jonathan kien dam dgħajjef u marid għal ħafna ġranet. Kien issa, malli waslu lura fl‑Ingilterra, li kien reġa’ qed jiġi f’tiegħu.
Darba kienu mixjin fit‑toroq ta’ Londra meta Jonathan waqaf ħesrem.
“X’għandek?” saqsietu Mina mħassba.
Jonathan kien qiegħed iħares lejn raġel li kien wieqaf fuq in‑naħa l‑oħra tat‑triq; raġel twil b’xagħar iswed tuta.
“Il‑Konti!” wieġeb hu pront pront. “Diġà wasal hawn, f’Londra!”
Jonathan beda jirtogħod. Mina issa bdiet tinkwieta aktar. Sejħet karozzin u ħaditu d‑dar tat‑Tabib Seward. B’xorti tajba, Seward kien hemm dak il‑ħin, u l‑Professur Van Helsing kien hemm ukoll. It‑tnejn baqgħu ssummati hekk kif Mina rrakkuntatilhom il‑biċċa kollha: minn meta Jonathan kien daħal fil‑kastell ta’ Dracula sa meta lemħu fit‑toroq ta’ Londra. Waqt li qagħdu jisimgħu, it‑tnejn bdew jagħtu daqqa t’għajn lil xulxin.
“Qiegħed nimmaġina dan kollu? Ħlomtu?” saqsa Jonathan. “Jista’ jkun li jiġru dawn l‑affarijiet?”
“Le, ħabib, ma ħlomt xejn,” wieġeb Van Helsing b’leħen sod. “U qiegħed nissuspetta li dak li ġara lilek għandu x’jaqsam b’xi mod jew ieħor mal‑mewt ta’ Lucy. Qed tgħid li dan l‑għafrit issa qiegħed Londra? Hemm bżonn insibuh!”
“Iva, naqbel miegħek!” lissen Jonathan.
L‑għada filgħodu fil‑gazzetti qraw storja li twaħħax − Tfajla Sbejħa − li kienet qed tisraq it‑trabi. Dawn it‑trabi wara ftit żmien kienu qed jinstabu ħajjin, imma b’marki strambi fuq għonqhom.
“X’taħseb dwar din il‑biċċa?” Van Helsing saqsa lil Seward. “Dawn it‑trabi ġew attakkati minn xi ħaġa jew xi ħadd.”
“L‑istess kreatura li attakkat lil Lucy!” qabeż Seward.
“Le, ħabib, sejjer żball. Kif nista’ nispjegalek kif mietet Lucy? Ara, fid‑dinja jiġru ħafna affarijiet strambi. F’ċerti nħawi jeżistu friefet il‑lejl enormi li jattakkaw żwiemel u baqar u jixorbulhom demmhom. Xi kultant jattakkaw anki baħrin waqt li jkunu reqdin fuq il‑gverta tal‑vapuri. Filgħodu jsibuhom mejtin, bojod karti bħalma kienet Lucy.”
Seward baqa’ jħares imbellah lejn il‑Professur. “Qed tgħidli li Lucy ġiet attakkata minn farfett il‑lejl kbir, u li issa qiegħed hawn f’Londra?”
“Qed nibża’ li l‑biċċa hija agħar minn hekk,” wieġeb Van Helsing. “Qed nibża’ li kienet Lucy stess li attakkat lil dawn it‑trabi.”
“Mela qed tiġġennen!” għajjat Seward. “Lucy mejta!”
“M’intix qed temminni,” Van Helsing lissen b’karba, “u nagħtik ftit raġun, għax naf li l‑biċċa ma tagħmilx sens. Imma jkolli nurik li tassew hekk hu. Illejla, malli jidlam, immorru fuq il‑qabar ta’ Lucy. Hemmhekk tkun tista’ tara b’għajnejk.”
Malli dalam Seward u Van Helsing marru fil‑kripta fejn kien hemm il‑qabar ta’ Lucy. Fetħuh bil‑mod. Seward għajjat b’qatgħa malli ra li l‑qabar kien vojt. Mingħajr ma tniffes, Van Helsing għamillu sinjal biex joħorġu barra mill‑kripta bis‑skiet. Staħbew wara siġra, u stennew.
M’għaddiex ħafna ħin. Lemħu figura miexja bil‑ħeffa lejn il‑kripta. Kienet Lucy. Van Helsing qabad lil sieħbu minn driegħu u ġibdu lura fil‑kripta. Reġgħu fetħu l‑qabar. Issa Lucy kienet hemm, mimduda qisha rieqda. Kienet tidher isbaħ minn meta kienet ħajja.
Van Helsing beda jispjega. “Vampir gidem lil Lucy waqt li kienet miexja rieqda. U m’għamilhiex darba. Għamilha darba wara l‑oħra għal żmien twil, kull darba jixrob ftit minn demmha, sakemm qatilha. Imma fil‑fatt mhijiex verament mejta. Lil dawn il‑ħlejjaq insejħulhom ‘il‑mhux mejtin’. Saret vampir hija nnifisha, u għandha bżonn tistejqer bid‑demm tal‑bnedmin. Ruħha qatt mhi se tistrieħ, sakemm ma ninfdux qalbha b’biċċa għuda tal‑fraxxnu.”
Seward beda jirtogħod bix‑xokk ta’ dan kollu.
“Hemm bżonn navżaw lil Arthur ukoll,” kompla Van Helsing. “Żgur mhux se jemmen, bħalma għamilt int, sakemm ma jarax b’għajnejh. Nerġgħu niġu għada billejl.”
U l‑għada billejl, wara li daqq nofsillejl, reġgħu marru fil‑kripta. Din id‑darba Arthur Holmwood u Quincey Morris kienu magħhom. U bħalma kien għamel il‑lejl ta’ qabel, Van Helsing uriehom il‑qabar vojt. Fis‑skiet, stennew lil Lucy tiġi lura. Tfaċċat f’qasir żmien, u magħha kellha tarbija tolfoq. Fid‑dawl tal‑fanali tat‑triq setgħu jaraw demm iċarċar ma’ ħaddejn Lucy, u wiċċha ma kienx jidher sabiħ bħalma deher meta kienet qisha rieqda fil‑qabar il‑lejl ta’ qabel. Wiċċha issa kien qed jarmi ħarsa ta’ mibegħda u ħażen liema bħalu.
“Dik mhix Lucy tiegħi,” lissen Holmwood. “Van Helsing, hemm bżonn neħilsuha minn din is‑saħta ħalli tkun tista’ tistrieħ fil‑paċi.”
Van Helsing ħataf l‑għuda u l‑martell li kien ġab miegħu, u daħal warajha fil‑kripta. Seward u l‑oħrajn daħlu warajh. Ma damux ma lestew xogħolhom. Sammru l‑għuda f’qalbha. Il‑ħlejqa werżqet twerżiqa twila li waħħxithom, u mbagħad wiċċha tbiddel f’ħarsa ta’ kalma u mistrieħ. Issa Lucy kienet mejta tassew.
B’qalbu maqsuma, Van Helsing dar lejn l‑oħrajn. “U issa jmiss lil Dracula.”
Lura f’daru Seward u l‑ħbieb, flimkien ma’ Mina, bdew jippjanaw kif isibu u joqtlu lil Dracula. Imma qabelxejn, Van Helsing ried jgħidilhom dak kollu li kien jaf dwar il‑vampiriżmu.
“Vampir għandu s‑setgħa jikkontrolla t‑temp kif ukoll xi annimali bħall‑friefet il‑lejl u l‑ilpup,” qalilhom. “Hu mhux mejjet. Jista’ jbiddel il‑forma tiegħu, u m’għandux dell jew riflessjoni, u jista’ jisparixxi meta jrid. Imma dan kollu jista’ jagħmlu biss billejl meta jidlam, u binhar ikollu jibqa’ magħluq ġewwa kaxxa mimlija ħamrija u trab mill‑pajjiż minn fejn ġej. Ma jistax jidħol f’dar jekk ma jkunx mistieden. Hemm xi affarijiet li jdgħajfuh, bħat‑tewm, kurċifissi u ostji kkonsagrati. Sakemm ma ndaħħlulux biċċa għuda tal‑fraxxnu f’qalbu, jibqa’ jgħix għal dejjem.”
Malli Van Helsing temm l‑ispjega tiegħu, l‑oħrajn baqgħu siekta u ma tniffsux. Mela din kienet il‑forza terribbli li kellhom jiġġieldu kontriha.
Van Helsing kompla, “U x’nafu s’issa? Huwa ċar li Dracula, fil‑forma ta’ kelb kbir, ġie l‑Ingilterra minn fuq l‑iskuna inkaljata f’Whitby. Mina qaltilna li kaxxi minn fuq dik l‑iskuna ttieħdu Londra. Skont l‑investigazzjonijiet tiegħi dawn il‑kaxxi ħaduhom Carfax, bieb ma’ bieb ma’ din id‑dar, u li l‑Konti xtara ftit żmien ilu. Dracula għandu bżonn xi mkien fejn jistrieħ, u kull waħda minn dawk il‑kaxxi tipprovdilu kenn u sigurtà.”
“Dan kollu huwa xokk kbir għalija,” qal Seward. “Imma kelli biżżejjed sinjali, kieku ndunajt qabel, mill‑imġiba ta’ wieħed mill‑pazjenti tiegħi − Renfield.”
“Xi kaxxi neħħewhom mill‑post ilbieraħ,” kompla Van Helsing, “u nafu li Renfield tah ferħ ta’ ġenn, fl‑istess waqt il‑ħin kollu jgħajjat u jokrob għax kienu qed jisirqulu ‘lis‑Sinjur tiegħu’. Għandna bżonn insibu l‑kaxxi li għad hemm f’Carfax ħalli nisterilizzawhom bl‑ostji kkonsagrati, u Dracula ma jkunx jista’ jużahom aktar biex jinħeba. Wara jkollna nsibu l‑kaxxi l‑oħra u nagħmlulhom l‑istess. Iżda qabelxejn, Carfax!”
Mina qamet biex tmur magħhom, imma Jonathan waqqafha mall‑ewwel. “Inti aħjar tibqa’ hawn. Hawnhekk ma tkunx fil‑periklu,” qalilha.
Van Helsing ta kurċifiss u girlanda ta’ fjuri tat‑tewm lil kull wieħed minnhom.
“Żommuhom viċin qalbkom,” qalilhom. Kollha flimkien ħarġu minn dar Seward u rħewlha lejn Carfax.
Carfax kienet ilha abbandunata, u sabu bieb imkisser minn fejn setgħu jidħlu. Bil‑qajla, bid‑dwal tal‑lampi li kienu ġabu magħhom, bdew deħlin kamra kamra. Kullimkien kien miksi bit‑trab, u għalkemm id‑dar kienet tidher diżabitata setgħu madankollu jħossu preżenza malinja. Fil‑kappella ż‑żgħira maġenb id‑dar kien hemm intiena qawwija. Hemmhekk sabu l‑kaxxi mimlijin ħamrija.
“Hawn disgħa u għoxrin kaxxa b’kollox,” lissen Quincey Morris.
F’daqqa waħda mijiet ta’ ġrieden tfaċċaw ma’ saqajhom. L‑art kienet prattikament miksija bihom. Baqgħu jitfaċċaw u jitkattru l‑ħin kollu sakemm kien hemm eluf. Minnufih Arthur Holmwood ħataf is‑suffara li kien ġab miegħu u saffar tisfira twila. F’qasir żmien tfaċċaw tlitt iklieb tal‑kaċċa li kien ħalla jistennew barra d‑dar. Il‑klieb bdew jinbħu fferoċjati hekk kif għamlu għall‑ġrieden, iżda malli għamlu hekk il‑ġrieden għebu għalkollox. Hekk kif sparixxew, il‑ħbieb ħassew li l‑preżenza malinja kienet għebet ukoll mal‑ġrieden. Dlonk bdew jisterilizzaw il‑kaxxi.
Mill‑kamra tagħha fid‑dar ta’ Seward, Mina semgħet lill‑klieb jinbħu. Ħarset ‘il barra mit‑tieqa, imma fid‑dlam ċappa ma setgħet tara xejn. Minflok osservat li madwar it‑tieqa issa bdiet tidher bħal nida, u f’daqqa waħda lemħet par għajnejn ħomor nar iħarsu dritt lejha. Mina qabżet lura mit‑tieqa, u minnufih ftakret fit‑tliet nisa tal‑kastell li Jonathan kien semmielha. L‑aħħar ħaġa li rat qabel ma ntilfet minn sensiha kien wiċċ abjad karti u dawk l‑għajnejn ħomor nar.
L‑għada filgħodu Mina qamet tħossha aħjar, u ħasbet li dak li għaddiet minnu billejl ma kien xejn għajr ħolma kerha, għalhekk iddeċidiet li ma tgħid xejn lill‑oħrajn.
Il‑ħbieb komplew bit‑tiftix tagħhom. Il‑kumpanija tat‑tagħbija tathom l‑indirizz tal‑postijiet fejn kienu ħadu l‑kaxxi l‑oħrajn, u issa kien għad baqa’ disa’ kaxxi biss x’jisterilizzaw, f’dar f’Piccadilly.
Sadanittant Seward kien għadu inkwetat bil‑pazjent tiegħu Renfield. Issa l‑pazjent kien biddel l‑imġiba tiegħu. Ingħalaq fih innifsu u baqa’ sieket. Waqt li qabel kien beda jirreaġixxi ma’ kull mossa li l‑Konti, is‑Sinjur tiegħu, kien qed jagħmel, issa ma kien qed jitniffes xejn, u Seward beda jaħseb Renfield kienx fil‑fatt qed iħoss li l‑Konti beda jiddgħajjef.
Sakemm Mina kienet rieqda, il‑grupp beda jiddiskuti kif jagħmlu biex imorru d‑dar f’Piccadilly. F’daqqa waħda semgħu għajta twaħħax miċ‑ċella ta’ Renfield. Marru jaraw x’ġara, u sabu lil Renfield mal‑art f’għadira demm. Renfield kien qiegħed jokrob.
“Ħallejtu jidħol,” kien qed jgħid. “Ried jidħol, u jien ħallejtu. Ried jieħu d‑demm tas‑Sinjura Harker. Malli ntbaħt x’ried jagħmel, ippruvajt inwaqqfu, imma kien b’saħħtu wisq għalija...”
Issa kienu jafu fejn kien qiegħed Dracula! Marru jiġru lejn il‑kamra ta’ Mina, u sabuh iggrunċjat fuqha. Ħwejjeġ Mina kienu miksija bid‑demm. L‑irġiel bdew resqin lejh. Van Helsing ipponta kurċifiss lejn l‑għafrit. Dracula resaq lura u f’daqqa waħda għosfor fix‑xejn. Mina kienet qed tolfoq.
“Hemm bżonn immorru Piccadilly qabel ma jisbaħ,” qal Van Helsing. “Jista’ jistaħba biss fil‑kaxxi tiegħu, u dawk li baqagħlu huma kollha f’dik id‑dar. Immorru issa stess u nistennewh hemmhekk.”
Kif waslu f’Piccadilly l‑ħbieb malajr intebħu li Dracula kien diġà mar hemm, għax l‑arja fid‑dar kellha l‑istess intiena bħalma kellha l‑kappella f’Carfax. Fil‑kamra tal‑ikel sabu tmien kaxxi oħra, u malajr sterilizzawhom. Imma kien għad hemm kaxxa nieqsa, u ma setgħu jsibuha mkien.
F’ħin minnhom semgħu l‑bieb ta’ barra jinfetaħ bil‑mod, u l‑passi ta’ xi ħadd dieħel. Kien Dracula. Malli lemaħhom, wiċċu tqarras u kixef in‑nejbiet ippuntati.
“Mingħalikom li qridtuli l‑postijiet kollha fejn nista’ nistkenn,” lissen irrabjat, “imma għad għandi moħba oħra. Se jiddispjaċikom ta’ dak li qed tagħmlu. Il‑vendetta tiegħi għadha se tibda.”
U b’dak il‑kliem, għeb minn quddiem għajnejhom.
“Issa x’se nagħmlu?” qabeż Quincey Morris iddisprat. “Kif se nkunu nafu fejn mar?”
Kollha kellhom burdata ħażina sakemm reġgħu marru lura d‑dar ta’ Seward. Mina kienet qed tistenniehom fuq ix‑xwiek. Wiċċha bjad aktar meta qalulha x’kien ġara. Daret lejn Van Helsing.
“Professur, meta Dracula daħal f’kamarti ippnotizzani qabel ma attakkani,” qaltlu. “Jista’ jkun li jekk tippnotizzani inti nkun nista’ b’xi mod inħoss fejn jinsab hu bħalissa?”
Van Helsing ta ħarsa lejn Jonathan. “Nistgħu nippruvaw, u naraw x’jiġri,” lissen.
Poġġew lil Mina komda fuq pultruna u Van Helsing beda jippnotizzaha. Bil‑qajla għajnejha bdew jingħalqu, u bdiet titkellem.
“Jinsab f’kamra mudlama. Nista’ nisma’ l‑ilma jċafċaf barra. Naħseb li qiegħed abbord xi vapur, u lest biex isalpa minn xi port.”
Leħenha beda jmajna hekk kif bdiet tieħu nifs aktar fond sakemm għajnha marret biha.
“Jista’ jkun xi vapur se jitlaq minn Londra,” qal Van Helsing. “Imma min jaf kemm‑il vapur qed isalpa minn hemm bħalissa?”
Għaddew ftit sigħat qabel ma sabu tweġiba. Skont l‑avviżi vapur wieħed biss kien hemm, li x’aktarx kien se jaqbad ir‑rotta li kienu qed jissuspettaw huma. Kien iż‑Żarina Katerina, li kien fi triqtu lejn Varna, fil‑Baħar l‑Iswed. Malli waslu fil‑port, madankollu, sabu li l‑vapur kien laħaq salpa. Xi nies tal‑port qalulhom li kienu raw raġel twil tiela’ abbord, u wħud kienu raw kaxxa kbira qed titgħabba wkoll. Minn dan setgħu jobsru li Dracula kellu l‑kaxxa tiegħu, u kien qed jaħrab lura lejn it‑Transilvanja!
“Xorta hemm ċans li nilħquh,” qal Van Helsing. “Jekk sejjer hemm bil‑baħar se jdum ġimgħat sħaħ qabel ma jasal. Aħna nistgħu nivvjaġġaw fuq l‑art u naslu hemm f’temp ta’ ftit ġranet.”
“Dażgur!” qabeż Quincey. “Jekk naqbdu t‑tren tal‑Orient Express nistgħu naslu qablu u nistennewh hemm.”
Fis bdew il‑preparamenti għal vjaġġ twil. Waqt li Mina bdiet tgħinhom jippakkjaw, Van Helsing kellem li Seward. “John, hemm bżonn li naqbdu lil Dracula mill‑aktar fis possibbli. Lil Jonathan tgħidlu xejn, imma Mina qed titbiddel. Diġà qed nara s‑sinjali tal‑vampiri fuqha.”
Il‑vjaġġ lejn Varna sar mingħajr ebda inċident. Malli waslu hemm azzettaw f’lukanda u qagħdu jistennew għal xi aħbar dwar iż‑Żarina Katerina.
“Immorru abbord bejn tlugħ u nżul ix‑xemx,” qal Van Helsing. “Ma jkunx jista’ joħroġ fid‑dawl tax‑xemx. B’hekk inkunu nistgħu neqirduh, bħalma għamilna lill‑povra Lucy, waqt li jkun mistoħbi fil‑kaxxa.”
Ftit żmien wara rċevew messaġġ mill‑port. Dracula kien reġa’ ħarbilhom. Iż‑Żarina Katerina ma waqafx fil‑port ta’ Varna, imma minflok baqa’ sejjer lejn il‑port ta’ Galatz. Madankollu, il‑ħbieb ma qatgħux qalbhom, u qabdu l‑ewwel tren li sabu għal Galatz. Hemmhekk saru jafu li kienu niżżlu kaxxa kbira minn fuq il‑vapur, u issa kienet fi triqitha fuq dgħajsa fuq xmara.
“Tajjeb ħafna!” għajjat Van Helsing malli sar jaf dan. “Ma jistax jaqsam l‑ilma waħdu. Sakemm il‑kaxxa għadha fuq l‑ilma, ma jistax joħroġ minnha.”
Malajr malajr għamlu l‑arranġamenti li kien hemm bżonn biex ikunu jistgħu jsegwu d‑dgħajsa tul ix‑xmara. Ippjanaw li jinqasmu fi gruppi. Holmwood u Jonathan jikru vapur biex isegwu d‑dgħajsa fuq ix‑xmara. Seward u Quincey jikru xi żwiemel biex isegwu lid‑dgħajsa minn fuq l‑art. Van Helsing jieħu ħsieb Mina. Jikru karozzin u jgħaddu mill‑Passaġġ ta’ Borgo lejn il‑kastell ta’ Dracula.
Fi żmien siegħa, il‑gruppi kollha telqu għal rajhom.
Tul il‑vjaġġ Mina baqgħet rieqda kważi l‑ħin kollu, imma kienet dgħajfa ħafna u kellha d‑deni. Ma kenitx f’sikkitha, u aktar ma bdew joqorbu lejn il‑kastell, aktar bdiet titqalleb fil‑karozzin u thewden.
“Qiegħed qrib,” bdiet tgħid. “Qed inħossu joqrob.”
Hekk kif bdiet nieżla x‑xemx Van Helsing waqqaf il‑karozzin u xerred biċċiet tal‑ostja kkonsagrata madwarhom għall‑protezzjoni. Bdiet nieżla l‑borra u l‑arja bdiet tiksaħ, għalhekk qabbad ħuġġieġa. Issa kien waqa’ dlam ċappa.
Il‑borra issa bdiet nieżla aktar qalila, u magħha kesħa xxoqq il‑għadam u ċpar. F’ħin minnhom iż‑żwiemel bdew jingħu mgerrxin. Iċ‑ċpar beda jagħqad u Van Helsing intebaħ li beda jieħu l‑forom ta’ tliet nisa. In‑nisa bdew resqin lejhom, u issa seta’ jara sew xofftejhom ħomor nar, snien bojod karti u nejbiet ippuntati. Dawn kienu t‑tliet tfajliet li Jonathan Harker kien semmielhom meta rrakkonta l‑ġrajja tiegħu fil‑kastell ta’ Dracula.
It‑tliet nisa qabdu id f’id hekk kif komplew jersqu lejhom, u bdew isejħu lil Mina.
“Ejja, oħt. Ingħaqad magħna,” bdew ilissnu b’kantaliena.
Van Helsing ħares lejn Mina inkwetat. X’kienet se tagħmel fil‑qagħda tagħha? Kienet se tisma’ minnhom u titlaq magħhom? Imma l‑biża’ li kien qed jidher fuq wiċċha tah x’jifhem li kienet għadha ma tbiddlitx għalkollox. Kienet għadha mhix bħalhom, u forsi kien għad hemm iċ‑ċans li jsalvaha. Tefa’ iktar zkuk biex ikebbes in‑nar. Kien ċert li sakemm kienu għadhom ġewwa ċ‑ċirku tal‑ostja kkonsagrata ma kinux f’periklu kbir. In‑nisa ma setgħux jidħlu fih.
Baqgħu hekk sakemm beda jisbaħ. Van Helsing baqa’ jħares hekk kif in‑nisa bdew jgħibu bil‑qajla qalb iċ‑ċpar u l‑borra. Ma’ tlugħ ix‑xemx sparixxew għalkollox. Sadanittant, Mina ntilfet f’raqda fonda u siekta.
Geżwirha b’ħafna kutri ħoxnin u aċċerta ruħu li kienet qiegħda ’l ġewwa, fiċ‑ċirku tal‑ostja kkonsagrata. Malli kien żgur li ma kienet fl‑ebda periklu, qabad il‑karozzin u telaq bilġri lejn il‑kastell ta’ Dracula. Kellu miegħu martell kbir li uża biex ikun jista’ jkisser il‑bieb u jidħol fil‑kastell. Kif daħal, mar ifittex mill‑ewwel il‑kappella l‑mitluqa. Hemmhekk sab lit‑tliet nisa reqdin fl‑oqbra tagħhom − mhux mejta − bħalma kienet Lucy.
Ma’ tagħhom kien hemm qabar ieħor, ikbar u iktar imżejjen. Fuqu kien hemm kelma waħda mnaqqxa: ‘DRACULA’.
Mela din kienet il‑moħba ewlenija tar‑re tal‑vampiri. Van Helsing raxx frak tal‑ostja kkonsagrata fil‑qabar tal‑konti biex żgur ma jkunx jista’ jidħol fih aktar, u wara dar lejn l‑oqbra tat‑tliet nisa.
Waħda wara l‑oħra, nifdilhom qalbhom b’għuda tal‑fraxxnu. Hekk kif għamel dan, wiċċhom deher fil‑paċi għal ftit sekondi u minnufih ġisimhom sar trab.
Malli ħareġ mill‑kastell, dar il‑bibien kollha u raxx l‑ostja kkonsagrata quddiemhom. Dracula issa ma setax jidħol aktar fil‑kastell.
Van Helsing ta l‑aħħar ħarsa lejn il‑kastell, u telaq lura lejn Mina. Sabha għadha rieqda ġewwa ċ‑ċirku tal‑ostja kkonsagrata, imma stenbħet malli semgħetu jitfa’ aktar zkuk fin‑nar.
“Jonathan riesaq,” qaltlu. “Imma anki Dracula!”
Van Helsing għannaqha. “Tibżax,” lissen bil‑ħlewwa. “Issa qegħdin f’idejn Alla.”
Il‑ħin rawh għaddej bil‑mod waqt li qagħdu jistennew matul il‑ġurnata. Reġa’ qorob inżul ix‑xemx, u bdew jisimgħu l‑ilpup jingħu fil‑bogħod. Ħin minnhom Van Helsing lemaħ xi moviment fil‑muntanji qrib. Ħataf it‑teleskopju li kellu biex jara aħjar. Grupp ta’ żingari kienu qed jiġru lejhom fuq żwiemel u karettuni. Fuq wieħed mill‑karettuni seta’ jara l‑kaxxa l‑kbira. Dracula kien wasal!
“Qed jiġru biex jilħqu jaslu qabel inżul ix‑xemx,” qal Van Helsing.
“Qed nara xi żwiemel oħra!” għajtet Mina.
Van Helsing dawwar it‑teleskopju fejn ippuntatlu Mina. “Tassew! Quincey u John waslu wkoll, u Arthur u Jonathan mhumiex bogħod wisq warajhom!”
Issa kull sekonda kienet qisha seklu hekk kif stennewhom jersqu lejhom. Ir‑riħ kiesaħ beda jitqawwa. Iż‑żingari kienu qed joqorbu malajr aktar u aktar, u issa kienu inqas minn mitt metru ‘l bogħod. Ix‑xemx niżlet wara l‑kastell, li issa kien qed jidher bħal dell iswed enormi.
Imma issa ħbiebhom kienu laħqu liż‑żingari. “Ieqfu!” qabad jgħajjat Jonathan.
Iż‑żingari waqfu awtomatikament, għalkemm x’aktarx ma kinux fehmu l‑għajta ta’ Jonathan. Jonathan u Quincey daħlu f’nofshom, u xi wħud miż‑żingari ħarġu s‑skieken u bdew ifajruhom lejhom. Imma Holmwood u Seward kienu waslu wkoll, u ppuntaw is‑snieter li kellhom lejn iż‑żingari. Dawn mill‑ewwel xeħtu s‑skieken tagħhom mal‑art.
B’saħħa liema bħalha, Jonathan u Quincey ħatfu l‑kaxxa minn fuq il‑karru u xeħtuha bis‑saħħa mal‑art. L‑għatu tkisser u nfetaħ.
Il‑Konti Dracula kien mimdud fiha, iħares lejhom b’għajnejn ħomor nar. Ix‑xemx kienet għoddha niżlet għalkollox, għalhekk issa seta’ joħroġ u jitbiddel fi kwalunkwe forma li ried. Imma f’dak il‑waqt Quincey Morris inxteħet fuqu u daħħal is‑sikkina tiegħu f’qalb il‑Konti.
Dehra ta’ paċi waqgħet fuq wiċċ Dracula għal ftit sekondi, u ftit wara ġismu kollu sar trab u għeb għalkollox.
Quincey karab karba twila, imma baqa’ mal‑art. Waqt it‑taqtigħa, żingaru kien laħaq ferieh. Sħabu daru kollha madwaru, u Mina qabditlu idu.
“Issa s‑saħta spiċċat,” qal Quincey minn taħt l‑ilsien, u miet.
Imma s‑sagrifiċċju tiegħu ma kienx għalxejn. Is‑sinjali tal‑vampiri issa kienu għebu għalkollox minn fuq wiċċ Mina. Kienet fieqet għalkollox u ma kenitx aktar fil‑periklu. Il‑Konti Dracula issa kien inqered darba għal dejjem.
Żingari: L‑isem proprju ta’ dan il‑poplu huwa r‑Rom (m’għandu x’jaqsam xejn ma’ Ruma, il‑kapitali tal‑Italja). Dan il‑poplu jgħix f’ħafna pajjiżi differenti, imma l‑aktar fil‑pajjiżi tal‑Ewropa tal‑Lvant. Il‑kelma ‘żingaru’ llum il‑ġurnata ma tintużax ħafna għax għandha tifsira negattiva u tista’ tkun offensiva għal dan il‑poplu. Ara hawn għal aktar tagħrif. [Lura]