Bram (Abraham) Stoker
(1847–1912)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Abraham (Bram) Stoker kien kittieb Irlandiż magħruf ħafna għall-istejjer Gotiċi (tal-waħx) tiegħu, speċjalment Dracula, ippubblikat fl-1897. Matul ħajtu kien aktar magħruf bħala l-assistent personali tal-attur Sir Henry Irving u maniġer tal-Lyceum Theatre, li kien proprjetà ta’ Irving. F’żgħożitu Stoker kien ukoll ġurnalista kritiku għal gazzetta Irlandiża, fejn kien jikteb kummenti dwar reċti kif ukoll stejjer qosra. Wara mewtu, ir-rumanz tiegħu Dracula sar wieħed mill-aktar rumanzi Ingliżi magħrufin madwar id-dinja, u ħafna films, stejjer qosra u reċti ġew ibbażati fuqu.
Fl-1972 il-kittieba Radu Florescu u Raymond McNally, fil-ktieb tagħhom In Search of Dracula, sostnew li Stoker kien ibbaża l-karattru tal-Konti Dracula fir-rumanz tiegħu fuq Vlad III (Vlad Dracul), re kiefer li kien jgħix ir-Rumanija fis-seklu 15. Madankollu, skont il-kittieba Elizabeth Miller, Stoker kien uża biss l-isem tar-re, u xi tentufiet ta’ informazzjoni mill-istorja tar-Rumanija. Barra minn hekk, fin-noti tiegħu dwar ir-rumanz, Stoker qatt ma semma lir-Re Vlad III.
Fl-adattament tar-rumanz, li jinsab f’dan is-sit, l-istorja hija ppreżentata bħala ġrajja waħda mill-bidu sal-aħħar, iżda x-xogħol oriġinali Stoker kitbu bħala rumanz epistolari, jiġifieri huwa ġabra ta’ ittri, siltiet minn gazzetti, telegrammi u siltiet minn djarji miktubin minn diversi karattri fl-istorja. Dan għamlu biex jagħti lir-rumanz xejra aktar realistika: għandek bosta xhieda ta’ dak li jiġri fir-rumanz u għaldaqstant il-qarrej jemmen aktar dak li jkun qed jaqra, għax ma jistax ikun li l-karattri kollha jkunu qegħdin jigdbu. Mary Shelley użat l-istess stil ta’ kitba għar-rumanz tagħha Frankenstein.
Fiż-żmien meta r-rumanz ġie ppubblikat ġie meqjus bħala ġrajja tal-waħx ibbażata fuq karattri sopranaturali, li biż-żmien saru parti mill-kultura popolari.
Il-manuskritt oriġinali, twil 541 paġna, kien mitluf, iżda nstab fit-tmeninijiet f’Pennsylvania, fl-Istati Uniti. Il-paġni kienu ttajpjati, imma kellhom ħafna korrezzjonijiet u annotazzjonijiet bl-idejn. Fl-ewwel paġna t-titlu kien Il-Mhux Mejjet, b’isem l-awtur taħtu. Jidher li fl-aħħar ftit Stoker iddeċieda li jbiddillu t-titlu!
Wara li sofra numru ta’ attakki ta’ puplesija, Stoker miet fl-20 t’ April 1912. Ġismu ġie kkremat (ġismu nħaraq minflok indifen) u l-irmied tiegħu llum jinsabu fi krematorju f’Londra.
Qari tal-provi: Anabel Micallef
© Norman C. Borg