Mary Wollstonecraft Shelley
(Ingliża, 1797-1851)
Madwar 5,500 kelma
Ġeneri
Fantaxjenza
Makabru
Kapitli
1: Victor
2: Il‑Kreatura
3: Justine
4: Fuq l‑Alpi
5: Ir‑Razzett
6: “Agħmilni kuntent”
7: Il‑Ħlejqa l‑Ġdida
8: It‑Tieġ
9: Elizabeth
10: Fil‑Pol tat‑Tramuntana
Noti
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Victor Frankenstein twieled fl‑1770. Kien l‑ewwel wild tal‑ġenituri tiegħu, għalhekk kien il‑mimmi t’għajnejhom, u tfulitu qattagħha dejjem kuntent u mdawwar b’kull ma kien jixtieq. Dan kien naturali, għax il‑familja Frankenstein kienu nies twajbin, ġenerużi u qalbhom tajba lejn il‑foqra. F’Ġinevra (l‑Isvizzera) fejn kienu jgħixu, kellhom ħafna ħbieb.
Meta kellu ħames snin, Victor kellu rigal mhux tas‑soltu. Għodwa waħda ommu sejħitlu ħdejha.
“Għandi rigal sabiħ għalik, Victor.” Ma’ ommu kien hemm tifla żgħira, ħelwa, xagħarha dehbi, ta’ madwar l‑istess età tiegħu.”
“Din hija Elizabeth,” qaltlu ommu.
Ma’ l‑ewwel ħarsa Victor aċċetta lil Elizabeth bħala parti mill‑familja, u wiegħed li jħobbha u jieħu ħsiebha dejjem. Ommu spjegatlu li Elizabeth kienet ġejja minn familja tajba, imma li l‑ġenituri tagħha kienu mejtin. Billi ma kien hemm ħadd aktar minn jieħu ħsiebha, ġabuha tgħix magħhom. Għalhekk iż‑żewġt itfal trabbew flimkien.
Elizabeth kienet kwieta, mistħija u titkellem baxx. Victor kien ftit aktar imqareb u storbjuż. Madankollu qatt ma kienu jillitigaw, u kellhom tfulija flimkien kuntenta u mingħajr ħsibijiet.
Meta Victor kellu seba’ snin twieled ħuh Ernest, u ftit wara l‑familja kollha marru joqogħdu f’dar fil‑kampanja f’Belrive. Din id‑dar kienet tinsab fuq in‑naħa tal‑Lvant tal‑lag, ftit ’il bogħod minn Ġinevra.
“Kuntent ħafna li issa qegħdin hawn,” qal Victor lil Elizabeth. “Qatt m’għoġbitni l‑folla fil‑belt. Hawnhekk nista’ noqgħod waħdi u fil‑kwiet.”
Barra minn Elizabeth, Victor kellu ħabib ieħor, iben merkant jismu Henry Clerval. Madankollu kien hemm xi ħaġa differenti fil‑karattru ta’ Victor li qatt ma tkellem dwarha, lanqas ma’ Elizabeth jew Henry.
Waqt li Elizabeth kienet titgħaxxaq bin‑natura tal‑kampanja Svizzera madwarhom, u Henry kien jintilef jaqra dwar avventuri, kavallieri u azzjoni, Victor kienet tinteressah il‑parti l‑mistura tan‑natura. Kien minn dejjem jhewden dwar il‑misteri tal‑ħajja u tal‑mewt.
Tant kien mitluf dwar dan is‑suġġett li kien jgħaddi kull minuta waħdu jaqra l‑kotba biex jitkixxef kif seta’ joħloq il‑ħajja u x’kien jiġri mir‑ruħ wara l‑mewt. F’qasir żmien spiċċa jaqra dwar il‑fantażmi u x‑xjaten. Xi sena wara, twieled ħuh l‑ieħor William, u sa dan iż‑żmien Victor kien iffissa għal kollox dwar is‑suġġett.
Darba waħda, meta kellu madwar ħmistax‑il sena, għadda minn esperjenza li ħalliet impressjoni qawwija fuqu. Kienet telgħet maltempata qalila fuq il‑Muntanji ta’ Jura, u għaddiet b’qilla liema bħalha minn fuq il‑lag u fuq darhom. Sajjetta laqtet siġra qrib id‑dar, u Victor raha mit‑tieqa. Qatt f’għomru ma seta’ jinsa x‑xbiha ta’ dak iz‑zokk mgħawweġ u maħruq, u l‑forza qalila tal‑elettriku.
Malli qorob is‑sbatax‑il sena mar jistudja fl‑Università ta’ Ingolstadt, u waqt li kien hemm, ġarrab telfa kbira, u kellu jiġri lura d‑dar. Ommu kienet qed tmut bl‑iskarlatina. Qabel ma mietet, poġġiet id Elizabeth f’id Victor. “Uliedi,” qaltilhom, “Minn dejjem xtaqt li inthom it‑tnejn tiżżewġu lil xulxin. Għażiża Elizabeth, ara li tkun omm tajba għal William u Ernest.” U b’dan il‑kliem mietet fil‑paċi.
Ftit ġimgħat wara, Victor ipprepara biex jerġa’ lura l‑vjaġġ iebes lejn l‑università. B’niket, sellem lil missieru, lil Elizabeth, lil ħutu ż‑żgħar u lil ħabibu Henry Clerval.
Imbikkma, Elizabeth ħeġġitu biex jiktbilha ta’ spiss.
Wara biss ftit jiem l‑università, Frankenstein qatagħha li jiddedika ħinu biex jiskopri s‑sigrieti tan‑natura u l‑misteri tal‑ħolqien. Tant kien eċċitat dwar dan li lanqas biss seta’ jorqod. Moħħu kien fuq hekk biss. Nesa lil Elizabeth, lil missieru, lil ħabibu Henry u anki lil ħutu. U tant għodos fl‑esperimenti tiegħu, li ma ħasibx fi qrabatu għal sentejn sħaħ.
L‑ewwel beda billi jistudja l‑mediċina. Beda jżur ċimiterji u mortwarji biex jistudja l‑effetti tal‑mewt fuq il‑ġisem. U tul dan iż‑żmien kollu baqa’ jiftakar f’dik id‑dehra tas‑sajjetta teqred is‑siġra u s‑setgħa tal‑elettriku. Seta’ jkun li l‑elettriku jagħti l‑ħajja wkoll, barra milli jeqridha? Wara xhur sħaħ ta’ esperimenti sab kif seta’ juża dik is‑setgħa biex tagħti l‑ħajja li xi ħaġa mejta. Imma issa li kien jaf dan, kif seta’ juża dan l‑għerf għall‑ġid? Iddeċieda li joħloq bniedem!
Dlonk beda jaħdem waħdu fit‑tieni sular ta’ daru. Beda jiġbor partijiet ta’ iġsma minn biċċeriji, minn laboratorji ta’ tobba, minn ċimiterji, u minn kull lok ieħor fejn seta’ jsib lill‑mejtin. Dik l‑ewwel sena li beda xogħlu kellha sajf tassew sabiħ, iżda Victor lanqas biss intebaħ b’dan, daqs kemm kien mitluf fil‑proġett tiegħu. Ma setax jitlaq ix‑xogħol. Għaddiet ix‑xitwa, għaddiet il‑ħarifa, iżda bilkemm intebaħ bihom. Beda jittraskura dak kollu madwaru li ma kellux x’jaqsam mal‑proġett. Beda jintelaq f’ilbiesu u fid‑dehra tiegħu. Beda jsir nervuż, tilef il‑piż, imma baqa’ jistinka f’xogħlu.
Lejl wieħed f’Novembru rnexxielu jagħti xrara ta’ ħajja lill‑ħlejqa tiegħu. Fid‑dawl inemnem tax‑xemgħa deherlu li lemaħ riġel minnhom jiċċaqlaq. Ftit wara, il‑ħlejqa ħadet nifs twil, u fetħet għajn waħda. Victor ħares ċass lejn il‑kreatura li kien ħoloq. Il‑ġilda kienet safranija u stirata fuq il‑ġisem kollu. Kienet ħlejqa kbira, imma għajnejha, taħt xagħarha, kienu mdemmgħin. Il‑ġilda tal‑wiċċ kienet imkemmxa, u x‑xofftejn kienu dritti u suwed.
Issa li kien irnexxielu joħloq bniedem, Victor ħassu ddiżgustat. Issa li kien qiegħed jara l‑ġisem kollu ħajja, ħakmitu biża’ liema bħalha, u ma setax jiflaħ l‑orrur li beda jħoss. Kien ħoloq mostru, u ma felaħx iħares lejn dik il‑kruha.
Ħareġ jiġri barra mil‑laboratorju u ntefa fuq is‑sodda biex jipprova jikkalma. Inxteħet bil‑ħwejjeġ kollha, u ma setax jorqod sew, hekk kif beda jitqalleb u joħlom ikrah. Beda joħlom bil‑ġisem mejjet ta’ ommu, kollu miksi bid‑dud. Stenbaħ f’daqqa. Rasu kienet imxarrba bl‑għaraq, u snienu kienu qed itektku bit‑twerwir li kellu fuqu.
>Mal‑ġenb tas‑sodda lemaħ lill‑kreatura, twila kważi tmien piedi, u b’dawk l‑għajnejn tal‑biża’ kienet qed tħares ċassa lejh. Fetħet ħalqha bħallikieku xtaqet titkellem. Victor qomos minn fuq is‑sodda u niżel isfel. Ipprova jistaħba fil‑bitħa. Kien qed jibża’ jiffaċċja lil dak ix‑xifajk ta’ ġisem li kien tah il‑ħajja.
Malli sebaħ, il‑purtinar fetaħ ir‑rixtellu tal‑bitħa u Victor ħareġ fit‑toroq ta’ Ingolstadt. Beda miexi u miexi mingħajr ma kien jaf fejn sejjer, bit‑tama li forsi dik il‑għodwa kienet ittaffilu xi ftit mill‑inkwiet li kellu f’rasu. Mingħajr ma kien jaf kif, sab ruħu quddiem il‑lukanda fejn kienu jieqfu l‑karozzini. Xi ħaġa waqqfitu fil‑post, u f’daqqa waħda sema’ vuċi familjari. “Għażiż Victor, kemm qed nieħu pjaċir li qed narak hawn! B’kumbinazzjoni sibtek hawn eżatt malli wasalt mill‑vjaġġ tiegħi.”
Kien Henry Clerval, u Victor ma setax ikun aktar kuntent. “M’għandekx idea kemm qed nieħu gost narak, Henry, imma x’qiegħed tagħmel hawn?”
“Ikkonvinċejt lil missieri jħallini niġi l‑università biex nistudja miegħek.” Wara dan, bdew jitkellmu dwar il‑familji u l‑ħbieb tagħhom.
“Missierek, Elizabeth u ħutek jinsabu tajjeb ħafna u kuntenti, Victor, għalkemm jixtiequ li tiktbilhom aktar ta’ spiss,” qal Henry. “Imma qed narak abjad karti u tidher marid, qisu ilek żmien twil mingħajr ma torqod.”
“Iva, għandek raġun. Ħdimt fit‑tul fuq esperiment li kelli u ma straħtx biżżejjed. Imma nittama li dak huwa lest issa, u nwiegħdek li nieħu ftit aktar ħsieb.”
Kif qal dan Victor mexxa lil Henry lejn il‑kulleġġ. Kien qed jibża’ li l‑kreatura kienet għadha fl‑appartamenti tiegħu. Ma riedx jiftakar id‑dehra tagħha, imma kien aktar qed jibża’ miċ‑ċans li Henry seta’ jaraha wkoll.
Meta waslu ħdejn il‑bieb ta’ barra, Victor qal, “Ħu paċenzja stenna ftit hawn. Mhux se ndum.” Tela’ t‑taraġ waħdu. Quddiem il‑bieb tal‑appartament ħa nifs twil u pprepara ruħu, għalkemm xorta kien qed iterter bil‑biża’. Fetaħ il‑bieb u daħal. Il‑post deher li kien vojt. Il‑mostru kien għosfor. Victor ħa r‑ruħ hekk kif niżel jiġri ħdejn Henry.
“Ejja nagħmillek il‑kolazzjon,” qallu. Imma Victor kien fuq ix‑xwiek il‑ħin kollu, kull mument iqum minn postu u jippassiġġa madwar il‑kamra.
Dan ħasseb lil Henry. “Victor, x’għandek?”
“Xejn. Xejn,” wieġeb Victor. F’daqqa waħda beda jimmaġina li l‑mostru kien ġie lura, u bix‑xokk u l‑paniku li qabdu, waqa’ stordut mal‑art.
Wara l‑ħass ħażin li qabdu, Victor għamel ħafna xhur ibati b’deni qawwi. Matul dan iż‑żmien kollu, sieħbu Henry baqa’ jdur bih il‑ħin kollu. Biex jevitalhom l‑inkwiet, Henry ma qal xejn dwar dan lil missier Victor u lil Elizabeth. Sakemm waslet ir‑rebbiegħa, Victor kien kważi fieq għalkollox.
“Inti ħabib tassew, Henry,” qal Victor, “Bqajt iddur bija x‑xitwa kollha. Kif nista’ inkun nafhulek?”
“Ibda billi tikteb aktar ta’ spiss lil missierek u lil Elizabeth. Jiena ktibtilhom ta’ spiss, imma jserrħu aktar rashom jekk jaraw il‑kitba tiegħek.”
Għaddew ix‑xhur, u ż‑żewġt iħbieb qattgħu is‑sajf jistudjaw flimkien.
Ix‑xitwa ta’ wara tant kienet qalila li Victor ma setax jivvjaġġa lura d‑dar qabel Mejju. Issa kienu għaddew kważi tliet snin minn dakinhar li kien telaq minn Ġinevra biex jistudja. Waqt li kien qiegħed jipprepara biex imur lura, irċieva ittra mingħand missieru. Fiha kien hemm aħbar li bikkietu u qasmitlu qalbu.
Ġurnata waħda missieru kien mar passiġġata ma’ Elizabeth u ħutu ż‑żgħar. Iċ‑ċkejken William kien mar jiġri ’l quddiem jilgħab noli, u staħba wara siġra. Meta Ernest beda jfittxu, ma seta’ jsibu mkien. Wasal il‑lejl, u Victor u Elizabeth ħadu t‑torċi magħhom biex ikomplu jfittxuh fid‑dlam. Sabuh lejn xi l‑ħamsa ta’ filgħodu, maqtul. Setgħu jaraw għonqu misluħ fejn il‑qattiel kien qabdu biex jifgah.
Victor mar lura d‑dar bla telf ta’ żmien. Ħassu kuntent meta qorob il‑muntanji u l‑lag viċin daru, imma aktar tard, malli beda jidlam, beda jħoss ċerta biża’ tagħfas fuqu; biża’ u sogħba kbira. Billi laħaq dalam malli wasal Ġinevra, il‑bibien tal‑belt kienu magħluqin, għalhekk Victor kellu jieqaf f’raħal fil‑qrib. Ma setax jorqod, għalhekk ħareġ jippassiġġa, u mar fil‑post fejn kienu sabu lil William mejjet. F’dak il‑waqt qamet tempesta u l‑leħħiet tas‑sajjetti bdew idawwlu s‑smewwiet. Ix‑xena kienet sabiħa fiha nnifisha, imma qalbu kesħet hekk kif, għal ftit sekondi fid‑dawl tas‑sajjetti, stħajjel li lemaħ figura kbira ftit bogħod minnu, wieqfa tħares lejh. Kien il‑mostru!
Kif leħħet sajjetta oħra, il‑figura kienet għosfrot, imma issa Victor kien ċert li kien il‑mostru li qatel lil William. L‑idea biss kexkxitu.
Ma sbieħ il‑jum wasal daru, u laqgħu Ernest. “Il‑papà u Elizabeth it‑tnejn morda bin‑niket li qabadhom, Victor. Imma agħar minn hekk, arrestaw lil persuna li nafu sew u nħobbuha ħafna. Qed jakkużawha lil qatlet lil William.”
Victor baqa’ mbellah u ma tniffisx hekk kif Ernest spjegalu li kienet Justine, tfajla ħelwa żagħżugħa li kienet ilha s‑snin taħdem għall‑familja Frankenstein. Kienet daret ħafna b’ommhom qabel ma mietet, u kienet hi li kienet qed tieħu ħsieb liċ‑ċkejken William.
“Elizabeth ma tistax temmen li kienet hi, minkejja l‑provi kollha,” kompla Ernest.
“Dik il‑povra tfajla mingħajr ħtija bla dubju ta’ xejn,” lissen Victor. “Hemm bżonn naraw kif neħilsuha.”
“Il‑proċess huwa llum, Victor,” wieġeb Ernest, “u jidher li ċ‑ċirkustanzi huma kollha kontriha. Kienet ma tiflaħx dik l‑għodwa li sabu lit‑tifel, u kienet ilha fis‑sodda għal ħafna ġranet. F’dak iż‑żmien seftura sabet lokit fil‑but tal‑libsa ta’ Justine. Kienet lokit li Elizabeth kienet tat lil William dakinhar li ntilef.”
“Jien nibqa’ ngħid li hi innoċenti,” tenna Victor.
Malli missieru ra lil Victor wara dawk is‑snin kollha, tela’ s‑seba’ sema. Anki Elizabeth kienet ferħana. Victor deherlu li kienet isbaħ minn qatt qabel. Għalkemm it‑tnejn kienu mnikktin, urew l‑akbar affett lejh, issa li kien ġie lura.
“Qed nittamaw,” qalet Elizabeth, “li l‑ġurati ma jikkundannawx lil Justine. Jekk jagħmlu hekk se nibqa’ ddispjaċuta għomri kollu. Mhux biżżejjed li tlifna lil William, jonqos li nikkastigaw lil min hu innoċenti wkoll.”
Victor baqa’ tturmentat waqt il‑proċess kollu. Ma setax jitkellem għax kien ċert li ħadd ma kien se jemmnu. Ma kienx xhud dirett tal‑qtil, u ma setax jgħid min kien il‑qattiel veru. Waqt kull sessjoni, Justine baqgħet kalma u ma tniffsetx, iżda għal min kien qiegħed josservaha dehret li kellha qalbha iebsa u ma kienx jiddispjaċiha ta’ għemilha. Sejħu lil ħafna xhieda. Kien hemm żewġ ċirkustanzi kontriha. Kienu rawha fl‑inħawi fejn it‑tifel instab mejjet, u kien hemm il‑lokit ta’ William, bir‑ritratt ta’ ommu, li kienu sabu fuq ħwejjiġha.
Justine qalet li dakinhar kienet marret iżżur lil zijitha f’raħal qrib il‑belt. Malli reġgħet lura f’xi d‑disgħa, iltaqgħet ma’ raġel li għarrafha li William kien nieqes. Damet qatigħ iddur tfittxu, insiet il‑ħin, u malli marret biex tidħol lura l‑belt sabet il‑bieb magħluq. Għalhekk sabet maħżen żgħir fejn tistrieħ fuq it‑tiben sakemm jisbaħ l‑għada, imma bilkemm setgħet torqod.
“Sibt lil William mejjet b’kumbinazzjoni,” lissnet b’vuċi miksura, “u m’għandi l‑ebda idea kif il‑lokit spiċċa fil‑but tal‑libsa tiegħi.”
Għalkemm kien hemm ħafna nies li kienu jafu lil Justine u li kienet tfajla sewwa, kollha beżgħu li jidhru bħala l‑ħbieb ta’ qattiela, għalhekk kulħadd baqa’ sieket. Elizabeth biss qabżet għaliha. Qalet kemm Justine kellha karattru sabiħ, kemm kienet ġentili u ta’ qalb tajba. Fakkret lil kulħadd kemm Justine baqgħet iddur b’Madame Frankenstein sakemm din mietet, u kemm is‑sinjura kienet tirrispetta lit‑tfajla, u kemm Justine kienet ħabbet lil William daqslikieku kien binha.
“Ma jistax ikun li qatlitu sempliċement biex tieħu l‑lokit,” qalet Elizabeth. “Taf li nistmawha tant li konna nagħtuhielha kieku talbithielna.”
Għalkemm il‑ġurati baqgħu impressjonati bi kliem Elizabeth, xorta baqgħu jaħsbu li Justine kienet ħatja, u baqgħu jikkonċentraw fuq il‑possibiltà li t‑tfajla kienet ingrata lejn il‑familja Frankenstein. Dan kien jidher sew fuq wiċċhom, u malli Victor rahom hekk, ma felaħx aktar, u ġera ’l barra mill‑awla tturmentat. Billejl ma setax jagħlaq għajn m’għajn. L‑għada filgħodu l‑qorti sabet lil Justine ħatja, u kkundannawha għall‑mewt jum wara.
Victor baqa’ jħoss it‑toqol tal‑kuxjenza bil‑ħsieb li kien l‑esperiment tiegħu li kien ikkaġuna l‑mewt ta’ William u ta’ Justine. Ma setax jorqod, u saħħtu bdiet tmur lura. Missieru ma setax jifhem għala ibnu kien daqshekk qalbu sewda. “Taħsibx f’William biss,” qallu, “Aħna lkoll qalbna sewda għax konna nħobbuh, imma hemm bżonn nibqgħu sejrin u naħsbu f’dawk li għadhom magħna.”
Għal ftit żmien beda jtella’ u jniżżel jaħrabx minn hemm. Iżda mbagħad ftakar f’missieru u f’Elizabeth u ħutu. Kif seta’ jitlaqhom mingħajr ma jipproteġihom mill‑kreatura?
Biex jipprova jinsa ftit, Victor mar btala fil‑widien qalb l‑Alpi. Għall‑ewwel parti tal‑vjaġġ rikeb żiemel, u malli l‑art bdiet issir aktar imqallba, qaleb għal bagħal b’saqajn aktar sodi.
Kien nofs Awwissu, u kien qiegħed jieħu pjaċir qalb il‑muntanji, l‑irdumijiet u l‑kaskati. Aktar ma beda jitla’ fil‑għoli, aktar il‑veduta kienet meraviljuża. Il‑muntanji kienu miksija bis‑silġ, u l‑glaċieri kienu kważi jmissu t‑toroq. Fil‑bogħod seta’ jisma’ l‑ħoss qawwi ta’ valanga.
Kien hawn li Victor fl‑aħħar sab ftit paċi, u sab lukanda żgħira fejn seta’ jorqod bil‑kwiet. L‑għada filgħodu tant ħassu frisk u kuntent li qatagħha li jkompli jitla’ aktar fil‑għoli. Sa nofsinhar seta’ jara taħtu veduta wiesgħa ta’ art kollha miksija bis‑silġ.
F’daqqa waħda lemaħ forma kbira fil‑bogħod, li kienet qed tiġri lejh b’ħeffa liema bħalha. Victor beda jitriegħed hekk kif induna li ma kien ħadd ħlief dik il‑kreatura kerha li kien ħoloq.
“Xifajk!” beda jgħajjat. “Għandek il‑wiċċ tiġri warajja wara dak li għamilt? Jixraqlek agħar mit‑torturi tal‑infern!”
“Imsejken jien,” wieġeb il‑mostru. “Kulħadd fid‑dinja jobogħdni. Inti ħlaqtni, u issa trid toqtolni. Jekk tagħmel dak li rrid nitolbok, inwiegħdek li nitlaq lilek u lill‑familja tiegħek fil‑paċi. Jekk ma taċċettax, naħlef li neqridhomlok kollha wieħed wara l‑ieħor.”
Victor tant kien mitluf bil‑korla li għamel għall‑kreatura, imma din żammitu lura mingħajr tqanżih ta’ xejn.
“Ikkalma,” qallu l‑mostru. “Hemm bżonn tisma’ l‑istorja tiegħi. Ma batejtx biżżejjed? Ftakar li inti għamiltni ikbar u aktar b’saħħti minnek, u jien il‑kreatura tiegħek. Lest li nkun ħanin u ġentili jekk tagħmel dak li nitolbok. Kull fejn inħares nara nies kuntenti u ferħanin, imma jien ma nistax ingawdi dan. Agħmilni kuntent, Frankenstein.”
“Le. Inti kreatura ħażina.”
“Nitolbok, Frankenstein. Jien ninsab waħdi. Kulħadd jaħrab minni bil‑biża’. Il‑muntanji ħorox u l‑kesħa qalila huma ġenerużi miegħi aktar milli hu l‑bnedmin.”
“Misħut il‑jum li tajtek il‑ħajja!”
“Ma rridx inkun kattiv, Frankenstein.”
“U jien ma rridx inkun miżerabbli,” wieġeb Victor. “Imma hekk sirt minħabba fik, ja xitan!”
“Isma’ l‑istorja tiegħi, Frankenstein. U mbagħad jiddependi minnek inkunx ħanin jew neqridkomx kollha kemm intom.”
Wara ftit sekondi ta’ silenzju, Victor tkellem. “Kollox sew. Se nisimgħek.” Imxew fuq il‑silġ flimkien sakemm waslu ħdejn kabina.
Daħlu, u l‑kreatura qabbdet ħuġġieġa. Bdiet tirrakkonta l‑istorja tagħha.
“Meta ħrabt mill‑appartament tiegħek f’Ingolstadt dak il‑lejl, kont għadni ġdid, u kelli konfużjoni sħiħa f’rasi. Ma stajtx nifhem x’inhu d‑dawl, x’inhu d‑dlam, x’inhi s‑sħana. Għalhekk mort nistaħba fil‑foresta.”
“Kif irnexxielek tibqa’ ħaj?”
“Xrobt ilma min‑nixxiegħat fil‑foresta, u kilt frott mis‑siġar. Fid‑dlam kelli l‑bard u kont imbeżża’, ħassejtni waħdi u miżerabbli. Bin‑nhar ħadt pjaċir nisma’ l‑ħsejjes tan‑natura, speċjalment l‑għasafar jgħannu.”
“Rak xi ħadd?”
“Fil‑bidu le. Kont naf li kien hemm in‑nies viċin għax sibt ħuġġieġa. Għoġbitni s‑sħana li kienet qed tarmi, imma malli ressaqt idejja lejn il‑fjammi, weġġgħuni. Biż‑żmien sibt li barra mill‑frott stajt niekol ukoll għeruq u ġewż.”
“Mela għalfejn tlaqt mill‑foresta? Għalfejn ma bqajtx hemm?”
“Il‑kilba għal ikel aħjar. Domt nimraħ jiem sħaħ. It‑temp beda jiksaħ u f’qasir żmien bdiet nieżla l‑borra. Jum minnhom sibt kabina. Il‑bieb kien miftuħ, għalhekk dħalt ġewwa. Kien hemm raġel xwejjaħ, hemmhekk. Meta rani, qabad iwerżaq u ħareġ jiġri mill‑kabina u qasam l‑għelieqi.”
Il‑kreatura kompliet tgħid lil Victor li baqgħet fil‑kabina fis‑sħana tal‑fuklar, u kielet xi ftit ħobż, ftit ġobon, u xorbot ftit ħalib u inbid li kien mitluq fuq il‑mejda.
“L‑inbid m’għoġobnix. Tlaqt minn hemm u mort f’raħal. Ridt niltaqa’ man‑nies u nkun ħabib tagħhom, imma kull darba li lemħuni xi tfal, kienu jaqbdu jwerżqu u jaħarbu minni. Mara ħassha ħażin meta ratni. L‑irġiel bdew jissuttawli l‑ġebel sakemm fl‑aħħar kelli naħrab mir‑raħal, imbeżża’ u kollni misluħ. Ftit żmien wara sibt għarix mitluq, u qattajt il‑lejl hemmhekk.”
L‑għada filgħodu lemaħ razzett fil‑qrib, iżda baqa’ moħbi għax ftakar x’kien ġralu l‑ġurnata ta’ qabel fir‑raħal. Qatagħha li jibqa’ moħbi fl‑għarix. Għalih kien palazz.
Fir‑razzett kienu jgħixu xwejjaħ u t‑tfal tiegħu, ġuvni u tfajla. Il‑mostru baqa’ josservahom fil‑moħbi, mil‑fessuri bejn l‑injam tal‑ħajt ta’ barra. Ma kinux jidhru kuntenti ħafna, imma kienu jħobbu lil xulxin.
“Għall‑ewwel darba, Frankenstein, stajt nara x’kienet l‑imħabba u l‑qalb tajba. Meta t‑tfajla qabdet strument u bdiet iddoqq, smajt mużika aktar ħelwa minn dik tal‑għasafar, u nfexxejt nibki.”
Victor ħares lejn il‑kreatura. “Xi tridni nagħmel biex tkun kuntent?” saqsieh.
“Stenna, Frankenstein. Għadni m’iniex lest. Tant kienu ħelwin tarahom, li xtaqt inkun nafhom u nkellimhom, imma m’azzardajtx. Bqajt nosservahom u nismagħhom kuljum. Sibt li x‑xwejjaħ kien għami, u ż‑żgħażagħ kienu mdejqin għaliex kienu foqra wisq. Xi drabi kienu jagħtu l‑ikel kollu lil missierhom, anki jekk kienu jibqgħu b’xejn huma.”
“Mela għalfejn tlaqt lil dawn in‑nies twajba?”
“Ma xtaqtx, għax tgħallimt ħafna affarijiet mingħandhom. Għaddiet ix‑xitwa, u la Agatha, it‑tfajla, u lanqas Felix, il‑ġuvni, ma qatt rawni.”
Il‑mostru kompla jgħid lil Victor li meta huma kienu qalbhom sewda, hu wkoll kien iħossu mdejjaq, u meta kienu jkunu kuntenti, hu kien iħossu kuntent bħalhom. Imma darba, inzerta lemaħ ir‑riflessjoni ta’ wiċċu fl‑ilma, u l‑kruha tiegħu nnifsu ma setax jissaportiha.
Ta’ spiss kien jara lil Felix jiġbor xi fjuri għal oħtu, u l‑mostru xtaq jagħmel l‑istess, imma baqa’ jibża’ jersaq lejhom. Madankollu, fl‑iljieli, kien imur ipoġġilhom xi zkuk għall‑fuklar u xi ikel quddiem il‑bieb. Filgħodu kienu jistagħġbu malli jsibuhom, imma qatt ma saru jafu minn kien qed iħallihomlhom hemm. Ta’ spiss kien joħlom b’dik il‑familja ċkejkna, u kien jaħseb li kienu bnedmin superjuri għalih.
Jum minnhom, tfajla ħelwa tfaċċat riekba fuq żiemel. Milli jidher, il‑ġenituri tagħha kienu mejtin, u Felix u Agatha kienu ħbieb tagħha. Felix kien iħobbha, u kien iħobb isejħilha ‘l‑Għarbija s‑sewda’. Il‑mostru malajr fehem li t‑tfajla Għarbija, li kien jisimha Safie, kienet qed tipprova titgħallem il‑lingwa tagħhom.
Sakemm semagħhom jgħallmuha, il‑mostru beda jaqbad xi kliem hu, u meta kienu joħorġu, kien jidħol bil‑moħbi fl‑għarix biex jaqra l‑kotba li kienu qed jużaw. Malajr beda jitgħallem, imma dan l‑għerf kien qed isewwidlu qalbu aktar.
“B’hekk indunajt, Frankenstein, li jien kont bniedem injorant, u ma kellix ħbieb, u lanqas qraba tiegħi. Barra minn saħħa kbira u l‑ftit affarijiet li tgħallimt kelli biss ġisem bla forma u wiċċ ikrah. Minn fejn kont ġej? Jien qatt ma kelli missier u omm. Jien qatt ma kont tifel, u qatt ma kelli aħwa. Ħadd qatt ma ħabbni.”
Victor ftakar kemm hu kien kuntent fi tfulitu, u din kienet l‑ewwel darba li tħassar lill‑mostru. Imma ma qal xejn.
“Jien kont minn dejjem kif jien issa, imma sa dakinhar ma kontx naf x’inhu l‑ħażen.”
Il‑mostru ħares lejn Victor b’ħarsa tal‑biża’. “Dardarni l‑fatt kif ħlaqtni, u sħettek fuq li sħettek għalhekk.”
Il‑kreatura baqgħet siekta għal xi mumenti, u kompliet l‑istorja kif darba, meta l‑missier kien waħdu fir‑razzett, ħabbat u daħal. Qal lix‑xiħ li ma kellux ħbieb u li kien jibża’ li kien se jibqa’ dejjem waħdu. Ix‑xwejjaħ għami fehem il‑qagħda tiegħu, u dlonk qabdu jitkellmu fuq ħafna affarijiet.
F’daqqa waħda nfetaħ il‑bieb u Felix daħal flimkien ma’ Agatha u ma’ Safie. Malli raw lill‑mostru Agatha ħassha ħażin u Safie ħarġet tiġri mir‑razzett. Felix qabad lil missieru minn driegħu u pprova jiġbdu ’l bogħod mill‑mostru. Il‑mostru pprova jdawwar driegħu madwar ix‑xwejjaħ, iżda Felix ħataf biċċa għuda u beda jfajjarlu biha sakemm il‑mostru ħarab minn hemm.
“Mort niġri fil‑bosk u bqajt hemmhekk sakemm dalam. Ħadd fid‑dinja ma kien se jikkumpatini u jgħini. Qattajt il‑lejl f’miżerja kbira. Ftit jiem wara mort lura r‑razzett, imma issa kien vojt. Qatt ma rajthom iktar.”
Il‑mostru dawwar għajnejh imnikktin lejn Victor.
“Ħsibt fik, Frankenstein: il‑ħallieq tiegħi. Naf li kellek tasal minn Ġinevra. Il‑vjaġġ ’l hawn kien twil u iebes, dejjem nivvjaġġa fid‑dalma tal‑lejl. Kemm‑il darba tlift triqti. Żammitni biss il‑kilba biex impattihielek.”
Imma wiċċ il‑mostru kkalma xi ftit.
“Darba tifla żgħira waqgħet fil‑kurrent qawwi tax‑xmara qrib ta’ fejn kont qiegħed nistrieħ. Minnufih qbiżt fl‑ilma u tellajtha fuq l‑art.”
F’daqqa waħda, il‑mostru qam bilwieqfa b’korla liema bħalha. “Raġel sparali u ferieni fl‑ispalla. Umbagħad ħataf lit‑tifla u telaq jiġri biha. Il‑ferita damet biex tfieq, u l‑ħin kollu bqajt nhewden kif ġejt ittrattat. Ħlift li npattieha lill‑umanità kollha.”
“Imma għaliex,” għajjat Victor, “fettillek tattakka lil ħija William?”
“Mhux hekk ġara. Kont waqaft nistrieħ barra l‑belt meta t‑tifel ġie jiġri ħdejja. Malli rani, werżaq waħda u għatta għajnejh. Għedtlu li ma kontx se nweġġgħu, imma beda jgħajjarni mostru u orku, u qal li kien se jgħid lil missieru Frankenstein, il‑maġistrat, biex jikkastigani.”
“U qtilt tifel żgħir għalhekk!”
“Ma ridtx. Beda jgħajjarni b’ħafna ismijiet u ħtaftlu għonqu biex insikktu. F’temp ta’ sekondi kien mejjet.”
“Ikkundannaw għall‑mewt tfajla innoċenti minħabba f’hekk!” għajjat Victor.
“Ħadt lokit mill‑but tiegħu. Kien hemm ir‑ritratt ta’ sinjura fih.”
“X’għamilt bih?”
“Ħaġa kattiva. Sibt maħżen fejn nistaħba, imma kien hemm tfajla rieqda fuq it‑tiben. Il‑ħażen fija qalli biex inpoġġi l‑lokit fil‑libsa tagħha ħalli tpatti hi ta’ dak li wettaqt jien. Umbagħad bdejt nimraħ ħafna postijiet sakemm spiċċajt hawn. Dik hija l‑istorja tiegħi.”
“Qabel ma bdejt tirrakkonta, għedt li kien hemm xi ħaġa li stajt nagħmel biex tkun kuntent,” lissen Victor.
“Tassew. Kif qed tara, jiena waħdi u nħossni miżerabbli. Irridek toħloq kreatura oħra: mara kerha u sfigurata bħali, li tkun tista’ tħobbni u tgħix miegħi bħala marti. Inti biss tista’ tagħmlu, dan.”
“Nirrifjuta. Qatt ma jien se nagħmel abominazzjoni oħra bħalek.”
“Sejjer żball, Frankenstein,” wieġeb il‑mostru. “Kieku nista’, lest li ngħix fil‑paċi mal‑bnedmin, imma ma jħallunix. La ma jħobbunix, mela se jkollhom jibżgħu minni.”
Wiċċu tgħawweġ bl‑uġigħ.
“Oħloqli kreatura li tkun tista’ tħobbni, li ma taħrabx minni, u nkun fil‑paċi miegħek. Agħmilni kuntent. Tonqosnix! Nitilqu għal rasna, u ma taranix aktar. Dan naħlifulek. Nitolbok!”
It‑talba tal‑kreatura messet qalb Victor, u wara mument twil jaħsibha, qal bil‑mod, “Kollox sew. Nagħmillek ħabiba.”
“Itlaq, mela, Frankenstein, u ibda xogħlok.”
Mingħajr ma tah ċans iwieġeb, il‑mostru dar u għosfor qalb il‑muntanji.
Victor baqa’ bilqiegħda għal ftit minuti qabel ma mexa lura lejn il‑wied. Kien dalam. F’nofs it‑triq lejn il‑lukanda waqaf ħdejn funtana u nfexx jibki hekk kif ftakar x’wiegħed lill‑mostru. Fir‑raħal wasal ma’ sbieħ il‑jum. Minn hemm qabad triqtu lejn id‑dar tal‑familja.
Jipprova kemm jipprova, Victor ma setax jibda x‑xogħol fuq il‑kreatura l‑ġdida, għalkemm kien qed jibża’ minn dak li seta’ jagħmel l‑għafrid jekk ma jżommx kelmtu. Barra minn hekk, kellu f’moħħu ż‑żwieġ ma’ Elizabeth, li kien fil‑qrib.
“Kemm jien kuntent għalikom, Victor,” qallu missieru. “Meta hi d‑data?”
Victor ma tahx risposta immedjata. Is‑sempliċi idea li jiżżewweġ lil Elizabeth waqt li l‑mostru kien għadu qed jiġġerra kienet twerwru. Kien jaf li kellu jagħti ħabiba lill‑mostru qabel iż‑żwieġ, imma fl‑istess ħin ma xtaqx jarma laboratorju f’darhom għax ma riedx li l‑familja tarah. Sadanittant missieru kien qed jinsisti li kellu jieħu btala biex jerġa’ jirkupra saħħtu, u fl‑aħħar Victor qabel miegħu.
Għalhekk qatagħha li jmur l‑Ingilterra għal sitt xhur, u mbagħad jiżżewweġ meta jiġi lura Ġinevra. Henry Clerval iddeċieda li jmur miegħu. Għalkemm Victor kien ftit imħasseb għax kien se jħalli lil familtu u lill‑għarusa warajh, ftakar li l‑mostru kien wiegħedu li kien se jibqa’ jsegwi lilu kull fejn imur. Għaldaqstant kien qed jittama li sakemm hu ma kienx magħhom, ma kinux se jkunu fil‑periklu.
F’Settembru Victor ippakkja l‑materjal kollu tal‑kimika li kellu. Malli kien lest, hu u Henry rħewlha bil‑karozzin madwar l‑Ewropa. Malli waslu Rotterdam, qabdu l‑lanċa għal Dover.
Malli wasal l‑Ingilterra, beda jiġbor il‑materjal li kellu bżonn biex jibni l‑kreatura l‑ġdida. Għaddew il‑ġimgħat, u jum minnhom irċevew stedina biex imorru jżuru l‑Iskozja. Din kienet opportunità għal Victor, għax kien ħafna lura f’xogħlu. Lil Henry qallu li kellu bżonn jgħaddu ftit żmien waħdu. Mar fuq gżira mwarrba fl‑Iskozja biex jibda xogħlu hemm. Fuq dik il‑gżira kien hemm ħames persuni oħra biss.
Iżda l‑biċċa xogħol li kellu jagħmel kienet qed tiddiżgustah. Kien il‑ħin kollu fuq ix‑xwiek u nervuż, kull mument jistenna li jitfaċċa l‑mostru.
X’jiġri jekk din il‑mara li kien qiegħed joħloq tispiċċa vjolenti aktar mill‑mostru? X’jiġri jekk jillitigaw bejniethom? X’jiġri jekk ma tkunx trid titlaq miegħu. U jekk ikollhom tfal tagħhom, dawn kienu se jkunu mostri wkoll? Dan it‑thewdin kollu kien qed jinkwetah mhux ftit.
Darba minnhom, filgħaxija, lemaħ lill‑mostru qed jittawwallu minn barra t‑tieqa, bi tbissima kerha fuq wiċċu. Dik id‑dehra ġabitu konxju ta’ x’kien qiegħed jagħmel, ħakmu ferħ ta’ ġenn kbir u qabad ikisser dak kollu li kien qiegħed jagħmel.
Malli ra dan minn barra, il‑mostru qabad jingħi. “Ili nistenna dan iż‑żmien kollu, u inti qridt dak kollu li wegħidtni. Inti l‑ħallieq tiegħi, Frankenstein, imma jien sidek, issa. Se tpattiha qares. Ftakarni, Frankenstein; se nkun miegħek il‑lejla tat‑tieġ!”
Il‑mostru għeb minn wara t‑tieqa, u ras Victor bdiet iddur bih.
Dak il‑kliem tal‑mostru baqgħu jtambar f’moħħu. “Se nkun miegħek il‑lejla tat‑tieġ.” Għadda l‑lejl, imma Frankenstein m’għalaqx għajn m’għajn.
L‑għada filgħodu, sajjied wassallu pakkett ittri. Waħda kienet mingħand Henry Clerval, li ssuġġerielu jiltaqa’ miegħu. Victor qatagħha li jagħmel hekk.
Qabel dan, madankollu, qabad il‑biċċiet kollha li kien għad baqa’ tal‑kreatura nofsha lesta, u deffishom fi xkora kbira. Poġġa fiha wkoll ftit ġebel tqil. Ftit wara nofsillejl, qabad dgħajsa, u qadef xi ftit mili ’l barra mill‑bajja. F’nofs ta’ baħar, qabad l‑ixkora u xeħitha fl‑ilma.
Jumejn wara, wasal fil‑belt fejn Henry kien qed jistennieh, biex joqgħod fil‑lukanda miegħu. Imma l‑għafrid kien wasal qablu! Victor sab lil Henry mejjet, bil‑marki tas‑swaba’ tal‑mostru fuq għonqu. Victor baqa’ jħares ċass lejn il‑ġisem mejjet ta’ ħabibu, u ħakmu ħass ħażin.
Malli sabuh mixħut fejn il‑kadavru, bdew jissusspettaw li kien qatlu hu, u arrestawh biex jagħmlulu proċess. Qatta’ xahrejn fil‑ħabs, jgħajjat u jingħi bħal miġnun. Għalxejn il‑maġistrat ittanta jsaqsih xi mistoqsijiet, għax ma ħa xejn minnu.
Hekk kif beda jirkupra bil‑mod, Victor beda jaħseb f’Justine, li kienu qatluha mingħajr ħtija, u kien qed jistenna li jiġri l‑istess lilu. Ġurnata minnhom, il‑maġistrat ġie jarah.
“Waqt li kont ma tiflaħx,” qallu, “eżaminajt id‑dokumenti li kellek fil‑but, għalhekk stajt insib lill‑familja tiegħek. Ktibt Ġinevra xi xahrejn ilu. B’hekk sirna nafu li kont ħabib kbir tas‑Sur Clerval, u li kien ix‑xokk tal‑qtil tiegħu li marrdek daqshekk. Missierek wasal, u jixtieq jieħdok lura d‑dar.”
Malli tfaċċa missieru, l‑ewwel kliem li lissen Victor kienu, “Elizabeth u Ernest huma protetti sew?” Missieru aċċertah li kienu t‑tnejn qawwijin u sħaħ u li ma kienu fl‑ebda periklu.
Il‑qorti waqqgħet l‑akkużi kollha li kien hemm kontra Victor, u missieru seta’ jieħdu lura d‑dar. Tul il‑vjaġġ lura, missieru pprova jferrħu xi ftit billi jgħidlu dwar iż‑żwieġ ma’ Elizabeth. Imma dak kollu li kien f’moħħ Victor kien kif se jipproteġi lill‑maħbubin tiegħu sakemm jeqred lill‑mostru darba għal dejjem.
Tul il‑vjaġġ qal lil missieru li hu kien responsabbli tal‑mewt ta’ William, ta’ Justine u anki ta’ Henry, imma missieru ma riedx jisma’ b’dan.
“Tibqax tgħid dawn l‑affarijiet, ibni,” qallu bil‑ħlewwa.
Għalhekk Victor baqa’ sieket, iżda kliem il‑mostru baqa’ jtambar f’rasu. “Se nkun miegħek il‑lejla tat‑tieġ.” U kien mija fil‑mija ċert li dakinhar il‑mostru kien se jiġi joqtlu.
Malli waslu d‑dar, Elizabeth infexxet tibki malli ratu rqiq u dgħajjef. Hi kienet għadha ħelwa u ġentili bħal dejjem. Victor kellu ġenn biex ifittex jiżżewwiġha. Sakemm bdew isiru l‑preparazzjonijiet għat‑tieġ, aċċerta ruħu li kien armat b’ħafna pistoli kkargati u anki xi mus ukoll.
Qatgħuha li jgħaddu l‑qamar il‑għasel f’villa qrib il‑lag fejn kienu joqogħdu l‑ġenituri tagħha. Wara t‑tieġ, il‑koppja telqet Ġinevra fuq dgħajsa, bit‑tir li jqattgħu il‑lejl fil‑belt ta’ Evian. Waslu hemm f’xi t‑tmienja ta’ filgħaxija. Qabel ma marru fil‑lukanda, għamlu passiġġata matul ix‑xmara, imma l‑kliem tal‑mostru kien għadu f’moħħ Victor.
“Se nkun miegħek il‑lejla tat‑tieġ.”
Meta azzettaw fil‑kamra tagħhom fil‑lukanda, Victor tant kien aġitat li ħass li kellu bilfors, l‑ewwel u qabel kollox, isib fejn kien il‑mostru biex jeħles minnu, u ħareġ jiġri jfittxu. Beda jdur il‑kuruturi tal‑lukanda, kull kantuniera li jdur jistenna li jsibu ma’ wiċċu. Iżda f’daqqa waħda, sema’ lil Elizabeth twerżaq minn kamrithom.
Mar jiġri lura fil‑kamra, imma kien tard wisq. Martu kienet minxura fuq is‑sodda, bla ħajja, bil‑marki ta’ idejn il‑mostru madwar għonqha. U barra mit‑tieqa kien hemm il‑mostru, b’dik it‑tbissima kerha fuq wiċċu. Ipponta lejn il‑ġisem mejjet ta’ Elizabeth, u nfexx jidħaq.
Frankenstein ħataf il‑pistola, mar lejn it‑tieqa u spara, imma l‑mostru kien ħafif wisq, u qabeż fil‑lag. Bl‑isparatura nġabru ħafna nies fil‑kurutur u mbagħad fil‑kamra. Frankenstein ipponta lejn il‑lag, u f’qasir żmien inġabru gruppi ta’ rġiel u ħarġu fil‑lag fuq id‑dgħajjes. Kien kollu għalfejn. Il‑mostru ma nstab imkien. Ġew lura b’idejhom vojta ftit siegħat wara.
Frankenstein intelaq fis‑sodda b’deni qawwi, għejja u disprament. Ma setax ineħħi minn rasu l‑ġrajjiet terribbli li kien għadda minnhom: il‑mewt ta’ William, l‑eżekuzzjoni ta’ Justine, il‑qtil ta’ Henry, u issa martu. L‑idea li missieru u Ernest setgħu kienu fil‑periklu wkoll ma setax jiflaħ għaliha. Tkexkex, u qatagħha li jieħu r‑riedni f’idejh.
Mar minnufih lura Ġinevra. Il‑mewt ta’ Elizabeth tat f’qalbu missieru tant li miet bi qsim ta’ qalb ftit jiem wara, f’idejn Victor.
B’disprament, Victor ried ifassal pjan biex jibqa’ jfittex lill‑mostru sakemm joqtlu. Qabel ma telaq minn Ġinevra mar iżur l‑oqbra tal‑maħbubin tiegħu fiċ‑ċimiterju: William, Elizabeth u missieru. Kien qed jidlam hekk kif intefa’ għarkopptejh quddiem l‑oqbra, u talab b’vuċi għolja għall‑għajnuna biex joqtol lil dak il‑misħut għafrid.
Bħallikieku bi tweġiba għat‑talb tiegħu, f’dak il‑kwiet faqqgħet daħqa qawwija. U l‑mostru tkellem. “Issa jien sodisfatt, Frankenstein; issa li qiegħed narak imbikkem u miżerabbli.” B’dan il‑kliem, għeb fid‑dalma tal‑lejl.
Victor qatta’ xhur sħaħ ifittxu, u jmur kull fejn in‑nies kienu jsemmu li deher jiġġerra l‑mostru, iżda b’xi mod jew ieħor, qatt ma rnexxielu jilħqu. Beda jsegwi l‑mixi tiegħu tul ix‑xmajjar u madwar il‑kosta tal‑Mediterran.
Minn pajjiż għal ieħor, il‑mostru dejjem baqa’ ġurnata ’l quddiem, l‑ewwel fuq l‑art, u mbagħad qasmu l‑Baħar l‑Iswed sakemm waslu fl‑artijiet tat‑Tartarija u d‑deżerti tar‑Russja. U kull darba, il‑mostru kien jiskarta l‑inħawi ffullati.
Kull darba li Victor kien jitilfu, il‑mostru b’xi mod jew ieħor kien iħallilu xi ħjiel biex ikompli jfittxu. Kien qiegħed jieħu pjaċir jittorturah b’dan il‑mod. L‑uniku ħin li Victor kien qed isib ftit paċi kien waqt l‑irqad. Iżda kull meta jisbaħ, l‑ewwel ħaġa li kienet tiġih f’rasi kienet li jsib lill‑mostru, u din ħeġġitu biex ma jaqtax qalbu u jkompli jistinka.
Lejl minnhom, Victor sema’ vuċi tkellmu. “Issa ejja warajja fis‑silġ u l‑kesħa qalila tat‑Tramuntana. Hemmhekk se jkollok ħafna żmien ta’ turment qabel ma nkun sodisfatt li batejt biżżejjed, ja għadu tiegħi.”
U Victor baqa’ sejjer sal‑Pol tat‑Tramuntana. Meta l‑kesħa tant kienet qalila li bilkemm seta’ jissaportiha aktar, lemaħ dabra sewda fil‑bogħod. Fl‑aħħar seta’ jarah! Beda jiġri lejh, imma hekk kif kien kważi laħqu, qamet bufura riħ qawwija, il‑mewġ fil‑baħar għola għal fuq l‑art u s‑silġ taħt saqajh inqasam. Victor baqa’ waħdu wieqaf fuq biċċa silġ ċatta fuq wiċċ l‑ilma, imdawwar bil‑baħar.
Għaddew ħafna siegħat terribbli qabel mas‑silġ laħaq l‑art, imma Victor issa kien għajjien wisq biex ikompli. Ħsiebu kien f’William, f’Elizabeth, f’Henry, f’Justine u f’missieru. Beda jaħseb dwar ħajtu u kif kien ħela l‑għerf u l‑ħiliet tiegħu. Saħħtu bdiet tmajna. Għajjien mejjet, intelaq mimdud fuq is‑silġ, u għalaq għajnejh.
L‑għada, malli l‑mostru ntebaħ li Victor ma baqax jiġri warajh, dar lura biex ifittex lill‑ħallieq tiegħu. Kważi tbikkem malli ra l‑ġisem ta’ Victor, mejjet iffriżat kważi midfun għal kollox taħt is‑silġ.
“Aħfirli, Frankenstein. Qridtlek kull ħaġa li kellek għażiża. Imma jien ukoll batejt ħafna u għaddejt minn ħafna miżerja. Żgur li ma temminnix meta ngħid dan, imma jien qatt ma ridt noqtolhom. Issa wasalna fl‑aħħar. Inti l‑aħħar vittma tiegħi.” Waqt li kien qed ilissen dan, baqa’ b’rasu baxxuta f’sinjal ta’ mistħija u dispjaċir.
“Għalfejn Felix keċċieni mid‑dwejra? Għaliex il‑bidwi sparali wara li salvajtlu lil bintu? Għalhekk qtilt lin‑nies twajba u lill‑batuti? U issa inti mejjet ukoll, Frankenstein. X’baqa’ aktar għalija, għar il‑mewt?”
Il‑mostru dar u għeb fid‑dalma tal‑lejl.
TMIEM
Alpi: Ringiela ta’ muntanji għoljin bejn tmien pajjiżi Ewropej: Monako, Franza, l‑Iżvizzera, L‑Italja, Il‑Liechtenstein, il‑Ġermanja, l‑Awstrija u s‑Slovenja [Lura]
Glaċiera: Blokka kbira ta’ silġ li l‑ħin kollu tiċċaqlaq taħt il‑piż tagħha stess. [Lura]
Maġistrat: Avukat maħtur biex jisma’ l‑kważi fil‑qorti. [Lura]
Mortwarju: Most fejn jinżammu l‑iġsma tal‑mejtin qabel ma jindifnu. [Lura]
Pied: Kejl Ingliż għat‑tul − madwar 30.48 ċentimetru. [Lura]
Skarlatina: Marda li tittieħed u li kienet fatali fis‑Sekli Tmintax u Dsatax. Illum il‑ġurnata jikkontrollawha bl‑antibijotiċi. [Lura]
Valanga: Meta ħafna silġ, jew taħlita ta’ ħamrija u ġebel, jiżżerżqu b’qawwa kbira mal‑ġenb ta’ muntanja jew irdum. [Lura]