Kitba ta’
Jules Verne
(Franċiż, 1828-1905)
Madwar 3,900 kelma
Ġeneri
Esplorazzjoni
Fantaxjenza
Kapitli
1 Il-Baliena l-Kbira
2 In-Nautilus
3 L-Ewwel Ġimgħat tagħna taħt il-Baħar
4 Il-Lanez ta’ Papwa
5 Id-Deheb ta’ Nemo
6 Lejn l-Antartiku
7 Addijo lin-Nautilus
Noti
Adattament għall-Malti ta’ Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-provi:
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
Aktar tagħrif f'
Sagħtar
Ħarġa numru 371 (Ottubru 2022)
Għal xi żmien, fis‑sena 1866, kull xini li kien jidħol lura mill‑baħar kien jidħol fil‑port bl‑istess storja: “Baliena kbira, twila madwar mitt metru, resqet lejn ix‑xini tagħna,” kienu jgħidu l‑baħrin.
“Ma jistax ikun li kienet baliena,” kienu jgħidu x‑xjentisti. “L‑ikbar baliena li teżisti tista’ tikber l‑aktar sa sebgħa u għoxrin metru biss. Forsi kienet xi tip ta’ korall.”
“Imma l‑koralli ma jixħtux l‑ilma ħamsin metru fil‑għoli,” kienu jwieġbu l‑baħrin. “Dan l‑annimal jista’ jagħmel hekk.”
Darba l‑fenomenu lemħuh xi baħrin fuq xini fl‑ibħra tal‑Awstralja. Tlitt ijiem wara, deher xi seba’ mitt lega ’l bogħod, fl‑Oċean Paċifiku.
Ix‑xjentisti komplew jiddiskutu, “Ma jistax ikun li baliena tgħum seba’ mitt lega fi tlitt ijiem. X’aktarx huwa xi sottomarin.”
Bilfors kellu jkun pajjiż sinjur ħafna biex jibni sottomarin. Madankollu kull pajjiż ċaħad li kellu sottomarini fil‑flotta tiegħu.
Darb’oħra, xini Ingliż, bl‑isem ta’ Scotia, kien qed ibaħħar fl‑Atlantiku meta beda dieħel l‑ilma minn xi mkien. Iċ‑ċorma għarblet sew l‑irkejjen kollha tax‑xini, u sabet li kien hemm toqba kbira fil‑qiegħ. “Ma nistax nifhem minn fejn ġiet din it‑toqba,” qal il‑Kaptan. “Jista’ jkun li kienet il‑baliena?”
Naturalment għal xjentist bħali dawn l‑istejjer kienu tassew interessanti. Fl‑1867 tlaqt minn pajjiżi, Franza, għal New York, biex niltaqa’ ma’ xjentisti oħra ħalli niddiskutu l‑fenomenu. Hemmhekk laqgħuni xi ġurnalisti.
Wieħed minnhom staqsieni, “Sur Aronnax, il‑ktieb tiegħek dwar l‑annimali tal‑baħar huwa famuż ħafna. X’tista’ tgħidilna dwar din il‑baliena misterjuża?”
“Il‑baħar huwa kbir immens,” weġibt jien, “u fih eluf ta’ speċi ta’ annimali. Ix‑xjenza ma tafx kollox dwar dawn il‑ħlejjaq. Nafu li hemm balieni żgħar li għandhom qarn twil bħal lanza fuq geddumhom. Jista’ jkun li din il‑baliena l‑kbira għandha wieħed ukoll u li huwa b’saħħtu biżżejjed biex jagħmel toqba fil‑parti tal‑qiegħ ta’ xini.”
Ġimgħa wara rċevejt ittra:
Qegħdin nassumu li smajt l‑aħbarijiet dwar il‑baliena l‑kbira. Nibżgħu li xi darba se tispiċċa biex toqtol lil xi nies. Għalhekk iddeċidejna li nsibuha biex noqtluha. Qed nitolbuk tiġi magħna biex insibuha. Qed nistennewk fuq ix‑xini tagħna, l‑Abraham Lincoln.
Jiena kelli kurżità kbira dwar din il‑baliena, għalhekk mort fis fuq l‑Abraham Lincoln mal‑apprentist tiegħi, Conseil, li kien mill‑Belġju.
Minn New York baħħarna ’l isfel tul il‑kosta Atlantika tal‑Amerka ta’ Fuq u l‑Amerka t’Isfel sakemm dorna lejn l‑Oċean Paċifiku. Għal ġimgħa wara ġimgħa, lejl u nhar, qgħadna niflu sew l‑ibħra ta’ madwarna, imma l‑baliena ma dehritx.
Raġel wieħed biss, miċ‑ċorma kollha, ma qagħadx jifli l‑baħar magħna. Kien jismu Ned Land. Kien Kanadiż, u kien raġel mibni u b’saħħtu. Kellu madwar erbgħin sena, u kien kaċċatur tal‑balieni.
“Qatt m’intom se ssibuha din il‑baliena. F’Mejju dehret viċin il‑Ġappun. Issa qegħdin f’Lulju. Alla biss jaf fejn tista’ tkun illum. Fil‑Mediterran? Fl‑Artiku? Min jaf?”
Domna nfittxuha ħames xhur sħaħ, u fl‑aħħar il‑baħrin bdew jaqtgħu qalbhom u bdew jgħidu li Ned kellu raġun. Bosta kienu fuq ix‑xwiek biex jerġgħu lura darhom.
Imma ġurnata minnhom, f’daqqa waħda, Ned beda jgħajjat, “Hemm hi! Nista’ naraha minn hawn!”
Tassew, l‑annimal kien miexi b’għaġla kbira fl‑ilma, u kien riesaq lejna.
“Jaqblilna nitilqu minn hawn,” qal il‑Kaptan. “Ma rridx li jkolli toqba fl‑Abraham Lincoln!”
Imma x‑xini tagħna ma setax jiġri aktar mill‑baliena. Bqajna nħarsu lejha tersaq lejna mingħajr ma stajna nagħmlu xejn. “Se tolqotna!” għajjat wieħed mill‑baħrin. Iżda ma laqtitniex. Minflok għaddiet minn taħtna.
Għamilna jum sħiħ niġru warajha.
Xi baħrin bdew jgħidu, “Qatt m’aħna se noqtluha. Qed tilgħab bina!”
Matul il‑lejl il‑baliena baqgħet wieqfa. Ned ħaseb li forsi kienet rieqda, u għalhekk ersaqna aktar qrib mingħajr storbju xejn.
F’daqqa waħda l‑ilma spara fil‑għoli minn fuq dahar il‑baliena u niżel fuqna. Mument wara sibt ruħi fl‑ilma!
Jien m’iniex xi żagħżugħ u ma nafx ngħum. Bdejt nieżel taħt l‑ilma. Imma f’daqqa waħda ħassejt id soda fuq dahri. Ħarist warajja u sibt lil Conseil.
“Conseil!” għidtlu mistagħġeb, “Dan kif spiċċajna fl‑ilma?”
“Int waqajt fl‑ilma, u jien ridt nibqa’ miegħek!” weġibni pront pront. “Imma hemm xi problema fuq l‑Abraham Lincoln, u ma jistgħux iduru biex jiġbruna. Naħseb l‑aħjar nibqgħu ngħumu u nistennew sakemm jisbaħ.”
Imma jien ma stajtx nistenna sakemm jisbaħ. Diġà ma kontx qed inħoss saqajja. “Mur int, Conseil. Ħallini hawn. M’hemmx tama għalija. Inti kapaċi ssib dgħajs...” u ħalqi mtela bl‑ilma u għajnejja ngħalqu...
... U reġgħu nfetħu ftit mumenti wara. Issa kien hemm Ned Land magħna. U ħassejtni stramb.
“X’qed jiġri? Hawn m’aħniex qed ngħumu. X’qed jiġri?”
“Qegħdin fuq dahar il‑baliena,” qabeż Ned. U beda jitbissem. “Imma mhix baliena!”
Ħarist sew taħt saqajja, u tassew kif qal Ned, konna fuq wiċċ metalliku. Konna fuq sottomarin!
“Jien u int waqajna fil‑baħar fl‑istess ħin, Sur Aronnax,” kompla jgħidli Ned. “Jien sibt ruħi hawn u ftit wara lmaħtkom fl‑ilma u ġbidtkom hawn fuq. Għalissa m’aħniex f’periklu, imma dan is‑sottomarin jista’ jfettillu jogħdos fil‑qiegħ, u x’jiġri minna mbagħad?”
Kien f’dak il‑waqt li s‑sottomarin beda jiċċaqlaq. “Isa!” qbiżt jien. “Agħmlu ħafna storbju. Ibdew ħabbtu b’idejkom kemm tifilħu!”
Infetħet bieba f’wiċċ is‑sottomarin, u ħarġu tmint irġiel. Ġegħluna nidħlu magħhom fis‑sottomarin.
Staqsejniehom fejn konna u fejn kienu se jeħduna, imma ħadd minnhom ma wieġeb. Daħħluna f’kamra mudlama. L‑irġiel telqu u għalqu l‑bieb warajhom. Ned ipprova jiftaħ il‑bieb imma sabu msakkar. “Mhux se naħarbu minn hawn!” lissen. “Dawk żgur se joqtluna!”
Bqajna nistennew f’dak id‑dlam għal żmien twil. F’daqqa waħda xi ħadd xegħel id‑dawl, u raġel daħal fil‑kamra. Kien jidher li kellu bejn il‑ħamsa u tletin u l‑erbgħin sena. Kellu għajnejn suwed u ħarsa serja.
Kellimtu bil‑Franċiż. Tajtu isimna u tlabtu għal xi ikel. Qagħad jismagħni bil‑kwiet, imma ma tniffisx.
“Ma naħsibx li jifhem bil‑Franċiż,” għidt fl‑aħħar. “Ned, ipprova int, forsi jifhem l‑Ingliż.”
Ned kellmu bl‑Ingliż. Imbagħad Conseil ipprova bil‑Ġermaniż. Iżda kien għalxejn.
“Issa x’se nagħmlu?” staqsejt jien. Hekk kif ir‑raġel baqa’ ma tniffisx, dar u ħareġ u għalaq il‑bieb warajh.
U rġajna stennejna. Ned beda jirrabja. In‑nies ta’ ġos‑sottomarin ma kinux qed jogħġbuh, u ma kienx iħobb jistenna. “Se nipprova naħrab minn hawn,” qal fl‑aħħar.
Ned stenna sakemm raġel daħal fil‑kamra. Ned qabeż fuqu u beda jagħtih fuq wiċċu. Jien u Conseil ippruvajna nwaqqfuh, imma Ned kien b’saħħtu wisq għalina t‑tnejn. F’daqqa waħda, ir‑raġel li kien ġie jżurna qabel reġa’ tfaċċa.
“Ieqaf, Sur Land,” għajjat, bi Franċiż perfett. “Jekk jogħġobkom isimgħuni sew, it‑tlieta li intom. Jiena jisimni l‑Kaptan Nemo, u qegħdin abbord is‑sottomarin tiegħi, in‑Nautilus.
“Meta ppruvajtu tkellmuni l‑ewwel ma weġibtkomx, u nitlobkom tiskużawni. Imma l‑biċċa hi li intom problema għalija. X’naqbad nagħmel bikom? Jien u niesi biħsiebna li ma mmorru lura qatt lejn pajjiżna, u nibqgħu ngħixu abbord in‑Nautilus. Jekk tridu tistgħu tibqgħu magħna, imma qatt ma tistgħu tmorru lura darkom. Ma rridux li d‑dinja tkun taf bina.”
“X’qed tgħid?” lissint jien. “Aħna rridu mmorru lura pajjiżna.”
“Tistgħu tmorru issa stess jekk tridu, imma se tkun diffiċli għax m’għandkomx dgħajsa. Qegħdin taħt il‑baħar u ’l bogħod wisq mill‑art. Ibqgħu magħna u tkunu tistgħu taraw ħafna għeġubijiet. Imma qatt ma tistgħu tmorru lura darkom.”
Naturalment bqajna.
Nies il‑Kaptan urewna l‑kmamar il‑ġodda tagħna, u wara kilt mal‑Kaptan.
“L‑ikel kollu tagħna ġej mill‑baħar,” qalli, “u huwa dejjem tajjeb u bnin. Ħwejjiġna – dak li nilbsu, iż‑żraben, is‑sodod – kollox nagħmlu mill‑annimali tal‑baħar. Jien inħobbu ħafna l‑baħar. Hu huwa l‑uniku ħabib tagħna. Il‑popli li jgħixu fuq l‑art ma jistgħux joħolqulna problemi hawn isfel.
Imma mhux sew li toqgħod tisma’ lili nipprietka l‑ħin kollu. Ejja u ara s‑sottomarin tiegħi.”
L‑ewwel dħalna f’kamra li kienet miżgħuda b’eluf ta’ kotba. “Qrajt ħafna mill‑kotba tiegħek dwar l‑annimali, Sur Aronnax,” qalli l‑Kaptan. “Tikteb tajjeb ħafna, imma ż‑żmien li se tqatta’ fuq in‑Nautilus se jgħallmek ħafna aktar affarijiet ġodda. Is‑sottomarin huwa dar tajba ħafna għax‑xjentist.”
Żort il‑kmamar kollha li kien hemm fin‑Nautilus, li kien l‑ewwel u l‑uniku sottomarin fid‑dinja. Kien il‑Kaptan Nemo stess li ddisinjah u bnieh, u kellimni dwar il‑problemi u l‑isfidi li kien hemm biex tibni, tħaddem u tieħu ħsieb sottomarin. Il‑Kaptan kien xjentist bravu ħafna, u bniedem tassew interessanti.
Aktar tard Ned u Conseil saqsewni dwar il‑Kaptan. Min kien? X’nazzjonalità kien? Għalfejn kien għażel li jibqa’ ’l bogħod mill‑folla u jgħix taħt il‑baħar? Imma jien ma kontx naf xi nwieġeb.
F’daqqa waħda nxtegħlu d‑dwal fuq barra s‑sottomarin, u ma bqajniex nitkellmu dwar il‑Kaptan. Stajna naraw il‑baħar mimli ħut ta’ kull sura, daqs u lewn. Tul il‑lejl kollu ma qlajniex għajnejna mill‑baħar. Il‑Kaptan kellu raġun: is‑sottomarin kien dar ideali għax‑xjentist.
Il‑ftit ġimgħat li gerbu wara dan kienu kwieti imma interessanti. Ġeneralment is‑sottomarin kien jibqa’ madwar mitt metru taħt wiċċ l‑ilma. Imma kull filgħodu konna nitilgħu fil‑wiċċ għall‑arja, u jien u sħabi konna noqogħdu nħarsu lejn l‑ibħra tal‑Paċifiku.
Lill‑Kaptan ma konniex narawh ta’ spiss. Imma jien u Conseil konna nedhew fil‑kotba u fix‑xenarju ta’ taħt il‑baħar. Ned biss kien imdejjaq. Hu ma kienx xjentist, u kien jiddejjaq jaqra. U ma kienx jieħu pjaċir jiekol ħut biss kuljum.
Darba l‑Kaptan qalilna, “Hemm ħafna speċi differenti ta’ annimali qalb is‑siġar ta’ Crespo. U ħafna minnhom huma tajbin ħafna għall‑ikel. Tridu tiġu miegħi naqbdu xi ftit?”
“Siġar?” tennejt jien. “Qegħdin qrib xi art?”
“Le,” wieġeb il‑Kaptan. “Dawn is‑siġar qegħdin taħt il‑baħar.”
Ned ma riedx jiġi. Imma jien u Conseil ilbisna għall‑għadis, u ħriġna u mxejna fuq l‑art taħt il‑baħar flimkien mal‑Kaptan u niesu. Ma kienx diffiċli ħafna. Ġos‑sottomarin, l‑ilbies tal‑għadis kien kemxejn tqil, imma fil‑baħar kien ħafna eħfef. Kellna biss problema waħda. Għalkemm kont ħafna ħerqan li niddiskuti ma’ Conseil dwar dawk is‑siġar twal u l‑ħut meraviljuż li bdejna naraw, ma stajniex nisimgħu lil xulxin minn ġol‑elmu tal‑għadis.
Il‑Kaptan u niesu qatlu xi annimali kbar, u meta morna lura fis‑sottomarin, kellna ħafna ikel x’nieklu.
Wara xahrejn fuq in‑Nautilus wasalna fejn il‑kosta tal‑Awstralja. Il‑Kaptan Nemo xtaq jeħodna lejn l‑Asja, imma l‑ibħra li kellna quddiemna kienu diffiċli biex tinnaviga fihom. Is‑sikek tal‑korall mhumiex magħrufin biss għas‑sbuħija tagħhom, imma wkoll għax kienu perikolużi ħafna għax‑xwieni u vapuri li ta’ spiss kienu jinkaljaw hemmhekk. Kien hemm wisq baħħara mgħarrqin f’dawk l‑ilmijiet.
Bdejna mixjin bil‑mod, il‑ħin kollu b’għajnejna mberrqin biex nilmħu l‑koralli quddiemna. Għal żmien twil bqajna għaddejjin mingħajr problemi. F’daqqa waħda smajna ħoss kbir, u n‑Nautilus waqaf ħesrem.
“X’ġara?” saqsejt lill‑Kaptan.
“In‑Nautilus inkalja ma’ sikka. Ma jistax jiċċaqlaq,” wieġeb bil‑kalma kollha. “Imma mhix problema. Jekk nistennew ħamest ijiem il‑baħar stess iġorrna ’l barra minn hawn.”
Dan għaliex il‑marea kienet togħla u titbaxxa kuljum u kull xahar ukoll. Imma sewwa kien qed jaħseb il‑Kaptan, li dan kien se jiġri ftit ġranet oħra?
Ned ma riedx jistenna dak iż‑żmien kollu biex jara l‑Kaptan kellux raġun. “Nistgħu naħarbu minn fuq in‑Nautilus illum stess,” qalilna. “Il‑kosta mhix ’il bogħod ħafna. Ejjew nitilqu issa!”
“Le, Ned,” qbiżt jien fil‑pront. “Dik l‑art li qiegħda qrib hija tal‑Papwani. Dawk joqtlu lin‑nies li mhumiex minn pajjiżhom u jikluhom!”
Imma għal jiem sħaħ Ned baqa’ jħares imxennaq lejn dik il‑kosta sabiħa. “Forsi nistgħu naqbżu qabża u nsibu x’nieklu,” beda jgħid.
Iddeċidejna li nsaqsu lill‑Kaptan. “Dażgur li tistgħu tmorru,” weġibni bi tbissima, “tistgħu tmorru bid‑dgħajsa ż‑żgħira. Imma kunu ċerti li tiġu lura qabel ma jidlam.”
Għalhekk jien, Ned u Conseil morna fuq l‑art, u għal xi sigħat jiem m’għamilna xejn ħlief nieklu. Fuq is‑siġar kien hemm frott ta’ kull tip, kollu bnin. Jien u Conseil qgħadna nammiraw ukoll l‑annimali sbieħ li kien hemm. Ned ukoll beda jħares lejn l‑annimali, iżda f’moħħu kellu biss il‑ħsieb li jaqbad xi wieħed għall‑ikel! Ned kien żvelt, u f’kemm ili ngħidlek malajr kellna ħafna frott u annimali xi nsajru filgħaxija.
Waqt li konna qed ngħabbu kollox fuq id‑dgħajsa biex immorru lura fuq in‑Nautilus, Conseil għajjat għajta. Xi ħaġa kienet laqtitu f’rasu.
“Araw hemm!” qabeż Ned waqt li pponta lejn xi siġar. “Hemm xi nies hemm, armati b’lanez. Naħseb iridu jaqbduna!”
Jien u Conseil minnufih irkibna d‑dgħajsa, imma Ned ma riedx iħalli l‑ikel warajh, u waqt li pprova jitfa’ kollox fid‑dgħajsa, xita ta’ lanez bdiet nieżla madwarna. Ftit mumenti wara ħafna rġiel feġġew minn qalb is‑siġar, jiġru lejna. Ned qabeż bilġri fuq id‑dgħajsa u malajr warrabna minn mal‑kosta lejn in‑Nautilus. Billi ma kellhomx dgħajjes magħhom, il‑Papwani waqfu fil‑bajja.
L‑għada filgħodu, kien hemm ħafna aktar Papwani fil‑bajja, u din id‑darba kienu ġabu d‑dgħajjes magħhom. F’qasir żmien bdew resqin lejn in‑Nautilus.
“Issa għandna problema,” għidt lill‑Kaptan. “Illum il‑Papwani ma jistgħux jidħlu fin‑Nautilus għax il‑bibien magħluqin. Imma għada ma jkollniex iktar arja hawn ġew, u jkollna bilfors niftħu l‑bibien. X’se nagħmlu mbagħad?”
Il‑Kaptan ma deher inkwetat xejn. “Nistennew u naraw,” wieġeb.
Dak il‑lejl ma stajtx norqod, il‑ħin kollu nitqalleb f’soddti. Filgħodu stajna nisimgħu fuqna l‑passi tal‑Papwani li kienu qed jimxu fuq wiċċ in‑Nautilus. Konna diġà bdejna nbatu biex nieħdu n‑nifs, imma l‑bibien ħallejniehom magħluqin.
“Se nitilqu minn hawn waranofsinhar,” qalilna l‑Kaptan.
U tassew, waranofsinhar, wara ħamest ijiem weqfin inkaljati, ħassejna n‑Nautilus jiċċaqlaq. Il‑Kaptan ma kienx mar żmerċ żball. Il‑marea kienet għoliet, u s‑sottomarin issa kien inqala’ minn mas‑sikka. In‑Nautilus malajr tbiegħed minn mal‑kosta. Ittawwalna mit‑twieqi, u rajna li l‑Papwani, li ftit mumenti qabel kienu fuq in‑Nautilus, issa kienu kollha fil‑baħar. Ftaħna l‑bibien, u stajna nerġgħu nieħdu nifs.
Waqt li baħħarna l‑Oċean Indjan, il‑Golf Għarbi u l‑Baħar l‑Aħmar, Ned qatt ma waqaf jaħseb dwar kif stajna naħarbu minn fuq in‑Nautilus.
Ġurnata waħda staqsieni, “Fejn se mmorru issa?”
“Naħseb li se nerġgħu lura lejn il‑Golf Għarbi u mbagħad ninżlu tul il‑kosta tal‑Afrika,” weġibtu jien.
Imma fil‑fatt dan ma seħħx. Ftit jiem wara l‑Kaptan Nemo ħabbrilna li konna qed noqorbu l‑Baħar Mediterran.
Din ma fhimthiex, għax ma stajniex ngħaddu mill‑Baħar l‑Aħmar għall‑Mediterran permezz ta’ dgħajsa. Kif stajna naqsmu l‑Eġittu bin‑Nautilus?
Il‑Kaptan fis weġibni, “M’aħniex se naqsmu l‑Eġittu,” qalli. “Se ngħaddu minn taħt. Teżisti mina taħt il‑baħar.”
Tard filgħaxija dakinhar fil‑fatt dħalna fil‑mina. Kienet tassew mudlama, u kemxejn dejqa biex jgħaddi n‑Nautilus minn ġo fiha. Iżda l‑Kaptan kien navigatur liema bħalu, u bla problemi ta’ xejn, fi ftit żmien, sibna ruħna fil‑Baħar Mediterran.
Hekk kif ħriġna mill‑mina qbadna r‑rotta lejn Kreta. Ftakart li kont qrajt ħafna stejjer fil‑gazzetti dwar Kreta: kif f’dak iż‑żmien il‑gżira kienet taħt idejn it‑Turkija imma ħafna mill‑Kretani riedu jkunu taħt gvern Grieg, u kif ħafna Kretani kienu mietu minħabba l‑ħruxija tat‑Torok.
Darba, minn ġol‑kabina tiegħi, ħarist ’il barra fl‑ilma, u lmaħt għaddas f’qiegħ il‑baħar. Skantajt għax f’dak il‑fond ma kienx liebes ilbies tal‑għadis. Mort niġri navża lill‑Kaptan biex imur xi ħadd jgħinu.
“Tinkwetax,” qalli l‑Kaptan. “Dak huwa Nikol, u huwa għaddas mill‑aqwa.”
Immaġinajt li Nikol kien xi ħabib tal‑Kaptan, iżda malajr waqaft naħseb fih hekk kif indunajt li l‑Kaptan kellu xi deheb f’idu – u kif ħarist warajh intbaħt li l‑mejda kollha kienet miksija bid‑deheb! Ma saqsejtux minn fejn kien ġab dak id‑deheb kollu.
Aktar tard dak il‑lejl bdejt nisma’ ħafna storbju tal‑baħrin qed jaħdmu. Xi wħud minnhom qabdu d‑dgħajsa ż‑żgħira u qadfu lejn il‑kosta u ġew lura ftit ħin wara. X’kienu qed jagħmlu? Kienu qed jgħabbu d‑deheb fuq id‑dgħajsa? Fejn kienu qed jeħduh? Kienu qed jagħtuh lill‑Kretani?
Ma rsaqniex lejn il‑kosta aktar wara dak, u tlitt ijiem wara wasalna fl‑Oċean Atlantiku. Ned kien irrabjat. Kien ippjana li jaħrab lejn xi pajjiż Ewropew, imma issa konna se nitbiegħdu mill‑Ewropa. Kellna l‑aħħar ċans waqt li konna telgħin tul il‑kosta ta’ Spanja u l‑Portugall.
“Se nittanta naħrab illejla,” qalli Ned. “Ġib lil Conseil miegħek ħdejn id‑dgħajsa fid‑disgħa.”
Jien kont bejn ħaltejn. Bħala xjentist tassew kont qed nieħu pjaċir fuq in‑Nautilus, imma mill‑banda l‑oħra xtaqt nerġa’ nkun nista’ nara lil Pariġi, u dan il‑waqt kien x’aktarx l‑uniku ċans li kellna li naħarbu.
“Kollox sew, nagħmlu hekk,” għidt lil Ned.
Lejn xi d‑disgħa, ħriġt mill‑kabina u bdejt miexi lejn id‑dgħajsa ż‑żgħira. Imma f’daqqa waħda ħassejt lin‑Nautilus jieqaf f’qiegħ il‑baħar u ftit wara lmaħt lill‑Kaptan riesaq lejja.
“Jidhirli li darba kont saqsejtni mistoqsija, Sur Aronnax,” qalli. “Ejja miegħi.”
Mort miegħu lejn waħda mit‑twieqi. Rajt il‑fdalijiet ta’ ħafna xwieni f’qiegħ il‑baħar. Ħafna mill‑baħrin tal‑Kaptan kienu barra, libsin l‑ilbies tal‑għadis, u kienu ġejjin u sejrin mix‑xwieni għas‑sottomarin. Osservajt li kienu qed iġorru d‑deheb.
“Dawn ix‑xwieni għerqu fl‑1702, kollha mgħobbijin b’deheb miġjub mill‑Amerka t’Isfel. Xi kultant niġu hawn biex nieħdu xi ftit mid‑deheb. Imma ma nżommuhx għalina. Madwar id‑dinja hemm ħafna popli li qed ibatu, u dan id‑deheb qed niġbruh għalihom.”
Minnufih ftakart f’dak li ġara fi Kreta, u fl‑aħħar lill‑Kaptan bdejt nifhmu.
Imma issa Ned kien irrabjat aktar minn qabel. “Fejn kont?” staqsieni bil‑korla. “Bqajna nistennewk u inti ma ġejt qatt!”
Ġimgħa wara konna ħafna legi ’l bogħod minn kull kosta.
“It‑toroq hawnhekk mhumiex tajbin ħafna, Sur Aronnax,” qalli l‑Kaptan. “Imma trid xorta waħda tiġi passiġġata miegħi?”
Ma fhimtx x’kien qiegħed jgħid il‑Kaptan. Toroq fil‑baħar? Imma l‑kurżità għelbitni, u lbist l‑ilbies tal‑għadis biex noħroġ miegħu.
Nemo beda jimxi mgħaġġel taħt il‑baħar. Ippruvajt inlaħħaq miegħu, imma kien diffiċli wisq. Għalkemm saqajja kienu qed imissu l‑art taħti, l‑art stess kienet qed tiċċaqlaq ma’ kull pass li kont qed nagħmel. Ma stajtx nifhem fejn kont qed inpoġġi saqajja.
Domna mixjin għal ftit minuti qabel ma ndunajt x’kien qiegħed jiġri. Konna qed nimxu fuq is‑soqfa ta’ xi bini: bini mgħarraq taħt il‑baħar! Kienu fdalijiet ta’ bini ferm antik. X’kien qiegħed jagħmel hawn taħt?
Ftit ftit l‑art bdiet togħla ’l fuq. F’ħin minnhom il‑Kaptan waqaf jimxi, u beda jħażżeż fir‑ramel taħt il‑baħar: “ATLANTIS”.
Atlantis! Kien hemm ħafna stejjer dwar belt mgħarrqa taħt il‑baħar, imma għal ħafna nies dawn kienu biss leġġendi. Ħarist ’l isfel, u tassew stajt nara li kien hemm belt sħiħa taħt il‑baħar. Għal żmien twil bqajt issummat, inħares madwari mistagħġeb. Kont wieħed mill‑ftit nies li kienu f’Atlantis wara mijiet ta’ snin. Bdejt inħares lejn kulma stajt nara bir‑reqqa. Din id‑dehra ridt niftakarha sew!
Wara ż‑żjara tagħna f’Atlantis in‑Nautilus baqa’ jbaħħar bla waqfien għal ħafna ġimgħat. F’dan iż‑żmien ix‑xemx fuq wiċċ l‑ilma kienet tisreġ. Iżda mbagħad l‑arja bdiet tiksaħ u bdejna nilmħu s‑silġ f’wiċċ l‑ilma. Konna wasalna fl‑ibħra tal‑Antartiku.
Erbat ijiem wara li lmaħna l‑ewwel silġ, in‑Nautilus waqaf. Konna mdawrin kompletament bis‑silġ.
“Ma nistgħu niċċaqilqu xejn.” Ned qal lili u lil Conseil, “Kif nistgħu neħilsu minn dan is‑silġ kollu?”
Il‑Kaptan ġie fuqna u qalilna li konna se nkunu l‑ewwel nies li qatt nilħqu l‑Pol tan‑Nofsinhar. Stajna nagħmlu dan għax kien hemm l‑ilma taħt is‑silġ, iżda l‑unika problema kienet li ma stajniex nitilgħu fil‑wiċċ għall‑arja.
In‑Nautilus beda nieżel aktar fil‑fond. Ġejna madwar tliet mitt metru ’l isfel taħt is‑silġ, u reġa’ kellna l‑ilma quddiemna minn fejn stajna ngħaddu. Bdejna resqin malajr lejn il‑Pol tan‑Nofsinhar. Wara ġurnata, konna madwar elf metru taħt is‑silġ... Imbagħad għoxrin... għaxra... ħamsa... u wara n‑Nautilus tfaċċa f’wiċċ il‑baħar. Konna wasalna fil‑Pol tan‑Nofsinhar!
Ma kenitx xi kesħa kbira – forsi madwar 30 grad ċentigradi. Bqajna hemm madwar tlitt ijiem, u stajna naraw gzuz ta’ annimali u ħut differenti. Wara dan, erġajna lura taħt il‑baħar.
Dak il‑lejl smajna ħoss kbir. Nemo spjegalna li s‑silġ kien iċċaqlaq f’daqqa waħda u li issa kellna problema. Konna taħt tletin metru ta’ silġ, imma kellna s‑silġ taħtna u fil‑ġnub ukoll. Konna qegħdin fi speċi ta’ mina. Kellna l‑ilma quddiemna, u ħsibna li stajna ngħaddu minnu u jwassalna għal wiċċ il‑baħar.
In‑Nautilus mexa malajr taħt il‑mina, imm’erġajna smajna ħoss kbir u ħassejna skoss qawwi. Issa kellna s‑silġ quddiemna wkoll. In‑Nautilus ittanta jimxi lura. Erġajna smajna l‑ħoss. Kellna silġ warajna wkoll – issa konna magħluqin minn kull naħa.
“Hawn aħna! Waslet tagħna!” qal Ned Land.
“Baqgħalna arja għal jumejn sħaħ,” lissen il‑Kaptan. “Ma nafx x’jista’ jiġri wara. Madankollu hemm għaxar metri biss ta’ silġ taħt in‑Nautilus; wara dak reġa’ hemm l‑ilma. Nistgħu nħaffru toqba fis‑silġ bil‑lanez u s‑skieken, u n‑Nautilus ikun jista’ jerġa’ joħroġ fil‑beraħ fl‑ilma.”
Ilbisna l‑ilbies tal‑għadis, ħriġna u bdejna nkissru s‑silġ bis‑skieken u l‑lanez. Imma kienet battikata kbira – b’dak ir‑ritmu konna se ndumu mill‑inqas ħamest ijiem biex inneħħu s‑silġ kollu. Imma ma kellniex ħamest ijiem...
Wara tlitt ijiem konna kollha għajjenin u bla saħħa għax ma kellniex ħafna iktar arja biex nieħdu n‑nifs. Iżda xorta waħda bqajna naħdmu. Il‑Kaptan ħadem magħna.
Mument minnhom tana l‑ordni. “Nerġgħu nidħlu fis‑sottomarin, kollha kemm aħna. Għad baqa’ biss żewġ metri ta’ silġ. Minn issa ’l quddiem in‑Nautilus jista’ jagħmel ix‑xogħol għalina.”
In‑Nautilus kien tqil u b’saħħtu. Beda jħabbat mas‑silġ bla waqfien. Is‑silġ beda jċedi, u f’daqqa waħda rġajna sibna ruħna fl‑ilma beraħ.
Imma xorta waħda konna għadna dgħajfin billi ma kienx għad hemm biżżejjed arja fis‑sottomarin. In‑Nautilus baqa’ miexi taħt is‑silġ. Bqajna nistennew bil‑ħerqa. Għajni bdiet tmur bija – jew kont qed immut?
F’daqqa kien hemm ħoss qawwi u għajnejja nfetħu beraħ.
“Erġajna qed naħbtu mas‑silġ,” qal Conseil. “Imma dan is‑silġ huwa rqiq. Naħseb did‑darba se jirnexxilna noħorġu.”
In‑Nautilus baqa’ jħabbat u jħabbat mas‑silġ. Bdew jidhru toqob żgħar u xquq fuq is‑silġ. F’daqqa waħda feġġet toqba kbira, u n‑Nautilus fis għadda minn ġo fiha. Fl‑aħħar konna ħriġna. Il‑periklu kien għadda. Stajna nieħdu nifs!
Wara l‑mawra tagħna fl‑Antartiku, lill‑Kaptan ma rajniehx ta’ spiss. In‑Nautilus baħħar maġenb il‑kosta tal‑Amerka t’Isfel u ta’ Fuq. Tul dan iż‑żmien kollu jien u sħabi bqajna nippjanaw biex naħarbu, imma kull darba kien hemm xi intopp: jew konna ’l bogħod wisq mill‑kosta jew il‑baħar kien diffiċli wisq biex tbaħħar fih.
Wara ftit żmien qsamna l‑Atlantiku u wasalna fl‑ibħra tal‑Ingilterra. F’daqqa waħda kien hemm ħoss qawwi ta’ splużjoni. Hekk kif ħarisna mit‑twieqi rajna xini madwar tliet legi ’l bogħod.
“Dak ix‑xini!” għajjat Ned. “Qed jispara fuqna!”
“Taf ta’ liema pajjiż hu?” saqsejt jien.
“Ma nistax nara sew,” wieġeb Ned.
Kien hemm ħoss qawwi ieħor. Ftit metri ’l bogħod min‑Nautilus l‑ilma għola mas‑smewwiet.
Il‑Kaptan tfaċċa, u kien tassew irrabjat. Lanqas biss ħares lejna. Ħares ’il barra lejn ix‑xini. “L‑ewwel tieħdu ’l pajjiżi u ’l familti, u issa tridu toqtluni wkoll? Imma tistgħu ssibuni taħt il‑baħar? Le! In‑Nautilus se jolqot ix‑xini tagħkom u joqtolkom kollha kemm intom!”
Ippruvajt nikkalma lill‑Kaptan, iżda ma tax kasi. In‑Nautilus baqa’ fil‑wiċċ u baħħar ’il bogħod mill‑kosta, u x‑xini rħielha warajna. Għalhekk in‑Nautilus għodos taħt il‑baħar. Għal ftit żmien kien hemm skiet perfett. U mbagħad bdejna mixjin bil‑għaġla. F’daqqa waħda x‑xini tfaċċa quddiemna, u n‑Nautilus baqa’ dieħel ġo fih.
Issa kien hemm toqba kbira fix‑xini. Beda jidħol ħafna ilma, u x‑xini beda jegħreq bil‑mod. Għexieren ta’ nies spiċċaw fl‑ilma. Il‑Kaptan rahom, imma ma għamel xejn biex imur jgħinhom. F’qasir żmien, kienu kollha mejta.
Bla kliem ta’ xejn, Nemo mar lura fil‑kabina tiegħu. Imxejt warajh u minn barra ħarist fil‑kabina. Rajtu mixħut mal‑art. F’idu kellu ritratt ta’ mara sabiħa u żewġt itfal. Kienu l‑familja tiegħu, kollha mejtin!
Wara dak il‑jum terribbli, tlajna mal‑kosta tal‑Ingilterra u n‑Norveġja, u dħalna fl‑ibħra tal‑Artiku. Għal ġimgħa sħiħa jien, Conseil u Ned la rajna lill‑Kaptan u lanqas lil niesu.
Ġurnata minnhom Ned resaq lejna. “Nista’ nara l‑kosta. Mhix qrib ħafna, imma ma niflaħx nibqa’ fuq in‑Nautilus iktar. Irrid immur id‑dar – jew hekk jew immut fil‑baħar!”
Jien ukoll xtaqt nitlaq minn ġos‑sottomarin. “Iva, Ned, nagħmlu hekk,” għidtlu. “Nitilqu llejla.”
“Se npoġġi xi ftit ikel bil‑lest ġod‑dgħajsa ż‑żgħira. Ejjew hemm fl‑għaxra,” qalilna.
Fl‑għaxra mort ħdejn id‑dgħajsa ż‑żgħira. Ned u Conseil kienu diġà qegħdin hemm jistennewni.
“Ejjew inniżżlu d‑dgħajsa fl‑ilma,” lissen Ned.
F’daqqa waħda bdejna nisimgħu l‑għagħa min‑nies ta’ Nemo. Għal mument ħsibna li kienu rawna se nippruvaw naħarbu.
“Il‑Maelstrom! Il‑Maelstrom!” bdew jgħajtu.
Din kienet problema kbira. Il‑baħħara kollha kienu jibżgħu mill‑Maelstrom. Xi ftit mill‑ibħra tal‑Artiku kellhom kurrent qawwi ħafna, u kien hemm post fejn dawn il‑kurrenti fil‑baħar kienu jiltaqgħu. F’dak il‑post kien hemm ħofra kbira bl‑ilma jdur madwarha, li kienet tiġbed kollox lejn qiegħ il‑baħar. L‑ebda xini jew baliena ma jistgħu jaħarbu minnha, lanqas li kieku jkunu għaxar legi ’l bogħod,. Il‑Maelstrom kien jibla’ kollox ’l isfel.
U issa l‑Maelstrom ried in‑Nautilus. Bqajna nħarsu mbellhin lejn dik il‑ħofra fl‑ilma quddiemna. “Se toqtolna kollha!” bdejna ngħidu.
Kien hemm ħoss, u d‑dgħajsa ż‑żgħira tagħna spiċċat fl‑ilma. Mingħajr ma qgħadt naħsibha darbtejn qbiżt dlonk warajha. Rasi spiċċat taħt l‑ilma, u għalaqt għajnejja...
***** ***** ***** *****
Erġajt ftaħt għajnejja. Ned u Conseil kienu hemm, ħdejja. Konna fid‑dar ta’ baħħar Norveġiż.
Kif konna spiċċajna hemm? Ħadd minna ma seta’ jiftakar. Imma rajt li issa, f’qasir żmien, stajna mmorru lura darna. M’għaddiex jum li ma tkellimniex dwar in‑Nautilus. Kellna mijiet ta’ mistoqsijiet xi nsaqsu, imma niddubita kemm kien se jirnexxilna nsibu tweġibiet għalihom.
Minn fejn kien ġie l‑Kaptan Nemo? Min kien qatel lill‑familja tiegħu? Irnexxielu jaħrab ma’ niesu mill‑Maelstrom? U jekk b’xi mod irnexxielu, issa fejn kien jinsab?
LEGA: Sistema antika li tkejjel id‑distanza. Lega kienet, bejn wieħed u ieħor, ftit inqas minn ħames kilometri. [Lura]