Kitba ta’ Joseph Ferriġġi
Madwar 1,800 kelma
Horizons (2018)
X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?
Din hija silta qasira mill-ktieb Ġisku miktub minn Joseph Ferriggi u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.
L‑ogħla forma ta’ intelliġenza umana hija li tkun kapaċi tħares lejk innifsek mingħajr ġudizzju.
JIDDU KRISHNAMURI
Saqajh ħasshom bla saħħa. Bilkemm felaħ jagħti pass ’il quddiem. Mhux talli kienu bla saħħa imma ħasshom imwaħħlin mal‑art ukoll. Mank waħda jew tnejn! Iva, l‑erbgħa li huma kienu f’dak l‑istat? Ħares ħarsa madwaru u ra ħafna pari għajnejn imsammrin fuqu. Ġisku ħassu jistħi. Tajba din! Pawlu daħħlu fil‑bitħa l‑kbira tar‑razzett u ħallieh hemm. Hekk, bla kliem u bla sliem! Kemm taptaplu tnejn fuq rasu u telqu hemm. Mank introduċieh mal‑oħrajn. ‘Issa kieku dawwarni naqra ma’ din l‑imbierka bitħa u laqqagħni ma’ xi ħadd ma kienx ikun aħjar għalija?’ ħaseb bejnu u bejn ruħu.
Il‑bitħa kienet waħda mdaqqsa mhux ħażin. Kien fiha madwar tliet kwarti ta’ tomna, u madwar żewġt iġnub minnhom kien hemm il‑kmamar fejn kien jistkenn u jistrieħ kulħadd. Xatba għolja ħames piedi kienet iddur maż‑żewġ naħat l‑oħra. Id‑dar ta’ Pawlu kienet ftit ’l hemm mill‑bitħa, maqtugħa għaliha waħidha u mdawra bi ġnien sabiħ. Kien ġnien mimli siġar kbar u li kienu jostru tliet ġnub tad‑dar kbira li kellu Pawlu. Kull min kien jittawwal lejn id‑dar ma kien jara xejn ħlief siġar imma tistgħu tibqgħu ċerti li min jittawwal ’il barra mit‑twieqi kien jirnexxilu jara kollox minn bejn il‑friegħi
Mill‑banda l‑oħra l‑kmamar u l‑bitħa ma kinux mistkenna mis‑siġar. Kienu mdawrin bl‑għelieqi ta’ Pawlu. Kellu mal‑għoxrin tomna raba’ saqwi, u mill‑prodott tagħhom kienu jgħixu Pawlu u l‑familja tiegħu. Il‑bhejjem kienu d‑delizzju ta’ Pawlu u minnhom kont issib ħafna fir‑razzett kbir li kellu. Kien iħobbhom wisq lill‑annimali li kien irabbi u għalkemm kellu ħafna għelieqi x’jieħu ħsieb xorta waħda kien ta’ kuljum iqatta’ xi ħin mal‑annimali li kien irabbi. Kien jieħu madwar siegħa u nofs kuljum jagħlifhom, inaddafhom u jitkellem magħhom. Ma kellux xi annimal partikolari bħala l‑favorit tiegħu. Però l‑kelb kien dejjem jiġri miegħu, imur fejn imur. Kien prattikament id‑dell tiegħu. L‑uniċi ħinijiet li ma kienx ikun ma’ Pawlu kien waqt il‑lejl u meta Pawlu kien ikun il‑knisja. Mill‑bqija, kull fejn imur kont tarahom flimkien, wieħed iżomm kumpanija lill‑ieħor
Kien hemm skiet perfett. Ġisku beda jħoss lilu nnifsu qisu passatur b’dawk l‑għajnejn kollha jħarsu lejh. Kien jirnexxilek tisma’ labra taqa’, imma Ġisku kien ċert mija fil‑mija li f’dak il‑waqt ħafna mill‑ għajnejn kienu qegħdin jgħidu ħafna xorti fuqu. U kien ċert fuq li ċert, għax widintu bdiet tieklu, u kien mejjet biex jogħrok waħda rasu mat‑tiben li kien hemm fir‑rokna, imma ħass li ma kienx il‑waqt. Biex inkunu għedna kollox, kien hemm xi erba’ dubbiniet qegħdin iduru madwar il‑bitħa u tnejn minnhom iddeċidew li jmorru jindagaw x’inhu għaddej mill‑garigori ta’ widnejh. U dak il‑ħin, Ġisku vera ħass ruħu magħkus bit‑toqol tal‑ħars ta’ kull par għajnejn li kien hemm f’dik il‑bitħa kbira
Għalkemm kellu rasu baxxuta, Ġisku xorta waħda seta’ josserva dak kollu li kien hemm madwaru. Waħda mit‑tiġieġ donnha għamlet pass ’il quddiem u baqgħet b’sieq waħda mgħollija nofs triq filwaqt li straħet fuq l‑oħra, donnha indeċiża jekk tkellmux jew le. Ruxxmata flieles żgħar kienu qed jiġru, imma ommhom malajr ġabrithom qaqoċċa madwarha. Minn ġo bieb nofsu miftuħ, bin‑nofs t’isfel magħluq, ħareġ rasu żiemel kbir u qagħad josserva.
“Issa ġejna sew!” qalet waħda mill‑papri lil dawk ta’ maġenbha. “Għandna ħmar magħna. Tajjeb ukoll!”
“U xi ħmar hu!” qalet papra oħra li kienet bilqiegħda. “Mela dak ħmar? Dak għadu felu!”
“Iss, ar’hemm ħej!” reġgħet irribattiet l‑ewwel papra. “Jekk mhux ħmar, felu. Mhux l‑istess ħaġa?”
“Le, ħija,” reġgħet bdiet tħaqqaq il‑papra l‑oħra. “Dak għadu mhux ħmar. Jekk joqgħod attent u jitgħallem sew kif għandu jimxi hawn ġew, ma jkunx ħmar bħall‑ħmir l‑oħra.”
Ġisku ħassu jitħawwad. Kien jaf li hu twieled fir‑razza tal‑ħmir. Kien jaf ukoll li kien ġej minn razza twila fejn kulħadd kien ħmar jew ħmara. Sa fejn jaf hu, kien sema’ sew lil ommu tgħid li huma t‑tnejn mill‑familja tal‑ħmir. Qatt ma qaltlu li hu felu. Kienet l‑ewwel darba li kellu kriżi f’moħħu u Ġisku ma ħax pjaċir biha. Kemm xtaq li ommu kienet hemm ħalli jkun jista’ jistaqsiha biex tgħinu jsolvi din it‑taħbila li kienet qed tinkwetah!
“Ma, fejn int?” ipprova jinħaq. Imma minn ħalqu ma ħareġ l‑ebda ħoss. Ġisku kellu aptit jgħajjat lil ommu, imma donnu l‑kliem ma setax joħroġ minn ħalqu. Snienu ħasshom imwaħħlin flimkien. Fejn qiegħda ommu? Għaliex neħħewh minn magħha? Meta ser jerġa’ jaraha?
“Kemm se nkunu marsusin!” newħet qattusa li kienet qiegħda tilgħaq ix‑xemx fuq iċ‑ċint. “Dan kien jonqos issa!”
Ġisku ħass id‑dmugħ fi xfar għajnejh. Issa aqwa! Mhux talli kienu diġà għaddew ġudizzju fuqu, meta bilkemm kien għadu daħal, imma donnhom kienu qed jarawh żejjed. Baxxa rasu sakemm geddumu kien kważi jmiss mal‑art, taparsi qed ifittex x’jiekol. Mingħajr ma ried, siequ l‑leminija għamlet pass ’il quddiem. Ftit ’il bogħod minn ħalqu kien hemm tuffieħa safra. Ġisku tħajjar imur għaliha biex ikun jista’ jnaqqar xi ħaġa. Kien kważi laħaqha meta din telqet tiġri ’l quddiem qisha rabbiet is‑saqajn. X’waħda din! Mela t‑tuffieħ ukoll qed jibża’ minni issa?
Ħoss kbir ta’ daħk u ħsejjes ta’ annimali laqgħu ’l widnejn Ġisku. Refa’ ħarstu ’l fuq u lemaħ tfajjel ta’ madwar tnax‑il sena fuq ċint milwi tnejn bid‑daħk. Kellu t‑tarf ta’ ħajta tax‑xlief f’idejh filwaqt li t‑tarf l‑ieħor kien marbut maz‑zokk tat‑tuffieħa. Kien tefagħha fil‑bitħa u qagħad jistenna l‑mument meta’ xi ħadd mill‑annimali jmur għaliha. U llum kellu jkun Ġisku li jispiċċa vittma ta’ waħda miċ‑ċajtiet favoriti li dak it‑tfajjel kien iħobb jagħmel mal‑annimali li kien irabbi Pawlu.
U ngħiduha kif inhi, mhux mal‑annimali biss kien iħobb jagħmel dan it‑tip ta’ ċajt. Anke ma’ ħuh u sħabu, u ġieli ma’ missieru u ommu wkoll. Imma kien jaf jieħu ċajta wkoll, għax mhux l‑ewwel darba li kien hu li spiċċa vittma ta’ xi praspura ta’ ħaddieħor. U Ġużeppi, għax hekk kien jismu dan it‑tfajjel, kien jitbissem u f’moħħu jibda jberren u jħammem kif kien ser jagħmel ċajta hu lil min kien daħak waħda sew minn fuq dahru.
It‑tuffieħa reġgħet sabet ruħha fl‑art ħdejn saqajn Ġisku. Hekk kien magħmul Ġużeppi. Jidħak waħda bik, imma qalbu jtihielek
“Hawn, ħa!” qallu Ġużeppi. “Kul, ħa tikber u tisbieħ. Jistħoqqlok teħodha għax bis‑saħħa tiegħek dħakt waħda sew.”
U ma’ dan il‑kliem, qabeż minn fuq iċ‑ċint u qasam il‑bitħa biex imur ħdejn Ġisku. Sadanittant, waħda mit‑tiġieġ laħqet marret qablu u bdiet tnaqqar it‑tuffieħa. Ġisku kien għadu ma baxxiex rasu għaliha. Ma kienx jaf jekk kellux jikolha jew le. Minn banda kellu l‑ġuħ u t‑tuffieħa kienet tidher waħda sabiħa. Ġisku kien iħobbu ħafna t‑tuffieħ speċjalment dak tal‑ qoxra safra. U din kienet imdaqqsa mhux ħażin. Imma mill‑banda l‑oħra donnu ma kienx jaf x’ser jaqbad jagħmel. Ma riedx illi dik it‑tuffieħa terġa’ taħrab u kulħadd jerġa’ jidħak bih
“Gerrex ’l hemm, ziz,” qal Ġużeppi lit‑tiġieġa filwaqt li tbaxxa biex jiġbor it‑tuffieħa. Ħadha f’idejh il‑leminija u ressaqha lejn ħalq Ġisku filwaqt li b’idejh ix‑xellugija mellislu wara widnejh. Ġisku ħa gost iħoss dik l‑id tmellsu. Ħa t‑tuffieħa f’ħalqu u beda jiekol.
“Għall‑inqas hawn xi ħadd li qed jagħti kasi,” ħaseb bejnu u bejn ruħu. Xtaq jibki bil‑ferħ li ħass u kompla jiekol.
L‑annimali l‑oħra komplew dak li kienu qed jagħmlu. Ġisku ħass moħħu jistrieħ meta ra li l‑għajnejn li kienu qed jifluh minn fuq s’isfel issa naqsu sew. Ġużeppi kompla jmellislu rasu sakemm induna li kien kiel it‑tuffieħa kollha.
“Kemm għadek ċkejken!” qal it‑tfajjel filwaqt li dawwar idejh ma’ għonq il‑felu u għannqu waħda. “U kemm int gustuż! Min jaf x’semmiek missieri? Issa malajr inkun naf għax nistaqsih.”
“Ġisku,” qal il‑felu waqt li kompla jomgħod l‑aħħar biċċiet tat‑tuffieħa. Dejjem hekk kien jismagħhom jgħajtulu, kemm ommu, kemm il‑bidwi li kien sid l‑istalla fejn twieled kif ukoll issa Pawlu.
“Nittama li ma jibdlulix ismi issa!” ħaseb bejnu u bejn ruħu. “Ġisku huwa isem li issa drajtu u jogħġobni wkoll.”
“Jien jisimni Ġużeppi,” qal dak it‑tfajjel ta’ jdejh ġentili. “Issa nsiru ħbieb sew u nibda nieħdok għal xi dawra. Jien inħobbhom ħafna l‑annimali imma miegħek ħadt grazzja l‑iktar. Issa nistaqsi lil missieri biex iħallini nieħu ħsiebek. Se nħallik, ħalli mmur inkompli dak li suppost kelli nagħmel.”
U ma’ dan il‑kliem Ġużeppi mellislu rasu, dar lejn ix‑xatba u telaq ’l hemm. Ġisku baqa’ jħares lejh u bil‑mod mexa warajh. Ġużeppi fetaħ ix‑xatba u kif kien ser jagħlaqha jsib lil Ġisku eżattament warajh.
“Mhux illum, ċkejken,” qallu, filwaqt li mellislu rasu. “Issa nidraw ftit lil xulxin imbagħad nibda noħorġok u tara kemm nieħdu gost.”
Tbissimlu u telaq isaffar lejn id‑dar. Ġisku baqa’ jħares lejh minn wara x‑xatba. Kien ħa grazzja ma’ dak it‑tfajjel u xtaq li baqa’ miegħu. Imma issa telaq u reġa’ sab ruħu waħdu. Min jaf meta jerġa’ jiġi? Jekk jiġi! Forsi jerġa’ jġiblu xi tuffieħa, ħaseb bejnu u bejn ruħu. Basta jżommha f’idejh għax inkella malajr titlaq tiġri. Kien ser idur biex jibda jifli l‑bitħa sew meta sema’ leħen ħlejju u ġentili.
“Donnok ħadt grazzja ma’ Ġużeppi. M’intix l‑uniku wieħed. Kollha nħobbuh hawnhekk. U hu jħobbna lkoll. Bilkemm ma ngħidlekx li jħobbna iktar milli jħobbna Pawlu.”
Ġisku dar, u quddiemu lemaħ baqra kbira ħafna. Ġisku donnu staħa u baxxa għajnejh. Għalkemm ħassu jinġibed lejn dak il‑leħen, xorta waħda ħassu mistħi u lanqas felaħ jitkellem.
“Jien jisimni Ambrosia imma kulħadd isejjaħli Brożi,” qaltlu hi filwaqt li ressqet imneħirha lejn għonqu. “U inti x’jismek, Sinjur żgħir?” staqsietu hi filwaqt li l‑qanpiena li kellha mdendla m’għonqha ċemplet nota żgħira meta niżżlet rasha bil‑mod.
“J‑j‑jisimni Ġ‑Ġ‑Ġisku,” temtem filwaqt li ħares lejn Brożi b’għajnejh nofshom baxxuti. “Ġabuni hawn, imma ma naf lil ħadd. Aħjar għadni m’ommi r‑razzett l‑ieħor.” Ġisku kellu d‑dmugħ fi xfar għajnejh, u Brożi indunat. B’ħalqha missitlu bejn għajnejh.
“Iss’ejja fl‑istalla miegħi għal dan il‑lejl,” qaltlu Brożi. “Post fejn torqod għandi kemm trid għax kamarti kbira ħafna. U t‑tiben huwa komdu. Imm’ iss’ ejja ħalli ndawrek xi ftit mal‑bitħa tagħna u nlaqqgħek mal‑ħbieb il‑ġodda tiegħek.”
“Ma tantx jidhru li jixtiequ jkunu ħbieb tiegħi, Sinjura Brożi,” kompla Ġisku. “Għax mill‑ewwel bdew jgħaddu kummenti fuqi. Saħansitra daħku bija. Lanqas li jafuni, għax bilkemm ilni hawn siegħa!”
“Ġużeppi wkoll daħak waħda bik, mhux hekk?” staqsietu Brożi, “imma xorta ħadt grazzja miegħu.”
Ġisku ma tkellimx. Kien jaf li Brożi kellha raġun. Beda miexi maġenbha filwaqt li t‑tnejn bdew resqin lejn il‑papri.
“Issa tara kif malajr tagħmel ħbieb ma’ kulħadd,” qaltlu Brożi. “Għalkemm daħku bik, mhumiex mill‑ agħar ta! Kulħadd għandu s‑sabiħ u l‑ikrah tiegħu. Ġieli kien hawn argumenti bejnietna imma dejjem solvejniehom. U mumenti sbieħ u ta’ ferħ kellna wkoll.”
“Bonġu, Kejla,” qalet Brożi waqt li sellmet b’rasha lil waħda mill‑papri li kienet bilqiegħda fuq numru sabiħ ta’ bajd li kienu qegħdin ġo maxtura mimlija tiben.
“Bonġu, Brożi. Kmieni bakkart illum!” qalet Kejla filwaqt li qamet biex tmattar ġwenħajha. “Mhux soltu tiegħek li toħroġ kmieni daqshekk, għalkemm diġà qabżu d‑disgħa. Irmazzajt hawn bilqiegħda l‑ħin kollu.”
“X’tagħmel, hux?” qaltilha Brożi waqt li tbissmet. “Il‑frieħ iridu ħafna paċenzja, għalkemm kapaċi jtuk mumenti li ma tinsiehom qatt. Għandna ħabib ġdid magħna llum. Dan hu Ġisku. Mid‑dehra diġà għamel ħbieb sew ma’ Ġużeppi.”
Kejla sellmet lil Ġisku filwaqt li reġgħet poġġiet fuq il‑maxtura tagħha ħalli tkompli ssaħħan il‑bajd. Ġisku sellmilha filwaqt li kompla miexi wara Brożi biex jiltaqa’ mal‑annimali l‑oħra. Naqra naqra Ġisku sar jaf lill‑annimali kollha tar‑razzett li kellu Pawlu. Kien hemm uħud li ferħu bih u kien hemm oħrajn li sempliċement sellmulu imma ma komplewx miegħu.