Kitba ta’ Joseph Ferriġġi
Madwar 1,800 kelma
Horizons (2020)

X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?

Din hija silta qasira mill-ktieb Ġisku: Ħbieb Ġodda miktub minn Joseph Ferriggi u ppubblikat minn


Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.

01
It‑talenti ta’ Żahrija

Il‑kburija hija marda spiritwali li tifga l‑imħabba, il‑kuntentizza u saħansitra s‑sens komun.
C.S . LEWIS

Kull filgħodu, wara li Grillu jkun qajjem lil kulħadd mal‑ewwel raġġi tax‑xemx, kont tara ħafna mill‑annimali sejrin ibillu griżmejhom mill‑banju tal‑ilma. Oħrajn kienu joħorġu mill‑istalla u jieqfu jħarsu madwarhom kuntenti b’dak li qed jaraw, filwaqt li xi wħud kienu jgħarrxu l‑art biex jaraw jekk hemmx xi ħaġa tajba xi jnaqqru. Għalkemm ix‑xena kienet ta’ kuljum l‑istess, xorta waħda kienu jħarsu lejn kull jum minn lenti differenti.

Ġurnata fost l‑oħrajn, waqt li kienu għad‑dell tal‑ħarruba, Ġisku qal lil Martina li qatt ma kien ra sbieħ il‑jum l‑istess bħall‑ieħor għax il‑pittur tas‑sema dejjem żejjen kull jum b’ilwien, dija u tajjar differenti. Ir‑riħ ukoll qatt ma nefaħ l‑istess.

“Bħalma wara kollox anke aħna kollha differenti, Ġisk,” qaltlu Martina. “U dak huwa li jagħmilna sbieħ. Id‑diversità tagħna hija importanti biex aħna nsiru ħlejjaq edukati u mimlijin talenti. Kollha kemm aħna nitgħallmu minn xulxin jekk nisimgħu u nosservaw iktar lil xulxin mingħajr ma noħorġu saqajna minn ġol‑friex biex nimpressjonaw.”

“Jien qatt ma kelli friex,” semgħu leħen aħrax ġej minn fuq rashom. “Weraq biss ikolli fuq rasi. Ir‑rix tiegħi biżżejjed imma.”

“Ċillaaaaa,” naħaq Ġisku b’wiċċu mixgħul bi tbissima xħin ra liċ‑ċawla fuq waħda mill‑friegħi tal‑ħarruba. “Mela qiegħda hemm fuq mistoħbija qalb il‑friegħi tissindika x’qed nagħmlu u ngħidu, ja xifajka!”

“Jien ma nissindikax,” irrispondietu Ċilla filwaqt li fetħet ġwinħajha u taret għal fuq ix‑xatba ħdejhom. “Jien nosserva dak li jiġri madwari ħalli nitgħallem, u dak li nosserva nżommu f’qalbi u naħseb fuqu.”

“Ma tistax tagħmel aħjar minn hekk,” naħaq Ġisku filwaqt li baxxa rasu biex jieħu ftit ħaxix li kien jikber maġenb ix‑xatba. “Niddejjaq ħafna meta nisma’ lil xi ħadd jgħid affarijiet li jkun għamel ħaddieħor. U normalment dejjem iżejnuhom xi ftit sakemm l‑istorja oriġinali tkun inbidlet ta’ taħt fuq. U miskin il‑vittma!”

Għaddew ftit mumenti ta’ skiet fejn Ġisku baqa’ jnaqqar ftit ħaxix filwaqt li Martina qagħdet tnaddaf u tilgħaq lilha nnifisha. Ċilla baqgħet kwieta sakemm kompliet, “Jien ma nħobbx ngħid fuq ħaddieħor għax meta tgħid fuq ħaddieħor tkun qed tirripeti xi ħaġa li diġà taf, filwaqt li meta titkellem hemm ċans ikbar li tgħid xi ħaġa li ma tantx tkun pożittiva. U jien, jekk inkun ser ngħid xi ħaġa li mhix tajba, ma nħobbx ngħidha. Nitkellem biss biex nagħti xi pariri fejn nista’ nkun ta’ ġid jew inkella jekk ser inkun ser ngħid xi ħaġa tajba fuq ħaddieħor.”

Għalkemm Martina kienet għadha qed tinħasel u tilgħaq lilha nnifisha, xorta waħda kienet qed tisma’ b’attenzjoni kbira. Kienet tieħu gost titgħallem mingħand min hu ikbar minnha. Ma’ Ġisku kienet tmur tajjeb ħafna għax kien umli u paċenzjuż. Issa kienu ilhom jafu lil xulxin għal żmien twil u kienu saru ħbieb kbar. Kemm‑il darba Ġużeppi kien iħalli lil Martina fl‑istalla ma’ Ġisku, speċjalment fil‑ġranet li kien ikun jitgħallem. Biż‑żmien għamlet ħbieb ma’ kulħadd, għalkemm it‑tiġieġ u l‑fniek xorta kienu jibżgħu minnha. Anki Grillu kien iħares lejha b’mod suspettuż, u kull meta kienet tkun fil‑qrib kien itir għal fuq l‑ogħla fergħa li kellha l‑ħarruba. Hemmhekk kien ċert li la Ġuża u wisq inqas Martina ma kienu ser jagħmlulu ħsara.

“Dak għalfejn Grillu dejjem itir ’il fuq kull meta jara lili?” staqsiet Martina.

“Naħseb li Grillu jibża’ minnek,” naħaq Ġisku. “Allura jitla’ hemm fuq biex jevita l‑periklu u jkun jista’ jarak il‑ħin kollu.”

“Ikolli ngħid li Grillu jitla’ hemm fuq biex jiffanfra,” newħet Żahrija filwaqt li tfaċċat minn wara l‑ħajt tas‑sejjieħ. “Hemmhekk hu jara ’l kulħadd. Imma ibqgħu ċerti li jidden kemm jiflaħ biex jarah kulħadd. Serduk hu! Xejn differenti minn Werżieq, is‑serduq li kellna qabel. Kollha jiffanfraw.”

“Kemm għandu xortih tajba li jaf itir!” qalet Martina. “Sabiħ li wieħed itir. Tista’ ttir biex tevita l‑periklu u tista’ ttir ukoll biex tħossok liberu minn kull xkiel.”

“Jien ma naqbilx,” newħet Żahrija. “Jekk ittir, malajr jarak xi kaċċatur u jniżżlek. Int x’taħseb, Ċilla?”

“M’hawn xejn isbaħ milli ttir,” qalet Ċilla. “Meta ttir ma tħossx irbit jew xkiel. Ifisser ukoll li qed tilħaq l‑għanijiet tiegħek, jew ħlist lilek innifsek minn xi saram. L‑ajkla ssostni li meta wieħed itir ifisser li jkollu kontroll fuq ħajtu. Jien dejjem ħsibt illi meta xi ħadd ikun kapaċi jtir ifisser li qed jara l‑ħajja minn lenti differenti. Veru li aħna l‑għasafar kollha għandna par ġwienaħ, imma nħoss li meta l‑bniedem joħlom, ikun kapaċi jtir iktar ’il fuq minn kull għasfur.”

“Buqq! Ma fhimt xejn,” newħet Żahrija.

“U mela int qatt tifhem f’xi ħaġa!” idden Grillu li kien qed jisma’ kollox minn fuq il‑ħarruba. “Taf fiex tifhem int?... Int tifhem biss fil‑lagħqiżmu u fiċ‑ċerimonji, għax ħlief tilgħaq lilek innifsek u tiddandan jew tippoppa sidrek u tgħolli denbek ma tagħmilx.”

“Skużi, ta,” newħet Żahrija, “jien mhux niddellek jew nilgħaq lili nnifsi nkun imma ninħasel. U li wieħed jinħasel u jieħu ħsieb tiegħu nnifsu huwa valur bżonnjuż ħafna.”

Grillu tant infexx jidħak li kważi waqa’ minn fuq il‑fergħa. Xħin ikkalma, reġa’ idden, “Jekk trid tinħasel aħjar tasal wasla sal‑banju u tieħu għawma; malajr titnaddaf mill‑għanqbut li hemm fil‑kurituri ta’ moħħok.”

Kulħadd tbissem jew daħak, imma Żahrija baqgħet serja.

“Nagħmillek imħatra li jien aħjar minnek f’kollox,” newħet b’mod imqit u kburi.

Id‑daħka ta’ Grillu reġgħet dwiet mal‑bitħa. Din id‑darba ftit kienu dawk li tbissmu għax issa l‑annimali kollha kienu fuq ix‑xwiek biex jaraw kif kienet ser tispiċċa. Naqra naqra, l‑annimali tar‑razzett, barra l‑fniek, bdew jinġabru qaqoċċa madwarhom għax il‑kelma bdiet tiġri dwar il‑kwistjoni li kien hemm bejn Grillu u Żahrija. Kelma ġġib lill‑oħra, u l‑argument malajr kiber. Il‑qiegħa tant saħnet illi Grillu spiċċa tar minn fuq il‑ħarruba u niżel ħdejn Żahrija. Ir‑rabja ġo fih kienet tant kbira li spiċċat ħonqot il‑biża’ li kellu minn Martina, u lanqas ta kas li kienet warajh.

“Urini fiex taħseb li aħjar minni!” idden Grillu filwaqt li ppoppa sidru u ferfer l‑għalla meta sema’ lil Żahrija tgħidlu li hi għandha talenti li hu lanqas biss joħlom bihom.

“Nixtieq nisfidak tagħmel xi ħaġa li jien biss kapaċi nagħmel,” newħet Żahrija. “Imma rrid inkun ġusta fl‑isfida. Tridx intellqu sabiex naraw min minna huwa kapaċi jasal l‑ewwel fil‑quċċata tal‑ħarruba?”

Veru li Żahrija kienet qattusa kburija u tiffanfra biha nnifisha, imma kienet makakka u taf tosserva wkoll. Kienet intebħet li biex jitla’ sa fuq l‑ogħla fergħa tal‑ħarruba, is‑serduk kellu jaqbeż minn fuq waħda għal oħra għax kien ibati biex itir. Imma Grillu ma kienx xi ċuċ lanqas. Kien jaf x’nuqqasijiet u x’kapaċitajiet kellu. Mill‑ewwel fehem x’kien il‑ħsieb ta’ Żahrija.

“Mela le!” beda jqaqi bi tbissima mqarba. “Anzi, jekk trid inkabbru l‑isfida biex tkompli ma’ tiegħek. Jekk trid, mhux nitilgħu biss imma ninżlu wkoll. Jirbaħ min imiss l‑ewwel mal‑art.

Qalb Żahrija għamlet tikk. Indunat illi għalkemm fit‑tlugħ kienet eħfef minnu, fl‑inżul Grillu kien kapaċi ħafna. Imma billi kienet hi li ħarġet bl‑isfida ma xtaqitx tmur lura minn kellmitha quddiem sħabha.

Il‑ħarruba kienet għolja mhux ħażin. Kienet ’il fuq minn żewġ sulari u nofs, u kellha ’l fuq minn mitt sena. Rat ħafna staġuni ma’ wiċċha u kieku kellha tirrakkonta l‑istejjer kollha li kienet rat naħseb li kienet iddum iktar minn mitt sena oħra. Imma ma tkellmitx u qagħdet hemm siekta, tistenna li żżid l‑isfida bejn Grillu u Żahrija mal‑istejjer li rat.

Malajr ftiehmu r‑regoli tal‑isfida, u biex jaraw li kulħadd jimxi magħhom kif suppost, ħatru lil Ċilla u lil Ġisku. Iċ‑ċawla kellha toqgħod fuq l‑ogħla fergħa biex tkun ċerta li t‑tnejn li huma jkunu missewha, filwaqt li l‑ħmar kellu jibqa’ isfel biex jara min minnhom ikun l‑ewwel li jpoġġi saqajh mal‑art.

Mas‑sinjal, li kellu jkun it‑tneqniqa ta’ Ringu, Grillu u Żahrija telqu b’ġirja waħda lejn il‑ħarruba. It‑tnejn kienu ħfief u waslu flimkien ħdejha, imma meta ġew biex jitilgħu magħha kienet storja oħra. Żahrija użat id‑dwiefer u malajr fetħet distakk qawwi bejnha u bejn Grillu li kellu jaqbeż minn fergħa għal oħra. F’kemm trodd salib, Żahrija kienet waslet sal‑quċċata

filwaqt li Grillu kien għadu bilkemm wasal nofs triq. Żahrija sellmet lil Ċilla wara li misset il‑fergħa, imteddet fuqha u bdiet tinbex lis‑serduk.

“Ejja minn hemm, ’qas nofs triq għadek ma wasalt! Naħseb li nilħaq nieħu nagħsa sakemm tasal. Ħa ħa ħaj!”

Grillu ma tkellimx imma baqa’ jaqbeż minn fergħa għal oħra. Naqra naqra beda jasal lejn il‑fergħa tal‑quċċata. Żahrija bdiet taħseb biex tibda tinżel ’l isfel, imma hawn beda l‑bużillis. Għaliha kien faċli li titla’ ’l fuq, imma billi l‑ħarruba kienet wieqfa u dritta ma kienx faċli għaliha li tinżel ’l isfel. Ippruvat ħafna drabi imma bdiet tara kollox jitbandal.

Hekk kif Grillu poġġa saqajh fuq il‑fergħa, beda jidden, “Hawn jien! Wasalt!” Ħares lejn Żahrija u qalilha, “Prosit talli wasalt qabli s’hawn fuq, Żahrija, u grazzi talli stennejtni, imma t‑tiġrija sal‑barkun. Ħa nħallik ħa nfittex nasal isfel. Saħħiet. Insellimlek, Ċilla!”

Kif qal hekk, fetaħ il‑ġwienaħ u malajr tar għal isfel, imma Żahrija kienet għadha hemm fuq imqabbda mal‑fergħa l‑għolja tal‑ħarruba. Hekk kif saqajn Grillu missew mal‑art qam storbju sħiħ minn sħabu l‑annimali. Min ineqneq, min jinħaq, min iħamħam, min iqaqi u mitt elf leħen ieħor. Kollha bdew jifirħu bi Grillu qisu rebaħ rebħa li fid‑dinja qatt ma kien hawn bħalha.

Dak il‑ħin kien għaddej Mattew. Waqaf iħares b’għaġeb kbir meta ra lill‑annimali kollha miġbura qaqoċċa madwar il‑ħarruba. Imma leħen Żahrija kien qawwi iktar, u Mattew ħares ’il fuq. Malajr fehem x’kien ġara u mar jiġri jgħid lil Pawlu. Ftit tal‑ħin wara, missieru flimkien ma’ Ġużeppi kienu hemm. Ippruvaw kemm setgħu biex jgħinuha tinżel imma lanqas meta Pawlu ġieb l‑itwal sellum ma rnexxielu. Fl‑aħħar Mattew kellu jċempel lil tal‑protezzjoni ċivili sabiex jiġu jniżżluha bis‑sellum tal‑fire engine u Żahrija sabet ruħha mill‑ġdid fil‑bitħa.

L‑annimali kollha kienu miġbura madwar il‑banju. Magħhom kien hemm Ċilla, u għal darba kien hemm ukoll Grillu f’nofshom jieħu gost bit‑tifħir flok mar jistaħba. B’denbha bejn saqajha Żahrija ppruvat tbewweġ ’l hemm inkiss inkiss, imma Ringu induna biha u sejħilha. Ingħaqdet magħhom imneżżgħa mill‑kburija tagħha.

Ċilla u xi żewġ annimali oħra taw ħarsa ġenwina ta’ ħbiberija lejn Żahrija, filwaqt li Ringu kompla jneqneq, “L‑aħwa, mill‑ġrajja li għaddejna minnha llum huwa tajjeb li nieħdu tagħlima. Qatt tiffanfra u qatt tagħmel imħatri għax toħroġ dejjem tellief. U ftakru li min jogħla ħafna jieħu sabta kbira, u mhux dejjem inkunu kapaċi noħorġu minnha mingħajr sogru għal ħajjitna. Issa li ġara ġara. L‑importanti huwa li Żahrija tibqa’ waħda minna qisu qatt ma ġara xejn.”

Is‑skiet li nfirex madwar il‑bitħa kien miksur biss miż‑żiffa li kienet qed tilgħab dawra durella mal‑friegħi tal‑ħarruba. Ġisku ħares lejn Xaruwn u Martina. B’ħarsa waħda donnhom ftiehmu biex imorru lejn l‑istalla ta’ Xaruwn. Ftit tal‑ħin wara, Grillu biss kien għadu f’nofs il‑bitħa jgawdi l‑mument tar‑rebħa fuq il‑frak tal‑kburija li tħalltu mal‑ħamrija ta’ taħt il‑ħarruba.

***** ***** stat_3 ***** *****