1: Hagen u l‑Grifuni

Sajf minnhom, Sigeband, ir‑re tal‑Irlanda, organizza festin fil‑bitħa tal‑kastell tiegħu għal bosta mistednin. Hagen, ibnu ta’ seba’ snin, kien bilqiegħda maġenbu ħdejn il‑mejda tal‑ikel. Kollox kien sejjer tajjeb sakemm f’daqqa waħda tfaċċa grifun nieżel lejhom mis‑sema.

Tant niżel fuqhom bil‑ħeffa, li ħadd ma kellu ċ‑ċans jaħtaf ix‑xabla tiegħu biex jiddefendu ruħhom. F’ħakka t’għajn, it‑tajra ħatfet lill‑prinċep minn ħwejġu u taret ‘il fuq bih. Is‑suldati ta’ Sigeband bdew jisparaw il‑vleġeġ lejh, imma l‑grifun għola ‘l fuq fis‑sema tant li l‑ebda vleġġa ma setgħet tilħqu.

Il‑grifun baqa’ jtir għal ħafna żmien, minn fuq l‑għelieqi u minn fuq il‑baħar, sakemm fl‑aħħar wasal fuq gżira u fl‑irdumijiet fejn kien hemm moħbija l‑bejta bil‑frieħ tiegħu. L‑għajjat iddisprat tat‑tifel ma għamel l‑ebda effett, la fuq il‑grifun u lanqas fuq il‑frieħ tiegħu. Il‑grifun telaq lil Hagen għal ġol‑bejta, u wieħed mill‑grifuni ż‑żgħar għamel għalih minnufih.

Reġa’ ħataf lit‑tifel, u tar bih lejn il‑fergħa ta’ siġra fil‑qrib, ħalli jżomm il‑priża għalih u ma jaqsamhiex mal‑oħrajn fil‑bejta. Iżda ġara li l‑fergħa li għażel kienet dgħajfa wisq biex iżżomm it‑toqol tiegħu u tat‑tifel, u malli l‑grifun ittanta jistrieħ fuqha, din inqasmet mill‑ewwel. Minħabba l‑iskoss, il‑grifun telaq lil Hagen, u t‑tifel baqa’ nieżel ’l isfel qalb il‑ħaxix.

B’xorti tajba t‑tifel ma korriex, u bla telf ta’ żmien mar ifittex fejn jinħeba taħt il‑ħaxix u s‑siġar tal‑foresta. F’ħin minnhom lemaħ il‑fetħa ta’ għar, u ħaseb li hemmhekk il‑grifuni ma setgħux jilħquh. Għalhekk daħal ġewwa. Baqa’ mistagħġeb malli ntebaħ li fil‑għar kien hemm tlitt ibniet żgħar li kienu ħarbu minn taħt idejn il‑grifuni. Għalkemm ma kinux fil‑periklu ġewwa l‑għar, ma kellhomx il‑kuraġġ joħorġu minn hemm ġew minħabba l‑grifuni.

F’kemm ilna ngħidu t‑tfal saru ħbieb, u għalkemm Hagen kien għadu tifel żgħir, malajr sar il‑protettur tal‑bniet. Għamel qaws żgħir u ftit vleġeġ biex ikun jista’ jikkaċċja malajr tgħallem jaqbad xi annimali għall‑ikel. Madankollu, kull darba li kien joħroġ mill‑għar kien joqgħod attent li ma jħallix lill‑grifuni jarawh waqt li kienu jittajru fil‑għoli fuqu.

Hagen u l‑bniet draw xulxin u kienu kuntenti flimkien. Madankollu kienu wkoll ħerqanin biex xi ħadd isibhom u jsalvahom. Gerbu s‑snin u t‑tfal kibru f’żgħażagħ b’saħħithom, iżda ħadd ma ġie jeħlishom mill‑flaġell tal‑grifuni. B’qalb maqtugħa kellhom aċċettaw li dak l‑għar u dik il‑gżira minsija kienu se jkunu il‑ħabs għalihom.

***** ***** stat_3 ***** *****

2: Hagen jeqred lill‑Grifuni

Għodwa waħda, waqt li Hagen kien miexi tul il‑bajja, lemaħ mixħut fuq ir‑ramel il‑ġisem mejjet ta’ suldat, li x’aktarx kien għereq fil‑baħar u l‑mewġ kien kaxkru sa fuq l‑art. Is‑suldat kien liebes armatura sħiħa.

Minnufih ġiet f’rasu l‑idea li kieku kellu jilbes dik l‑armatura u juża dawk l‑armi, kien ikun jista’ jeqred darba għal dejjem lill‑grifuni li kienu qed iżommu lilu u lil ħbiebu t‑tfajliet moħbijin fil‑għar. Għaldaqstant libes l‑elmu u l‑armatura tal‑kavallier il‑mejjet, dendel ix‑xabla ma’ ġenbu u reħielha jfittex lill‑grifuni li kienu żammew lilu u lil ħbiebu priġunieri għal daqstant żmien.

Bl‑ikbar kuraġġ, beda tiela’ l‑wiċċ tal‑irdum fejn kien hemm il‑bejta tal‑grifuni, sakemm fl‑aħħar wasal fil‑quċċata. Malli lemħuh, it‑tjur bdew iwerżqu u jduru madwaru. Ħesrem, it‑tlieta għamlu għalih fl‑istess ħin, u ttantaw joqtluh b’munqarhom u jew jegħlbuh bit‑taħbit qawwi ta’ ġwenħajhom.

Iżda Hagen kien b’saħħtu u b’ħila liema bħalha rnexxielu joqtol lil kull grifun, wieħed wara l‑ieħor. Issa, Hagen u t‑tfajliet kienu ħielsa li jitilqu mill‑għar u jsibu triqithom lura lejn djarhom.

F’qasir żmien resaq xini lejn il‑gżira, u l‑erba’ żgħażagħ kienu ħerqanin biex jitilqu minn hemm. B’xorti ħażina għal Hagen, il‑kaptan tax‑xini nzerta kien il‑Konti Garadie, li kien l‑akbar għadu ta’ missieru. Garadie minnufih għaraf lil Hagen, u ordna lis‑suldati tiegħu biex jaħtfuh bħala priġunier.

Tul iż‑żmien li kien għamel fil‑gżira, jiġġerra biex isib l‑ikel għalih u għal ħbiebu u jara kif jiskarta lill‑grifuni, Hagen kien rabba saħħa liema bħalha, u ma damx wisq biex issara ma’ dawk li ppruvaw jaqbduh u xeħithom kollha fil‑baħar wieħed wara l‑ieħor. Malli raw dan, il‑bqija taċ‑ċorma baqgħu lura u ma ppruvawx jerfgħu idhom fuqu. Il‑Konti Garadie waqqafhom, u wiegħed lil Hagen li kien se jieħu lilu u lit‑tfajliet lura f’pajjiżhom.

U kien hekk li sa fl‑aħħar Hagen reġa’ lura xi ħdan il‑poplu tiegħu, Madankollu, sar jaf li sakemm kien nieqes, missieru kien miet, u issa hu kien ir‑re tal‑pajjiż. Iżżewweġ lil waħda mit‑tfajliet li kienu għexu miegħu fil‑gżira tal‑grifuni, u dlonk kellhom tarbija li semmewha Hilde. Hagen ma basarx li maż‑żmien, dik it‑tifla kienet se ġġiblu tant għawġ u inkwiet.

***** ***** stat_3 ***** *****

3: Il‑Ħtif ta’ Hilde

Hilde kibret u saret tfajla sabiħa, tant li kienu ħafna dawk il‑ġuvintur li talbuha tiżżewwiġhom. Iżda Hagen kienu iħobb lil bintu wisq, u ma ridhiex titlaq. Għaldaqstant ħatar li kull ġuvni li xtaq jitlobha tiżżewġu kellu l‑ewwel jirbaħlu fi dwell. Kulħadd kien jaf bil‑ħila u s‑saħħa li kellu Hagen, għalhekk ħadd ma kellu l‑kuraġġ jisfidah.

L‑għajdut dwar is‑sbuħija ta’ Hilde malajr xterrdu mal‑pajjiż kollu, u fl‑aħħar waslu f’widnejn Hettel, ir‑re tal‑Hegeling li kienu jgħixu fit‑Tramuntana tal‑Ġermanja. Aktar ma beda jisma’ dwarha, aktar bdiet tikber fih il‑kilba biex jiżżewwiġha. Iżda kif seta’ jagħmel dan jekk Hagen kien bejniethom? Tliet kavallieri li kienu jaħdmu għal Hettel xtaqu jgħinu lill‑maħbub re tagħhom, u bdew jikkonfoffaw biex isibu mezz li jaħtfu lil Hilde għalih.

Dlonk, Hat, Horant u Frute telqu għall‑missjoni tagħhom libsin bħala negozjanti. Damu ħafna ġimgħat jivvjaġġaw, sakemm fl‑aħħar waslu fil‑port ta’ pajjiż Hagen. Hemmhekk, bdew jagħmlu negozju man‑nies tal‑post.

Bdew ibiegħu l‑affarijiet tant bl‑irħis, li kullħadd beda jitkellem dwarhom, u l‑popolarità tagħhom waslet sal‑palazz tar‑re. F’qasir żmien, Hagen stedinhom fil‑palazz. Hagen staqsiehom minn fejn kienu ġejjin, u qalulu li kienu kummidjanti mkeċċijin mill‑kastell ta’ Hettel. Billi Wat inzerta akrobata tajjeb ħafna, kien faċli għalihom li jikkonvinċu lil Hagen li kienu qegħdin jgħidu l‑verità. B’dan il‑mod, Hagen beda jafdahom.

Darba minnhom stiednu li Hilde titla’ abbord ix‑xini tagħhom biex juruha ftit mill‑merkanzija li kellhom. Malli telgħet fuq ix‑xini, sakkruha f’kabina u salpaw ’il barra mill‑port. Malli sar jaf x’kien ġara, l‑għadab ta’ Hagen kien bla tarf.

Sadanittant, ix‑xini tal‑kavallieri, b’Hilde priġuniera, kien fi triqtu lejn il‑Ġermanja. Hemmhekk, Hettel laqagħhom bi ħġaru, u malli Hilde rat lir‑re tal‑poplu tal‑Hegeling, saret tħobbu minnufih.

***** ***** stat_3 ***** *****

4: Il‑Ġlieda bejn Hagen u Hettel

Madankollu, għalkemm Hettel u Hilde kienu saru jinħabbu, Hegel xorta waħda kien irrabjat, u kien diġà fi triqtu lejn il‑Ġermanja tat‑Tramuntana bi flotta xwieni armati sa snienhom.

F’qasir żmien, Hettel u Hilde żżewġu, u Hettel spjegalha l‑pjan tiegħu. Kien jaqbel li jbaħħru minnufih ħalli hu ma jiġix wiċċ imb wiċċ ma’ missierha, għallinqas għax ftit żmien sakemm l‑affarijiet jikkalmaw. Hilde qablet miegħu, iżda sakemm niżlu l‑port biex ilestu għall‑vjaġġ, lemħu l‑flotta tax‑xwieni ta’ Hagen fuq ix‑xefaq.

Il‑mirkeb ta’ Hagen kien l‑ewwel wieħed li laħaq ix‑xatt, u minnufih Hagen qabeż fl‑ilma u beda miexi lejn l‑art. Vleġeġ bdew jaqgħu madwaru bħall‑borra, iżda huwa baqa’ riesaq mingħajr ma waqaf darba. Hettel resaq ’il quddiem biex jiffaċċjah, u għal xi minuti, dewa biss fl‑arja l‑ħsejjes tax‑xwabel tagħhom, hekk kif bdew jitqabdu bl‑akbar ħruxija. Is‑suldati fuq iż‑żewġ naħat waqfu jħarsu lejhom. Kien jidher sew li t‑tnejn kienu tajbin fil‑ġlied, u t‑tnejn kienu qed isibuha iebsa jegħlbu wieħed lill‑ieħor.

Iżda fl‑aħħar, Hagen sab ix‑xoqqa f’moxtha u fajjar daqqa lil Hettel li sabbtitu mal‑art. Malli rat dan Hilde werżqet u marret maġenb żewġha, li kien għadu stendut mal‑art. Kien f’dak il‑mument li Hagen intebaħ li bintu kienet saret tħobb lil dak il‑ġellied qalbieni. B’xorti tajba, Hettel ma korriex gravi, u wara ftit żmien sakemm fieq mill‑feriti tiegħu, Hagen tahom il‑barka tiegħu.

Għaddew is‑snin u Hettel u Hilde kellhom żewġt itfal, tifel li semmew Ortwine u tifla li tawha l‑isem ta’ Gudrun. Ortwine ħa ħsiebu wieħed mill‑ifirsa tal‑armata ta’ Hagen, waqt li Hilde ħadet ħsieb l‑edukazzjoni ta’ Gudrun, u għallmitha kif iġġib ruħha man‑nies li kienu jgħixu fil‑kastell.

Maż‑żmien it‑tfal kibru u Gudrun saret tfajla sabiħa li ħafna ġuvintur xtaqu jiżżewġu. Kienet miġbuda lejn iż‑żagħżugħ Herwig, mill‑pajjiż ta’ Zealand, iżda missierha kien tal‑fehma li kienet għadha żgħira wisq biex tiżżewweġ. Lil Herwig ma kinitx togħġbu din l‑idea, u wara li qagħad jaħsibha qatigħ, ħa deċiżjoni. “Se narmaw ruħna,” qal lis‑suldati tiegħu. “Se mmorru niġġieldu kontra Hettel u Hegeling!”

***** ***** stat_3 ***** *****

5: Il‑Mewt ta’ re

F’qasir żmien Herwig ħabat għar‑renju ta’ Hettel, u saret battalja tal‑biża’. Waqt it‑taqbid, Hettel u Herwig ġew wiċċ imb wiċċ. Sadanittant, Gudrun kienet qegħda tara kollox minn fuq it‑torri tal‑kastell ta’ missierha.

Waqt il‑ġlied, Hettel intebaħ li l‑għadu tiegħu kien bniedem qalbieni u b’saħħtu, u beda jżomm lura biex ma joqtlux. U mill‑banda l‑oħra, Herwig intebaħ li ma kienx jaqbillu joqtol lil missier il‑mara li xtaq jiżżewweġ. Kienet il‑vuċi Gudrun, li dwiet minn fuq it‑torri titlobhom biex jieqfu mill‑ġlied, li ħasad liż‑żewġ għedewwa. Dlonk waqfu mill‑ġlied, telqu l‑armi tagħhom mal‑art, u għannqu lil xulxin.

Wara dan, Hettel wiegħed lil Herwig li kien se jagħtih permess jiżżewweġ lil Gudrun wara sena. Madankollu, wieħed miż‑żagħżagħ l‑oħrajn li xtaqu jiżżewġu lil Gudrun ħadha bi kbira meta sema’ din l‑aħbar. Dan kien Hartmut, li kien ġej min‑Normandija. Għaldaqstant qatagħha li jmur fil‑pajjiż ta’ Hettel u jonsob lil Gudrun biex jaħtaf lilha u lill‑qaddejja tagħha.

Malli ġara dan, l‑aħbar minnufih waslet f’widnejn Hettel u Herwig, u mingħajr telf ta’ żmien ġabru lis‑suldati tagħhom u ġrew wara n‑Normanni. Iżda malli waslu fil‑bajja, sabu li x‑xwieni tagħhom kienu diġà salpaw.

Għalhekk issa kellhom bżonn jiġbru l‑flotot tagħhom biex ikunu jistgħu ibaħħru għal warajhom. Dan malajr sar, u malli Hettel u Herwig waslu n‑Normandija, sabu lil Hartmut qiegħed jistennihom bl‑armata tiegħu.

F’qasir żmien iż‑żewġ armati ntefgħu f’battalja qalila li damet sa filgħaxija. Fl‑aħħar ftit mumenti tat‑taqbid, Herwig ra vleġġa tinfed dahar Hettel, li waqa’ tulu fl‑art mejjet quddiemu.

Malli s‑suldati ta’ Hettel raw dan, qatgħu qalbhom, u ma ridux ikomplu jiġġieldu. B’qalbhom sewda, marru lura pajjiżhom bil‑ġisem mejjet tar‑re tagħhom. Hemmhekk, tqiegħed quddiem martu, Hilde. Għalkemm kien jisgħobbiha li bintha kienet għadha f’idejn in‑Normanni, ordnat li ma jkunx hemm aktar gwerer—għax kienu mietu wisq nies—sakemm tikber il‑ġenerazzjoni li jmiss tal‑poplu.

***** ***** stat_3 ***** *****

6: Laqgħa sabiħa

Fin‑Normandija, Gudrun webbset rasha u baqgħet tirrifjuta li tiżżewweġ lil Hartmut. Għalhekk Gerlinda, omm Hartmut, bdiet iġġegħilha tagħmel ħafna xogħol iebes. Tatha l‑ħwejjeġ ta’ seftura, u kuljum kien ikollha ġġorr il‑ħwejjeġ tal‑palazz sal‑baħar biex taħsilhom. Fix‑xitwa, kien ikollha timxi ħafja tul it‑triq miksija silġ.

U hekk għaddew tnax il‑sena. Gudrun għaddiet minn ħafna tbatija, iżda għallinqas, kienet għadha ħajja. Kienet kważi qatgħet qalbha għal kollox li xi darba terġa’ tmur lura pajjiżha. Iżda jum wieħed dehritilha sirena f’forma ta’ ċinju, waqt li kienet qiegħda taħsel il‑ħwejjeġ bħas‑soltu. “Żomm sod,” qalilha ċ‑ċinju. “Dalwaqt se tkun ferħana.”

Iċ‑ċinju kompla jgħidilha li ħuha Ortwine, li issa kien żagħżugħ, kien ġej għaliha flimkien ma’ Herwig, l‑għarus li kellha tiżżewweġ ħafna snin qabel. U tassew, xi ftit jiem wara, lemħet dgħajsa fil‑bogħod riesqa lejn ix‑xatt, u fiha kien hemm Herwig u Ortwine.

U b’hekk iż‑żewġ maħbubin reġgħu ngħaqdu fuq ix‑xatt. Li kieku kien għal Herwig, kienu jitilqu lura d‑dar mill‑aktar fis. Iżda Ortwine fakkarhom li kien għad kellhom ipattuha lin‑Normanni talli kienu qatlu lil Hettel.

“Barra minn hekk,” kompla Ortwine, “jiena rrid li oħti titlaq minn dan il‑pajjiż mhux bħala seftura, imma bħala reġina, kif tassew jistħoqqilha.”

Għalhekk, it‑tlieta flimkien fasslu pjan. Wara li kienu ċerti li kollox kien ippjanat sew, Gudrun reġgħet marret lura l‑kastell. Marret fil‑pront fuq Gerlinda, omm Hartmut.

“Il‑ħwejjeġ armejthom fil‑baħar,” qaltilha b’leħen sod. “U minn issa ’l quddiem se ġġibu ruħkom miegħi bħala reġina.”

Gerlinda baqgħet mistagħġba. Dan il‑kliem taha x’tifhem li Gudrun fl‑aħħar kienet qatgħetha li tiżżewweġ lil binha. Għaldaqstant ordnat minnufih li lil Gudrun iġibulha l‑ifjen ħwejjeġ fil‑palazz.

***** ***** stat_3 ***** *****

7: Lura d‑dar

L‑għada filgħodu, lil Gudrun libbsuha l‑ħwejjeġ tat‑tieġ, u ppreparat biex tiżżewweġ lil Hartmut. Hekk kif il‑qaddejja bdew iduru madwarha jlibbsuha u jirranġawlha xagħarha, bilkemm setgħet iżżomm kalma. Iżda kienet taf li f’qasir żmien kienet se tkun mifdija.

F’daqqa waħda nstema’ l‑ħoss qawwi ta’ kornu jidwi mill‑qalba tal‑foresta fil‑qrib. U qabel ma ntefa l‑eku tal‑ħoss, is‑suldati ta’ Hegeling ħabtu għall‑kastell, immexxija minn Herwig u Ortwine.

F’qasir żmien qam paniku sħiħ ġewwa l‑kastell, hekk kif is‑suldati daħlu ġewwa. In‑Normanni fis qabdu l‑armi biex jiddefendu ruħhom, u ħafna ġellieda qalbenin—minn fuq kull naħa—sfaw mejtin. Madankollu, il‑battalja baqgħet sejra.

Minkejja d‑difiża soda, in‑Normanni bdew jitilfu, u f’kemm trodd salib il‑Hegeling daħlu fis‑sala ewlenija tal‑palazz, fejn qatlu lil Gerlinda mingħajr telf ta’ żmien. Lil Hartmut, madankollu, ħallewh ħaj.

Fl‑aħħar, Gudrun setgħet tmur lura pajjiżha, u malli waslu fix‑xatt, sabet lil ommha Hilde qegħda tistennieha. L‑omm u l‑bint tant tgħannqu flimkien li qisu bilkemm riedu jitilqu lil xulxin.

Dak il‑jum spiċċa b’festin kbir biex jiċċelebraw il‑miġja ta’ Gudrun iż‑żwieġ tagħha ma’ Herwig, li kellu jsir f’qasir żmien. U hawnhekk tintemm il‑leġġenda ta’ Gudrun, li wara li batiet snin twal f’pajjiż barrani, fl‑aħħar sabet paċi u kuntentizza qalb il‑maħbubin tagħha.

TMIEM

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Grifun: ħlejqa mitoloġika bir‑ras u l‑ġwienaħ ta’ ajkla u l‑ġisem ta’ ljun. [Lura]

Ifirsa (sing. fieres): Kelma oħra għal kavallier, suldat biż‑żiemel taż‑żminijiet bikrin. [Lura]

Kornu: Strument tan‑nifs forma ta’ qarn ta’ barri, u li jagħmel ħoss baxx u qawwi. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****

Il-Leġġenda ta’ Gudrun © 2026 Norman C. Borg liċenzjat bħala CC BY-NC-ND 4.0Dan ix-xogħol:
CC: Creative Commons  BY: għandu dejjem jinkludi ħajr lill-awtur;  NC: ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu; 
ND: ma jistax jiġi ppubblikat jew riprodott b’mod fotostatiku, elettroniku jew mekkaniku.