Kitba ta’ Norman C. Borg
Madwar 2,000 kelma
Horizons (2025)
Ġeneri
Avventura
Leġġendi
Mitoloġija
X’nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?
Din hija silta qasira mill-ktieb L‑Ifirsa tal‑Mejda t‑Tonda miktub minn Norman C. Borg u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.
Fis‑sala l‑kbira tal‑palazz, Uther Pendragon, Re tal‑Brittanja, kien qrib il‑mewt. Ir‑Reġina Igraine kienet maġenbu, biswit is‑saħħar ix‑xwejjaħ, Merlinu, b’xagħru abjad u b’ħarsa kalma ta’ wieħed mimli għerf u esperjenza. Madwarhom fis‑sala, miksija bid‑dawl baxx ta’ mijiet ta’ xemgħat, kien hemm in‑nobbli u l‑ifirsa kollha tar‑renju. Kollha kienu qed jitkellmu minn taħt l‑ilsien imma b’ċerta urġenza u tħassib f’dan il‑waqt kritiku għall‑pajjiż.
Għal dawn l‑aħħar snin, il‑furbani Sassoni kienu qed jagħmlu ħerba mill‑kosta tal‑Brittanja, joqtlu n‑nies u jagħtu n‑nar lil irħula sħaħ. Dak il‑ħin stess kienu għadhom jidhru d‑dħaħen telgħin fis‑sema, xogħol tal‑aħħar attakk tagħhom fil‑Punent. Kien bil‑qalb iebsa u l‑kuraġġ tar‑Re Uther li l‑Brittaniċi rnexxielhom iżommu lis‑Sassoni milli jidħlu aktar ’il ġewwa fil‑pajjiż. Kien Uther li kien seħħlu jmexxi l‑armati Ingliżi f’rebħa wara l‑oħra, sakemm imbuttaw lill‑għadu lura lejn il‑kosta u lejn ix‑xwieni tagħhom. Kien il‑kuraġġ ta’ Uther li serva ta’ eżempju lil rejiet ta’ nħawi oħra fil‑Brittanja biex jingħaqdu flimkien u jżommu lura l‑mewġa ta’ Sassoni.
Imma issa dak ir‑re kien qed imut, u kien għadu ma semmiex min kellu jinħatar re warajh, għax ma kellux eredi. Kien għalhekk li r‑rejiet kollha kienu f’din is‑sala, jistennew bil‑ħerqa min minnhom Uther kien biħsiebu jaħtar biex jieħu t‑tron warajh.
Mument minnhom ir‑re deher jiftaħ ħalqu biex jitkellem, u ħesrem waqgħet sikta fis‑sala kollha. Ir‑Reġina Igraine għafset idu f’idha, u Merlinu resaq biex jgħin lil Uther itella’ rasu, hekk kif dan ittanta jqum bilqiegħda. In‑nies kollha fis‑sala għamlu pass ’il quddiem biex jinġabru madwar ir‑re u jisimgħu kliemu aħjar.
Kollha, minbarra mara li baqgħet lura. Kienet Morgana le Fey, oħt ir‑re. Morgana kienet mara sabiħa, b’xeħta kburija u b’għajnejn suwed ileqqu daqs id‑djamanti. Ma kellha l‑ebda dubju li Uther kien se jsemmi lil binha Mordred, li kien wieqaf ħdejha dak il‑ħin, bħala l‑eredi tiegħu. Għalhekk baqgħet lura, kollha kalma. Kien hemm għajdut fost in‑nies li kienet saħħara, u li x’aktarx kienet setgħana aktar minn Merlinu nnifsu, għaldaqstant ħafna nies kienu jżommu ’l bogħod minnha.
Il‑leħen dgħajjef tar‑re bilkemm kien jinstema’ f’dik is‑sala mdaqqsa.
“Bil‑barka t’Alla naħtar lil ibni bħala l‑eredi tat‑tron warajja, u dawk kollha li kienu fidili lejja għandhom ikunu fidili lejh ukoll.”
Hekk kif ir‑re nxteħet lura f’soddtu u miet, qamet għagħa kbira fis‑sala kollha. Kulħadd beda jħares lejn kulħadd, mistagħġbin bi kliem ir‑re. Kulħadd kien jaf li Uther ma kellux tfal. Ir‑reġina u Merlinu biss baqgħu siktin. Ir‑reġina mejlet rasha u serrħitha fuq idejn ir‑re mejjet, waqt li Merlinu baqa’ jistenna sakemm jerġa’ jaqa’ s‑skiet fis‑sala. Iżda qabel ma kellu ċ‑ċans jitniffes, dewa mas‑sala l‑leħen biered u sod ta’ Morgana le Fey.
“Ma jistax ikun. Uther m’għandux tfal. Ibni Mordred huwa l‑eredi, u hu għandu d‑dritt għat‑tron.”
Minnufih reġgħet qamet għagħa kbira. Għalkemm ma kienx hemm ħafna nies li xtaqu lil Mordred bħala re, kellhom jammettu li Morgana kellha raġun. Merlinu għolla idu biex isikket lill‑folla.
“Sinjuri,” lissen. “Nitlobkom tieħdu ftit paċenzja. Se nispjegalkom kollox tliet ġimgħat oħra, f’Jum il‑Milied, fil‑Katidral ta’ San Pawl. Niltaqgħu hemm dakinhar, u taraw min se jkun ir‑re tagħkom.”
Il‑folla bdiet ħierġa mis‑sala bil‑qajla, jew għal rashom jew fi gruppi żgħar. Dawk li kienu jħobbu lir‑re Uther, u li kienu ġġieldu ħafna battalji maġenbu, waqfu ftit ħdejn il‑ġisem tiegħu b’turija ta’ rispett. Oħrajn – dawk li kienu ttamaw li huma jkunu r‑re tal‑Brittanja – telqu mingħajr ma ħarsu lejn ġismu, uħud minnhom igergru minn taħt l‑ilsien.
Merlinu stenna sakemm kollha kienu ħarġu. Imbagħad għen lir‑reġina tqum fuq saqajha, u mingħajr kliem baqgħu jħarsu lejn il‑ġisem tar‑re Uther. F’ħin minnhom, Morgana reġgħet tfaċċat ma’ binha.
“Qed nerġa’ ngħidlek, xwejjaħ,” qalet lil Merlinu, “dan mhu se jseħħ qatt. Ma hemm l‑ebda iben ieħor għajr tiegħi, u hu biss se jsaltan fuq il‑Brittanja!”
Ir‑Reġina Igraine kienet tidher qed titriegħed bil‑biża’, imma għajnejn Merlinu baqgħu jħarsu dritt u sodi lejn Morgana hekk kif hi u binha ħarġu ’l barra.
Lejlet il‑Milied il‑belt imtliet bl‑istorbju tal‑folla li bdiet tiżdied bil‑miġja ta’ ħafna barranin; nobbli, prinċpijiet u rejiet, bis‑segwaċi kollha tagħhom – suldati, ifirsa, paġġi u sefturi minn kull rokna tal‑Brittanja ngħaqdu mal‑poplu tal‑kampanja, kollha ħerqana biex isiru jafu min kien ser ikun ir‑re l‑ġdid. Minn bosta sigħat qabel Jum il‑Milied, il‑pjazza quddiem il‑Katidral kienet diġà miżgħuda b’folla liema bħalha, u kien hemm folol ta’ nies miġburin saħansitra fl‑għelieqi madwar il‑belt, f’ħafna kampijiet u tined.
Fost dawn in‑nies kien hemm il‑fieres Sir Ector ta’ Morven. L‑artijiet madwar il‑kastell tiegħu ma kinux bogħod ħafna mill‑Katidral, għalhekk ma kienx hemm għalfejn jaħseb bil‑quddiem biex jasal hemm. Miegħu kien hemm ibnu, Sir Kay, u l‑iben adottat tiegħu, Arturu.
Sir Ector kien ħosbien. Kien ħabib kbir tar‑Re Uther, u kien iġġieled miegħu f’ħafna battalji kontra s‑Sassoni. Issa li kien fi triqtu lejn il‑belt kien qiegħed jitħasseb dwar x’kien se jiġri jekk il‑pajjiż jibqa’ mingħajr re. Kien hemm il‑periklu li s‑Sassoni jerġgħu jibdew jaħbtu għall‑irħula u l‑ibliet. Kien hemm il‑periklu li r‑rejiet u n‑nobbli jibdew jitqabdu bejniethom biex jaħtfu t‑tron tal‑Brittanja. Min minnhom seta’ jirbaħ? Min minnhom kellu l‑ħila jmexxi lill‑Brittaniċi kontra s‑Sassoni? Imma l‑aktar, Sir Ector kien ħosbien minħabba Morgana le Fey u binha Mordred. Kien hemm għajdut li kienu mseħbin ma’ xi Sassoni biex jgħinuhom jaħtfu t‑tron għal Mordred.
Madankollu, ħaġa li kienet qed tqawwi qalb Sir Ector kien Merlinu. Merlinu wkoll kien ħabib tiegħu għal ħafna żmien, u Sir Ector kien jafdah b’għajnejh magħluqin.
Għalkemm Sir Ector kien jidher ħosbien u kien sieket mitluf fi ħsibijietu, uliedu, Sir Kay u Arturu, ma kinux daqshekk kwieti tul il‑vjaġġ. Qagħdu l‑ħin kollu jiċċaċċraw ferħanin, jistennew l‑għada bil‑ħerqa kollha tal‑età żagħżugħa tagħhom. Kienu jieqfu biss biex itellqu ż‑żwiemel tagħhom lejn xi siġra jew għolja tul it‑triq.
“Malli din il‑biċċa tkun lesta,” qal Sir Kay lil Arturu, “biħsiebni ningħaqad mat‑truppi ta’ Sir Bedivere kontra s‑Sassoni. Jekk trid tista’ tiġi bħala l‑paġġ tiegħi u tieħu ħsiebli l‑lanza u l‑armatura.”
Arturu baqa’ sieket għal ftit sekondi.
“Ma nieħu ħsieb il‑lanza tal‑ebda persuna,” wieġeb fl‑aħħar, “u ma ningħaqad mal‑ebda truppi. Il‑lanza li nieħu ħsieb tkun tiegħi personali, u mmexxi t‑truppi tiegħi!”
Għal dan il‑kliem Sir Kay infaqa’ jidħaq bil‑qalb.
“Inti, li bilkemm iġġilidt darbtejn kontra s‑Sassoni, trid tmexxi t‑truppi tiegħek kontrihom! Ix‑xabla tiegħek għadha kważi ġdida fjamanta! Ara tiegħi...” Hekk kif Sir Kay medd idu fuq ġenbu biex imiss ix‑xabla tiegħu, waqaf ħesrem.
“Xjafek!” lissen. “Insejt ix‑xabla warajja! Bil‑ġenn biex infittex nitlaq ħallejtha warajja fil‑kastell!”
Issa mess lil Arturu jidħaq bil‑qalb. “Fik suldat fit‑truppi ta’ Sir Bedivere, ukoll! Tinkwetax. Nista’ mmur lura malajr u nġibhielek jien.”
Arturu minnufih dawwar iż‑żiemel u rħielha lura lejn il‑kastell bil‑galopp.
Madankollu, malli wasal, sab il‑bieb ewlieni magħluq u msakkar, billi kulħadd kien mar il‑belt. ‘Ma ġara xejn,’ qal bejnu u bejn ruħu. ‘Lil Kay nista’ nagħtih ix‑xabla tiegħi.’
Malli wasal lura l‑belt sab it‑toroq kollha diżabitati. In‑nies kienu nġabru kollha fl‑għelieqi wara l‑Katidral, fejn kien qalilhom jinġabru Merlinu, jew ġewwa l‑Katidral stess. Għalhekk Arturu rħielha lejn iz‑zuntier tal‑knisja, fejn dak il‑ħin ma kienx hemm ruħ.
Hemmhekk, Arturu lemaħ ħaġa stramba. Fuq il‑ġenb taz‑zuntier, taħt siġra sempreviva, kien hemm blata kbira tal‑granit. Fil‑blata, imdeffsa sa nofs ix‑xafra, kien hemm xabla. Arturu stagħġeb b’din id‑dehra mhux tas‑soltu, iżda ma qagħadx jaħsibha darbtejn. Qatagħha li seta’ jieħu dik ix‑xabla lil ħuh. Kienet tidher isbaħ minn tiegħu, wara kollox. Għalhekk ħataf ix‑xabla mill‑manku u ħariġha mill‑blata. Wara, daħal fil‑Katidral biex isib lil missieru u lil ħuh.
Malajr sabhom qegħdin jistennewh qalb l‑ifirsa l‑oħra. Kay baqa’ jħares lejh imbellah malli Arturu għaddielu x‑xabla f’idejh.
“Dik minn fejn ġibtha?” staqsieh Kay. Imma Arturu ma laħaqx wieġbu. Minnufih tfaċċa Merlinu u ħataf ix‑xabla minn idejn Sir Kay.
“Ibqgħu hawn ġew,” qalilhom Merlinu, hekk kif ħareġ mill‑Katidral bix‑xabla.
Xi nobbli u ifirsa li kienu qrib Sir Kay u Arturu raw lil Merlinu ħiereġ. “Fejn sejjer, Merlinu?” bdew jistaqsu. “Ma kellux jispjegalna għalfejn ġabna hawn?”
Merlinu malajr reġa’ tfaċċa f’bieb il‑Katidral, mingħajr ix‑xabla, u talab lin‑nies joħorġu warajh fuq iz‑zuntier.
Merlinu baqa’ wieqaf maġenb is‑siġra sempreviva u l‑blata tal‑granit sakemm iz‑zuntier kien miżgħud bin‑nies. Arturu osserva li Merlinu kien reġa’ poġġa x‑xabla fil‑blata. Malli waqa’ skiet perfett, Merlinu pponta lejn xi kitba fuq il‑blata, li qabel Arturu ma kienx lemaħ fl‑għaġla tiegħu biex jieħu x‑xabla lil ħuh. Merlinu qara l‑kliem jgħajjat biex jisimgħu kulħadd:
“Dak li għandu l‑ħila jaqla’ din ix‑xabla minn mal‑blata huwa tabilħaqq ir‑re tal‑Brittanja.”
Hekk kif qam għagħa fost il‑folla, xi nobbli minnufih resqu lejn il‑blata. Wieħed wara l‑ieħor ittantaw jaqilgħu x‑xabla minn ġol‑blata – imma kienet iebsa wisq. Ma ċċaqilqitx millimetru hekk kif in‑nobbli u l‑ifirsa bdew jitqanżħu biex joħorġuha. Il‑folla kienet taqa’ fis‑skiet kull darba li wieħed minnhom ipprova jaqla’ x‑xabla, u mbagħad tinfexx f’daħq meta ma kienx jirnexxilu.
Merlinu baqa’ jinsisti li kull re, nobbli u fieres li kien hemm jipprova jaqla’ x‑xabla mill‑blata, inklużi Sir Ector u Sir Kay. Kulħadd ipprova. Ix‑xabla baqgħet soda fil‑blata. Merlinu baqa’ jistenna sakemm reġa’ waqa’ s‑skiet.
Fl‑aħħar, dar u pponta lejn Arturu, li kien baqa’ wieqaf fil‑ġenb, fuq wara tal‑folla. “Issa, ipprova int,” qallu.
Dan il‑kliem intlaqa’ b’daħq jew tgergir minn qalb il‑folla. Min kien dan il‑ġuvnott? Ma kienx xi re. Ma kienx xi nobbli. Lanqas biss kien fieres. Xi dritt kellu jipprova jaqla’ x‑xabla mill‑blata? Sadanittant, Arturu baqa’ ma tħarrekx.
Merlinu reġa’ sejjaħlu, u Arturu mexa bil‑qajla lejn il‑blata u poġġa idu fuq il‑manku tax‑xabla. Raġa’ waqa’ skiet perfett – iżda ma damx wisq, hekk kif qamet għagħa ta’ stagħġib malli l‑folla rat lil Arturu joħroġ ix‑xabla mill‑blata b’ħeffa liema bħalha u bla ebda tqanżiħ ta’ xejn.
L‑istorbju baqa’ sejjer għal ħafna minuti qabel ma Merlinu seta’ jsikket il‑folla biex ikun jista’ jinstema’. Qalb il‑ġemgħa kien hemm min kien imbellah, kien hemm min kien mistagħġeb, kien hemm min kien irrabjat, imma kulħadd ried ikun jaf mingħand Merlinu kif żagħżugħ bilkemm magħruf minn ħadd seta’ kien ir‑re li jmiss għall‑pajjiż.
“Dan kif jista’ jkun, Merlinu?” staqsa r‑Re Lot ta’ Orkney, b’ton irrabjat.
“Dan xi qerq!” għajjat ir‑Re Mark ta’ Cornwall, hekk kif ħafna oħrajn tennew l‑għajta tiegħu.
“Ma hemm l‑ebda qerq, Sinjuri,” wieġeb Merlinu malli reġa’ waqa’ s‑skiet. “Imma nitlobkom, biex żgur ma jkunx hemm żbalji – jew anki sinjali ta’ qerq – nerġgħu nagħmlu din l‑istess prova fit‑tliet festi li ġejjin, ħalli żgur ma jkunx hemm dubji.”
Għalhekk kulħadd qabel li l‑prova terġa’ ssir f’Jum l‑Epifanija, f’Jum il‑Kandlora u f’Jum l‑Għid il‑Kbir. Sadanittant, grupp ta’ żewġ ifirsa kellhom jibqgħu għassa mal‑blata. Sir Ector u Sir Bedivere messhom l‑ewwel xift.
Fiż‑żewġ festi ta’ wara, Arturu biss irnexxielu jaqla’ x‑xabla mill‑blata. Għalhekk, għall‑aħħar prova f’Jum l‑Għid il‑Kbir, il‑folla kienet enormi. Filwaqt li l‑parti l‑kbira tar‑rejiet, nobbli u ifirsa kienu qatgħu qalbhom u aċċettaw il‑ħila ta’ Arturu, kien għad hemm ir‑Re Mark, ir‑Re Lot u Mordred, li baqgħu jridu jippruvaw għall‑aħħar darba.
U wieħed wara l‑ieħor reġgħu bdew jitqanżħu u jissaraw bil‑qilla tagħhom kollha biex joħorġu x‑xabla mill‑blata. Fl‑aħħar, kull wieħed kien imissu jċedi: Mordred b’ħarsa serja u solenni, ir‑Re Lot b’dik ta’ wieħed irrabjat, u r‑Re Mark bil‑ħarsa ta’ wieħed li aċċetta t‑telfa.
U reġa’ mess lil Arturu jipprova. Is‑skiet kien tant li stajt tisma’ labra taqa’ hekk kif iż‑żagħżugħ medd idu fuq il‑manku tax‑xabla u ġibidha ’l fuq. Instema’ l‑ħoss tal‑metall jiżżerżaq mal‑granit hekk kif ix‑xabla ħarġet bil‑qajla.
Arturu għolla x‑xabla fuq rasu, u l‑folla nfexxet f’għajjat li jtarrax.
“Arturu huwa r‑re tagħna!”
“Arturu! Arturu!”
“Għomor twil lir‑Re Arturu!”
Għal ħafna nobbli ma kienx hemm aktar ħin x’jintilef. Intefgħu minnufih għarkopptejhom quddiem ir‑re l‑ġdid tagħhom. Oħrajn, iddiżappuntati u forsi anki kemxejn irrabjati, niżżlu rashom u telqu minn hemm. Morgana le Fey u Mordred kienu għosfru.
Lil Arturu ħaduh lura fil‑Katidral biex jinkurunawh uffiċjalment. Wara ċ‑ċerimonja, Merlinu spjega l‑misteru ta’ Arturu lill‑kongregazzjoni, għaliex ħadd ma kien għadu jaf kif iż‑żagħżugħ kellu jkun ir‑re l‑magħżul.
Ħafna snin qabel, ir‑re Uther kien sar jaf li kien hemm konfoffa biex joqtlu lil ibnu malli jitwieled. Għalhekk malli Arturu twieled, Uther u Igraine żammew kollox mistur, u taw it‑tarbija lil Merlinu biex jaħbiha. Sadanittant, xandru l‑aħbar mal‑pajjiż kollu li, għalkemm kien twildilhom tifel, dan kien miet mat‑twelid. Merlinu għadda lit‑tarbija lill‑ħabib tar‑re, Sir Ector, għax kien jafda lilu biss. Merlinu talbu biex irabbi lit‑tarbija daqslikieku kien ibnu tassew. Sir Ector hekk għamel, mingħajr ma kien jaf li Arturu kien tabilħaqq iben Uther u Igraine.
Wara dan, flimkien man‑nobbli u l‑ifirsa tiegħu, ir‑Re Arturu dar il‑belt qalb l‑għajjat u l‑ferħ tal‑folla, u beda jipprepara biex isaltan fuq ir‑renju tiegħu u jipproteġih.
Ifirsa: Kavallieri jew suldati nobbli. [Lura]
Paġġi: Paġġ kien qaddej jew assistent. Kull fieres kellu l‑paġġ tiegħu biex jgħinu jieħu ħsieb iż‑żiemel, l‑armatura u l‑armi tiegħu, kif ukoll biex jagħmillu qadjiet oħra. [Lura]