H. G. Wells
(Ingliż, 1866-1946)
Madwar 5,000 kelma
Ġeneri
Fantaxjenza
Kapitli
1: L-Istranġier fil-Lukanda
2: Iż-Żjara tal-Arluġġar
3: Il-Bagalji tal-Istranġier
4: Iż-Żjara tat-Tabib
5: Serqa Għand il-Vigarju
6: L-Għamara Tiġġennen
7: Bla Ras!
8: Il-Ħarba
9: Is-Sur Thomas Marvel
10: Ieqaf, Ħalliel!
11: Ir-Raġel li Kien Qed Jiġri
12. Ir-Raġel l-Inviżibbli Jitlef il-Boxxla
13. Żjara lil Dr. Kemp
14: L-Istorja tar-Raġel l-Inviżibbli
15: L-Esperimenti ta’ Griffin
16: Il-Pjan li Falla
17: Jinkixef il-Pjan
18: Ir-Renju tat-Terrur
19: Il-Kaċċa
Noti
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-provi: Therese Vella
Aktar tagħrif f'
Sagħtar
Ħarġa numru 380 (Novembru 2023)
L‑istranġier ġie fil‑lukanda Coach and Horses, fir‑raħal żgħir ta’ Iping, f’jum xitwi fi Frar, qalb il‑borra u f’riħ ixoqq il‑għadam. Qasam l‑għelieqi bil‑mixi mill‑istazzjon ta’ Bramblehurst, iġorr miegħu bagalja mdaqqsa tas‑safar. Kien imgeżwer f’kowt oħxon bl‑għonq imtella’ ’l fuq sa rasu, li kienet mgħottija b’kappell kbir. Kien liebes par ingwanti ħoxnin u par buz twil sa taħt il‑kowt. L‑unika parti li kienet tidher minn ġismu kollu kienet il‑ponta ta’ mnieħer aħmar bil‑kesħa.
Daħal jiġri mill‑bieb, sabbat il‑bagalja mal‑art u ħabbat fuq il‑bank. “Fuklar! Fuklar, f’ġieħ il‑qaddisin!” għajjat, hekk kif xeħet xi muniti fuq il‑bank.
Is‑Sinjura Hall, sidt il‑lukanda, minnufih ġriet fis‑sala tal‑mistednin, xegħlet il‑fuklar, u marret biex tipprepara ikla sħuna lill‑klijent il‑ġdid. Klijent fix‑xitwa dejjem kien merħba bih, speċjalment la seta’ jħallas bil‑quddiem.
Malli rat li l‑ikel fuq in‑nar kien qed isir, marret lura fis‑sala tal‑mistednin. Għalkemm in‑nar kien qed jaqbad qawwi, rat li l‑istranġier kien baqa’ liebes il‑kowt imxarrab u l‑kappell. Kien qiegħed bilwieqfa quddiem tieqa, iħares ’il barra, dahru lejha.
“Tridni noħodlok il‑kowt u l‑kappell, sinjur,” staqsietu, “u nonxorhomlok fil‑kċina?”
“Le,” wieġeb ir‑raġel. “Nippreferi nħallihom fuqi.”
Is‑Sinjura Hall osservat ukoll li kien liebes nuċċali wiesa’ bil‑ġnub mgħottijin ukoll, u kellu mustaċċi folti. Lestiet il‑mejda, u dlonk ġabitlu platt bajd u bejken. Intebħet li kienet insiet il‑mustarda; għalhekk marret lura fil‑kċina.
Meta ġiet lura, sabet lir‑raġel qed iżomm is‑sarvetta l‑bajda ma’ ħalqu. Rat li ġbinu kien kollu miksi b’faxex, u kien jidher biss imnieħru. Xagħar iswed, kollu mħabbel, kien ħiereġ minn bejn il‑faxex madwar rasu.
Id‑dehra tiegħu tant laqtet lis‑Sinjura Hall li ħasbet li l‑povru raġel kellu xi inċident. Lanqas l‑ingwanti ma neża’ biex jiekol! Ħwejġu ta’ fuq sabithom qed jinxfu fuq dahar siġġu maġenb il‑fuklar. Qabdet il‑kowt u l‑buz u ħarġet bil‑għaġla barra mill‑kamra.
“Kemm beżżgħuni dawk il‑faxex,” qalet lill‑koka fil‑kċina. “U dak in‑nuċċali! Kien aktar qisu bugħaddas milli bniedem normali!”
Filgħaxija wasal l‑arluġġar biex idur l‑arloġġi tal‑lukanda, u s‑Sinjura Hall ħaditu fis‑sala tal‑mistednin.
L‑istranġier kien hemm, bilqiegħda fuq pultruna fir‑rokna maġenb il‑fuklar. Il‑kumplament tal‑kamra kienet imdallma, u mimlija dellijiet. Meta ħarset lejn l‑istranġier, is‑Sinjura Hall għal mument stħajlet li r‑raġel kellu ħalq enormi miftuħ beraħ imma mingħajr geddum.
F’dak il‑mument qam bilwieqfa u geżwer ix‑xall ma’ wiċċu. Ma ħasbitx aktar fuq x’rat hekk kif qatgħetha li kienu biss id‑dellijiet.
“Jimporta jekk l‑arluġġar jara ftit l‑arloġġ?” staqsiet.
“Jiena ħsibt li dan kien post privat,” lissen l‑istranġier b’leħen żorr. “Għandi xogħol importanti x’nagħmel, u barra minn hekk għandi vista dgħajfa, u xi kultant ikolli naħdem fid‑dlam.”
Is‑Sinjura Hall skużat ruħha u wegħditu li tagħtih iċ‑ċavetta tal‑kamra tiegħu.
“Tkun tista’ ġġibli l‑kumplament tal‑bagalji tiegħi mill‑istazzjon għada?” staqsieha.
Is‑Sinjura Hall qaltlu iva, imma meta offriet li tgħinu bil‑faxex, l‑istranġier irrifjutaha.
Meta l‑arluġġar mar lura r‑raħal, igerger, iltaqa’ mas‑Sur Hall. “Kemm għandek klijent stramb fil‑lukanda,” qallu. “Qisu ma jridx juri min hu, kollu mgeżwer!”
Meta s‑Sur Hall staqsa lis‑Sinjura Hall dwaru, din irrabjat. “Dawk affarijiet tiegħi. Mhux jien qed immexxi l‑lukanda?” qaltlu.
Madankollu dak il‑lejl is‑Sinjura Hall stenbħet b’ħasda mir‑raqda tagħha. Ħolmot li ġidra kbira, b’żewġ toqob kbar u fondi bħala għajnejn, kienet qed ittir warajha. Qatgħetha li kienet biss ħolma u ma kellhiex għalfejn tinkwieta, u malajr reġgħet raqdet.
L‑għada filgħodu wasal karettun mill‑istazzjon bil‑bagalji tal‑istranġier. Kien hemm kaxxa mimlija kotba, u xi kaxxi oħrajn mimlijin bi fliexken tal‑ħġieġ, ippakkjati fit‑tiben. Is‑Sur Hall qagħad jifli l‑kaxxi b’ċerta kurżità.
F’dak il‑waqt feġġ l‑istranġier, bħas‑soltu, kollu mgħotti minn rasu sa saqajh. “Ejjew, b’dawk il‑kaxxi! Ħaffu!” lissen hekk kif poġġa idu fuq waħda mill‑kaxxi.
Il‑kelb li kien ma’ sewwieq il‑karettun beda jiġri madwar il‑kaxxi. Malli lemaħ lill‑istranġier ħa l‑qagħda ta’ kelb imdiehex u beda jingħi. F’daqqa waħda, qomos lejn id l‑istranġier u pprova jaħtfu mill‑ingwanta. Ma kkalkulax sew, u minflok ċarratlu parti mill‑qalziet.
Is‑sewwieq tal‑karettun faqqa’ l‑frosta lejn il‑kelb. L‑istranġier minnufih eżamina t‑tiċrita fil‑qalziet u lebbet bil‑ġirja għal ġol‑lukanda u dritt fuq, f’kamartu. Is‑Sur Hall tela’ warajh biex jara setax jgħinu. Billi l‑bieb tal‑kamra kien miftuħ, baqa’ dieħel. Il‑purtieri kienu magħluqin, u ma kienx hemm ħafna dawl. Kulma s‑Sur Hall ra ta’ malajr kien driegħ mingħajr id jixxejjer lejh. F’daqqa waħda ħass xi ħaġa taqbdu minn għonqu u timbuttah barra mill‑kamra.
Isfel, barra l‑lukanda, is‑sewwieq kien qiegħed isalli, il‑kelb kien qiegħed jinbaħ bla waqfien, u n‑nies fit‑triq kienu qed iħarsu mbellhin lejn dak li kien qiegħed jiġri.
Is‑Sur Hall, mistagħġeb u konfuż, niżel it‑taraġ bil‑qajla. Malli ħareġ barra, qal biss, “Ma jridx għajnuna. Aħjar iddaħħlulu l‑bagalji ġewwa.”
L‑istranġier qatta’ l‑waranofsinhar joħroġ fliexken ta’ kull daqs u għamla mill‑kaxxi. Xi ftit minnhom kienu mimlijin b’likwidi ta’ kull lewn. Oħrajn kien fihom qishom kristalli. Barra mill‑kotba, l‑affarijiet l‑oħra li ħareġ kienu xi tubi tat‑testijiet kimiċi u miżien.
Issa kullimkien kien mimli tiben, u meta s‑Sinjura Hall gergret dwar dan, l‑istranġier għajjat bir‑rabja, “Żidu mal‑kont! Żidu mal‑kont!”
Wara dan ingħalaq f’kamartu, u xi kultant kien jinstema’ xi ħġieġ jitkisser, u l‑istranġier jgħajjat, “Mhu se jirnexxili qatt! Dan se joħodli ħajti kollha! Ma nistax nibqa’ sejjer hekk!”
Għal żmien twil l‑istranġier baqa’ misteru. Kien joħroġ biss matul il‑lejl. Bdiewa li kienu jibqgħu jaħdmu tard u kienu jmorru lura darhom fid‑dlam kienu jieħdu qatgħa meta kien jitfaċċa b’dak in‑nuċċali stramb tiegħu u kollu mgeżwer fil‑kowt.
Ħadd ma kien jaf x’kien xogħlu. Is‑Sinjura Hall kienet tgħid li kien ‘jiskopri l‑affarijiet’. Xi nies qalu li kien qed jistaħba mill‑pulizija, xi oħrajn kienu jgħidu li kien xi anarkiku u li kien jagħmel il‑bombi. Il‑parti l‑kbira tan‑nies kienu jaħsbu li ma kienx perikoluż u li kien sempliċement miġnun. It‑tfal ħolqu kantaliena dwaru, “Ara ġej il‑babaw!”
Cuss, it‑tabib tar‑raħal biss kellu l‑kuraġġ imur iżuru, l‑aktar għax kellu kurżità kbira dwar il‑faxex u l‑esperimenti li l‑istranġier kien qiegħed jagħmel. Imma ħareġ mill‑kamra aktar mgħaġġel milli daħal, ċass u abjad karti. U malli ħareġ mil‑lukanda mar dritt għand il‑vigarju li kien joqgħod ftit aktar ’il fuq fl‑istess triq. Sadattant is‑Sinjura Hall setgħet tisma’ lill‑istranġier jidħaq f’kamartu.
Għand il‑vigarju, it‑tabib talab x’jixrob xi ħaġa qawwija. Beda jirtogħod hekk kif ipprova jispjega lir‑Reverendu Bunting x’ġara fil‑lukanda. Irrakkonta dwar xi swaba’ inviżibbli, li ħarġu minn ġo komma ta’ ġlekk vojta, u qabdulu mnieħru!
“Storja interessanti,” lissen il‑vigarju, li fil‑fatt ma kienx jaf x’jaqbad jgħid.
Xi lejl wara, il‑mara tar‑Reverendu Bunting qamet b’ħasda. Dehrilha li semgħet bieb jinfetaħ u jingħalaq f’xi kamra isfel. Wara ftit semgħet il‑ħoss ta’ saqajn ħafjin mixjin tul il‑kurutur. Qajmet lir‑raġel, u dan mar f’tarf it‑taraġ biex jittawwal isfel.
Issa beda jisma’ xi tgemgim u ċaqliq ta’ affarijiet. Ħataf seffud tan‑nar u niżel it‑taraġ inkiss inkiss. Seta’ jara dawl inemnem ħiereġ mill‑uffiċċju. Resaq aktar qrib, u ra kexxun tal‑iskrivanija miftuħ u xemgħa tixgħel. Imma ma kien jidher ħadd.
Ftit wara sema’ wkoll iċ‑ċekċik tal‑flus. Għolla s‑seffud fl‑arja, u daħal jiġri fl‑uffiċċju. “Qbadtek, ja ħalliel!” għajjat. Imma fl‑uffiċċju ma kien hemm ħadd.
Il‑vigarju u martu bdew iduru l‑kamra kollha u jfittxu kullimkien: taħt l‑iskrivanija, fiċ‑ċumnija – imma ma raw lil ħadd.
F’daqqa waħda semgħu għatisa qawwija fil‑kurutur. Lemħu l‑bieb ta’ barra jinfetaħ u jingħalaq waħdu, mingħajr ma daħal jew ħareġ ħadd.
“Tal‑għaġeb! Tassew tal‑għaġeb!” lissen il‑vigarju għall‑għoxrin darba.
Dik l‑istess għodwa s‑Sinjur u s‑Sinjura Hall qamu kmieni għax kellhom jistivaw il‑kaxxi tal‑birra fil‑kantina. Is‑Sur Hall intebaħ li l‑bieb tal‑kamra tal‑istranġier kien imbexxaq, u l‑faxex u l‑ħwejjeġ tiegħu kienu mferrxin ma’ kullimkien.
“Mhux qiegħed f’kamartu,” qal. “Fejn mar mingħajr ħwejġu?”
F’dak il‑waqt infetaħ il‑bieb ta’ barra u reġa’ ngħalaq b’sabta. Semgħu għatisa qawwija. Reġgħu daħlu fil‑kamra tal‑istranġier, u qam pandemonju sħiħ. Il‑friex tar minn fuq is‑sodda għal fuq is‑Sinjura Hall. Il‑kappell tal‑istranġier tar fl‑arja u wara għal wiċċha. Is‑siġġu għolla saqajh ta’ quddiem, u b’ta’ wara beda miexi lejha. It‑tnejn daru u ħarġu ’il barra minn hemm. Il‑bieb instabat magħluq warajhom.
“L‑iħirsa!” għajtet imwerwra. “Qrajt fuqhom fil‑gazzetti. Siġġijiet u mwejjed jiżfnu u jtiru!”
Dak il‑ħin, bieb il‑kamra reġa’ nfetaħ, u raw lill‑istranġier, kollu mgeżwer f’faxex u liebes il‑kappell u n‑nuċċali. “Morru għand ix‑xjafek!” għajjat, u sabbat il‑bieb ma’ wiċċhom.
Barra kienet ġurnata sabiħa, u billi kien jum il‑fiera, kien hemm folla nies akbar mis‑soltu. Kien hemm kotba għall‑bejgħ, logħob tal‑isparar, u ħafna ħelu u ikel ieħor. Ħafna bnadar u pavaljuni kienu mdendlin tul it‑triq kollha.
Sadattant, l‑istranġier baqa’ msakkar f’kamartu fil‑lukanda, jilgħab bil‑fliexken u l‑esperimenti tiegħu.
F’nofsinhar il‑bieb tal‑kamra nfetaħ u l‑istranġier sejjaħ lis‑Sinjura Hall. Il‑mara tfaċċat b’gabarrè f’idejha.
“Fejn hu l‑l‑ikel?” staqsa l‑istranġier bil‑ħatfa.
“Ma tistax tippretendi l‑kolazzjon meta ilek ma tħallas il‑kont ħamest ijiem!”
“Ma nistax nagħmel mod ieħor la l‑fondi għadhom ma waslulix. Ħalli nara għadx baqagħli xi ħaġa fil‑but ...”
“Ilbieraħ għidtli li ma kellek xejn għajr ftit xelini!” lissnet is‑Sinjura Hall b’leħen sod.
“Sibt ftit oħra,” wieġeb l‑istranġier.
“U fejn sibthom?” staqsiet is‑Sinjura Hall. “U qabel ma naqdik aktar irrid spjegazzjoni! X’għamilt bl‑għamara tiegħi f’kamartek? U kif ma kontx hemm, ilbieraħ? U kif erġajt dħalt? U rrid inkun naf – “
“ISKOT!” għajjat l‑istranġier, b’tant qilla li ssummat minnufih. “Mela ħalli nurik! Jien kolli qiegħed hawn – imma jien inviżibbli!”
Tella’ idu ma’ wiċċu u poġġa xi ħaġa f’id is‑Sinjura Hall. Dik werżqet hekk kif rat li kien l‑imnieħer ir‑roża, u bil‑qatgħa tefgħetu mal‑art. F’nofs wiċċ l‑istranġier issa kien hemm biss ħofra, u xejn aktar! Ħataf in‑nuċċali, u tefgħu mal‑art. Minflok għajnejn, kien hemm biss żewġ ħofor fondi. U mbagħad neħħa l‑kappell, u l‑mustaċċi. Wara dan beda jħoll il‑faxex li kienu madwar rasu. Hekk kif il‑faxex waqgħu mal‑art, ma beda jidher xejn taħthom, sakemm fl‑aħħar kien hemm vojt minn għonq ir‑raġel ‘il fuq. Għalkemm baqgħet tisma’ t‑tgergir, ir‑raġel kien kompletament bla ras!
Is‑Sinjura Hall werżqet twerżiqa twila u lebbtet mill‑bieb ’il barra.
Barra fit‑triq, kulħadd inġabar biex jara x’kien inqala’. F’ħin minnhom tfaċċa s‑Sur Hall mal‑Kuntistabbli Jaffers. Kellu f’idu par manetti u permess ta’ arrest. Malli daħlu fil‑lukanda sabu lill‑istranġier fis‑sala tal‑mistednin, bilqiegħda fuq pultruna jnaqqar biċċa ħobż b’id waħda u biċċa ġobna bl‑oħra, it‑tnejn bl‑ingwanti.
“Ibqgħu lura!” għajjat hekk kif qam minn postu.
Is‑Sur Hall u Jaffers ippruvaw jaħtfu lill‑istranġier. Dan ipprova jirreżisti, u t‑tlieta fl‑aħħar spiċċaw jissaraw mal‑art.
Fl‑aħħar leħen l‑istranġier instema’ jgħajjat, “Inċedi! Inċedi!”
Il‑kuntistabbli ħareġ il‑permess. “Narrestak talli dħalt f’dar u sraqt xi flus!”
“M’hemmx manetti,” lissnet il‑vuċi tal‑istranġier mill‑imkien.
“Imma dawk huma r‑regoli ...” beda l‑kuntistabbli.
F’daqqa waħda, l‑istranġier qagħad bilqiegħda u tajjar il‑papoċċ, u neża’ l‑kalzetti u l‑qalziet. Wara dan, qam bilwieqfa u neħħa l‑kowt.
“Ieqaf!” għajjat il‑kuntistabbli. “Jekk jinża’ kollox ...”
Imma kien diġà tard wisq. Issa kienet tidher biss qmis ittir fl‑arja!
“Attenti! Żommuh! Żommuh! Agħlqu l‑bieb!”
Imma l‑istranġier kien laħaq għosfor.
Fuq xi għoljiet madwar mil ’il bogħod, il‑ħajbu Thomas Marvel kien bilqiegħda fil‑ġenb tat‑triq. Is‑Sur Marvel kien qasir u kemxejn imbaċċaċ, wiċċu roża u b’leħja twila. Kellu kappell imqatta’ fuq rasu, u ma’ saqajh par kalzetti mtaqqbin, bis‑swaba’ ħerġin minnhom. Kellu quddiemu żewġ pari żraben – it‑tnejn imkagħbrin – u kien qiegħed jipprova jiddeċiedi liema jilbes minnhom.
“Għall‑inqas huma bwiez!” instema’ leħen jgħid minn warajh.
“Bwiez tal‑karità,” lissen Thomas b’ċertu diżgust, “u m’hemmx wieħed isbaħ mill‑ieħor!”
Dar biex iħares lejn iż‑żarbun ta’ min kien kellmu warajh, imma ma ra la l‑persuna u lanqas iż‑żarbun.
“Fejn qiegħed?” staqsa. Ma seta’ jara xejn warajh għajr il‑ħaxix jiżfen maż‑żiffa.
Beda jitħasseb. “Qed nitkellem miegħi nnifsi?”
“Tiħux qatgħa,” lissnet il‑Vuċi.
“Inti midfun?” staqsa Thomas, issa b’leħen jirtogħod.
“Qed taħseb li jien sempliċement parti mill‑immaġinazzjoni tiegħek?” staqsiet il‑Vuċi. Mument wara żewġ żrariet tfaċċaw mill‑imkien u għaddew minn ħdejn ras Thomas.
“Issa se tisma’?” reġgħet il‑Vuċi.
Il‑ħajbu mejjel rasu, imma ma kellux il‑ħila jitniffes.
“Jiena sempliċement bniedem bħalek, solidu, bil‑ġuħ, bil‑għatx, u mingħajr ħwejjeġ. Biss, jien inviżibbli,” kompliet il‑Vuċi.
Id inviżibbli ħatfet lil Thomas mill‑polz. Thomas baqa’ mbellah.
“Speċi ta’ fatat, hux?” lissen b’leħnu għadu jirtogħod.
“Ikkalma,” qalet il‑Vuċi, issa aktar soda. “Int se jkollok bżonn tgħinni – iġġibli ħwejjeġ, ikel u affarijiet oħra. Imma jekk tikxifni ...” u id inviżibbli fajritlu daqqa soda fuq spalltu.
“Ma nikxfekx! Ma nikxfekx!” għajjat Thomas, imwerwer. “Għidli x’għandi nagħmel!”
Sadattant, fil‑kamra tal‑mistednin tal‑lukanda Coach and Horses, it‑Tabib Cuss u l‑Vigarju Bunting kienu qegħdin jiflu tliet djarji li l‑istranġier kien ħalla warajh l‑aħħar darba li telaq mil‑lukanda. Kienu mbellhin b’dak li kienu qed jaqraw. Ħin minnhom daħal raġel minn barra, kemxejn imbaċċaċ, wiċċu kollu roża, u b’kappell imqatta’. Resaq lejn il‑bar, imma ħalla l‑bieb ta’ barra miftuħ.
“Jimporta tagħlaq il‑bieb warajk?” lissen il‑vigarju. “Dieħla wisq kesħa minn barra.”
Il‑vigarju u t‑tabib komplew jiflu d‑djarji. Ma setgħu jifhmu lanqas kelma waħda għax kollox kien miktub f’kodiċi.
F’daqqa waħda l‑vigarju ħass id soda taqbdu minn għonqu, u dwiet il‑vuċi tal‑istranġier minn imkien. “Dawk id‑djarji huma tiegħi u rridhom lura. U fejn poġġejtuli ħwejġi?”
Is‑Sinjur u s‑Sinjura Hall kienu fil‑bar meta semgħu dan il‑kliem. Ftit sekondi wara semgħu għajta, “Ieqaf, ħalliel!”
Hekk kif ħarġu barra lemħu lis‑Sur Thomas Marvel jiġri ’l barra mil‑lukanda. Kellu miegħu xkora u t‑tliet djarji. Il‑vigarju u t‑tabib kienu għadhom fil‑kamra tal‑mistednin. Kienu lebsin biss il‑ħwejjeġ ta’ taħt, għax ir‑raġel l‑inviżibbli kien ħadilhom il‑kumplament!
Fit‑triq qam pandemonju. Nies bdew jiġru kullimkien, b’ħafna għajjat u twerżiq. Tkissru xi twieqi tal‑lukanda u saħansitra nqatgħu xi wajers tat‑telefon.
Tas‑Sur Marvel u tar‑raġel l‑inviżibbli ma kienx hemm ħjiel.
Fil‑ftit jiem ta’ wara bdew jidhru ħafna stejjer straordinarji fil‑gazzetti. F’raħal fil‑qrib nies raw flus qed itiru fl‑arja. Ta’ spiss nies lemħu lis‑Sur Marvel qiegħed jiġri, imwerwer, qisu xi ħadd kien qed jiġri warajh – għalkemm in‑nies ma raw lil ħadd. Kull darba li s‑Sur Marvel kien qed jipprova jiżgiċċa jew jgħid lil xi persuna dwar ir‑raġel l‑inviżibbli, kien iħoss id taqbdu minn għonqu u id oħra tfajjarlu tnejn fuq rasu.
Imma fl‑aħħar, il‑povru ħajbu rnexxielu jaħrab, b’ħafna flus f’butu.
Darba filgħaxija, Dr. Kemp kien qiegħed bilqiegħda fl‑istudju tiegħu, f’daru, fuq għolja żgħira viċin tar‑raħal ta’ Burdock, maġenb ix‑xatt. L‑istudju tiegħu kien mimli rivisti xjentifiċi u apparat ieħor. Kien qed jagħmel ftit riċerka bit‑tama li jsir membru tar‑Royal Society.
Fettillu jħares mit‑tieqa ’l barra u quddiem ir‑raġġi ta’ nżul ix‑xemx lemaħ il‑figura ħoxna ta’ raġel liebes kappell imqatta’ jiġri kemm jiflaħ.
“Mmm, naħseb xi wieħed minn dawk il‑boloh li qed jgħajtu, ‘Ġej ir‑raġel l‑inviżibbli’,” qal bejnu u bejn ruħu.
Imma min kien viċin dak il‑povru raġel seta’ jara sew l‑espressjoni mwerwra fuq wiċċu, u ma kienx tal‑istess idea ta’ Dr. Kemp. Bil‑ġiri tiegħu, il‑bwiet tal‑ġlekk kienu qed iċekċku bħallikieku kienu mimlija muniti, u malli għadda minn ħdejn in‑nies, semgħu bħal passi u nifs maqtugħ jiġru warajh.
In‑nies bdiet tibża’, u l‑kelma ġriet mar‑raħal kollu.
“Ir‑raġel l‑inviżibbli ġej tassew!”
It‑tverna The Jolly Cricketers kienet f’qiegħ il‑għolja. Sid it‑tverna kien qiegħed jaqdi lil klijent, waqt li klijent ieħor, Amerikan b’daqna sewda u folta, kien qiegħed jitkellem ma’ pulizija li dak il‑ħin ma kienx fuq xogħol. F’ħin minnhom semgħu ħafna passi mgħaġġlin barra: xi ħadd kien qed jiġri.
Il‑bieb infetaħ ħesrem u tfaċċa Thomas Marvel. Kien mingħajr il‑kowt u l‑kappell, imma kien għadu qed iġorr id‑djarji.
“Ġej!” għajjat iddisprat. “Ajjut! Ġej għalija!”
“Agħlqu l‑bieb,” qabeż minnufih il‑pulizija. “Min ġej? X’ġara?”
“Agħlquni xi mkien u sakkru l‑bieb!” kompla jgħajjat is‑Sur Marvel. “Ir‑raġel l‑inviżibbli! Qal li se joqtolni!”
F’daqqa waħda l‑bieb beda jitriegħed hekk kif xi ħadd minn barra beda jsabbat fuqu u jgħajjat. Il‑bieb żamm u ma nfetaħx. Minflok, il‑ħġieġa tat‑tieqa maġenbu nfaqgħet frak.
Marvel mar jistaħba wara l‑bar. “Tiftħux il‑bieb!” beda jwerżaq.
“Mank kelli l‑lembuba miegħi,” lissen il‑pulizija.
L‑Amerikan ħareġ il‑pistola tiegħu. “Warrbu minn quddiemi,” lissen. “Jekk jidħol ...”
“Il‑bieb ta’ wara!” qabeż sid it‑tverna. Ma laħaqx spiċċa s‑sentenza. Il‑bieb ta’ wara l‑bar infetaħ beraħ b’tisbita. Xi ħadd ġibed lis‑Sur Marvel minn għonqu għal ġol‑kċina fuq wara.
Il‑pulizija rnexxielu jaqbad l‑id inviżibbli li kienet qabdet lil Marvel minn għonqu, imma xi ħaġa laqtitu bil‑qawwi f’wiċċu, u tar lura. Sadattant, sid it‑tverna u xi klijenti oħra rnexxielhom iżommu lir‑raġel l‑inviżibbli, li għajjat waħda hekk kif il‑pulizija, mingħajr ma jaf, rifsu fuq sieq waħda. F’daqqa waħda, kulħadd tar lura, u waqa’ skiet perfett ... Ir‑raġel l‑inviżibbli rnexxielu joħroġ fil‑bitħa.
“Jien inqiegħdu!” lissen l‑Amerikan, u spara ħames darbiet minn naħa għal oħra tal‑bitħa.
“Ġibu lampa ħa naraw inħossux xi ġisem mal‑art,” kompla.
Dr. Kemp kien għadu fl‑istudju tiegħu meta sema’ l‑isparaturi.
“X’miġnun hu, li qed jispara fir‑raħal!” qal mistagħġeb, hekk kif mar jittawwal mit‑tieqa. Ma seta’ jara xejn ħlief id‑dawl tal‑qamar fuq is‑soqfa tad‑djar, u folla żgħira ta’ nies quddiem it‑tverna. Għalhekk reġa’ mar ikompli xogħlu.
Xi siegħa wara daqqet il‑qanpiena tal‑bieb. Seftura marret tara min kien, imma ma kien hemm ħadd.
Dr. Kemp lesta xogħlu lejn xi s‑sagħtejn ta’ filgħodu. Niżel isfel fil‑kċina biex jipprepara ftit te. Fil‑kurutur lemaħ tebgħa skura mal‑art. Meta messha b’sebgħu, ra li kienet tiċpisa ħamra. Ma tax kas ħafna dwarha, imma malli wasal quddiem il‑bieb tal‑kamra tas‑sodda, intebaħ li l‑pum kien imċappas – bid‑demm.
Dr. Kemp żamm il‑kalma, u daħal fil‑kamra bil‑mod. L‑affarijiet fuq il‑gradenza kienu mħarbtin, u l‑wiċċ imċappas bid‑demm. Parti minn liżar fuq is‑sodda kien imqatta’, u s‑saqqu kien jidher qisu xi ħadd kien mimdud fuqu. Għal ftit sekondi kellu l‑impressjoni li xi ħadd lissen minn taħt l‑ilsien, “Illaħwa, Kemp!”
Wara dan sema’ xi ħaġa tiċċaqlaq bejnu u bejn il‑friskatur tal‑ilma, u lemaħ ittir fl‑arja faxxa mibruma u mdemmija.
“Kemp,” tenniet il‑Vuċi.
Kemp fetaħ ħalqu, imbellah.
“Ikkalma, xbin!” qalet il‑Vuċi. “Jien inviżibbli!”
“Dawn ħmerijiet, din xi ċajta!” lissen Kemp. Ħareġ idejh u pprova jmiss il‑faxxa – u ħass swaba’ minflok.
“Tippanikjax, Kemp! Għandi bżonn l‑għajnuna tiegħek,” qalet il‑Vuċi. “Tiftakarni? Jiena Griffin. Kont student tal‑mediċina miegħek fil‑University College. Għamilt lili nnifsi inviżibbli!”
Kemp kien jiftakru lil Griffin. Ġuvni twil, b’xagħar tant bjond li kien kważi abjad, u għajnejn ċari. L‑aħjar student fil‑klassi tiegħu.
“Għidli kollox!” lissen Kemp mistagħġeb. “Kif ix‑xjafek ...?”
“L‑ewwel tini xi ħaġa x’niekol,” qabżet il‑Vuċi. “Jien ferut u muġugħ, u għajjien mejjet!”
L‑imbellah Kemp ġab xi ftit laħam kiesaħ mill‑kċina, u qagħad iħares lejn ir‑raġel l‑inviżibbli waqt li dan ħataf l‑ikel u belgħu.
“M’għandix bżonn frieket u skieken!” qalet il‑Vuċi. “Imma jekk ma jimpurtax agħtini xi ħaġa x’nilbes!”
Kemp ġablu xi ħwejjeġ ta’ taħt, par kalzetti u papoċċ kif ukoll piġama. Malli libes u qagħad bilqiegħda fuq siġġu, ir‑raġel l‑inviżibbli talab xi ħaġa x’jixrob u sigarru. Kemp baqa’ jħares skantat hekk kif ra s‑sigarru mqabbad itir fl‑arja u d‑duħħan ħiereġ minn fejn suppost kien hemm ħalq ir‑raġel l‑inviżibbli.
“X’kumbinazzjoni kelli ninzerta nidħol f’darek għal ftit faxex! Din l‑ewwel xorti tajba li messitni! Hija inkonvenjenza kbira li demmi jibda jidher malli jagħqad. Irnexxieli nbiddel biss il‑partijiet tal‑ġisem ħajjin. Malli jitlaq ġismi d‑demm jibda jidher!”
“Imma kif?! Kif irnexxielek?” staqsa Kemp. “U x’kien dak l‑isparar li smajt?”
Imma l‑ferita tar‑raġel l‑inviżibbli kienet qed tuġgħu wisq u kien għajjien. “Ili ma nagħlaq għajn xi tlitt ijiem!” lissen bil‑mod.
Għalhekk Kemp ma semax l‑istorja dak il‑lejl.
Qabel ma mar jorqod, ir‑raġel l‑inviżibbli ġiegħel lil Kemp iwiegħdu li ma jikxfux man‑nies li kienu qed ifittxuh. Kemp wiegħdu, imma xorta kien inkwetat.
Filgħodu, mar fl‑istudju jfittex il‑gazzetti tal‑aħħar ftit jiem, u qara dwar il‑qirda u l‑vjolenza li r‑raġel l‑inviżibbli kien ħalla warajh fl‑irħula viċin.
“Dan mhux inviżibbli biss,” qal bejnu u bejn ruħu. “Dan miġnun ukoll!” Kiteb ittra u indirizzaha lill‑Kulunell Adye, il‑kap tal‑pulizija. Malli għamel dan sema’ xi tifrik fis‑sular ta’ fuq. Ir‑raġel l‑inviżibbli kien qam u kien f’burdata ħażina.
Dr. Kemp talab lis‑sefturi konfużi biex jippreparaw kolazzjon għal tnejn fl‑istudju, u biex ma jidħlux aktar sakemm jgħidilhom hu. Malli lestew kollox, għajjat lir‑raġel l‑inviżibbli. “Il‑kolazzjon lest!”
Il‑piġama bla ras u bla jdejn niżlet, u ħadet post mal‑mejda. “Qabel ma nkomplu,” qal Kemp, “hemm bżonn inkun naf iktar dwar din l‑inviżibiltà tiegħek.”
“Sempliċi,” wieġbet il‑figura bla ras, waqt li mesħet ix‑xofftejn inviżibbli bis‑sarvetta. “Aħna t‑tnejn flimkien nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet kbar. Għandi bżonn sieħeb.”
Wara li kien spiċċa l‑università, Griffin kien telaq il‑mediċina biex minflok jaqbad il‑fiżika. Kien affaxxinat ħafna mid‑dawl. Beda jitkellem dwar l‑aspetti tad‑dawl qisu qed jagħti xi lezzjoni, daqslikieku Kemp kien student: kif l‑affarijiet kienu jassorbu d‑dawl, kif kienu jirriflettuh, u anki kif f’ċerti każijiet kienu jilwuh lura. Jekk affarijiet ma kinux jirriflettuh, kienu jkunu inviżibbli.
“Tara kaxxa ħamra għax il‑kaxxa tassorbi l‑kuluri l‑oħra imma tarmi l‑aħmar ’il barra, lejn għajnejk. Kieku l‑kaxxa tirrifletti l‑kuluri kollha, taraha bajda. U jekk iddaħħal ħġieġa fl‑ilma, kważi tisparixxi għalkollox, għax dawl li jgħaddi mill‑ħġieġ għall‑ilma bilkemm jirrifletti,” spjega Griffin.
“Iva, imma dan kull student jafu,” qal Kemp, fuq ix‑xwiek biex ikun jaf is‑sigriet, “imma persuna mhijiex tal‑ħġieġ!”
“Le! Huwa aktar trasparenti!” kompla Griffin, kollu eċċitat. “Il‑bniedem huwa magħmul minn partijiet trasparenti – l‑għadam, il‑laħam, ix‑xagħar, id‑dwiefer, in‑nervi. Minbarra l‑aħmar tad‑demm u l‑kulur tax‑xagħar. Irnexxieli nsib mezz kif inneħħi l‑kulur tad‑demm mingħajr ma neqred il‑funzjonijiet l‑oħra kollha tiegħu.”
Kemp stagħġeb malli sema’ dan kollu.
“Domt tliet snin,” kompla Griffin. “Kont persuna kwalunkwe, mingħajr flus, ma jafni ħadd, naħdem bla waqfien f’laboratorju taħt l‑għajnejn seqer ta’ professur. Imma jien kont naf li stajt insir inviżibbli, bil‑libertà u l‑poter kollu li setgħet iġġibli. Imma wara tliet snin ta’ dubji u ħabi, ma stajtx inkompli x‑xogħol ...”
“Għaliex?” staqsa Kemp.
“Għax spiċċawli l‑flus!” wieġeb Griffin, hekk kif dar u ħares mit‑tieqa. F’daqqa waħda dar lura lejn Kemp. “Sraqt lix‑xiħ! Ħadt il‑flus ta’ missieri! U l‑flus ma kinux tiegħu. Waqa’ fid‑dejn u miet bl‑inkwiet!”
Aktar ma beda jisma’, Kemp aktar beda jallarma ruħu. Griffin ma wera l‑ebda dispjaċir għall‑mewt ta’ missieru. Baqa’ jaħseb biss fil‑flus għall‑esperimenti tiegħu. Mar joqgħod f’kamra waħda rħisa fi blokk bini f’Londra, u ġabar hemm l‑apparat kollu li kellu bżonn.
“Aktar tard ngħidlek aktar dwar il‑proċess twil u kkumplikat,” kompla Griffin. “Ktibt kollox f’kodiċi sigriet fid‑djarji tiegħi li seraqli dak il‑ħajbu. Hemm bżonn inġibuhom lura.
“Xtrajt żewġ muturi żgħar u ħaddimthom b’magna tal‑gass. L‑oġġett li trid tagħmel inviżibbli kemm tpoġġih bejniethom. Fl‑ewwel esperiment tiegħi ppruvajt bi ftit suf. Nixtieqek rajtha, x’biċċa stramba! Xi ħaġa daqshekk ratba u bajda, u taraha tgħib bil‑qajla sakemm ma tibqa’ tidher xejn.
“Imma meta poġġejt idi fejn kien is‑suf, xorta bqajt nista’ nħossu!”
Sadattant, waqt li Griffin kien mitluf jispjega, Kemp beda miexi bil‑qajla biex joqgħod bejn Griffin u t‑tieqa.
“Il‑pass li jmiss kien interessanti ħafna. Il‑mara li kienet toqgħod fil‑kamra ta’ ħdejja kellha qattus abjad. Darba ħallejtlu xi ikel barra u daħħaltu għandi mit‑tieqa.”
“U għamiltu inviżibbli?” staqsa Kemp.
“Iva, imma l‑esperiment falla. Id‑dwiefer u ftit mill‑kulur tal‑għajnejn baqgħu jidhru. Il‑kumplament sparixxa. Beda jingħi u jwaħwaħ ħafna, allura rġajt ħriġtu barra mit‑tieqa.”
“Mela qed tgħid li xi mkien hemm barra fid‑dinja hemm qattus inviżibbli!” lissen Kemp.
“Il‑mara marret tilmenta ma’ sid il‑post li qtiltilha lill‑qattus waqt esperiment. Dak heddidni li jkeċċini, għalhekk kelli nieħu deċiżjoni ta’ malajr ...”
“Għamilt lilek innifsek inviżibbli?” Kemp ipprova jaqta’.
“Dak l‑istess lejl. Xrobt il‑mistura li setgħet tneħħi l‑kulur tad‑demm. U għaddejt qisni minn ħolma kerha. Bdejt nifhem għalfejn il‑qattus beda jwaħwaħ daqshekk. Ma bsartx li kienet se tweġġa’ daqshekk. Kelli dardir u ħafna ħass ħażin. Ħassejtni bħallikieku l‑ġilda kienet qed taqbad.
“Sebaħ l‑għada. Qatt ma jien ser ninsa l‑ewwel darba li, malli r‑raġġi tax‑xemx daħlu fil‑kamra, rajt li jdejja issa kienu qishom tal‑ħġieġ.
“Bil‑qajla rajt li l‑kuluri kollha kienu qed imorru, inklużi dawk ta’ difrejja u għajnejja. Inzerta kont suġġett ideali għall‑esperiment. Xagħri kien diġà kważi abjad minnu.
“Xi ħadd beda jħabbat bil‑goff fuq il‑bieb. Kien sid il‑post, flimkien mal‑ġara u żewġt irġiel oħra. Fetħu l‑bieb u daħlu, imma stagħġbu meta ma raw ’il ħadd. F’dak il‑waqt bdejt inkisser l‑apparat li kelli quddiem għajnejhom. Tant twerwru li l‑erbgħa li kienu telqu jiġru mill‑kamra. Kif kont waħdi, xħett l‑imbarazz li kelli f’nofs il‑kamra u tajthom in‑nar, bil‑kamra b’kollox.”
“Tajt in‑nar lid‑dar kollha?” tenna Kemp, mistagħġeb.
“Kien l‑uniku mod biex ma jsibunix,” spjega Griffin. “Bil‑qajla nżilt it‑taraġ u tlaqt minn hemm. Moħħi kien mimli ħsibijiet dwar x’affarijiet straordinarji stajt nagħmel issa li kont inviżibbli!”
Griffin ma damx ma ntebaħ li kien hemm l‑iżvantaġġi li tkun inviżibbli. Kienet ġurnata kiesħa ta’ Jannar. In‑nies bdew jaħbtu miegħu u jirfsuh. Tajn u rmied taċ‑ċmieni beda joqgħod fuq ġismu. Xi tfal osservaw il‑marki tal‑passi tiegħu waqt li kien miexi fil‑borra, li bdiet tifforma madwar saqajh.
“Ara dik!” lissen tifel minnhom. “Il‑fatat ta’ sieq!”
Bdiet nieżla l‑borra wkoll. Griffin ħassu jiffriża u beda jagħtas. Klieb setgħu jxommuh, u bdew jinbħulu u jiġru warajh. Sab kenn f’ħanut matul il‑lejl. Hemmhekk sab x’jiekol u xi ħwejjeġ biex jissaħħan. Imma filgħodu, meta l‑bejjiegħa daħlu għax‑xogħol, kellu jinża’ l‑ħwejjeġ.
Għadda fejn il‑kamra fejn kien joqgħod. Il‑bini kien għadu sħun minħabba n‑nirien. Imma kull ħaġa li kellu hemm issa kienet meqruda – minbarra ktieb taċ‑ċekkijiet u xi kotba li kien ħalla f’loker pubbliku fl‑istazzjon ta’ Bramblehurst il‑ġurnata ta’ qabel.
Griffin waqaf, ħosbien.
“Kompli,” qallu Kemp, hekk kif ta ħarsa ta’ malajr lejn it‑tieqa.
Griffin kompla. Ftit wara sab gabina żgħira b’xi kostumi tat‑teatru. Minn hemm seraq xi affarijiet biex jinħeba bihom: il‑mustaċċi, il‑parrokka b’xagħar iswed, l‑imnieħer falz, in‑nuċċali, u xi ħwejjeġ li ma kinux għadhom moda. Il‑gabina kienet ta’ wieħed ħotbi, li sema’ l‑istorbju u sab l‑affarijiet misruqin, u pprova jfittxu. Sabbtu mal‑art b’daqqa ta’ banketta, u mbagħad, liebes b’dawk l‑affarijiet, mar l‑istazzjon biex jiġbor l‑affarijiet li kellu hemm fil‑loker.
“Ma ħsibtx aktar fil‑ħotbi?” staqsa Kemp.
“Kif stajt naħseb fih jekk kelli l‑problemi tiegħi?”
Kemp ħares lejh biċ‑ċiera.
“Imm’issa għandi lilek, Kemp,” kompla Griffin. “Se ssolvili l‑problemi kollha! Tista’ tgħinni, speċjalment biex tidħol fid‑djar u bil‑qtil.”
“Qtil?” tenna Kemp imwerwer.
“Biħsiebni nwaqqaf renju ta’ terrur,” għajjat il‑miġnun. “Naħtaf ir‑raħal u nitterrorizzah! Nagħti ordnijiet! U noqtol lil min ma jobdix! ... Iskot! X’inhu dak il‑ħoss, isfel?”
Minn hawn l‑affarijiet ġraw bil‑għaġla waħda wara l‑oħra. Ir‑raġel l‑inviżibbli neża’ ħwejġu. Kemp ġera lejn il‑bieb, imbotta lil Griffin laġenba u sabbat il‑bieb. Ipprova jsakkar lil Griffin ġewwa, iżda bil‑fixla waqgħetlu ċ‑ċavetta minn idu.
Ir‑raġel l‑inviżibbli fetaħ il‑bieb beraħ u attakka lil Kemp. Il‑Kulunell Adye u żewġ kuntistabbli oħra kienu telgħin it‑taraġ u waqfu skantati kif raw ħafna ħwejjeġ itiru fl‑arja u lil Kemp jitgerbeb lura hekk kif xi ħadd imbuttah – imma ma kien jidher ħadd!
Mument wara l‑kulunell innifsu ħass xi ħaġa qawwija taħbat miegħu. Iż‑żewġ kuntistabbli daru u niżlu t‑taraġ bil‑ġirja. Il‑bieb ta’ barra stabat magħluq.
Il‑kulunell intebaħ li Kemp kellu d‑demm ma’ wiċċu.
Malli Griffin ħarab mid‑dar ta’ Kemp, tajjar tifel żgħir li kien qed jilgħab barra.
Issa Griffin sar bniedem imfittex. In‑nies bdiet issakkar il‑bibien kollha. Bdew jidhru avviżi dwaru f’kull kantuniera. Gruppi ta’ rġiel bil‑klieb tal‑kaċċa bdew iduru madwar ir‑raħal f’kull ħin tal‑ġurnata.
L‑għada filgħodu Kemp sab ittra taħt il‑bieb ta’ barra.
“Din hija l‑ewwel ġurnata tar‑renju tat‑terrur,” kien hemm miktub. “Se jkun hemm eżekuzzjoni – tar‑raġel jismu Kemp! Il‑logħba tibda hawn! Kemp ikollu jmut!”
“Din mhix ċajta,” ħaseb Kemp. Mar fl‑istudju u ħareġ pistola minn wieħed mill‑kxaxen tal‑iskrivanija.
Dar madwar id‑dar u għalaq u sakkar kull bieb u tieqa. Kiteb nota lill‑Kulunell Adye u talab lis‑seftura biex toħodhielu:
“B’xi mod naqbduh! Użaw lili bħala lixka!”
Ftit ħin wara ċemplet il‑qanpiena tal‑bieb. B’attenzjoni kbira, Kemp fetaħ il‑bieb bil‑qajla. Kien il‑Kulunell Adye. “Attakka lis‑seftura tiegħek! In‑nota ħadha!”
Kemp wera lil Adye n‑nota li kien bagħatlu Griffin. “Fin‑nota lilek għidtlek li nista’ nkun il‑lixka fin‑nasba għal Griffin,” spjega Kemp, “imm’issa hu għandu n‑nota, u jaf bil‑pjan.”
Fl‑istess waqt li Kemp qal dan, instema’ ħoss minn fuq, u tkissir ta’ ħġieġ. Telgħu jaraw x’ġara. Griffin kien tefa’ ġebla u faqa’ l‑ħġieġ ta’ tieqa.
“Ħa mmur l‑istazzjon u nġib il‑klieb,” lissen Adye. “Islifni l‑pistola.” Il‑kulunell niżel it‑taraġ u ħareġ barra mid‑dar. Kemp sakkar il‑bieb warajh.
Kemp reġa’ tela’ fuq biex jittawwal mit‑tieqa. Ftit ’il bogħod mid‑dar lemaħ lis‑seftura ġejja ma’ żewġ kuntistabbli. F’daqqa waħda sema’ ħafna storbju isfel. Griffin kien sab mannara u kien qed ikisser il‑bieb ta’ wara biex jidħol.
Kemp intebaħ li kulma kienu qed jagħmlu kien għalxejn. Imma ma setgħux jibqgħu sejrin hekk. Xi ħaġa kellha ssir.
Kemp ħa deċiżjoni ta’ malajr. Niżel u ħareġ mill‑bieb ta’ quddiem, biex jipprova jiġbed lil Griffin warajh. Malli ż‑żewġ kuntistabbli qorbu d‑dar, lemħu mannara ttir fl‑ajru u kważi tolqot lil Kemp li kien qed jiġri lejhom.
“Dak Dr Kemp huwa eroj!” lissen wieħed minnhom.
Wara dan bdiet kaċċa feroċi, immexxija minn Kemp. Għalkemm kien kollu għaraq, Kemp xorta baqa’ kalm. Beda jfittex f’art fejn kien hemm żrar jew biċċiet tal‑ħġieġ, fejn Griffin seta’ rifes u qata’ saqajh. Mexa mal‑istess rotta fejn kien ra lill‑ħajbu jiġri ftit jiem qabel.
Id‑djar kollha f’dik ir‑rotta kienu msakkrin. Isfel nett tat‑triq, lemaħ l‑istazzjon tal‑pulizija, u tramm li kien tiela’ lejhom. Wara t‑tramm seta’ jara xi ħaddiema qed jagħmlu xogħol fid‑dranaġġ tat‑triq, b’munzell ħamrija u ġebel fil‑qrib. Kollha kienu qed iħarsu lejn Kemp u l‑grupp tiegħu.
“Ir‑raġel l‑inviżibbli!” għajjat Kemp. “Infirdu u agħmlu linja! Waqqfuh!”
Xi nies bdew jiġru lejhom. Ħaddiem minnhom kellu pala f’idu.
F’daqqa waħda Kemp ħass daqqa fuq widintu. Hekk kif ittanta jdur lejn mnejn ġiet id‑daqqa, xi ħaġa mbuttatu mal‑art u ħass par idejn sodi jaqbduh minn għonqu. Il‑pala tal‑ħaddiem niżlet bil‑qawwi, u ħabtet ma’ xi ħaġa. Kemp ħass l‑idejn inviżibbli jitilquh, imma malajr ħataf spalla inviżibbli, u żammha ’l isfel. “Għinuni! Qbadtu! Żommuh ’l isfel!”
Kieku f’dak il‑waqt għadda xi ħadd minn hemm li ma kienx jaf x’kien qiegħed jiġri, żgur li kien jaħseb li dawk in‑nies kienu qed jilagħbu xi logħba goffa tar‑rugby. In‑nies intefgħu kollha fuq ir‑raġel l‑inviżibbli fost ħafna tgħajjir, tixjir ta’ ponnijiet u daqqiet ta’ sieq, kif ukoll il‑ħsejjes ta’ xi ħadd qed jaqta’ nifsu.
“Imxu lura,” qal Kemp f’daqqa waħda. “Muġugħ sew!”
“Titilquhx! Qed jagħmel hekk biex jingannana!” qabeż il‑ħaddiem bil‑pala mdemmija.
“Le,” lissen it‑tabib. “Mhux qed jieħu nifs. Ma nistax nisma’ qalb tħabbat.”
Xwejħa fil‑qrib għajtet, “Araw hemm!” Kulħadd ħares ’il fejn ippuntat. U kulħadd ra l‑linji ta’ id, trasparenti.
“U araw!” qabeż kuntistabbli. “Qed jibdew jidhru saqajh!”
Qajla qajla, kompliet il‑bidla tal‑ġisem. L‑ewwel dehru l‑vini, u wara l‑għadam, qisu tal‑ħġieġ, u l‑arterji, u mbagħad il‑laħam u l‑ġilda, sakemm fl‑aħħar kulħadd seta’ jara l‑ispallejn imkissrin, u sidru, u fl‑aħħar wiċċu, kollu mbenġel u mdemmi.
Hemm kien, mixħut mal‑art mingħajr ħwejjeġ, il‑ġisem imkisser ta’ raġel ta’ madwar tletin sena. Xagħru kien abjad, għalkemm mhux biż‑żmien, u għajnejh kienu ħomor. Idejh kienu magħluqin f’ponnijiet, u ħarstu kienet dik ta’ wieħed kollu xokk u rabja.
“Għattulu wiċċu,” għajjat xi ħadd. Ġabu liżar, għattewh u ġarrewh f’dar viċin.
U hemm, fuq sodda sempliċi, mibgħud u mitluq bla ebda ħniena, spiċċat il‑ħajja straordinarja u terribbli ta’ Griffin, l‑ewwel bniedem li għamel lilu nnifsu inviżibbli.
Anarkiku: Wieħed li jkun kontra l‑gvern u l‑liġijiet. Illum il‑ġurnata tintuża wkoll il‑kelma terrorista. [Lura]
Ħajbu: Persuna li m’għandhiex dar u tiġġerra minn post għal ieħor. [Lura]
Seffud tan‑nar: Lasta tal‑ħadid li tintuża biex iċċaqlaq il‑faħam jew iz‑zkuk jaqbdu fil‑fuklar. [Lura]
Tramm: Għamla ta’ trasport pubbliku li jimxi fit‑toroq permezz ta’ ferrovija u wajers tal‑elettriku. [Lura]
Vigarju: Kappillan fil‑Knisja Anglikana. [Lura]
Xelin: Munita antika Ingliża. [Lura]