H. G. Wells
(1866-1946)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Kotba fil-Librerija
Il-Gwerra tad-Dinjiet  Ir-Raġel l-Inviżibbli 
 

Herbert George Wells twieled fil-21 ta’ Settembru, 1866, fi Bromley, Kent, l-Ingilterra.

Il-ġenituri ta’ Wells kienu foqra u ma setgħux jagħtuh edukazzjoni formali sewwa. Madankollu rnexxielhom idaħħluh fil-Midhurst Grammar School, u hemm kien student tajjeb ħafna. Aktar tard kiseb scholarship għar-Royal College of Science. Minn hemm kompla għall-Università ta’ Londra, minn fejn kiseb il-Baċellerat tax-Xjenza bl-unuri.

Is-suġġett ewlieni tiegħu kien il-bijoloġija, u kien qed jippjana li jsir għalliem tas-suġġett. Madankollu kellu attakk ta’ tuberkulosi, u minflok, beda jikteb. Dak li tgħallem fl-università xorta waħda għamel użu minnu, għax għenu ħafna fil-kitba tiegħu. Permezz tal-għerf xjentifiku li kellu ta lill-istejjer tal-fantaxjenza tiegħu xejra ta’ realtà.

Wells kiteb aktar minn mitt ktieb, li huma fi tliet kategoriji: fantasija, kotba bbażati fuq fatti reali u kotba għat-tagħlim fl-iskejjel. Fost il-kotba fantastiċi tiegħu hemm: Il-Magna taż-Żmien, Il-Gwerra tad-Dinjiet, Ir-Raġel l-Inviżibbli, L-Ewwel Nies fuq il-Qamar u Xejret il-Ġejjieni.

Wells kien jikkunsidrah insult meta kien ikun hemm min iqis l-istejjer tiegħu tal-fantaxjenza bħala sempliċi fantasija u xejn aktar. Hu kien jinsisti li kien jikteb dawk l-istejjer biex jispjega l-ideat u t-twemmin tiegħu, u qatt ma kellhom jitqiesu bħala realtà, imma qari għall-gost.

Wells kellu ideat politiċi varji, imma bażikament, għalkemm xi kultant kienu jiġuh dubji, kien jemmen fil-potenzjal tal-bniedem. Kien jemmen ukoll – b’mod qawwi – fid-drittijiet għal ħsieb liberu personali, id-dritt li jikkritika, jiddiskuti u jissuġġerixxi kif il-bniedem jista’ jtejjeb il-qagħda tiegħu.

Wells miet nhar it-13 ta’ Awwissu tal-1946, ta’ tmenin sena.

© Norman C. Borg
Qari tal-provi: Therese Vella