
Kitba ta’ John A. Bonello
Madwar 1180 kelma
Merlin Publishers (2015)
X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?
Din hija silta qasira mill-ktieb Il-Każ Manduca, l-ewwel ktieb mis-sensiela ta' Irvin Vella, Investigatur Virtwali miktub minn John A. Bonello u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.
Ix‑xufier tat‑taxi waqqafha eżatt quddiem il‑bieb tal‑uffiċċju ta’ Irvin Vella f’Ħ’Attard. Niżlet bl‑għajnuna tal‑istess xufier, u rringrazzjatu. Kienet diġà ħallsitu qabel telqu.
“Tista’ tħallini hawn, għax ma nafx kemm se ndum. La nlesti nċempillek,” qaltlu bi tbissima. Kienet tafu, u dejjem lilu kienet iċċempel meta jkollha bżonn tmur xi mkien. Meta jkun jista’, kien imur. Meta jkollu diġà xi vjaġġ, kien jibgħat lil xi wieħed minn sħabu. Dejjem ra kif għamel u qdieha. “Ċempel xħin trid, Sinjura!” qalilha filwaqt li għenha toħroġ mill‑karozza għal fuq il‑bankina.
Eleonora, mara ta’ wieħed u sebgħin sena, armla għal dawk l‑aħħar għoxrin sena, ħalliet lix‑xufier jgħinha timxi biċċa qasira sa ma waqfet quddiem il‑bieb tal‑uffiċċju. Irringrazzjatu mill‑ġdid u daret tistennieh jirkeb fil‑vettura tiegħu u jitlaq. Ħadet gost bl‑għajnuna tax‑xufier. Saqajha ma kinux għadhom jifilħuha wisq, l‑aktar minħabba l‑ilma li kien jitrabbielha fi rkupptejha. Straħet ftit sakemm ħarset lejn il‑bieb kbir tal‑garaxx li ġie maqlub f’uffiċċju. Xi ħadd dan l‑aħħar kien żebgħu mill‑ġdid, lewn griż ċar ħafna. Kienet għadha tinxtamm ir‑riħa taż‑żebgħa. Għafset il‑qanpiena mwaħħla mal‑koxxa tal‑bieb taħt tabella ċkejkna tal‑bronż bl‑isem ‘Irvin Vella, Investigatur Virtwali’ mnaqqax fuqha.
Wara ftit sekondi, bieb żgħir maqtugħ fil‑bieb il‑kbir tbexxaq xiber, u lemħet il‑wiċċ imfaqqa’ taż‑żagħżugħ li madwar xahar qabel kien qdieha tant tajjeb meta kellha bżonnu. Għarafha u fetaħ il‑bieb beraħ.
“Sinjura! Kemm qed nieħu gost nerġa’ narak. Għaddi, għaddi.”
Daħlet ġewwa u Irvin għalaq il‑bieb warajh. Din kienet l‑ewwel darba li marret l‑uffiċċju, għax dak iż‑żmien meta kienet ġiet bżonnu, kienet ċemplitlu wara li sabet ismu u n‑numru tiegħu minn fuq il‑gazzetta u kien mar hu għandha. Kellu uffiċċju ħelu: naqra mlaqqat, imma ħelu. Ħadha fuq ġewwa u stedinha tpoġġi fuq pultruna tal‑qasab li dehritilha naqra baxxa żżejjed għaliha.
“Iġiblek xi ħaġa x’tixrob, Sinjura?” staqsieha.
“Tazza ilma, jekk jogħġbok. U għajjatli Eleonora. Hekk semmietni ommi.”
Mar lejn vetrina u ġabilha t‑tazza bl‑ilma, imbagħad poġġa fuq il‑pultruna l‑oħra, li faqqgħet u pprotestat taħt dak il‑piż żejjed. Fil‑fatt innutat li għalkemm il‑pultruna kienet tassew wiesgħa, Irvin bilkemm daħal fiha.
“Kif nista’ naqdik, din id‑darba, Sinjura Eleonora? Tgħidlix li Gusto reġa’ sparixxa?!”
Eleonora daħqet. “Le, le, Gusto jilgħaq ix‑xemx qiegħed fil‑loġġa, tinkwetax. Le, ġejt hawnhekk f’isem żewġt iħbieb tiegħi — jew aħjar,
ġejt nara tistax tgħinhom. Huma għadhom ma
jafux li jien ġejt nitlob l‑għajnuna tiegħek. Jekk taċċetta, immur u nikkonvinċihom biex ikellmuk.”
“Ħa nara hux nifhmek sewwa, Sinjura: għandek żewġt iħbieb li għandhom bżonn l‑għajnuna. U inti ġejt għandi biex tara jien nistax ngħinhom
mingħajr ma jafu b’xejn?”
“Hekk hu,” weġbitu.
“U x’tip t’għajnuna għandhom bżonn?”
Eleonora gerfxet ftit fil‑handbag, sakemm ħarġet envelop kannella. Minnu ħarġet folja musfara, mitwija fi tnejn, u għaddietha lil Irvin. Kienet xorta t’ittra miktuba b’ittri mqasqsin. Il‑Malti kien antik, għalhekk bata ftit biex fehem. Flieha sew. Qraha darbtejn, jixtarr kull kelma. Fl‑aħħar għolla ħarstu lejn ix‑xwejħa.
“Din ittra ta’ theddid. M’hemm ebda dubju. Għaliex ma marrux biha għand il‑Pulizija?” staqsa Irvin.
“Għax il‑mod kif irċevew dik l‑ittra, kif ukoll xi avvenimenti li ġrawlhom dan l‑aħħar, huma kemxejn, kif naqbad ngħid, mhux tas‑soltu. Ma jixtiqux li jdaħħlu lill‑Pulizija. Jemmnu li mhux li jistgħu jgħinuhom wisq f’dan il‑każ.”
Irvin baqa’ jħares lejn Eleonora — wiċċu xehed ċar li mhux jifhem akka.
“Tista’ tispjegali aktar? Din l‑ittra tgħid li l‑aħwa Manduca għandhom ċans sa nofsillejl ta’ nhar it‑Tnejn li ġej biex joħorġu mid‑dar fejn jgħixu. Għaliex dik id‑data partikulari?” staqsieha fl‑aħħar.
“Ħa ngħidlek, Irvin, jien ma nafx eżatt x’inhu jiġri. Naf biss il‑ftit li rnexxieli nitkixxef, u naf b’din l‑ittra, li wrewhieli tant kemm insistejt magħhom. Naħseb rawni kemm kont inkwetata. Id‑data għandha tifsira, iżda ma nixtieqx ngħidlek jien. Inti taċċetta li almenu tipprova tgħinhom? Jekk taċċetta, jien immur issa stess għandhom u nikkonvinċihom isejħulek biex tiltaqa’ magħhom u jekk inhu possibbli, tgħinhom. Forsi lilek jgħidulek aktar x’inhu jiġri.”
Irvin ħasibha għal ħin twil, filwaqt li Eleonora xorbot l‑ilma bil‑mod. Fl‑aħħar qalilha li kien se jaċċetta, u x‑xwejħa ferħet. Imbagħad, wara li talbitu tagħmel telefonata u ċċempel lil tat‑taxi, qaltlu biex jistenna telefonata mingħandha, u telqet ’il barra.
L‑Erbgħa, 18 ta’ Marzu
Merżuq dawl kien dieħel minn bejn il‑persjani għal fuq l‑ittra li kelli fuq l‑iskrivanija. Ma kellix bżonn nerġa’ naqbadha f’idi biex niftakar x’hemm miktub. Kont tgħallimt bl‑amment x’hemm fiha. L‑ittri mqasqsin minn xi gazzetti jew manuskritti antiki u mwaħħlin bil‑kolla bl‑addoċċ fuq il‑folji musfara bdejt saħansitra nistħajjilhom quddiemi kull darba li nagħlaq għajnejja biex nipprova naħseb. Dik id‑data — l‑ultimatum mogħti lill‑aħwa Manduca — kienet qed tittikani. Ħassejtni diġà f’tellieqa kontra l‑ħin. Iżda mhux li stajt naħseb wisq. Tant kont bla sabar li n‑nervi li qabduni ma ħallewnix nikkonċentra.
It‑telefown baqa’ sieket. Kien ilni minn xħin telqet is‑Sinjura Eleonora niċċassa lejh, nistennieh idoqq. Imma baqa’ sieket, jisfidani.
Erġajt bdejt nippassiġġa fl‑ispazju ċkejken tal‑uffiċċju l‑ġdid tiegħi, taħt il‑ħarsa attenta ta’ Humphrey Bogart, iħares lejja mir‑ritratt iswed u abjad imdendel maġenb it‑tieqa. Kont armajtu bir‑reqqa dak l‑uffiċċju, kollox kif suppost ikun. Ġo vetrina kbira fuq ġewwa nett, kelli madwar żewġ tużżani kotba mifruxin fuq żewġ xkafef. Dawn kienu saru l‑Bibbja tiegħi fl‑aħħar sena u nofs. Fuq xkaffa oħra taħthom kelli fliexken tax‑xorb u tazzi għall‑klijenti; taħt din kaxxa bi ftit ikel — gallettini, galletti, Spintzies, affarijiet hekk. Fil‑ġnub, fuq xkaffi ċkejknin, kont poġġejt xi qsari bir‑rampil u t‑tursin il‑bir. Ħawwilthom jien stess. Kont imxejt fuq il‑prinċipji tal‑Feng Shui, xjenza antika Ċiniża li tgħinek toħloq bilanċ naturali ġewwa darek. Ħassejt li kienu jserrħuli għajnejja meta nħares lejhom.
Quddiem il‑vetrina, fuq tapit folt x’aktarx t’oriġini Persjana, kont qegħedt żewġ pultruni u mejda baxxa pariġġhom. Kien fuq dawk il‑pultruni li lqajt lix‑xwejħa Eleonora dakinhar stess filgħodu. Eleonora, it‑tieni klijenta tiegħi. Kienet ġiet tkellimni dwar dak li kellu mnejn isir it‑tielet każ tiegħi, il‑każ tal‑aħwa Manduca. Wara tfittxija ta’ malajr fuq l‑internet, skoprejt li dawn kienu wlied il‑Baruni Manduca, li kien ilu mejjet is‑snin issa. Talbitni nistax ngħinhom billi nitkixxef min kien qiegħed jheddidhom u għaliex. Ma qaltli xejn aktar minn hekk, ħlief li wrietni dik l‑ittra anonima.
Żewġ pjanti kbar, imħawlin ġo qsari tal‑ġebel, kienu jifirdu s‑salott mill‑iskrivanija tal‑kawba li kont nuża ta’ kuljum biex naħdem. Kienet biċċa għamara unika, antika, u għalhekk maħduma sew. Fuqha kont inżomm affarijiet mill‑inqas: telefown stil antik, il‑laptop, desk organizer b’xi pinen u lapsijiet, u lampa tal‑bronż bil‑ħġieġ aħdar. F’ġenb minnhom, puliti fuq xulxin, kien hemm il‑kotba tal‑kors li kont qed nagħmel b’korrispondenza ma’ università fl‑Ingilterra. Ladarba nlesti d‑Diploma, kont inkun nista’ napplika għal‑liċenzja ta’ Investigatur Privat.
In‑naħa l‑oħra tal‑iskrivanija, bħalissa kien hemm l‑ittra anonima, dik li kienu rċevew l‑aħwa anzjani, Rita u Domenica Manduca.
It‑telefown daqq. Ħasadni, avolja kont qed nistennieh idoqq b’ħeġġa. Forsi għax ma kienx idoqq spiss daqskemm xtaqt. Kienu żminijiet iebsa. Ma weġibtx mill‑ewwel. Ħallejtu jdoqq tliet darbiet.
Kienet it‑telefonata li kont qed nistenna.
Wara li qtajt, bexxaqt il‑bieb li kien jinfed mad‑dar u b’idi ma’ ħalqi, biex leħni jwassal, sejjaħt, “Ma, ħiereġ fuq xogħol jien!”
Ma qgħadtx nistenna t‑tweġiba t’ommi. Kienet daħlitli biċċa xogħol, u dik kellha l‑prijorità kollha tiegħi.
1. Kif tistgħu tobsru, Gusto huwa l‑qattus tas‑Sinjura Eleonora; u flimkien mal‑kuġini tiegħu Luca u Laura, Irvin kien irnexxielu jsibu wara li dan kien insteraq minn ġara tas‑Sinjura li kienet tgħir għaliha. [Lura]
2. L‑iSpintzies huma snacks tal‑ġobon popolari ħafna li jġennu lil Irvin. [Lura]