Kitba ta’ Matias Mizzi
Madwar 1,700 kelma
Horizons (2021)
X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?
Din hija silta qasira mill-ktieb Il-Kantina tas-Sigrieti miktub minn Matias Mizzi u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.
Darba waħda kien hemm raħal, li kien jismu l‑Villaġġ tad‑Dragun. Dan ma kienx raħal bħall‑oħrajn għax fih kien hemm sigriet. Kien fih magħmul. Għajdut ta’ magħmul stramb fil‑post. U l‑għajdut kien li l‑uniku mod ta’ kif ir‑raħal seta’ jinħeles minn dan il‑magħmul kien jekk tinstab il‑ġawhra tal‑ambra.
Din ma kinitx biċċa xogħol faċli, għax biex tinstab din il‑ġawhra speċjali riedet l‑ewwel tinstab il‑kantina tas‑sigrieti. Kien hemm ukoll l‑għajdut fost l‑anzjani tar‑raħal li qabel ma xi ħadd ikun jista’ jieħu l‑ġawhra u jinħeles il‑magħmul ried jgħaddi minn tliet provi li jistgħu jkunu fatali. Iżda
minkejja l‑periklu u d‑diffikultà ta’ dawn il‑provi, l‑aktar parti diffiċli kienet li wieħed isib il‑kantina tas‑sigrieti. Dan għaliex dawn il‑kmamar ta’ taħt l‑art jingħad li kienu ilhom midfuna snin twal.
Fir‑raħal kien hemm tlett iħbieb: żewġ subien u tifla. Wieħed mis‑subien kien jismu Kail, it‑tifel l‑ieħor kien jismu Jacob, u t‑tifla kien jisimha Astrid.
Għalkemm kienu ħbieb kbar, kienu lkoll differenti minn xulxin. Kail kien iħobb ipinġi u jaqra, iżda kien ukoll avventuruż u l‑għaxqa tiegħu kienet li jipprattika l‑arti marzjali. Jacob kien iħobb jilgħab, jiekol u jdoqq it‑tanbur. U taħsbux li Astrid kienet waħda minn dawk il‑bniet sofistikati! Kienet tifla kuraġġjuża, attiva u tipprattika l‑ġinnastika, kif ukoll l‑arti marzjali, bħal seħibha Kail. Astrid ma tantx kien jinteressaha li tkun tidher sabiħa bħal ħafna bniet tal‑klassi tagħha, iżda, minkejja dan, kienet tifla qalbha tajba u protettiva lejn sħabha.
Jum bnazzi fost l‑oħrajn, waqt li t‑tfal kienu qed jilagħbu l‑basketball fil‑kampanja, il‑ballun intilef.
Meta sabuh qalb il‑ħaxix twil u l‑arbuxxelli, ħdejh sabu bieba fl‑art, imsakkra b’katnazz tal‑metall imsaddad; it‑toqba ta’ fejn tidħol iċ‑ċavetta kellha forma ta’ ras ta’ dragun.
Kail, Astrid u Jacob baqgħu skantati u qabdithom kurżità kbira dwar x’seta’ kien hemm taħt dik il‑bieba li kienet tidher li kienet ilha ma tinfetaħ is‑snin.
Kien għalhekk li Kail, Astrid u Jacob iddeċidew li jmorru jduru mal‑villaġġ biex jaraw jekk isibux xi ċavetta antika b’forma stramba li taqbel mal‑katnazz.
Wara kważi ġimgħa ta’ tfittxija, it‑tfal ħassewhom iddiżappuntati u bdew jaqtgħu qalbhom li qatt kienu se jsibu ċavetta li taqbel. Iżda moħħhom kien baqa’ jhewden, bil‑kurżità ta’ x’seta’ kien hemm taħt dik il‑bieba.
Mal‑għeluq tal‑ġimgħa minn meta sabu l‑katnazz, omm Kail qaltlu biex imur jixtrilha xi affarijiet mis‑suq. Kien is‑Sibt, u bħalma kull nhar ta’ Sibt kien jarma l‑monti, għalih kienet il‑ġurnata li fiha kien iqatta’ l‑ħin jilgħab fil‑kampanja ma’ Jacob u Astrid, filwaqt li ommijiethom kienu jintefgħu jpaċpċu u jieħdu t‑tè u l‑kafè f’ħanut viċin. Il‑ħsieb taċ‑ċavetta kien għadu jberren f’moħħu, iżda issa t‑tama u l‑ħeġġa kienu naqsu ħafna. Hu u għaddej, ra raġel xiħ qed ibigħ ħafna affarijiet antiki. Fost l‑affarijiet ra għadd ta’ ċwievet imdendlin. Għalhekk, Kail ħa ċans u staqsa lir‑raġel jekk kellux xi ċwievet li setgħu jkunu jaqblu ma’ katnazz antik b’forma ta’ dragun. Ir‑raġel xiħ ħares lejn Kail b’interess u staqsieh, “Spjegali ftit iktar dwar kif inhu dan il‑katnazz u fejn sibtu.”
Kail ħass li seta’ jafda lil dan ir‑raġel. Wara kollox, din kienet l‑aħħar tama li kellu. Għalhekk qallu kif hu u żewġt iħbieb oħra tiegħu sabu bieba sigrieta moħbija qalb il‑ħaxix u l‑arbuxxelli meta kienu qed jilagħbu.
Kail ma riedx jemmen lil għajnejh hekk kif ra lix‑xiħ iberraq għajnejh u jċarrat ħalqu fi tbissima kbira. U lanqas ried jemmen lil widnejh hekk kif semgħu jgħidlu li kien jaf b’dan il‑post.
“Dak li sibtu mhu xejn ħlief il‑kantina tas‑sigrieti,” qal b’kalma x‑xiħ.
“ Il‑kantina tal‑ġawhra tal‑ambra? Dik li ġieli semmietli n‑nanna? Mela vera teżisti?” lissen Kail, hekk kif ftakar fl‑istejjer strambi li ġieli sema’ dwar ir‑raħal fejn kien jgħix.
“Iva,” wieġbu x‑xiħ, li ma kienx qala’ għajnejh minn fuq Kail.
Imbagħad, mill‑but ħareġ ċavetta antika ħafna b’forma ta’ dragun, u qal lil Kail li din kienet iċ‑ċavetta li kienu qed ifittxu u li setgħet tiftaħ il‑katnazz. Hekk kif Kail ra l‑forma tad‑dragun, ikkonferma li x‑xiħ ma kienx qed jigdeb iżda kien qed jgħid il‑verità.
Hekk kif Kail tawwal idu biex jieħu ċ‑ċavetta, ix‑xiħ għalaqha fil‑ponn ta’ idu u qallu, “Jien se ntik iċ‑ċavetta b’kundizzjoni waħda: min jidħol hemm taħt irid jgħaddi minn tliet provi li jistgħu jkunu fatali sabiex jieħu l‑ġawhra tal‑ambra, imma l‑iktar ħaġa importanti hi...”
Iżda Kail kien wisq eċċitat biex jisma’ u jifhem dak li x‑xiħ beda jgħidlu. Moħħu kien biss f’dik iċ‑ċavetta u kif kien se jitlaq jiġri biha ħdejn sħabu biex itihom l‑aħbar tas‑sejba tiegħu.
“Fhimt x’għedltek, tfajjel?” qallu x‑xiħ. “Iva, iva,” ħarref Kail. “Grazzi.”
“Ħu ħsiebha, għax dik l‑unika ċavetta li teżisti,” nefaħ ix‑xiħ. Iżda Kail ma kienx semgħu għax kien laħaq telaq jiġri b’kemm saħħa kellu b’tiċrita kbira fuq fommu u biċ‑ċavetta marsusa soda f’idu.
Malli wasal ħdejn sħabu, bejn nifs u ieħor, b’wiċċ aħmar nar wara l‑ġirja u bl‑eċċitament, Kail qalilhom dwar ix‑xiħ. Fetaħ il‑ponn u uriehom iċ‑ċavetta.
“Illajs, ma rridx nemmen li dik hi verament iċ‑ċavetta! Lanqas bsart li stajna nsibuha verament,” qaltlu Astrid b’għajnejha mberrqa.
“U qallek xi ħaġa x‑xiħ?” staqsa kurjuż Jacob.
Kail ipprova jaħseb f’dak li qallu x‑xiħ u ftakar li kien semmielu xi ħaġa dwar il‑ġawhra tal‑ambra. Għalhekk qal lil sħabu li r‑raġel kien tah din iċ‑ċavetta b’kundizzjoni waħda. Ma kienx ċert dwar il‑kliem eżatt imma deherlu li f’xi ħin ix‑xiħ kien qallu li jridu jtuh lura l‑ġawhra meta jsibuha fil‑kantina tas‑sigrieti.
Jacob u Astrid kienu eċċitati ferm, u flimkien ma’ Kail telqu jiġru b’kemm jifilħu lejn il‑post sigriet tagħhom. Iżda fi triqthom, Astrid bdiet taħseb u tistaqsi għala x‑xiħ ried lilhom iġibhulu l‑ġawhra tal‑ambra jekk hu kellu ċ‑ċavetta u seta’ niżel hu fil‑kantina meta ried.
Ma’ dan il‑kliem it‑tlett iħbieb waqfu jiġru u Jacob ħa l‑opportunità biex hu wkoll jaqsam il‑ħsibijiet tiegħu u dak li kien qed jinkwetah.
“Isimgħu, l‑aħwa, ara ma nidħlux f’xi basla! Nippreferi nikolha milli nidħol fiha l‑basla jien,” qalilhom.
Kail beda jidħak, u meta sħabu staqsewh x’ġara, qalilhom li Jacob ma riedx jinżel taħt l‑art għax kien jibża’ mid‑dlam u minn kull kreatura li seta’ kien hemm hemm taħt. Għal dan il‑kliem Jacob ħassu jinkiser, u t‑tnejn l‑oħra raw wiċċu aħmar nar bir‑rabja li ħass tbaqbaq ġewwa fih. Ma kienx jieħu gost meta xi ħadd iwaqqgħu għaċ‑ċajt, u dak li qallu Kail ma kien għoġbu xejn, speċjalment għax fil‑fond ta’ qalbu kien jaf li sieħbu kellu raġun.
Irrabjat kif kien, Jacob qal li kien Kail li kien jibża’ mid‑dlam u l‑insetti, u mhux hu, avolja l‑argument tiegħu xejn ma kien konvinċenti u deher li ma kienx jaf x’se jgħid.
Meta rat li Jacob kien ħa għalih, Astrid qalet lil Kail li kellu jieqaf jidħak għax din ma kinitx ċajta u talbitu jiskuża ruħu ma’ Jacob. Kail qalilha li hu ma kienx se jiskuża ruħu għax ma kien qal xejn ħażin għax dak li kien qed jgħid kien kollu veru. Astrid kompliet tinsisti ma’ Kail, iżda hu baqa’ ma jridx imur lura minn kelmtu, u qal li hu kien jaf x’qed jgħid għax meta darba marru jduru l‑għerien ma’ tal‑iskola Jacob tant beża’ li ħassu ħażin.
Astrid bdiet titħassar lil Jacob u kompliet tinsisti ma’ Kail sabiex jieqaf jinki, u jiskuża ruħu.
Meta rat li Kail ma kienx beħsiebu jċedi, Astrid qaltlu li jekk jiskuża ruħu kienet se ttih mowbajl ġdid. Meta sema’ dan, Kail skuża ruħu malajr u qalilha ttih dak li wegħditu.
Astrid bdiet tidħak kemm tiflaħ. “Int bis‑serjetà, Kail? Minn fejn tridni nġibu l‑mowbajl? Ma ħsibtekx daqshekk ras ta’ tiġieġa!”
“U ejja, inti gdibt mela!” għajjat Kail, jipprova ma jurix li kien qed jistħi. Iżda minflok ma weġbitu, Astrid tatu tehmiża ta’ nkejja.
F’dak il‑ħin Kail kellu wisq affarijiet għaddejjin minn moħħu, tant li ma setax jgħidilha kif kien qed jiddeskriviha. Imma qed ngħidlek, imnalla li Astrid ma semgħetux għax il‑kliem li ġie f’moħħu kien: giddieba kbira, ġurdien tad‑drenaġġ jinten, u moħħ bla sugu.
Kail ħa nifs ’il ġewwa biex jikkalma sabiex ikun jista’ jkellem lil Astrid mingħajr ma jgħajjarha, avolja kien ħaqqha. Qalilha li b’xi mod jew ieħor kien se jpattihielha. Astrid ma dehritx li emmnitu, iżda Kail kien diġà qed jaħseb fi pjan kif se jagħmel dan iktar tard.
Hekk kif kienu mexjin mitlufa jargumentaw, bilkemm intebħu li kienu waslu fil‑post li kienu qed ifittxu.
“Il‑kantina tas‑sigrieti!” għajtu lkoll flimkien.
It‑tfal ġrew lejn il‑bieba li issa kienu jafu ’l fejn kienet tagħti, u Astrid staqsiet lil Kail jekk kienx għad kellu ċ‑ċavetta. Kail daħħal idu fil‑but u ħareġ iċ‑ċavetta stramba li kien tah ix‑xiħ. Bit‑tama li kienet verament taqbel, b’idu tirtogħod daħħal iċ‑ċavetta fil‑katnazz u dawwarha.
Wara ftit sekondi, it‑tfal semgħu ħoss stramb ġej mill‑kantina. Il‑grupp baqa’ ċċassat hekk kif il‑katnazz sparixxa u l‑bieba li tagħti għall‑kantina nfetħet b’żaqżiqa weħidha.
Wara ftit minuti jiċċassaw lejn il‑bokka tal‑kantina miftuħa u mudlama, jippruvaw isibu l‑kuraġġ biex jagħmlu l‑pass li jmiss, Kail qata’ s‑silenzju u qal, “Jacob, inżel int l‑ewwel, la ma tibżax mid‑dlam.”
Jacob tah ħarsa kerha. Finalment, sabiex jiddeċiedu min se jingħażel, għamlu dan b’mod li ebda adult ma tiġih f’rasu.
“Karta, ġebla jew imqass!” għajtu kollha f’daqqa. Wara ħames minuti jilagħbu biex jaqtgħu min kien se jingħażel, Kail u Astrid ħarġu rebbieħa u għalhekk kellu jkun verament Jacob li jinżel l‑ewwel fil‑kantina. Wiċċ Jacob wera biċ‑ċar il‑paniku li ħakmu, għalhekk Astrid ippruvat issalva s‑sitwazzjoni billi qalet lil Kail li talli kien imbarazza lil Jacob qabel, u qal li hu ma kien jibża’ minn xejn, kellu jkun hu l‑ewwel wieħed li jinżel.
Għall‑ewwel Kail ma qabilx u qalilha li dan ma kienx ġust, iżda mbagħad ġietu idea brillanti għal kif seta’ jpattiha lil Astrid għal dak li kienet għamlitlu qabel, u bi tbissima aċċetta. Kail qal lil sħabu jmorru jistaħbew wara l‑arbuxxelli sakemm hu jinżel fil‑kantina.
Hekk kif kienu mistoħbija, Astrid u Jacob semgħu għajta li ttarrax.
“Ajjjjuuuut!... Ajjjjuuuut!”
B’kemm saħħa kellhom, Astrid u Jacob telqu jiġru lejn il‑bieba tal‑kantina, imwerwrin li Kail seta’ ġralu xi ħaġa. Astrid ħadet nifs fil‑fond u kienet l‑ewwel waħda li niżlet it‑taraġ tal‑ġebel b’forma ta’ spiral. Warajha niżel Jacob, imwerwer. Kien f’dak il‑mument li Astrid u Jacob lemħu lil Kail fl‑aħħar tarġa u semgħuh jidħak u jogħxa hekk kif ra l‑ħarsa mwerwra fuq wiċċhom.
“Pattejthielkom! Pattejthielkom! Il‑pjan tiegħi ħadem!”
Astrid ħassitha tbaqbaq bir‑rabja, iżda kull argument waqaf hekk kif it‑tfal ħarsu madwarhom u indunaw fejn qegħdin.