Kitba ta’ Michael Cini
Madwar 890 kelma
Merlin Publishers (2024)
X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?
Din hija silta qasira mill-ktieb L-Għar Moħbi taħt l‑Irdum miktub minn Michael Cini u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.
Kemm kien iħobb joqgħod jirrakkuntalhom li fi żmien il‑gwerra, in‑nannu Joey kien wieħed mis‑suldati li kienu joqogħdu għassa f’dik il‑kamra mdaqqsa li hemm f’tarf l‑irdum!
Minħabba li qiegħda kemxejn ’il bogħod minn fejn jinżlu jgħumu n‑nies, illum tinsab abbandunata u msakkra b’katnazz oħxon. Imma dak iż‑żmien kien fiha żewġ machine‑guns kbar u s‑suldati kienu jkunu dejjem lesti biex iwaqqfu l‑vapuri tal‑għadu, f’każ li jippruvaw jidħlu fil‑bajja ta’ San Pawl il‑Baħar.
L‑erba’ kuġini dejjem qagħdu jisimgħuh jirrakkonta bl‑akbar interess meta kien jgħidilhom li fil‑bajja kienu jinżlu l‑ajruplani tal‑baħar, fost il‑ħafna frejgati u bastimenti tal‑gwerra Ingliżi li kien ikun hemm ankrati. U erħilhom jistagħġbu kull darba li jgħidilhom li minn Forti Campbell li hemm fuq il‑bajja tal‑Mistra, is‑suldati tagħna kienu jisparaw u jwaqqgħu l‑ajruplani Ġermaniżi u Taljani li jiġu jattakkawna. Meta l‑kanuni ta’ din il‑fortizza ġieli sparaw bil‑lejl, is‑sema kollu kien jinxtegħel daqslikieku kienet xi maltempata bil‑beraq u s‑sajjetti. Anki s‑searchlights tagħha kienu kapaċi jdawlu wiċċ il‑baħar kollu biex ifittxu u jikxfu l‑vapuri tal‑għadu, bħalma kienu għamlu meta l‑E‑boats Taljani ġew jattakkaw it‑tanker Ohio tal‑Konvoj ta’ Santa Marija. Darba minnhom kien ipprova jidħol ukoll sottomarin, imma bl‑isparar tal‑machine‑guns u l‑kanuni, malajr kellu jdawwar denbu u jerġa’ jaħrab ’il barra minn fejn ġie.
Biss, l‑aktar li kienu jissaħħru u jieħdu gost jisimgħu kienet l‑istorja ta’ meta saħansitra darba minnhom, ajruplan tal‑għadu Ġermaniż niżel jispara fuq il‑kamra ta’ tarf l‑irdum fejn kien hemm in‑nannu u s‑suldati sħabu. Minkejja li miksija bil‑ġebel tal‑gagazza biex ma tidhirx, minn kollox beda jagħmel biex jeqridha u anki laqatha b’bosta balal. Għall‑bidu t‑tfal qagħdu jmeruh, bejn biex jinkuh ftit u bejn għaliex huma qatt ma raw il‑marki tal‑balal. Sakemm in‑nannu kważi ħa fastidju u dak il‑ħin stess, ħadhom jaraw il‑ħofor fejn kienu laqtu l‑balal tal‑machine‑guns tal‑ajruplan. Il‑pilota Ġermaniż tant beda jinżel fil‑baxx li minn ġox‑xquq minn fejn bdew jisparawlu lura, is‑suldati ta’ ġol‑kamra setgħu jarawlu wiċċu sew.
Kien pilota kuraġġuż għax minkejja li bdew jisparawlu, hu baqa’ jiddajvja u jattakkahom bl‑akbar qilla. Sakemm fl‑aħħar xeħtilhom bomba li b’miraklu, għal ftit metri biss ma waqgħetx fuq is‑saqaf tal‑kamra, imma ġiet eżatt taħt l‑irdum fejn kienet ħalliet ħofra kbira. Tant li huwa u jerfa’ għajnejh lejn is‑sema, in‑nannu kien dejjem jgħidilhom, “Kieku dakinhar laqatna, kieku la jiena m’jien hawnhekk biex nirrakkuntalkom dawn l‑istejjer, u lanqas intom biex tisimgħuhom!”
“Bummmm!” kien jagħmel in‑nannu Joey, huwa u jiftaħ idejh u jberraq għajnejh biex jispjegalhom x’ħoss qawwi kienet għamlet dik il‑bomba malli splodiet. Imbagħad, erħilu jheżżeż il‑mejda ħalli l‑frieket u t‑tazzi u l‑fliexken jibdew jirtogħdu u jċekċku, daqslikieku l‑bomba tal‑ajruplan Ġermaniż kienet verament waqgħet hemmhekk, fil‑kamra tal‑ikel tan‑nanna Stella.
Għax il‑vaganzi tas‑sajf, il‑kuġini kienu qegħdin iqattgħuhom kollha għand in‑nanniet f’San Pawl il‑Baħar. Il‑post tan‑nannu Joey ma kienx kbir għaliex wara li żżewġulhom uliedhom, in‑nanniet biegħu d‑dar kbira li kellhom il‑Mosta u marru joqogħdu f’post iżgħar viċin il‑baħar. Issa ma kellhomx x’jambu kobor!
Imma għall‑kuġini dan kien biżżejjed għax għalihom, dment li n‑nanna timlielhom żaqqhom u n‑nannu jifirxilhom is‑saqqijiet mal‑art għall‑frisk biex jorqdu fuqhom, kien biżżejjed.
Kienet l‑għaxqa tan‑nanniet jaraw lit‑tfal kuntenti fil‑mezzanin li kellhom. In‑nanna kienet tqum kmieni biex toħroġ tixtri l‑ħalib u l‑ħobż frisk ħalli malli jqumu t‑tfal, tkun tista’ tippreparalhom kolazzjon kif iħobbuh huma. Tant li malli jiftħu għajnejhom, l‑ewwel ħaġa li tilqagħhom kienet tkun ir‑riħa tfuħ tal‑ħobż mixwi u l‑bajd u l‑bejken huma u jsiru fuq in‑nar.
Xi drabi, Emma kienet tippreferi biċċa ħobż mixwija bil‑butir ħelu u l‑ġamm tal‑frawli, tazza larinġ magħsur, flimkien ma’ bieqja ċereali mfawra bil‑ħalib kiesaħ. Tagħmel xufftejha max‑xifer u erħilha toqgħod iżżafżaf il‑ħalib bil‑mod il‑mod, sakemm tispiċċa b’par mustaċċi bojod bojod taħt imneħirha.
Imma Thomas, James u Lisa kienu jnaddfuhom il‑platti tagħhom mill‑bajd u l‑bejken, bil‑fażola fiz‑zalza u t‑tadam moqli u l‑ġobon, huma u jqarmċu kollox fuq il‑kisriet tal‑ħobż tal‑Malti mixwi bil‑butir ħelu tan‑nanna Stella.
Imbagħad għal xi l‑għaxra ta’ filgħodu l‑erba’ kuġini kienu jinżlu jgħumu, min bil‑ballun, min jaqdef huwa u jtajjar kemm jiflaħ ilma, u min bil‑maskra u l‑ħarpun biex ifittex xi qarnita. In‑nanniet tgħidx kemm kienu jdumu jwissuhom biex joqogħdu attenti u ma joħorġux ’il barra. Biss, tgħidx kemm kienu jieħdu pjaċir meta xi ħadd mit‑tfal kien jirnexxilu jtella’ xi qarnita mdaqqsa. In‑nanna kien l‑hena tagħha tagħmilha stuffat filwaqt li n‑nannu, erħilu jogħrok żaqqu biex jippreparaha għal platt spagetti biz‑zalza tfuħ tal‑qarnit. Għax in‑nanna Stella tassew kienet tinqala’ biex tħawwar u tagħmel naqra stuffat jagħqad fuq id‑difrejn bil‑patata u ż‑żebbuġ iswed, li kien jibda jinxtamm ifuħ minn kantuniera bogħod. X’ma jilgħaqx xufftejh in‑nannu Joey daqskemm kien iħobbha żaqqu!
Iz‑zalza kienet tagħmilhielhom fuq l‑għaġin filwaqt li għad‑darba ta’ wara, ittella’ l‑biċċiet tal‑qarnit biex fil‑platti żżid iċ‑ċips, il‑bajd u anki l‑bigilla sħuna, flimkien mal‑fażola l‑kbira bit‑tewm u t‑tursin.
X’riedu iżjed dawn il‑kuġini matul il‑vaganzi tas‑sajf? Malli jqumu kuljum kienu jsibu kolazzjon sabiħ jistenniehom, imbagħad għawma għaż‑żiffa ta’ filgħodu. Ikla kif imiss mingħand in‑nanna f’nofsinhar u wara li jistrieħu ftit biex jinżlilhom l‑ikel, jerġgħu jerħulha għall‑baħar sakemm ix‑xemx tgħib wara l‑għoljiet tal‑Miżieb u l‑Imbordin. U filgħaxija wara li jinħaslu, joħorġu jfittxu tfal oħrajn tal‑età tagħhom biex joqogħdu jilagħbu noli, ħarba, jew anki Gwerra Franċiża.
Imbagħad fl‑aħħar nett ikla ħobż tal‑Malti jqarmeċ biż‑żejt u t‑tadam, biż‑żebbuġ u l‑kappar, tonn taż‑żejt u bżar u melħ u ftit bżar aħdar u ħjar frisk imqatta’ roti roti. Dan kollu kien tassew jieħu pjaċir joqgħod ilestihulhom in‑nannu Joey għal meta jiġu lura mifluġin mil‑logħob … u wara ġurnata baħar.
X’ma jintefgħux qishom ċomba fuq is‑saqqijiet, u jorqdu raqda waħda sal‑għada filgħodu!