Kitba ta’ Michael Cini
Madwar 850 kelma
Merlin Publishers (2024)
X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?
Din hija silta qasira mill-ktieb Il-Misteru tal‑Kalċi l‑Misruq miktub minn Michael Cini u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.
“Uff xi dwejjaq. Min jaf kemm se niddejqu weħidna qalb dawk il‑kbar kollha!” kienet qiegħda tonfoħ u tgerger Lisa.
U kellha daqsxejn raġun, għax il‑ġenituri tagħhom kienu twebblu li jmorru jqattgħu l‑vaganzi tal‑festa tal‑Qaddisin Kollha, fl‑ewwel ġimgħa ta’ Novembru, f’kunvent tal‑irtiri tal‑patrijiet. Qalu li riedu jaqtgħu ftit mir‑rutina ta’ kuljum, u minħabba li kienu mseħbin ma’ komunità reliġjuża li kienet tiltaqa’ fil‑parroċċa tagħhom, applikaw biex imorru jqattgħu tlett ijiem irtir għall‑kwiet hemmhekk.
Kieku s’hemmhekk ma jimpurtax. Għal James u għal Lisa setgħu jmorru u jdumu kemm iridu, anki jekk jagħmlu rtir ta’ mqar ħmistax‑il ġurnata. B’daqshekk! Anzi aħjar, għax kieku ma jkollhom lil ħadd min joqgħod igergrilhom li l‑ħin kollu jilagħbu fuq il‑Playstation, min jgħidilhom biex ibaxxu l‑volum tal‑mużika, kemm idumu fil‑kamra tal‑banju huma u jaraw il‑videos fuq Youtube, kemm idumu barra filgħaxija …
Imma din id‑darba, ommhom u missierhom riedu bilfors jeħduhom magħhom. “Għax din is‑sena, jien u l‑papà se nagħlqu sittax‑il sena miżżewġin,” bdiet tgħidilhom ommhom b’għajnejha jleqqu bl‑eċitament. “U għalhekk, nixtiequ li l‑familja kollha nkunu flimkien biex nirringrazzjaw ’il‑Bambin talli laqqagħna flimkien u li għandna lilkom; żewġ anġli frott l‑imħabba ta’ bejnietna …” Insomma, waħda mill‑prietki tas‑soltu li kienet spiss toħroġ bihom ommhom meta tkun f’burdata tajba.
“Mur ara x’eċitament. Tgħidli xejn!” kompla ma’ oħtu James, sakemm fl‑aħħar, “Imma ma, jien u Lisa tgħidx kemm se niddejqu. Aħna x’se noqogħdu nagħmlu? Ma’ min se noqogħdu? Se jkun hemm tfal oħrajn tamparna? Kif se nqattgħu dak il‑ħin kollu maqfulin hemm ġew? Mela aħna bħas‑sorijiet u l‑patrijiet …?” kompla jgerger magħha James.
Imma ommu, dak il‑ħin bilkemm ma ħaditx skandlu. “Żgur li se jkun hemm ħin għal kollox. Biex nitkellmu, nirrilassaw, niddiskutu l‑problemi mal‑kumplament tal‑komunità, nieħdu sehem fil‑laqgħat …”
Lisa ħarset lejn James filwaqt li t‑tnejn li huma għollew għajnejhom lejn is‑saqaf. Kellhom biċċa ta’ geddum sal‑art.
Dik il‑lejla ħadd minnhom ma ħass li seta’ jintefa’ fis‑sodda u jorqod. Ħadd minnhom ma seta’ jimmaġina kif il‑vaganzi tal‑ewwel term kienu se jaħluhom hekk. Qishom ġo ħabs qalb qatta xjuħ!
Imma kien proprju waqt li James kien medhi jilgħab fuq il‑Playstation u Lisa qiegħda tara ma’ min se tiċċettja li f’daqqa waħda …
“Min jaf li kieku ngħidu lil Emma u lil Thomas jiġu magħna?” qalet f’salt Lisa. James bilkemm semagħha daqskemm kien mitluf jissara mal‑players tal‑FIFA. Għall‑ewwel lanqas biss irrispondieha imma wara ftit sekondi, moħħu rreġistra u bħal donnu rrealizza li din tassew kienet idea tajba.
“Ibagħtilhom fuq il‑Messenger, Lisa, forsi ma tafx kif togħġobhom l‑idea u jitħajru jiġu magħna huma wkoll. Dawk aktar bil‑għaqal minna. Jista’ jkun li dawn l‑affarijiet ma jdejquhomx daqsna. Forsi jaċċettaw, min jaf! Hekk għall‑anqas, ikun hemm xi ħaddieħor tamparna ma’ min noqogħdu. Mur ġibna kieku, il‑ħin kollu ma’ dawk il‑kbar. Kif se jgħaddu tlett ijiem?”
Imma sakemm James kien għadu jgemgem minn taħt l‑ilsien, Lisa bdiet ittektek il‑messaġġ fuq it‑tablet.
“Dawk bħalissa żgur li għadhom qegħdin jagħmlu l‑homework. U fadlilhom biex jidħlu xi ftit fuq l‑internet għax wara jkomplu jistudjaw,” bdiet tgerger Lisa. “Dawn ukoll, tafx, dal‑homework u studju kollu, imbagħad wara joqogħdu anki jaqraw … Nixtieq naf kif ma jiddejqux!”
Għax Thomas u Emma, fejn jidħol l‑istudju u x‑xogħol tal‑iskola kienu differenti ferm minn kuġiniethom. Għalkemm jaqblu f’ħafna affarijiet, fl‑istudju xejn ma kienu jixxiebhu. X’aktarx li għax il‑ġenituri tagħhom ma kinux isuquhom l‑istess. Filwaqt li ta’ James u Lisa ma tantx kienu jsusu fuq uliedhom u jgħinuhom sabiex jistudjaw, mill‑banda l‑oħra l‑ġenituri ta’ Thomas u ta’ Emma kienu dejjem jaraw li l‑ewwel uliedhom ilestu x‑xogħol tal‑iskola, jistudjaw, u wara jaqraw ftit. Imbagħad iħalluhom jagħmlu dak li jixtiequ wara li jieklu, qabel ma jidħlu jorqdu.
Għalhekk dakinhar, Lisa u James damu jistennew mhux ħażin. Matul dan il‑ħin, Lisa fettlilha daħlet fuq l‑internet biex tfittex dwar dan il‑kunvent. “Ejja ttawwallu waħda, James. Kemm jidher stramb ukoll! Dan parti minnu qisha xi kastell antik.” Għall‑inqas hekk kien jidher, għax minbarra li ċ‑ċinta tal‑bejt tiegħu kienet mibnija b’ġebel impoġġi b’tali mod li minn bejniethom is‑suldati setgħu jittawlu u jisparaw, fil‑kantunieri dehru wkoll bħal torrijiet. Imbagħad, imiss eżatt miegħu kien jidher il‑bini aktar riċenti li jifforma l‑kumplament tal‑kunvent.
Sakemm fl‑aħħar, daħal messaġġ mingħand Thomas fuq WhatsApp.
Thomas qalilhom li kien qal lil Emma bl‑istedina tagħhom, u li din mill‑ewwel qaltlu iva. L‑idea li jkunu jistgħu jerġgħu jqattgħu ftit jiem oħra mal‑kuġini tagħhom, kienet għoġbot kemm lilha kif ukoll lil Thomas. Donnhom li dawn it‑tnejn xejn ma taw kas li kienu se jkunu maqfulin ġo kunvent qalb ħafna kbar. L‑aqwa li se jkunu fil‑kumpanija ta’ Lisa u ta’ James, għax verament kienu jieħdu gost magħhom.
Għal din ir‑risposta, Lisa u James ħadu r‑ruħ. Issa żgur li ma kinux se jiddejqu għax filwaqt li l‑ġenituri kienu se jkunu qegħdin jiddiskutu l‑problemi tagħhom waqt il‑laqgħat tal‑komunità, x’aktarx li huma kienu se jkunu qed jivvintaw xi ħaġa aktar interessanti kif se jqattgħu dawk it‑tlett ijiem maqfulin hemm ġew. Għandek xi dubju, wara dik l‑avventura eċitanti li kienu għadhom kif għaddew minnha s‑sajf ta’ qabel għand in‑nanniet ta’ San Pawl il‑Baħar?
Imma tgħid, omm u missier Emma u Thomas kienu se jaċċettaw li jibagħtuhom magħhom … speċjalment wara l‑inkwiet u l‑perikli kollha li kienu daħlu fihom l‑erba’ kuġini matul is‑sajf li għaddew flimkien?