Kitba ta’ Norman C. Borg
Madwar 740 kelma
© Norman C. Borg
Merlin Publishers (1998)
X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?
Din l-istorja hija waħda mill-ġabra Tużżana, editjata minn Ġorġ Mallia u Trevor Żahra, u ppubblikata minn
Sib il-ktieb fil-librerija tal-iskola jew dik pubblika, biex tispiċċa l-istorja u taqra l-oħrajn li hemm fil-ġabra. Jekk trid, tista’ tixtri l-ktieb mill-ħwienet tal-kotba jew online mingħand Agenda Bookshop jew BDL Books.
Kulħadd jaf li l‑Qamar huwa mtaqqab. Imtaqqab minn fuq u minn isfel, mil‑lemin u mix‑xellug, minn kullimkien. Imtaqqab b’ħofor: kbar, żgħar, fondi, baxxi, tondi, kwadri, koroh, sbieħ. U kulħadd jaf li s‑sbejħa Qawsalla, dik l‑arkata kollha lwien li tidher wara li tkun għamlet ix‑xita, titlaq minn din id‑dinja u tieqaf hemm fuq, fl‑akbar ħofra li hemm fuq il‑Qamar, li minħabba f’hekk tissejjaħ il‑Ħofra tal‑Ilwien.
Tistgħu tobsru għalhekk li f’din il‑ħofra t‑taħlita ta’ kuluri li hemm ma ssibha fl‑ebda ħofra oħra fuq il‑Qamar. Ngħiduha kif inhi, il‑ħofor l‑oħra fuq il‑Qamar issibilhom jew kważi kollox abjad, jew kważi kollox iswed, jew kważi kollox griż biss!
Fil‑Ħofra tal‑Ilwien, il‑kuluri jitħalltu u għalhekk, ħafna affarijiet għandhom kulur jew kuluri mhux tas‑soltu. L‑għelieqi wkoll huma mħalltin b’kuluri varji, u l‑fjuri, m’għandniex xi ngħidu huma mill‑isbaħ.
Midella kienet tieħu ħsieb waħda minn dawn l‑għelieqi, waħda minn dawk fejn in‑nies ta’ Belt l‑Ilwien kienu jkabbru l‑fjuri biex jagħtuhom lin‑nies tal‑ħofor l‑oħra biex iżejnu bihom.
Il‑fjuri ta’ dawn l‑għelieqi kienu speċjali, għaliex kull petala tagħhom kellha lewn differenti mill‑oħrajn. Kienet l‑għaxqa ta’ Midella li tieħu ħsieb l‑għalqa tagħha u tkabbar il‑fjuri fiha. Meta kien jasal iż‑żmien li ssaqqi l‑għalqa, kienet tgħinha l‑ħabiba tagħha Sħaba, li kienet ittir fuq l‑għalqa u ssaqiha bix‑xita tagħha. Fil‑fatt Sħaba kellha xogħol importanti ħafna fil‑Ħofra tal‑Ilwien, għax kienet hi li tittajjar fuq l‑għelieqi kollha biex issaqqihom skont il‑bżonn. In‑nies ta’ Belt l‑Ilwien kienu jiffrankaw ħafna xogħol bl‑għajnuna tagħha, u lil Sħaba ma kellhomx ħliefha.
Jum minnhom, bħas‑soltu, Sħaba taret lejn l‑għalqa ta’ Midella biex tagħmel xogħolha. Sabet lil Midella tistennieha f’nofs l‑għalqa. Midella rat li Sħaba kienet bla nifs u kienet qed tonfoħ bil‑qawwi, tant li l‑bnadar imlewna li kellha fuq is‑saqaf tal‑għorfa tagħha bdew iperpru mhux ħażin.
“L‑għodwa t‑tajba, Sħaba. Kemm ġejt bil‑ġirja dalgħodu!” lissnet Midella.
“L‑għodwa ... l‑għodwa t‑tajba, Della!” wieġbet Sħaba bejn nifs twil u ieħor. “Illum imissni nsaqqi xi tużżana għelieqi wara xulxin, u qed ikolli ngħaġġel biex inlaħħaqhom kollha. Diġà saqqejt erbgħa qabel ma ġejt għal tiegħek!”
“Toqgħodx tinkwieta fuq hekk, Sħaba,” kompliet Midella, hi u tħares ’il fuq. “L‑importanti huwa li ...”
Midella waqfet hekk kif xi ħaġa fis‑sema, aktar ’il fuq minn fejn kien hemm Sħaba, ġibditilha l‑attenzjoni. Kien hemm xi ħaġa, ċkejkna ċkejkna, li bil‑mod il‑mod kienet nieżla lejhom.
“Dik x’inhi?” staqsiet Midella.
Iżda l‑imsejkna Sħaba ma kellhiex ċans tgħid tagħha. Hekk kif dawret wiċċha biex tara fejn kienet qed tħares Midella, ħadet l‑akbar ħasda li qatt kellha f’ħajjitha!
L‑oġġett li Midella kienet rat nieżel lejhom kien ġej sparat, tant li Midella lanqas biss kellha ċ‑ċans li tgħid lil Sħaba biex iżżul min‑nofs. Baqa’ għaddej sparat minn ġo Sħaba!
“Dak x’il‑mniefaħ hu?!” qabdet twerżaq Sħaba.
Ma kellhomx ċans jaraw sew x’kien, lanqas meta mess mal‑art. Issa kienet Midella li ħadet qatgħa kif imiss, hekk kif l‑oġġett niżel fuq xi fjuri li kellha fl‑għalqa u għaffiġhomla bħal pulpetta.
“Il‑fjuri tiegħi!” qabdet twerżaq Midella.
Araw taħsbu li l‑inkwiet waqaf hawn! Hekk kif l‑oġġett mess l‑art reġa’ tar fl‑ajru minnufih. Għal daqsxejn ma reġax laqat lil Sħaba li kieku din issa ma laħqitx resqitlu min‑nofs. L‑oġġett tar ftit aktar ’il fuq fis‑sema, u għal xi sekondi, donnu waqaf fl‑arja, qabel ma reġa’ qabad in‑niżla ’l isfel.
“Ommi ma, reġa’ ġej!” lissnet Midella, hekk kif irħitilha bil‑ġirja lejn l‑għorfa tagħha għall‑kenn.
L‑oġġett reġa’ niżel fuq parti oħra tal‑għalqa, u għaffeġ aktar fjuri.
“Dak se jeqridli l‑fjuri kollha!” għajtet Midella mbikkma.
L‑oġġett kien għadu ma waqafx. Beda joqmos ’l hawn u ’l hinn, bi Sħaba l‑ħin kollu tersaq minn naħa għal oħra biex tiskarta li jerġa’ jgħaddi minn ġo fiha.
Madankollu, issa kemm Sħaba kif ukoll Midella setgħu jaraw aħjar x’kien dak l‑imbierek ta’ oġġett. Kien xi ħaġa tonda, forma ta’ ballun. Minn dan il‑ballun kienu ħerġin ras, żewġ idejn u riġel wieħed. U setgħu jisimgħu ukoll leħen irqiq.
“Oj! Oj! Oj! Oj! Ma nistax nieqaf! Ma nistax nieqaf!” beda jgħid.
Dażgur li ma setax jieqaf! Midella ntebħet li l‑għonq, l‑idejn u r‑riġel ta’ dak l‑oġġett ma kienux għajr molol. Mhux ta’ b’xejn beda joqmos ’l hawn u ’l hinn bla rażan!
Iżda issa il‑biża’ u l‑fixla ta’ Midella kienu bil‑mod il‑mod saru rabja liema bħalha. “Ara kif tagħmel biex tieqaf!” qabdet tgħajjat, “għax diġà għaffiġtli nofs il‑fjuri tal‑għalqa!”
L‑ewwel ħaġa li sabet f’idejha, ġewwa l‑għorfa, kienet l‑ixkupa. Ħarġet sparata fil‑għalqa tfajjarha lejn dik l‑imbierka ħlejqa. Iżda din tant kienet qed toqmos bil‑għaġla li Midella lanqas laqtitha darba.
“Oj! Oj! Oj! Oj! Ma nistax nieqaf! Ma nistax nieqaf!” kompliet il‑ħlejqa.
Sadanittant, ...