Ġeneri
Leġġendi
Mitoloġija
Kapitli
1: Is‑Saħta taċ‑Ċurkett
2: Kif Inbena Walhalla
3: It‑Tiftixa għal Deheb ir‑Renu
4: Is‑Seħer il‑Ħażin ta’ Alberich
5: Il‑Miġja ta’ Ulied ir‑Renu
6: L‑Armata Immortali
7: L‑Isfida
8: Il‑Mewt ta’ Siegmund
9: Il‑Kastig tal‑Allat
10: Il‑Wasla ta’ Siegfried
11: Il‑Mewt tad‑Dragun
12: Il‑Premju ta’ Siegfried
13: Id‑Destin ta’ Siegfried
14: Il‑Filtru Msaħħar
15: Brunhilde Ttraduta
16: Profezija Kerha
17: Iċ‑Ċurkett Jerġa’ f’Postu
Noti
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Kull pajjiż għandu l‑mitoloġija u l‑leġġendi tiegħu. L‑Ingilterra għandha l‑leġġenda tar‑Re Arturu u l‑Ifirsa tal‑Mejda t‑Tonda. Il‑Ġermanja għandha l‑leġġenda tan‑nani li kienu jissejħu n‑Nibelungi, u li kellhom ċurkett imsaħħar. Bħal ħafna leġġendi antiki oħrajn, jeżistu ħafna verżjonijiet tal‑istorja. Din li se nirrakkuntaw hawn hija l‑verżjoni li uża l‑kompożitur tal‑opri Ġermaniż Richard Wagner. Hija storja miżgħuda bi ġganti, nani ħżiena, tfajliet sbieħ, serp kbir u ħlejjaq oħra fantastiċi.
Is‑sireni tal‑ilma li kienu jgħixu f’dak iż‑żmien kienu tfajliet sbieħ, iżda ħadd minnhom ma kienet sabiħa daqs it‑tlieta li kienu jgħixu fix‑Xmara Renu. Stajt tfittex f’kull xmara f’kull pajjiż ieħor, u mkien ma kont issib sireni daqshekk ħelwin u kuntenti. Kienu jqattgħu il‑ġranet dejjem jilagħbu flimkien fl‑ilmijiet tax‑xmara, u kulħadd kien isejħilhom Ulied ir‑Renu.
Iżda dawn it‑tliet sireni kellhom xogħol importanti. Fin‑nofs tax‑xmara kien hemm blata ħierġa mill‑ilma, u fuq din il‑blata kien hemm biċċa deheb pur li kien jissejjaħ Deheb ir‑Renu, u xogħol is‑sireni kien li jħarsu dan id‑deheb.
Darba waħda, il‑kant u d‑daħq ferrieħi tagħhom ġibed l‑attenzjoni ta’ Nibelung jismu Alberich, li kien miexi fil‑foresta fil‑qrib. Il‑kant ħelu qajjimlu l‑kurżità, u beda miexi lejn il‑ħoss, qalb is‑siġar, sakemm wasal f’xifer ix‑xmara. Hemmhekk, fin‑nofs tax‑xmara, lemaħ lit‑tliet sireni madwar il‑blata bid‑deheb fuqha. Għajjat għajta biex isellmilhom, u s‑sireni nħasdu.
Hekk kif is‑sireni kienu se jsellmulu lura, ir‑raġġi tax‑xemx waqgħu fuq Deheb ir‑Renu, li rema dija qawwija u għammxet lil Alberich. Għan‑nanu dehret qisha fjamma nar kbira. Malli għajnejh reġgħu qagħdu għad‑dawl normali, baqa’ jħares ċass, mistagħġeb, lejn Deheb ir‑Renu.
“Dak x’inhu, li qiegħed jiddi daqshekk sabiħ?” staqsa lis‑sireni.
“Kif, ma tafx b’Deheb ir‑Renu?” wieġbet waħda mis‑sireni. “Dan id‑deheb għandu seħer kbir. Min jagħmel ċurkett minnu jista’ jsir sid id‑dinja kollha – bil‑kundizzjoni li jitlef għalkollox l‑aktar ħaġa importanti fil‑ħajja – l‑imħabba.”
“U jien x’jimpurtani mill‑imħabba!” qabad iwerżaq in‑nanu, hekk kif ħesrem qomos fuq erba’ blatiet u laħaq il‑blata b’Deheb ir‑Renu fuqha. Qabel ma s‑sireni kellhom ċans jifhmu x’kien biħsiebu jagħmel, Alberich ħataf id‑deheb minn fuq il‑blata, u ġera lura bih fuq l‑art.
Is‑sireni ddispraw. “Nitolbuk” bdew jgħajtu, “Nitolbuk, tisraqx Deheb ir‑Renu!” Iżda kien kollu għalxejn.
Alberich ma tahomx widen, hekk kif telaq jiġri bid‑deheb, jgħajjat “Issa jien sid id‑dinja kollha. Ħadd ma jkun jista’ għalija!”
Fl‑istess waqt li Alberich ħataf Deheb ir‑Renu u telaq jiġri bih, l‑alla Woton kien ħosbien. Woton kien jgħix ma’ niesu fil‑għoli qalb il‑muntanji, u kien imdejjaq għax ma kellux palazz kbir biżżejjed biex jesa’ lil kulħadd. “Kif jista’ qatt ikolli palazz kbir biżżejjed għalikom kollha?” kien qiegħed jgħid. “M’għandi lil ħadd b’saħħtu biżżejjed biex jibni palazz kbir daqshekk.”
Kien f’dak il‑waqt li tfaċċaw quddiemu żewġt irġiel. Kulħadd baqa’ jħares imbellah lejhom, għax kienu ħafna ikbar minn bnedmin komuni.
“Jiena Fafner, il‑Ġgant u r‑Re tas‑Silġ,” qal wieħed minnhom. “U dan huwa ħija Fasolt. Bejnietna, nistgħu nibnulek il‑palazz f’lejl wieħed.”
“U x’tixtiequ li nagħtikom bħala ħlas?” staqsa Woton.
“Nixtiequ tagħtina lis‑sbejħa oħtok Freia.”
Freia kienet l‑oħt favorita ta’ Woton, u ma kienx lest li jitlaqha kif ġieb u laħaq. Kien għoddu se jirrifjuta t‑talba tal‑ġganti, iżda ħuh Logi, l‑alla tan‑Nar, waqqfu, u kellmu f’widintu. “Inti aqbel magħhom u ħallihom jibnu l‑palazz. U wara m’għandekx għalfejn iżżomm kelmtek.”
Woton tbissem hekk kif l‑idea ta’ ħuh għoġbitu. “Kollox sew,” qal lill‑ġganti. “Issa ibnuli l‑palazz. Se nsejjaħlu Walhalla.”
Minnufih iż‑żewġ ġganti bdew xogħolhom, u sal‑għada filgħodu l‑palazz kien lest. Kien tassew palazz liema bħalu.
Għalhekk wasal iż‑żmien biex Fafner jitlob dak li kien jistħoqqlu.
“Ma tistax tieħu lil oħti bħala martek,” lissen Woton. “Hemm xi ħaġ’oħra li tixtieq nagħtuk minflok Freia?”
“Xejn,” wieġeb Fafner fil‑pront. “Jekk ma tħallinix noħodha bis‑sliem, naħtafha bil‑forza.”
“Stenna!” qabeż Logi fil‑pont. “Hemm it‑teżor prezzjuż ta’ Deheb ir‑Renu. Min jieħdu jista’ jaħkem id‑dinja kollha. Iżda nanu jismu Alberich serqu u minnu se jagħmel ċurkett imsaħħar ħalli jaħkem lil kulħadd bih. Xi tgħid jekk tipprova tieħu dak iċ‑ċurkett għalik?”
“Deheb ir‑Renu tajjeb ukoll,” qal Fafner. “Jien u ħija nistgħu nitilqu nfittxuh. Imma sadanittant, oħtok se jkollha tiġi magħna fl‑Art tas‑Silġ.”
B’dan il‑kliem, iż‑żewġ ġganti ħatfu lil Freia u rħewlha minn dik l‑art.
Freia kienet l‑alla tal‑imħabba u s‑sbuħija, u malli telqet mill‑pajjiż flimkien mal‑ġganti, kesħa xxoqq il‑għadam waqgħet minnufih fuq dik l‑art. L‑għelieqi nksew bis‑silġ, is‑siġar dbielu u ma baqgħux ikattru frott. Il‑ġonna ta’ Walhalla mietu għalkollox. Iżda dan ma kienx kollox. Woton u n‑nies kollha tiegħu bil‑qajla bdew jixjieħu u jitilfu saħħithom.
Logi, ħu Woton, ħataflu idu. “Qed tara?” qallu. “Issa li Freia, l‑alla tas‑sbuħija u l‑imħabba, m’għadhiex hawn, iż‑żmien u xjuħija se jaħkmuna. Issa m’għandna xejn x’nagħmlu għajr li mmutu bix‑xjuħija jew bil‑kesħa.”
Iżda Woton ma kienx lest li jmut b’dak il‑mod, għall‑anqas qabel ma jipprova jikseb id‑deheb minn idejn in‑nanu. “Ejja, Logi,” qal lil ħuh. “Ħalli morru isfel fil‑minjieri tan‑nani, ħalli nsibu dak li jista’ jsalvana kollha.” F’qasir żmien, Woton u Logi telqu mill‑palazz sakemm waslu f’fetħa kbira u fonda, li kienet twassal għall‑minjieri tan‑nani taħt l‑art.
“Jekk ninżlu minn hawn m’għandniex indumu ma nsibu lil Alberich u ’l niesu,” qal Woton. B’dan il‑kliem, Woton beda n‑niżla tiegħu taħt l‑art flimkien ma’ Logi.
Baqgħu niżlin għal żmien twil ta’ ħin, sakemm fl‑aħħar waslu fil‑minjieri tan‑Nibelungi. Hemm, fis‑sħana tremenda tal‑ifran u l‑foroġ tagħhom, in‑nani kienu qed joħorġu d‑deheb mill‑ġebel, idewbuh u jsawruh f’forom ta’ ġojjelli ta’ kull daqs u sura. Iż‑żewġ allat staħbew wara xi blat u qagħdu josservaw lin‑nani jaħdmu.
“Tgħid in‑nanu li qed infittxu jinsab qalb din il‑folla?” staqsa Woton.
Ma damx ma ħa tweġiba, hekk kif mument wara feġġ nanu liebes elmu kbir fuq rasu u ċurkett imdaqqas f’idu. Id‑deheb tagħhom kien jidher ileqq u pur ħafna aktar mid‑deheb li Woton u Logi setgħu jaraw imxerred madwarhom fil‑minjieri. Daw l‑elmu u dak ċ‑ċurkett kienu bla dubju ta’ xejn imsawrin minn Deheb ir‑Renu.
“Jien issa r‑re tagħkom!” Alberich qabad jgħajjat fuq l‑għagħa tan‑nani madwaru. “Minn issa ’l quddiem kull deheb u fidda li tħaffru minn ġol‑blat tridu tagħtuh lili. Ħarsu. Araw x’nista’ nagħmel bis‑setgħa maġika l‑ġdida li ksibt, ħalli ħadd ma jiddubita dak li qiegħed ngħid.”
Malli temm dan il‑kliem, Alberich għeb ħesrem minn quddiem għajnejhom u minfloku tfaċċat kolonna twila ta’ nar qawwi li baqgħet tielgħa tas‑saqaf tal‑għar. Madankollu, leħen Alberich baqa’ ħiereġ minnha, u kien qiegħed jeżiġi li kulħadd kellu jobdi lilu minn issa ’l quddiem.
Malli Alberich reġa’ ħa s‑sura tiegħu ta’ nanu, Woton u Logi ħarġu mill‑moħba tagħhom u resqu lejh. Alberich għarafhom minnufih malli lemaħhom. “Naf min intom,” qalilhom b’leħen żorr. “Intom l‑allat Woton u Logi. Imm’ issa jien ma nibżax minnkom, għax għandi l‑elmu u ċ‑ċurkett imsawrin minn Deheb ir‑Renu.
“Kunu afu,” kompla bi twissija, “li għandi s‑setgħa nitbiddel f’kull sura li rrid!” Ma’ dan il‑kliem, tbiddel f’serp enormi u terribbli, bi ġwienaħ wesgħin u bin‑nar ħiereġ minn imnifsejh.
Malli Alberich reġa’ ħa surtu, Logi għamel tabirruħu li kien mistagħġeb. “Tassew tal‑għaġeb!” lissen. “Qatt ma bsart li Deheb ir‑Renu jista’ jagħtik din is‑setgħa! Għidli, tista’ titbiddel anki f’xi ħaġa iżgħar?”
“Dażgur!” qabeż in‑nanu mingħajr ma qagħad jaħsibha, u minnufih tbiddel fi żrinġ. Iżda malli għamel hekk, kien ċkien wisq biex jibqa’ taħt l‑elmu l‑kbir.
Dan kien eżatt dak li kien qed jistenna Logi. “Poġġi riġlejk fuqu, ħija!” lissen lil Woton minn taħt l‑ilsien. “Għaġġel qabel ma jidħol taħt l‑elmu u jerġa’ jitbiddel!”
Woton ma ħasibhiex darbtejn, u fis rifes liż‑żrinġ b’siequ. Dan minnufih tbiddel f’Alberich. Imma issa n‑nanu kien mixħut dahru mal‑art, bis‑sieq soda ta’ Woton issammru ’l isfel, u ma kienx liebes l‑elmu. “Nitolbok, itlaqni!” beda jnewwaħ.
“Mhux qabel ma twiegħedni li tagħtina l‑elmu u ċ‑ċurkett,” wieġbu Woton fil‑pront.
“Ħuduhom! Ħuduhom!” kompla jingħi Alberich. “Iżda ftakru li s‑saħta tiegħi se tibqa’ fuqhom minn issa ’l quddiem. Dwejjaq, miżerja u traġedja se jaqgħu fuq kull min iżomm Deheb ir‑Renu!”
L‑allat ma tawx widen għas‑saħta ta’ Alberich. Issa li kienu ħadu dak li kellhom bżonn, qabdu treqithom lura lejn wiċċ l‑art u Walhalla.
“Issa hemm bżonn immorru għand ir‑Re tas‑Silġ,” lissen Woton, “ħalli jreġġgħalna lura lil oħtna Freia u l‑hena terġa’ tiġi f’Walhalla.”
Hekk kif bdew il‑mixja tagħhom biex isibu lill‑ġganti, Woton kien kemxejn inkwetat. Ma kienx ċert il‑ġganti kinux lesti li jżommu kelmthom u jeħilsu lil Freia malli jagħtihom Deheb ir‑Renu.
Fl‑aħħar waslu fejn Fafner u ħuh Fasolt. “Hawn għandkom l‑elmu u ċ‑ċurkett imsawrin minn Deheb ir‑Renu,” qalilhom Woton. “Issa tistgħu titilqu lil Freia.”
Malli lemħu l‑elmu u ċ‑ċurkett, il‑ġganti minnufih bdew jillitigaw bejniethom min kellu jieħu l‑elmu u min kellu jieħu ċ‑ċurkett. F’qasir żmien, l‑argumenti tbiddlu f’tgħajjir sakemm fl‑aħħar ġew fl‑idejn, u bdew jattakkaw lil xulxin biz‑zkuk tas‑siġar.
Wara taqtigħa tal‑biża’, Fafner ta daqqa qawwija fuq ras Fasolt, u dan waqa’ tulu fl‑art mejjet. Mingħajr ebda kliem, Fafner ġabar id‑deheb u għeb fil‑foresta. Woton malajr intebaħ li Alberich kellu raġun, u li s‑saħta li kien poġġa fuq id‑deheb bdiet tħalli l‑effett tagħha.
Imma Woton u Logi ma damux jaħsbu wisq dwar dan. Issa oħthom Freia kienet reġgħet magħhom u ħielsa minn kull periklu.
Iżda malli reġgħu lura Walhalla, Woton baqa’ jhewden. Anki jekk għal żmien tassew qasir, Deheb ir‑Renu kien żammu hu sakemm tah lil Fafner, għaldaqstant beda jibża’ li s‑saħta setgħet xi darba tmiss lilu u lill‑maħbubin tiegħu. Kellu bżonn isib lil xi ħadd li kien b’saħħtu biżżejjed biex jipproteġi lilu u lill‑familja tiegħu mill‑perikli li setgħu jinqalgħu.
Għalhekk telaq lil martu Fricka u rħielha jivvjaġġa madwar id‑dinja biex isib l‑għajnuna.
Gerrbu x‑xhur, iżda Fricka ma qatgħetx qalbha tistenna. Jum minnhom, instema’ ħafna kant fis‑smewwiet, u flimkien ma’ niesha, Fricka telgħet fuq is‑swar ta’ Walhalla biex tara x’kien qed jiġri. Qalb is‑sħab fil‑bogħod, resqin lejhom, setgħu jaraw lit‑Tfajliet Ġellieda tar‑Renu, itiru fuq żwiemel bil‑ġwienaħ, u Woton kien magħhom.
Minn dakinhar, it‑Tfajliet Ġellieda għamlu patt ma’ Woton biex dejjem iħarsu lil Walhalla u kull min kien jgħix hemm. Bdew itiru madwar id‑dinja biex isibu l‑aktar ġellieda qalbenin ta’ kull pajjiż, li jkunu mietu fil‑gwerer, ħalli jġibuhom Walhalla u hemm isiru immortali. B’dan il‑mod, Woton seta’ jkollu armata tiddefendi l‑palazz.
L‑iktar waħda qalbiena fosthom kien jisimha Brunhilde, u kuljum kienet tmexxi lill‑oħrajn madwar id‑dinja, ifittxu fejn kienu jsiru l‑battalji, u minn hemm jiġbru lis‑suldati qalbenin li kienu mietu. Għalhekk, l‑armata ta’ Walhalla kellha biss ġellieda tajbin u qalbenin.
Tul dan iż‑żmien kollu, Fafner kien biddel lilu nnifsu fi dragun feroċi, u sab għar fond fejn seta’ jaħbi Deheb ir‑Renu u jipproteġih. Kull nhar u kull lejl kien jibqa’ għassa quddiem l‑għar u jobżoq in‑nar lil kull min kien jersaq lejh.
Woton sar jaf b’dan, u issa ried isib lil xi ħadd li kellu kuraġġ biżżejjed biex jisfida lil Fafner u joqtlu. Dam qatigħ jaħsibha lil min kellu jagħti dak ix‑xogħol, sakemm fl‑aħħar qatagħha li kellu jkun ibnu stess, Siegmund. Għaldaqstant beda jħarreġ lill‑ġuvni fil‑ġlied u fil‑ħiliet tat‑taqbid, biex xi darba jkun jista’ jisfida lid‑dragun u joqtlu.
Għal dan l‑għan ukoll, Woton ried li ibnu ma jaljenax ruħu bil‑ħajja fil‑palazz ta’ Walhalla. Riedu jitrabba f’ħajja sempliċi, għaldaqstant sakemm kiber, lil Siegmund żammu f’għorfa sempliċi fil‑qalba tal‑foresta, ’il bogħod mill‑ħajja mgħaġġla u storbjuża tal‑palazz. Minħabba f’hekk, Siegmund kellu jgħaddi minn ħafna tbatija qabel ma seta’ jsib il‑paċi u l‑kuntentizza.
Flimkien ma’ Siegmund, fil‑għorfa fil‑foresta, Woton rabba lil tifla oħra, Sieglinde, u ż‑żewġt itfal kibru flimkien bħal aħwa. It‑tfal qattgħu ħafna snin flimkien sakemm kibru, tant li saru inseparabbli.
Għaddew is‑snin, u darba waħda, wara li ġie lura mill‑kaċċa fil‑foresta, Siegmund sab li kaċċatur li kien jismu Hunding kien mar fil‑għorfa tagħhom u ħataf lil Sieglinde. Għal ħafna snin, Hunding żamm lil Sieglinde miegħu, u kien iqabbadha taħdem fid‑dar għalih. Sieglinde ma kinitx kuntenta, imma kellha t‑tama li xi darba setgħet teħles minn dik il‑ħajja ta’ lsira.
Sakemm kien mifrud minn Sieglinde, Siegmund ukoll għex ħajja mnikkta. Biex ikompli jżid fil‑miżerja tiegħu, għodwa waħda sab nota mingħand Woton, li fiha qallu li kien se jitilqu. Madankollu wiegħdu li meta jiġi l‑bżonn, kien se jibgħatlu xabla speċjali biex tkun tista’ tgħinu.
Is‑snin komplew igerrbu, sakemm Siegmund fl‑aħħar ħass li kien ippreparat u b’saħħtu biżżejjed biex jitlaq u jfittex lil Hunding ħalli jeħles lil Sieglinde. Ivvjaġġa għal ħafna żmien u żar bosta pajjiżi, u fl‑aħħar wasal f’dar stramba mibnija madwar siġra tal‑ballut kbira.
Siegmund kien għajjien mejjet, u ħabbat bieb id‑dar. Hemmhekk sab raġel u martu, li laqgħuh b’idejhom miftuħin. Offrewlu x’jiekol u jixrob, u anki post fejn jistrieħ għal dak il‑lejl. Li ma kienx jaf Siegmund kien li dawk it‑tnejn ma kienu ħadd għajr Hunding u Sieglinde. Ma kinux għarfu lil xulxin.
Filgħaxija wara l‑ikel, Siegmund beda jirrakkonta l‑istorja tiegħu, u f’daqqa waħda Hunding intebaħ min kien. Hunding qam b’rabja minn fuq is‑siġġu. “Tajtek il‑merħba f’dari bħala vjaġġatur għajjien u bil‑ġuħ. Għalhekk mhux se noqtlok issa. Imma pprepara ruħek, għax għada filgħodu hekk se nagħmel. Issa mur orqod l‑aħħar raqda tiegħek fil‑paċi.”
Malli qal dan, Hunding bagħat lil Sieglinde f’kamritha, hu mar jorqod, u ħalla lil Siegmund jhewden dwar x’kien se jiġrilu l‑għada. Hunding kien jidher raġel qawwi u b’saħħtu, u Siegmund lanqas xabla ma kellu biex jiddefendi ruħu. Madankollu, ftit mumenti wara, Sieglinde daħlet f’kamartu bil‑moħbi.
“Tiddisprax, Siegmund,” qaltlu. “Hawn xabla li tista’ tużaha biex tiddefendi ruħek, imma jekk jirnexxilek taqlagħha minn fejn qiegħda.”
Sieglinde talbitu jimxi warajha, u ħaditu fuq in‑naħa l‑oħra tal‑balluta li kien hemm fiċ‑ċentru tad‑dar. Hemm, imdeffsa sa nofsha fiz‑zokk tas‑siġra, kien hemm xabla.
“Ħafna nies b’saħħithom ippruvaw joħorġu dik ix‑xabla minn ġo z‑zokk,” spjegat Sieglinde, “iżda ħadd għadu ma rnexxielu. Taħseb li tkun tista’ taqlagħha?”
Siegmund mill‑ewwel ftakar f’dak li kien wiegħedu missieru Woton: li meta jisfa fil‑bżonn, kien lest li jipprovdilu xabla qawwija. U Siegmund issa kien ċert li din kienet ix‑xabla li kienet se ssalvalu ħajtu. Siegmund minnufih ħataf sod il‑manku tax‑xabla, u mingħajr tqanżiħ ta’ xejn ġibidha ’l barra miz‑zokk tas‑siġra.
“Biex ma ndaħħlekx fil‑għawġ jaqbilli ma niġġilidx ma’ Hunding issa,” Siegmund qal lil Sieglinde. “Jekk naħarbu t‑tnejn issa, hemm ċans li nsiblek post għall‑kenn. Bix‑xabla li tani missieri m’għandniex nibżgħu mill‑perikli tal‑lejl. Ejja!”
Hunding kien sakkar il‑bieb ta’ barra qabel ma mar jorqod, imma Sieglinde kien irnexxielha toħodlu ċ‑ċavetta. Għalhekk it‑tnejn ħarġu mill‑għorfa fid‑dlam tal‑lejl, u ħarbu fil‑foresta.
Għalkemm Woton kien mili ’l bogħod fil‑palazz tiegħu f’Walhalla, kien jaf eżatt x’kien qiegħed jiġri, u kien ħerqan biex jgħin lil ibnu. Kien lest biex jibgħat lill‑ġellieda qalbiena Brunhilde biex tmur tipproteġih, meta fil‑kamra daħlet mart Woton, Fricka, riekba karru miġbud minn żewġ imtaten.
Kienet ġiet biex tagħti aħbar kerha lil Woton. “Sieglinde ilha tgħix ħafna snin fid‑dar ta’ Hunding,” qaltlu, “u issa hemm huwa postha. Jekk se tħalli li Siegmund joħodha minn hemm, kulħadd jibda jgħid li m’hawnx ġustizzja fid‑dinja.” Woton fehem li martu kellha raġun, u qal lil Brunhilde biex ma tgħinx lil Siegmund.
Għaldaqstant, Brunhilde telqet tkompli xogħolha, tfittex suldati qalbenin li mietu fil‑battalji biex toħodhom f’Walhalla. Waqt il‑vjaġġ tagħha sabet lil Siegmund u lil Sieglinde jistrieħu taħt siġra, wara l‑ġiri tagħhom fil‑foresta matul il‑lejl.
Malli rathom hekk, Brunhilde tħassrithom, u qatgħetha li tgħinhom minkejja l‑ordnijiet a’ Woton.
It‑tkarwit tar‑ragħad fis‑sema kien sinjal li kienet ġejja maltempata, għalhekk Siegmund u Sieglinde sabu għar biex jistkennu fih. U ħesrem, Hunding feġġ quddiemhom ma’ leħħa ta’ berqa.
Minnufih, Brunhilde qabżet biex tgħin lil Siegmund, iżda Woton tfaċċa qalb is‑sħab b’lanza f’idu. Mess ix‑xabla ta’ Sigmund bil‑lanza setgħana tiegħu, u x‑xabla dlonk inqasmet fi tnejn. Issa Siegmund ma kellux biex jiddefendi ruħu, u Hunding minnufih għamel għalih bix‑xabla tiegħu u qatlu.
Woton ħass qalbu tinqasam meta ħares lejn il‑ġisem mejjet ta’ ibnu. Imma kellu jippermetti li jmut għax kellu jkun ġust ma’ Hunding. Madankollu, xorta waħda ma setax irażżan l‑għadab tiegħu. Bl‑għajnejn setgħana tiegħu xeħet ħarsa qawwija lejn Hunding, u dan waqa’ minnufih mejjet mal‑art.
Imma Woton kien għadu mhux lest. Issa kellu jdur fuq Brunhilde, li kienet sfidat l‑ordnijiet tiegħu meta ppruvat tgħin li Siegmund. Brunhilde mill‑ewwel fehmet x’kien biħsiebu jagħmel Woton, għalhekk fis ħatfet il‑ġisem ta’ Siegmund, poġġietu fuq dahar iż‑żiemel bil‑ġwienaħ tagħha, u taret ’il fuq. Baqgħet ittir ’il bogħod minn Woton kemm felħet, il‑ħin kollu tħares warajha u tistenna xi sajjetta mingħandu.
Meta ħasbet li kienet ’il bogħod biżżejjed minn Woton, sabet lok fejn setgħet tarma qabar xieraq għal Siegmund. Iżda kien għalxejn. Qamet maltempata. Leħħet sajjetta qawwija u dwiet ragħada li ttarrax. Woton feġġ quddiemha.
“Brunhilde!” Woton għajjat bir‑rabja. “Inti sfidajtni, u għalhekk m’intix se tibqa’ immortali. Minflok, se nkeċċik minn Walhalla, u se tintilef f’raqda twila. L‑ewwel raġel li jqajmek mir‑raqda se jkollu d‑dritt jiżżewġek.”
“Ikollok ħniena minni,” wieġbet Brunhilde. “Jekk se jkolli niżżewweġ lill‑ewwel raġel li jqajjimni mir‑raqda, ħalli li għall‑inqas ikun l‑aktar raġel qalbieni fid‑dinja.”
Malli Woton ra lil Brunhilde tirtogħod għarkopptejha quddiemu, ftakar fil‑mijiet ta’ suldati qalbiena li kienet ġabitlu biex jiddefendu l‑palazz ta’ Walhalla, u l‑korla tiegħu bdiet tbatti bil‑qajla. Hekk kif beda jikkalma, il‑qilla tal‑maltempata bdiet tonqos, u x‑xemx reġgħet bdiet tisreġ.
“Nisma’ t‑talba tiegħek,” wiegħedha. “Minn issa ’l quddiem, se torqod imdawra minn fjamma nar tant qawwi u għoli li l‑aktar suldat qalbieni fid‑dinja biss jazzarda jgħaddi minnu biex iqajmek mir‑raqda.”
Sakemm kien qiegħed jgħid dan il‑kliem, Woton mess blata bil‑lanza tiegħu. Brunhilde nxteħtet mimduda fuqha, u għajnha mill‑ewwel marret biha. Nar qawwi u għoli feġġ madwar il‑blata. Madankollu Brunhilde xorta baqgħet tidher qalb il‑fjammi, għal xi raġel qalbieni li kien jinzerta għaddej minn dawk l‑inħawi.
Għaddew is‑snin, u n‑nar madwar Brunhilde baqa’ jaqbad bl‑akbar ħeġġa, anki fix‑xitwa meta l‑art madwar kienet tinkesa kollha silġ.
Persuna oħra li matul dan iż‑żmien kollu ma ċċaqalqitx minn postha kien ir‑Re tas‑Silġ Fafner. Kien tbiddel fi dragun biex iħares Deheb ir‑Renu, u kien għadu hemm, jgħasses l‑għar fejn il‑deheb kien mistur. Bosta suldati qalbenin ippruvaw jidħlu fil‑għar għat‑teżor, iżda d‑dragun dejjem irnexxielu joqtolhom jew ikeċċihom mill‑post.
Iżda Deheb ir‑Renu ma ntnesiex. Alberich kien in‑nanu li kien seraq id‑Deheb mingħand it‑Ulied ir‑Renu, u issa kien ħuh stess, Mime, li kien qiegħed jara kif jagħmel biex jaħtaf id‑deheb lura mingħand Fafner. Mingħajr ma semma xejn lil ħuh, Mime mar fil‑qalba tal‑foresta u hemm bena forġa għalih.
“Hawnhekk se nkun nista’ nagħmel l‑aktar xabla setgħana fid‑dinja,” qal. “Malli nlestiha noffriha lill‑aktar ġellied qalbieni li nsib, bil‑patt li biha jeqred lid‑dragun għalija. U mbagħad nara kif inkun nista’ naħtaf id‑deheb minn idu!”
Jum minnhom, mara batuta waslet fejn il‑forġa ta’ Mime. Kienet tidher marida ħafna, u kellha magħha tarbija ċkejkna. Mime daħħalha f’daru u ħallieha tistrieħ fis‑sodda tiegħu.
“Dalwaqt se mmut,” qalet lil Mime. “Nitolbok, ħu ħsieb lit‑tarbija tiegħi. Jismu Siegfried. Ġej minn familja ta’ eroj, u jiena ċerta li malli jikber ikun jista’ jaqdik sew.”
Wara li mietet l‑omm, Mime żamm lil Siegfried u beda jrabbih hu. Ħaffer zokk ta’ siġra biex isservih ta’ maxtura, u ksieha bil‑ġild tal‑ors. Beda jitimgħu bil‑ħalib tal‑mogħża, u meta t‑temp kien jippermetti, kien iħallih jilgħab fl‑għelieqi qalb l‑għasafar u l‑annimali ż‑żgħar. Mime ftit li xejn kien jilgħab mat‑tifel, għax kien dejjem bieżel jagħmel xabla qawwija biżżejjed biex xi darba Siegfried jużaha u joqtol lid‑dragun.
Biż‑żmien Siegfried kiber f’żagħżugħ b’saħħtu u qalbieni. Ħaġa waħda biss kienet torbtu ma’ Mime. In‑nanu kien wiegħdu li kien se jagħmillu xabla li biha seta’ jirbaħ kull battalja. Madankollu, kull xabla li Mime kien jagħmel, Siegfried kien jaqsamha kull darba li kien jippruvaha fuq l‑inkwina.
Fl‑aħħar, Mime rnexxielu jagħmel xabla qawwija, tant li Siegfried ma setax jaqsamha. L‑ewwel darba li ppruvaha, tant kienet qawwija li saħansitra qasmet l‑inkwina.
“Issa,” qal Mime, “hemm bżonn li tipprova l‑kuraġġ tiegħek ukoll. F’xifer il‑foresta hemm dragun...”
“M’hemmx għalfejn tgħidli aktar,” qabeż Siegfried mingħajr ma ħallih jispiċċa. “Urini fejn qiegħed.”
Għalhekk Mime ħa lil Siegfried f’dik il‑parti tal‑foresta fejn kien hemm l‑għar tad‑dragun, dejjem għassa ma’ Deheb ir‑Renu.
Siegfried ma ħasibhiex darbtejn, u resaq bil‑kalma kollha lejn il‑fetħa tal‑għar, fejn id‑dragun kien qiegħed jistenna.
“Inti min int?” staqsa d‑dragun.
“Mela tista’ titkellem,” wieġeb Siegfried. “Tajjeb. Mela tifhimni meta ngħidlek li ġejt biex noqtlok.”
Malli sema’ dan il‑kliem id‑dragun minnufih ħa nifs twil ’il ġewwa u nefaħ fjamma nar qawwija lejn Siegfried.
Imma Siegfried fil‑pront qabeż laġenba u n‑nar ħaraq is‑siġar li kien hemm warajh. Id‑dragun intilef f’rabja, u beda jfajjar denbu lejn Siegfried, li kull darba beta jevitah. Fl‑aħħar Siegfried sab il‑mument li kien qed jistenna. Qabeż qabża għal fuq dahar id‑dragun, u daħħallu x‑xabla f’għonqu.
Id‑dragun minnufih waqa’ ferut gravi.
“Ja żagħżugħ iblah,” lissen id‑dragun bl‑aħħar nifs ta’ ħajtu. “Qtiltni għax inti strument ta’ min bagħtek biex jaħtaf Deheb ir‑Renu. Biż‑żmien se tpattiha qares bħalhom, għax hemm saħta fuq kull min iżomm Deheb ir‑Renu għalih.”
Dak li stqarr id‑dragun kien tassew, għaliex in‑nanu Mime kellu fil‑fatt l‑intenzjoni li jżomm id‑deheb għalih. Issa, it‑tieni mossa tiegħu kienet li jpoġġi l‑velenu fix‑xorb taż‑żagħżugħ.
“Hawn, ġellied qalbieni,” qallu, hekk kif offrielu tazza nbid. “Jixraqlek wara taqbida bħal dik.”
Kien dak il‑waqt li Siegfried sema’ għasfur jgħanni minn fuq fergħa ta’ siġra fil‑qrib. Baqa’ mbellah hekk kif intebaħ li l‑għasfur kien qiegħed jgħanni bl‑ilsien tal‑bnedmin.
“Tafdax lil Mime,” beda jkanta l‑għasfur. “Dak biħsiebu joqtlok ħalli jżomm Deheb ir‑Renu għalih.”
Malli sema’ dan, Siegfried dar fuq Mime u qatlu b’daqqa waħda tax‑xabla.
“Ħlist lid‑dinja minn ħlejqa ħażina,” kompla jgħanni l‑għasfur. “Issa bħala premju, se nieħdok għand l‑isbaħ tfajla tal‑pajjiż. Imxi warajja.”
L‑għasfur tar minn fuq il‑fergħa, u Siegfried beda miexi warajh fil‑foresta.
F’daqqa waħda, fi triqtu lemaħ raġel stramb b’lanza f’idu. Kien l‑alla Woton, u l‑lanza li kellu f’idu kienet il‑Lanza tal‑Awtorità li biha kien jaħkem fuq id‑dinja.
“Fejn sejjer?” staqsieh Woton.
“Sejjer insib lill‑isbaħ tfajla tal‑pajjiż,” wieġeb Siegfried.
“Mela qed tfittex lil Brunhilde, il‑Ġellieda tar‑Renu. Tinsab taħt seħer li għamiltilha jien, u li ħadd ma jista’ jikser.” B’dan il‑kliem Woton ipponta l‑lanza tiegħu lejn Siegfried bil‑għan li jixħtu mal‑art.
Iżda Siegfried kien pront, u malli ra lil Woton jgħolli l‑lanza, taha daqqa bix‑xabla l‑qawwija tiegħu. Woton baqa’ mistagħġeb hekk kif il‑lanza nqasmet fi tnejn.
“Issa inti l‑ħakkiem tad‑dinja,” lissen Woton b’dispjaċir kbir. “Mela issa ma nista nagħmel xejn biex inwaqqaf il‑bluha tiegħek. Mur sib id‑destin tiegħek!”
Siegfried ma tax kas kliem Woton, u baqa’ miexi wara l‑għasfur sakemm fl‑aħħar wasal f’fetħa fil‑foresta. Hemm ra lil Brunhilde rieqda fuq blata kbira, imdawra b’ilsna għoljin tan‑nar.
B’kuraġġ liema bħalu, Siegfried għadda minn qalb il‑fjammi u ntefa’ għarkopptejh ħdejn Brunhilde. Tbaxxa, u biesha fuq ħaddejha. Għajnejn it‑tfajla nfetħu minnufih.
“Min hu dak li qajjimni mir‑raqda tiegħi?” lissnet.
Siegfried qalilha min kien. “U jiena Brunhilde, bint l‑allat,” weġbitu.
Malli sema’ dan, Siegfried sewwed qalbu. “Mela ma nistax niżżewġek,” qal.
“Jiena lesta li ma nibqax mal‑allat,” wieġbet hi.
Dan il‑kliem qawwa qalb Siegfried. Bil‑mod refagħha u niżżilha minn fuq il‑blata. In‑nar madwarhom iss kien għeb għalkollox. Bil‑qajla, irħewlha lejn l‑għar fejn kien jinsab Deheb ir‑Renu. Qalb il‑ġojjelli li kien hemm, Siegfried ġabar iċ‑ċurkett u libbsu lil Brunhilde. “Minn issa ’l quddiem, dan iċ‑ċurkett se jkun is‑simbolu tal‑fedeltà tagħna lejn xulxin. Jingħad li hemm saħta fuq dan iċ‑ċurkett, imma minn issa ’l quddiem ngħid li se jkun il‑barka fuq ir‑rabta tagħna.”
“Talli tajtni ċ‑ċurkett,” wieġbet Brunhilde, “jiena nagħtik iż‑żiemel tiegħi, Grani. Billi issa ċċaħħadt mis‑setgħet ta’ alla, Grani ma jistax jibqa’ jtir qalb is‑sħab, iżda naf li jaqdik tajjeb xorta waħda.”
Malli Brunhilde qalet dan il‑kliem, Grani feġġ quddiem.
Brunhilde kompliet. “Inti mnissel minn familja ta’ eroj, u ma tistax tibqa’ hawn. Irkeb lil Grani, u mur fittex id‑destin tiegħek. Jiena nibqa’ nistennik hawn.”
U hekk, b’qalbu sewda, Siegfried rikeb lil Grani u beda l‑vjaġġ tiegħu.
Siegfried baqa’ jivvjaġġa għal bosta jiem u ljieli, sakemm fl‑aħħar wasal fejn ix‑Xmara Renu. Fuq in‑naħa l‑oħra tax‑xmara seta’ jara kastell kbir; tant kbir li bilfors li kien ta’ xi re.
S’issa kien għadu ma ltaqa’ ma’ ħadd fil‑vjaġġ tiegħu, għalhekk qatagħha li jieqaf fil‑kastell u jippreżenta ruħu lis‑sid tal‑post. Kien se jniżżel liż‑żiemel sax‑xatt tax‑xmara biex jaqsam għan‑naħa l‑oħra, imma fis intebaħ li l‑kurrent tal‑ilma kien ġieri wisq, u beża’ li seta’ jkaxkar liż‑żiemel. Madankollu lemaħ ċattra fil‑qrib, kbira biżżejjed biex itella’ liż‑żiemel fuqha. Rikibha, u beda jmexxiha lejn ix‑xaqliba l‑oħra tax‑xmara.
U kien hekk li Siegfried sab ruħu fil‑kastell ta’ Gunther. Kien ir‑re ta’ poplu li darba kien kburi u setgħan, il‑poplu taċ‑Ċibiċungi. Iżda dawn iż‑żminijiet kemm il‑poplu kif ukoll ir‑re tiegħu, kienu dgħajfin. Meta daħal fis‑sala ewlenija tal‑kastell, Siegfried lemaħ tfajla sabiħa li kienet bilqiegħda ħdejn it‑tron tar‑Re Gunther. Kienet oħt ir‑re, Gudrun.
Kien hemm persuna oħra fis‑sala li kienet se tkun importanti ħafna fl‑istorja ta’ Siegfried: persuna ħażina. Kien Hagen, ħu r‑re. Hagen kien ukoll ħabib kbir tan‑Nibelungi. Mingħandhom, Hagen kien sema’ bl‑istorja taċ‑ċurkett l‑imsaħħar u l‑ħalfa li Siegfried kien għamel li Brunhilde. Hekk kif osserva lil Siegfried jippreżenta ruħu lil Gunther, Hagen beda jaħseb f’xi pjan biex ikun jista’ joħodlu ċ‑ċurkett.
Gunther laqa’ lil Siegfried minnufih, u organizza ikla kbira għalih dik il‑lejla stess. Waqt l‑ikla, Hagen intebaħ kif Gudrun kienet qed tħares lejn Siegfried b’ċertu interess. Kien jidher ċar li t‑tfajla kienet miġbuda lejh, u Hagen minnufih ħaseb li seta’ juża dan għall‑iskopijiet tiegħu.
“Tidher interessata ħafna fil‑mistieden il‑ġdid tagħna,” qal Hagen f’widnet Gudrun.
“Tassew,” lissnet Gudrun. “Iżda sirt naf li huwa diġà għarus ma’ Brunhilde.”
“Jekk tassew tixtieq li jkun tiegħek,” kompla Hagen, “nista’ nagħmel filtru li jġiegħelu jinsa lil Brunhilde u jibda jħobb lill‑ewwel tfajla li jara malli jixorbu.”
Aktar tard filgħaxija, Gudrun resqet lejn Siegfried b’kalċi f’idejha. “Nitolbok ixrob minn dan l‑inbid,” qaltlu. “Jgħinek torqod sew wara l‑vjaġġ tiegħek.”
Siegfried irringrazzjaha, u xorob l‑inbid. Minnufih l‑imgħoddi ta’ ħajtu għeb minn moħħu. Lil Brunhilde nsieha għalkollox, u, kif kien basar Hagen, sar iħobb lil Gudrun malli xeħet għajnejh fuqha.
L‑għada filgħodu, Siegfried mar isib lil Hagen biex jieħu parir. “Inħobb ħafna lil oħtok Gudrun,” qallu. “Kif nista’ nagħmel biex nikkonvinċi lir‑re jħallini niżżewwiġha u nkun wieħed mill‑familja?”
Hagen tbissem tbissima ta’ makakk. “Fil‑fatt Gunther qiegħed ifittex tfajla x’jiżżewweġ hu wkoll, u hu interessat f’waħda jisimha Brunhilde. Mur miegħu, u kellimha f’ismu, għax hu jistħi ftit.”
“Kollox sew,” wieġeb Siegfried. “Nagħmel hekk.”
Wara dan, Hagen mar għand Gunther u qallu bi Brunhilde. “Mhux sew li re ma jkollux il‑mara tiegħu,” beda jgħidlu. “Brunhilde hija alla, u tkun mara tassew xierqa għal re kbir bħalek.”
Kliem Hagen ikkonvinċa lil Gunther tant li dan fis ta ordni li jmorru jfittxu lil Brunhilde. Għaldaqstant, grupp ta’ kavallieri telqu mill‑kastell. Siegfried kien fosthom.
Xi ftit jiem wara waslu fl‑għar fejn Brunhilde kienet għada qed tistenna l‑miġja ta’ Siegfried. Siegfried tkellem f’isem ir‑re.
“Ġibtlek hawn lir‑Re Gunther, għaliex jixtieq jieħdok bħala martu,” qalilha. Il‑mod kif kellimha bellah lil Brunhilde. Ħares lejha bħallikieku kienet persuna li qatt ma kien ra qabel.
“Imma jien għarusa lilek,” qaltlu mistagħġba. “Dan huwa ċ‑ċurkett li ħlift fuqu.”
“Jien interessat f’Gudrun, oħt ir‑re,” wieġeb Siegfried kiesaħ u biered. “Qed nistenna biss l‑approvazzjoni tar‑re biex inkun nista’ niżżewwiġha.”
Brunhilde damet qatigħ tħares ċassa lejh. Wara, neħħiet iċ‑ċurkett minn idha u xeħtitu ma’ saqajn Siegfried. “Mela tista’ tagħti dan lill‑għarusa l‑ġdida tiegħek,” lissnet b’rabja liema bħalha f’għajnejha. “Barra minn hekk, naċċetta li niżżewweġ lir‑Re Gunther.”
Brunhilde kienet alla li, wara li ħafna rġiel kienu xtaqu jiżżewġuha, issa kienet ittraduta. Ta’ dan ħalfet li tieħu l‑vendetta tagħha. U parti mill‑vendetta tagħha kienet se tkun li tiżżewweġ lil Gunther.
Dan kollu, bla dubju ta’ xejn, kien qiegħed jogħġob lil Hagen. Issa kien ċert li f’qasir żmien kien se jikseb dak li ried mill‑bidu nett – iċ‑ċurkett tar‑Renu.
Il‑grupp mar lura fil‑kastell tar‑Re Gunther, u dakinhar sar festin biex jiċċelebra l‑għerusija ta’ Gunther ma’ Brunhilde. Dan kien jum tassew sabiħ għal Hagen. Issa Brunhilde kienet qed tobgħod lil Siegfried, u Hagen seta’ jara li kienet qed tistenna l‑opportunità bies tpattiha lil Siegfried. Ladarba jiġri dan, kien ikun faċli għalih li jisraq Deheb ir‑Renu.
Lejn tmiem il‑festin, Hagen resaq lejn Brunhilde, u kellimha f’widnejha.
“Ma nistax nifhem eżatt x’ġara,” gidbilha, “iżda jidher li Siegfried b’xi mod tqarraq bik. Ta’ dan jixraqlu kastig. Ir‑re qed jippjana kaċċa għal għada filgħodu. Ma taħsibx li jkun sew jekk Siegfried ma jiġix lura minnha?”
“Sewwa qed tgħid,” wieġbet Brunhilde. Kien b’dan il‑kliem li Brunhilde ddeċidiet id‑destin ta’ Siegfried.
L‑għada filgħodu, il‑grupp tal‑kaċċa rħielha lejn il‑foresta. Kulħadd seta’ jimraħ fejn ried u jikkaċċja l‑annimal li ried. Fi ftit żmien Siegfried infired minn kulħadd u tbiegħed l‑aktar minn mall‑grupp. Dlonk beda jimxi wara ors kbir, li ħadu aktar ’il ġewwa fil‑foresta.
Dam ftit jimxi bil‑moħbi wara l‑ors. Mument minnhom tilfu viċin ix‑xatt tar‑Renu, u beda jħossu għajjien. Waqaf ħdejn ix‑xmara biex jistrieħ. Dak il‑ħin beda jisma’ kant ħelu, u ma damx ma lemaħ tliet tfajliet ħelwin fuq blata f’nofs ix‑xmara.
“Aħna t‑Ulied ir‑Renu,” qaltlu waħda minnhom, hekk kif bdew jgħumu lejh. “Qed naraw li liebes iċ‑ċurkett imsaħħar li huwa tagħna. Tista’ troddulna lura?”
Imma Siegfried ried iżomm iċ‑ċurkett. Waħda mit‑tfajliet resqet aktar viċin. “Taf li hemm saħta fuq dak iċ‑ċurkett,” qaltlu. “Qed navżak, jekk idum ħafna għandek, deni kbir se jaqa’ fuqek.”
Siegfried qabad jidħaq, u bil‑qajla telaq minn ħdejn ix‑xmara. Baqa’ miexi fil‑foresta. Ma kienx jaf li Hagen kien qiegħed jimxi warajh bil‑moħbi.
Hagen baqa’ jimxi wara Siegfried sakemm kien ċert li kienu ’l bogħod sew minn Ulied ir‑Renu. Malli sab il‑waqt tajjeb, waddab il‑lanza tiegħu lejn Siegfried.
Siegfried waqa’ mejjet, minfud f’dahru. Hagen ħareġ minn bejn is‑siġar u resaq lejh. “Il‑pjanijiet tiegħi kollha rnexxew,” qal, kuntent bih innifsu. “Il‑filtru msaħħar nessieh lil Brunhilde għalkollox, u kliemi kkonvinċa lil Brunhilde li Siegfried kellu jmut.”
F’daqqa waħda, Hagen intebaħ li ma kienx waħdu. Malli dar, sab li l‑grupp kollu tal‑kaċċaturi, b’Gunther u Brunhilde quddiem nett, kienu weqfin f’xifer il‑foresta, iħarsu lejh mistagħġbin. Ma setgħux jemmnu dak li semgħuh jgħid.
Imbikkma, Brunhilde niżlet minn fuq iż‑żiemel tagħha, ġriet lejn il‑ġisem mejjet ta’ Siegfried, u nxteħtet fuqu. “Issa qed nifhem kollox,” bdiet tolfoq. “Meta ċħadtni ma kontx taf x’kont qiegħed tagħmel. Kollu tort tas‑saħta taċ‑ċurkett, li ħadmet permezz ta’ Hagen u ġabitna fejn qegħdin issa.”
Gunther resaq lejha, u qajjimha fuq saqajha bil‑ġentilezza. “Inwiegħed li Hagen se jpatti qares ta’ dan kollu,” qalilha. “Imma l‑ewwel, hemm bżonn li lil Siegfried nagħmlulu funeral li jixraq lil ġellied qalbieni.”
Fuq l‑ordnijiet ta’ Gunther, poġġew ġisem Siegfried fuq tarka, u f’purċissjoni ħaduh fuq ix‑xaqliba tax‑Xmara Renu. Hemmhekk tellgħu pira funerarja, u poġġew ġisem Siegfried fuqha. Dlonk tawha n‑nar. F’daqqa waħda, Brunhilde, riekba ż‑żiemel tagħha, ġriet lejn il‑ħuġġieġa.
“Siegfried, maħbub tiegħi!” għajtet. “Ġejja miegħek!” U b’dak il‑kliem, inxteħtet fuq in‑nar.
Minnufih, mewġa kbira telgħet mill‑ilma tax‑xmara. Fuq il‑quċċata tagħha dehru Ulied ir‑Renu. Hekk kif il‑mewġa bdiet tbatti, kulħadd lemaħ lit‑tfajliet jieħdu magħhom lil Siegfried u lil Brunhilde.
Mument wara, waħda minnhom waqfet fl‑ilma, u daret tħares lejn in‑nies imbellhin fuq ix‑xatt. F’idha mgħollija ’l fuq, setgħu jaraw li kienet qed iżżomm iċ‑ċurkett. Hagen għajjat għajta ddisprata u qabeż fl‑ilma biex jipprova jaħtaf iċ‑ċurkett minn id it‑tfajla, iżda ż‑żewġ Ulied ir‑Renu l‑oħra ġibduh taħt l‑ilma. Hagen beda jissara għal ftit mumenti, iżda ftit wara, l‑ilma kkalma għalkollox, u kien hemm skiet perfett. Kien hekk li s‑saħta taċ‑ċurkett ħakmet lill‑aħħar vittma tagħha.
Minn dakinhar ’l hawn, iċ‑ċurkett qatt ma deher aktar.
Forġa: Post fejn jinħadem il‑ħadid u metall ieħor biex isiru għodod, nagħal taż‑żwiemel u armi bħax‑xwabel. [Lura]
Inkwina: Blokka kbira tal‑ħadid biex fuqha l‑ħaddiem tal‑forġa jkun jista’ jsammar il‑metall u jiffurmawh kif jixtieq. [Lura]
Pira: Pjattaforma tal‑injam li fuqha jpoġġu l‑ġisem mejjet ta’ persuna biex jaħarquh. [Lura]
Iċ-Ċurkett tan-Nibelungi
© 2025
Norman C. Borg
liċenzjat bħala
CC BY-NC-ND 4.0. Dan ix-xogħol:
CC: Creative Commons
BY: għandu dejjem jinkludi ħajr lill-awtur;
NC: ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu;
ND: ma jistax jiġi ppubblikat jew riprodott b’mod fotostatiku, elettroniku jew mekkaniku.