Kitba ta’ Fabrizio Silei
Maqlub għall-Malti minn Claudia Gauci
Madwar 980 kelma
Merlin Publishers (2022)
X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?
Din hija silta qasira mill-ktieb Orku Bellu miktub minn Fanrizio Silei, maqlub għall-Malti minn Claudia Gauci u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.
Fil‑belt tal‑orki, qrib l‑għolja Nikodemu, jitwieldu l‑orki kuljum. Ngħiduha kif inhi, mhumiex l‑orki kif kienu snin ilu. Iż‑żminijiet jinbidlu u anke huma jkollhom problema biex isibu tfal, klieb, qtates u persuni lesti li jittieklu mingħajr ma jitniffsu, jew jiftħulhom kawżi u jappellaw għad‑drittijiet universali. Insomma, orki jibqgħu, sufin, widnejhom bil‑ponta, żaqqhom kbira, ħalqhom kbir, snienhom koroh waħx, ponot, idejhom koroh pesti u l‑bqija. L‑orki nisa u l‑orkini wkoll mhumiex differenti minn kif kienu tliet mitt sena ilu. Daqsxejn iktar moderni, jaraw it‑televixin, jużaw l‑internet, jibilgħu l‑hamburgers, lill‑pustiera bl‑uniformi u kull ħaġa oħra li tinzerta tiġi taħt ħalqhom u jitfewqu kemm jifilħu kif dejjem għamlu l‑orki.
Ma jistax jonqos li l‑orki jħobbu jagħmlu xogħol ta’ orki, imma minħabba n‑nuqqas ta’ ħrejjef klassiċi li hawn, ħafna minnhom m’għandhomx xogħol.
Orkestu huwa s‑sindku tal‑belt Orkidea (li m’għandha x’taqsam xejn mal‑fjura) u huwa l‑orku per eċċellenza. Jitfewwaq daqs baħri fis‑sakra, ma jaħsel snienu qatt u taħt abtejh jinten seba’ pesti: riħa ta’ ħut mejjet, tant li xxommu ġej bl‑SUV li għandu minn żewġ kilometri bogħod. Ħafna jaħsbu li jkun ġej taż‑żibel imma ma jkun ħadd ħlief is‑sindku, b’id waħda mdendla ’l barra mit‑tieqa miftuħa. Tista’ taħseb xi ntiena toħroġ minn ħalqu u kemm jintnulu saqajh. Imma dawn, li għalina l‑bnedmin huma difetti, f’Orkidea huma valuri kbar. L‑orki nisa jiġġennu għalih u martu, Orkanġla, tgħidx kemm tgħir.
Għandu ħajja trankwilla, huwa sindku stmat u rrispettat minn kulħadd. Kien hu li fetaħ ċentru f’Orkidea fejn jimmuffaw il‑hamburgers. Ir‑riħa tinxtamm mill‑bypass u huwa post imfittex minn ħafna familji ta’ orki. Nhar ta’ Ħadd kulħadd jerħilha s’hemm u kulħadd jibla’ l‑hamburgers immuffati li jinżlu għasel. Is‑Sindku kien rebaħ l‑isfida Iġbed u Obżoq is‑sena l‑oħra u baqa’ l‑uniku rebbieħ ukoll ta’ Oħroġ Imsaren il‑Ġurdien bl‑għajnuna tal‑kakka tal‑vitella.
(Fi kliem ieħor, orku kif sewwa u xieraq, li għandu mara tal‑ġenn, kerha waħx, u żewġt ibniet orribbli. Il‑kbira, moħħha biex tiekol liż‑żgħira u kulħadd joqgħod għassa tagħha.)
Imma l‑akbar xewqa tiegħu kien għadu ma qatagħhiex: li jkollu iben. U hawn tibda l‑istorja tagħna, f’jum ikrah ta’ Mejju …
Orkestu kien l‑uffiċċju, jaħseb dwar xi skifezza ġdida biex jiġbed l‑ammirazzjoni tal‑konċittadini tiegħu, meta daqq it‑telefown.
“Sur Sindku!” qalet Orkakka, l‑orka segretarja. “Ċemplulek mill‑Orkuklinika! Għandu jkun wasal il‑mument!”
Orkestu, se jtir bil‑ferħ, ma ħasibhiex darbtejn. Qabeż mit‑tieqa għal fuq il‑veranda tal‑barbier, illandja fuq l‑SUV mimlija pakketti vojta (u mgħaffġin) tal‑krisps, chewing gum u imbarazz, u, waqt li sab postu wara l‑istering, saq gass mal‑pjanċa u għal naqra ma tajjarx erbat ixjuħ li kienu mixjin fit‑triq. Hekk kif kien fi triqtu lejn l‑Orkuklinika beda jgħajjat, “Nispera li jkollna tifel! Ivaaaa!!!”
X’hemm agħar mis‑sigaretti? Xejn, tgħiduli intom. Fil‑fatt, meta jkun nervuż, Orkestu jpejjep wieħed f’wieħed sigaretti diżgustanti tad‑ditta Orkupesti.
U hekk, sa fl‑aħħar, hemm kien, jistenna li jgħajtulu biex iħabbrulu t‑twelid ta’ ibnu. “Iben! Iben! Iben!” beda jirrepeti f’moħħu. “Tifel! Tifel! Tifel!” Wara żewġt ibniet tassew xtaq li jkollu tifel, u baqa’ jpejjep u jpejjep u jdaħħan qisu ferrovija waqt li jgiddem difrejh twal u sofor. Il‑fatt kien li ried eredi, tifel li jkun jista’ jgħallmu dak kollu li kien jaf, bħal pereżempju jaqla’ l‑maħta ta’ mnieħru bil‑kuċċarina tal‑kafè mbagħad jużaha bħala katapult biex igaraha, jew jitfewwaq tliet darbiet wara xulxin bla ma jieħu nifs.
Kien xeba’ jara t‑tbissim inkejjuż tal‑orki l‑oħrajn li kienu jitħassruh filwaqt li jikkumplimentawh fuq uliedu bniet. Kienu jaħsbu, bejnhom u bejn ruħhom: “Ehh ħijja, m’iniex sindku, m’għandix mara kerha daqs tiegħek, imma żewġ subien koroh għandi!”
Ma jiflaħhomx. “Din id‑darba bilfors tifel irid ikun!” ħaseb b’qalbu kollha u sallab difrejh enormi ta’ subgħajh sufin ta’ jdejh.
Il‑ħlas ta’ orka jista’ jdum ġranet sħaħ, għax l‑orkini mqarbin ħafna saħansitra minn qabel jitwieldu; imbagħad, is‑soltu, l‑omm tixba’, tagħti daqqa papali fuq żaqqha b’idejha mgħaqqdin ponn u tgħajjat b’ħanġra kollha mħabba, “Issa xebbajtni ja xifajk ikrah, int ħiereġ jew le?!” u hekk, l‑orkinu joħroġ sparat u jekk l‑orkulogessa ma tkunx pronta tilqgħu, jaħbat rasu mal‑ħajt — u din, skont xi xjenzjati, tista’ tkun ir‑raġuni għala din l‑ispeċi m’għandhiex intelliġenza għolja.
Iżda, din id‑darba, l‑orku ċkejken ħareġ mill‑ewwel qisu kien qed jistennieha. L‑orkulogessa ħarġitu b’idejha koroh kollha suf, tatu daqqa ta’ ħarta u baqgħet imbellha kif dan l‑orku tarbija ma tahiex daqqa ta’ ħarta lura jew kif ma gidmilhiex imneħirha, kif soltu jagħmlu kollha. Anzi, dan qisu ried jgħidilha li kollox sew. (Għalhekk l‑orkologi jkollhom imneħirhom enormi, kollu kallijiet u dejjem bl‑istikka.) Din id‑darba ma kien hemm ebda daqqa ta’ ħarta u fuq l‑imnieħer … ħalla xi ħaġa donnha … bewsa?
F’sekonda, dan hu li ġara: l‑orkulogessa ħarset lejn l‑orkinu, tatu ħarsa ta’ waħda se taqla’, kienet se ttih daqqa ta’ ponn f’wiċċu, imma ċ‑ċkejken kien eħfef minnha, skansaha u waħħlilha bewsa oħra fuq imneħirha.
“Blehhhh! Jaqqqq! Dawn x’affarijiet huma? Qatt ma rajt xi ħaġa hekk fi tletin sena karriera bl‑unuri!” għajtet dik, hi u timsaħ imneħirha b’idha sufija. Telgħalha l‑istonku u tefgħetu fil‑landa taż‑żibel.
L‑omm ma riditx temmen. Kellha tqum mis‑sodda u terfgħu minn hemm. Neħħietu minn qalb il‑qxur tal‑larinġ u garżi użati, damdmitu naqra u żammitu fi ħdanha. Ħarset lejh. Ħadet nifs twil.
“Kemm int sbejjaħ!” qaltlu. “Orkubellu se nsemmik!”
U tabilħaqq hekk kien. L‑orku li kien għadu kif twieled kien verament gustuż — kien gustuż b’mod stramb, anzi kien iqallgħek daqskemm kien gustuż. Imma kif jgħidu, “l‑imħabba għamja,” u għall‑orka kien jgħaddi. Barra minn hekk, Orkanġla spiss kienet tara t‑televixin tal‑umani, u daqskemm rat, il‑ġudizzji estetiċi tagħha tħawdu kemxejn.
Imma araw għall‑affari tagħkom.
Qatt ħadd ma ra orku daqstant sabiħ. Lanqas kien jidher qisu orku. Skerz tad‑destin: nokkla bjonda (is‑soltu, l‑orki jkollhom xagħar skur jew ħamrani lewn l‑injam tal‑kawba), snienu dritti (iva, għax l‑orki jitwieldu bi snien jaqtgħu u ppuntati), widnejh mhux daqshekk bil‑ponta u mhux tant ħerġin ’il barra, il‑ġilda delikata u pjuttost ċara, għajnejn ħodor u kbar, u … tbissima minflok tiċrita kerha tal‑ħalq li s‑soltu t‑trabi kollha jagħtu lil ommhom. Diżgrazzja din, jekk toqgħod taħseb, imma mhux għal ommu, mhux għal Orkanġla, li bdiet tgħannqu magħha bil‑ħlewwa.