Kitba ta’ Daniel Cini
Madwar 800 kelma
Horizons (2023)

X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?

Din hija silta mill-ktieb Il-Patt tal-Prinċep miktub minn Daniel Cini, u ppubblikat minn


Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.

Żmien twil ilu kien jgħix prinċep ġewwa palazz maestuż fuq quċċata ta’ belt grandjuża. Lejn il‑Punent ta’ din il‑belt kien hemm baħar iżraq u leqqieni daqs iż‑żaffir. Lejn il‑Lvant, ’il barra mis‑swar tal‑belt, kien hemm għanqbuta sħiħa ta’ bliet u villaġġi sa fejn twassal l‑għajn. Il‑prinċep kien raġel sbejjaħ iżda kien vanituż u jaħseb li d‑dinja ddur madwaru.

Hu kien spiċċa fuq it‑tron taħt ċirkostanzi kemxejn strambi minħabba li ommu u missieru għebu lejl wieħed meta kien għadu daqsxejn ta’ tarbija ta’ ftit ġimgħat. Bosta kienu jemmnu li kienu ħatfuhom il‑furbani filwaqt li oħrajn kellhom teoriji iktar misterjużi u strambi. Il‑każ baqa’ qatt ma ġie solvut u kien l‑ikbar tebgħa fl‑istorja ta’ din l‑art. Ħadd ma kien qatt jazzarda jsemmi lir‑re u r‑reġina bil‑biża’ li huma wkoll jispiċċaw bħalhom.

Meta tfarfar, il‑prinċep sema’ xnigħat fuq x’kien ġralhom, u meta staqsa lil qrabatu, qalulu li r‑re u r‑reġina telqu biex ifittxu kura għall‑marda li ħakmithom ftit wara li twieled, iżda sfortunatament, qatt ma ġew lura.

Il‑prinċep dejjem afda fil‑konsli tiegħu f’dak kollu li kellu x’jaqsam mat‑tmexxija tal‑imperu. Fil‑frattemp, hu kien iqatta’ ġranet sħaħ jixxaħxaħ fil‑palazz, jipprova l‑isbaħ ħwejjeġ, jiekol l‑itjeb ikel jew idoqq xi strument mużikali tal‑iprem kwalità. Xejn ma kien jonqsu u kien jaħseb li n‑nies lil hinn mill‑palazz kienu jgħixu fl‑istess lussu bħalu. Iżda r‑realtà kienet mod ieħor...

Meta ma kienx ikun qed itella’ xi ballu fis‑swali u l‑ġonna pittoreski tal‑palazz, il‑prinċep kienet l‑hena tiegħu jżur it‑teatru biex jisma’ xi kunċert jew jara xi opra mtellgħa mill‑Orkestra Rjali. Din l‑orkestra kienet verament waħda speċjali għax kull membru kien jintgħażel minn belt u raħal differenti tar‑renju.

Għalkemm il‑prinċep kien meqjus bħala l‑mexxej tar‑renju minħabba li kien l‑uniku eredi tar‑re u r‑reġina, il‑liġi kienet tisħaq li hu seta’ jiġi inkurunat re kif jagħlaq tletin sena. Din il‑ġurnata kienet biss ftit jiem ’il bogħod meta rċieva stedina għal tnedija ta’ opra ġdida, lejlet għeluq sninu, jisimha Il‑Prinċep Perfett. Tistgħu taħsbu kemm ħa gost u ħassu aktar kburi bih innifsu hekk kif sar jaf!

Il‑lejla tant mistennija waslet u l‑port kien imdawwal b’laneċ jaqsmu l‑fliegu lejn il‑belt. It‑toroq kienu kollha mżejna bi fjuri u pavaljuni għaċ‑ċelebrazzjoni tant mistennija. It‑teatru kien mimli daqs bajda bl‑iktar nies importanti u nobbli tar‑renju. Kulħadd kien ħerqan biex jara din l‑opra. Ħaġa oħra li qanqlet kurżità kbira kienet li ħadd ma kien jaf min kien il‑kompożitur.

L‑orkestra intunat, l‑udjenza siktet u s‑separju nfetaħ. Tgħidx kemm feraħ il‑prinċep meta l‑ewwel xena kienet replika eżatta tas‑sala tal‑palazz! Fuq il‑palk feġġ it‑tenur, li kellu l‑parti prinċipali, liebes ilbies dehbieni jżomm mera f’id waħda u għanqud għeneb fl‑oħra. Mar‑ritmu tal‑valz li bdiet iddoqq l‑orkestra, it‑tenur beda jiżfen u jkanta:

“Jien il‑Prinċep Perfett,
u bħali żgur m’hawn imkien!
Fittxu ‑ żgur ma ssibux,
matul il‑medda taż‑żmien!”

In‑nies fl‑udjenza bdew iħarsu lejn xulxin iżda ħadd ma azzarda jħares lejn il‑prinċep li s’issa kien għad kellu tbissima mċarrta fuq fommu.

F’daqqa waħda s‑separju vivaċi tal‑palazz inbidel f’wieħed mudlam u r‑ritmu ferrieħi tal‑valz inbidel f’wieħed lamentuż.

Ix‑xena ħadet lill‑udjenza fil‑pjazza tal‑belt. F’nofsha kien hemm ċorma tfal ċkejknin lebsin ilbies tradizzjonali tal‑bliet u l‑irħula tar‑renju. Huma bdew ikantaw mal‑mużika:

“Aħna t‑tfal ta’ din l‑art ħelwa,
u bl‑eżempju ta’ missirijietna,
aħna dejjem imxejna sewwa.
Iżda llum wasal il‑jum,
li lkoll ngħajtu, ʽIssa daqshekk!’
Għal dil‑ħajja miżera li qed ngħixu kuljum.
U mil‑lum ’il quddiem sa ma nieħdu dak li hu mistħoqq,
f’dan it‑teatru u għal dan il‑prinċep,
ħadd minna mhu se jkanta jew idoqq!”

Il‑mużika waqfet ħesrem u s‑separju ngħalaq f’tebqa t’għajn. Fit‑teatru waqa’ skiet perfett. Il‑mużiċisti tal‑orkestra qamu f’salt waqt li l‑maestro dar lejn l‑udjenza, ħares dritt f’għajnejn il‑prinċep, qasam il‑bakketta min‑nofs, xeħitha mal‑art u telaq wara l‑kwinti bil‑mużiċisti warajh.

Ħadd ma tniffes jew lissen kelma. Il‑prinċep ried l‑art tibilgħu. Iżda wara li x‑xokk għeb u ġie f’sensih, ħakmitu rabja kbira. Ħareġ sparat mit‑teatru u telaq dritt għall‑palazz. Fl‑orizzont bdiet tberren maltempata u s‑sajjetti kont tistħajjilhom sriep tal‑fidda jiżfnu bejn sema u ilma.

Qatt f’ħajtu ma kien jobsor li niesu setgħu jumiljawh b’dan il‑mod. Fil‑pront, sejjaħ lill‑konsli kollha tiegħu biex jara kif seta’ jwiddibhom għal din ir‑rewwixta.

“Issa jkunu jafu x’inhi tbatija!” beda jgħajjat il‑prinċep minn fuq it‑tron.

“Għadhom ma jafux xi tfisser li tkun fuq dan it‑tron u x’sagrifiċċji nagħmel għal din il‑kuruna!”

“Sire, jien nissuġġerixxi li dawk kollha li ħadu sehem f’din l‑opra jiġu mmultati,” instema’ jgħid wieħed mill‑konsli.

“Multa? Biss? Wara li umiljawni sfaċċatament!” Ftit wara qabeż konslu ieħor u qal,

“Maestà, jien naħseb li għandek tagħlaq it‑teatru u ma tħallihomx idoqqu jew ikantaw iktar!”

Il‑prinċep baqa’ sieket. Wara ftit ħin jgħarbel din l‑idea, qam bilwieqfa u stqarr b’leħen sod, “Niddikjara li mil‑lum ’il quddiem, l‑ebda persuna ma tista’ ddoqq, tkanta jew tirreċta f’dan ir‑renju. Min jinqabad jikser din il‑liġi se jkun ikkundannat għall‑forka!”

U ma’ dan il‑kliem iebes, sabbat ix‑xettru mal‑art. F’salt wieħed, il‑bibien ġganteski li kienu jagħtu għas‑sala tal‑palazz infetħu beraħ u daħlet buffura riħ li fewħet is‑sala b’riħa ta’ ward.

Fil‑fetħa tal‑bieb tfaċċat figura twila mgħammda b’kappa bellusija lewn ir‑rubini.

Il‑figura mxiet b’rasha baxxuta lejn il‑prinċep u kif waslet ħdejh, għamlet riverenza.

“Min int? U x’qed tagħmel f’dari?” irbombja leħen il‑prinċep.

***** ***** stat_3 ***** *****