Carlo Collodi
(Taljan, 1826 – 1890)
Madwar 1,900 kelma

Attivitajiet dwar dan il-ktieb
QabbelTnejn KawlataKliem Tini Ħjiel X'Kelma din! Isma' u wieġeb
 

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Aktar tagħrif f' Sagħtar
Numru 374 (Jannar 2023).

Din hija l‑ġrajja stramba ta’ biċċa injama – li saret pupazz – li sar tifel ta’ veru!

Kollox beda meta Antonio l‑mastrudaxxa qabad biċċa għuda li kienet mitluqa fir‑rokna tal‑ħanut tiegħu. Kienet biċċa għuda normali; ma kellha xejn speċjali. Imma kif Antonio għolla l‑mannara biex jibda jqaxxrilha l‑qoxra, sema’ leħen żgħir jgħid, “Jaħasra, tweġġagħnix ħafna!”

Antonio twerwer. Beda jħares madwar il‑ħanut, imma ma kien hemm ħadd aktar barra minnu. Għalhekk ħares lejn l‑għuda. “Le, le,” beda jaħseb. “Qed noħlom!” Għalhekk reġa’ għolla l‑mannara u ta daqqa qawwija lill‑għuda.

“Aħħ! Weġġajtni!” reġa’ qal dak il‑leħen.

Issa Antonio tassew kien imwerwer, imma f’dak il‑waqt daħal fil‑ħanut il‑ħabib tiegħu Ġeppetto. Ġeppetto ma kellux tfal, u xtaq jixtri biċċa għuda biex jagħmel pupazz li jkun jista’ jiżfen u jaqbeż u jiċċaqlaq bħal tifel normali.

Antonio malajr sab ix‑xoqqa f’moxtha u tah dik il‑biċċa għuda li kienet qed tbeżżgħu. Naturalment ma qallu xejn dwar il‑leħen. Ġeppetto mar kuntent lura lejn daru, u bla telf ta’ żmien beda jaħdem fuq il‑biċċa għuda biex jagħmel il‑pupazz.

‘Insemmih Pinokkjo,’ qal bejnu u bejn ruħu. ‘Dak isem sabiħ.’

Beda billi għamel il‑wiċċ tal‑pupazz, u mill‑ewwel beda bl‑inkwiet – għax għajnejn il‑pupazz bdew jiċċaqilqu bl‑addoċċ u ħalqu beda jitbissimlu. U malli Ġeppetto spiċċa jagħmillu s‑saqajn, il‑pupazz tah daqqa ta’ sieq fuq imnieħru.

Imma Ġeppetto ma tax kas. Wara kollox kien xtaq pupazz li jiċċaqlaq; għalhekk kien kuntent bih. Beda jgħallmu kif jimxi, b’sieq wara l‑oħra. Pinokkjo malajr tgħallem, tant li telaq jiġri mill‑bieb ’il barra. Ġeppetto ttanta jiġri warajh, imma l‑pupazz beda jiġri ħafna u ma setax jilħqu.

Pinokkjo beda jiġri ’l hawn u ’l hinn mingħajr ma jħares fejn sejjer, sakemm fl‑aħħar baqa’ dieħel ġo pulizija. Malli laħaqhom, Ġeppetto spjega lill‑pulizija li l‑pupazz kien tiegħu. Għalhekk il‑pulizija tahulu lura.

Imma n‑nies fit‑triq kienu qed josservaw, tħassru lill‑pupazz, u bdew jgħidu li Ġeppetto kien bulì. Għalhekk il‑pulizija ħataf lil Ġeppetto u ħadu miegħu l‑għassa.

***** ***** stat_3 ***** *****

Waqt li l‑povru Ġeppetto kien l‑għassa għal ħaġa li ma kienx għamel, Pinokkjo reġa’ mar lura d‑dar, u nxteħet fis‑sodda mingħajr ħsibijiet ta’ xejn.

Wara ftit sema’ leħen ftit ’il bogħod. Ma kienx jaf mnejn kien ġej, u beda jibża’. F’ħin minnhom lemaħ grillu kbir fuq il‑ħajt faċċata.

“Jien il‑Grillu li jitkellem,” qal lil Pinokkjo. “Kun af li tfal li jduru kontra missirijiethom u jaħarbu minn darhom fl‑aħħar jispiċċaw ħażin.”

“Tista’ tibqa’ tħambaq, Sur Grillu,” wieġeb Pinokkjo, “għax ma jinteressani xejn minn dan. Għada se nitlaq minn hawn għalkollox. Jekk ma nagħmilx hekk ikolli mmur l‑iskola bħat‑tfal l‑oħra. Ma rridx nitgħallem. Ma rridx naħdem. Irrid nilgħab u niddeverti biss.”

Il‑Grillu ħa nifs twil, “Jiddispjaċini għalik, Pinokkjo. Għad tispiċċa l‑ħabs jekk tibqa’ taħseb hekk.”

Dan il‑kliem dejjaq lil Pinokkjo. Qabad martell minn fuq il‑bank tax‑xogħol u waddbu dritt lejn il‑Grillu. U l‑Grillu għeb għalkollox.

Pinokkju ma damx ħafna ma beda jħoss il‑ġuħ, għax minn mindu għamlu Ġeppetto ma kien kiel xejn. L‑unika ikel li sab fil‑ħanut kienet bajda, imma meta Pinokkjo pprova jsajjarha, fellus faqqas minn ġo fiha u tar ’il barra mit‑tieqa.

Għalhekk kellu joħroġ fix‑xita biex jara jsibx x’jiekol. Beda jħabbat bieb bieb, imma ħadd ma ried jagħtih x’jiekol. Fl‑aħħar qata’ qalbu, u mar lura d‑dar bil‑ġuħ. Intefa’ għal tulu fl‑art, għajjien mejjet u mxarrab għasra, u poġġa saqajh maġenb il‑fuklar biex inixxifhom. Minnufih għajnu marret bih.

Imma saqajn Pinokkjo kienu tal‑injam, u dawn bdew jinħarqulu bil‑qajla waqt li kien rieqed...

***** ***** stat_3 ***** *****

F’daqqa waħda xi ħadd ħabbat mal‑bieb ta’ barra. Ġeppetto kien ġie lura!

Pinokkjo qomos biex imur jiftaħ il‑bieb, imma stabat mal‑art għax saqajh kienu nħarqu għalkollox. “Ma nistax niftaħ il‑bieb,” beda jgħajjat. “M’għandix saqajn!”

Għalhekk Ġeppetto kellu jidħol mit‑tieqa, u kien irrabjat ħafna, għax ħaseb li Pinokkjo kien qed jidħaq bih. Imma ftit wara ntebaħ li l‑pupazz kien qed jgħid il‑verità, u tassew ma kellux saqajn. Issa Ġeppetto beda jiddispjaċih.

Issa Pinokkjo tant kien bil‑ġuħ li Ġeppetto tah l‑ikel tiegħu – tliet lanġasiet. Il‑pupazz niżżilhom f’belgħa waħda, u minnufih talab lil Ġeppetto jagħmillu saqajn ġodda.

Imma Ġeppetto ried jagħtih lezzjoni, u għalhekk ħallieh jokrob u jibki għal żmien twil qabel ma qatagħlu xewqtu.

Malli fl‑aħħar Pinokkjo wiegħed li ma jibqax imqareb u jġib ruħu sew, Ġeppetto għamillu saqajn ġodda u tassew sbieħ. Ħietlu wkoll ftit ħwejjeġ biex ikun jista’ jmur l‑iskola bihom.

Issa kulma kellu bżonn Pinokkjo kien ktieb tal‑alfabett, imma hawnhekk Ġeppetto ma setax jgħinu. F’daqqa waħda ġietu idea. Ħataf il‑kowt u ħareġ barra fil‑borra nieżla.

Malli wasal lura kien qiegħed jitriegħed bil‑bard. Ma kellux aktar il‑kowt, imma minflok kellu ktieb tal‑alfabett. Kien biegħ il‑kowt tiegħu biex jixtri l‑ktieb għal Pinokkjo!

***** ***** stat_3 ***** *****

Malli l‑borra waqfet Pinokkjo rħielha lejn l‑iskola. Hu u sejjer beda jaħseb kif, meta jikber, isib xogħol biex jaqla’ ħafna flus u jkun jista’ jixtri kowt ġdid fjamant għal Ġeppetto.

F’daqqa waħda beda jisma’ xi mużika fil‑bogħod. X’mużika kienet? Minn fejn kienet ġejja? Waqaf biex jismagħha aħjar. Fl‑aħħar iddeċieda x’jagħmel. Hekk jew hekk, dejjem seta’ jmur l‑iskola l‑għada, hux?

Għalhekk ġera ’l fejn kienet qed tinstema’ l‑mużika.

Il‑mużika kienet ġejja mit‑Teatru tal‑Pupazzi! Pinokkjo xtaq jidħol u jara l‑ispettaklu, imma ma kellux flus. X’seta’ jagħmel? Ftakar fil‑ktieb tal‑alfabett, u biegħu għal żewġ ċenteżmi. U Ġeppetto, miskin, kien qiegħed jitriegħed bil‑bard għax xtara l‑ktieb lil Pinokkjo!

Imma Ġeppetto ma kienx fi ħsieb Pinokkjo issa, hekk kif daħal fit‑teatru u ħassu jitla’ s‑sema. Dak il‑ħin kienet għaddejja reċta ta’ ħafna pupazzi fuq il‑palk. Malli raw lil Pinokkjo, dawn waqqfu r‑reċta u bdew ixejrulu u jsejħulu biex jitla’ fuq il‑palk magħhom.

Issa tajjeb li tkun taf li sid it‑teatru u l‑pupazzi kien raġel kbir, feroċi, b’daqna folta sewda, u kien jismu Wikkielinnar. Malli ra li r‑reċta kienet waqfet minħabba Pinokkjo u li l‑udjenza bdiet tgerger, irrabja ħafna.

Għall‑ewwel ħaseb li jaqbad lil Pinokkjo u jaħarqu, imma mbagħad qatagħha li jaħfirlu u jarmi pupazz ieħor fin‑nar minfloku.

Malli ra dan Pinokkjo ddispjaċieh aktar, u kollu mbikkem offra li jinħaraq hu minflok il‑pupazz l‑ieħor. Issa lil Wikkielinnar ġietu ħniena minn Pinokkjo u beda jibki hu wkoll. Għalhekk qatagħha li jaħfirha lit‑tnejn, u ma ħaraq lil ħadd.

Il‑pupazzi issa kienu kollha kuntenti u dak il‑lejl Wikkielinnar għamlilhom festin żgħir. Waqt il‑festin Pinokkjo rrakkonta l‑istorja tiegħu lil Wikkielinnar, u l‑għada filgħodu dan tah ħames muniti tad‑deheb biex jagħtihom lill‑imsejken Ġeppetto malli jmur lura d‑dar.

***** ***** stat_3 ***** *****

Pinokkjo kien kuntent ħafna, u issa qatagħha li tassew irabbi l‑għaqal u ma jerġax jaqa’ fl‑inkwiet. Imma ma damx wisq li reġa’ spiċċa fil‑għawġ. Iltaqa’ ma’ volpi li kien qed jagħmilha ta’ zopp u ma’ qattus li kien qed jagħmilha ta’ agħma. Fil‑fatt dan ma kien veru xejn, għax ipprovaw jisirqu l‑flus li kellu.

Pinokkjo pprova jaħrab hekk kif ħarġu s‑skieken għalih. Imma Pinokkjo kien magħmul minn injam iebes, u meta laqtuh is‑skieken inqasmulhom. Għalhekk il‑volpi u l‑qattus ħatfuh, dendluh minn għonqu ma’ siġra u ħallewh għal mejjet.

Ftit ’il bogħod mis‑siġra fejn kien imdendel Pinokkjo, kien hemm dar żgħira, kollha roża, fejn kienet tgħix tifla żgħira b’xagħar kaħlani. Fil‑fatt din kienet saħħara, u malli lemħet lil Pinokkjo bagħtet lis‑sefturi tagħha – kelb u ċawla – biex iniżżluh mis‑siġra u jeħduh f’darha.

Is‑saħħara poġġietu f’sodda u tatu ftit mediċina biex jiġi f’tiegħu. U mbagħad talbitu jirrakkonta l‑istorja tiegħu. Għall‑ewwel Pinokkjo beda bil‑verità, iżda meta wasal biex jgħidilha dwar il‑muniti tad‑deheb, gideb. Ma qalilhiex li kienu għadhom f’butu, imma li kien tilifhom.

Hekk kif lissen din il‑gidba, imnieħru twallu ftit. Wara din qal gidba oħra, u mnieħru reġa’ twallu, u kompla jitwal, u jitwal, u jitwal...

Fl‑aħħar tant twal li Pinokkjo ma setax joħroġ mill‑kamra. Is‑saħħara bdiet tidħaq u tidħaq, u Pinokkjo beda jibki u jibki. Fl‑aħħar is‑saħħara qaltlu li għamel ħażin li qagħad jigdeb, imma ħafritlu. Sejħet ħafna għasafar biex jiġu u jnaqqrulu mnieħru b’munqarhom sakemm dan ċkien u reġa’ ġie normali.

Għalkemm Pinokkjo kien jidher imqareb, is‑saħħara ħadet grazzja miegħu, u xtaqet li jibqa’ magħha. Pinokkjo qalilha li kellu jmur lura għand missieru, imma s‑saħħara qaltlu li Ġeppetto kien se jiġi joqgħod magħhom ukoll! Pinokkjo tant feraħ b’din l‑aħbar li minnufih telaq biex jiltaqa’ ma’ Ġeppetto nofs triq, daqskemm kien ilu ma jarah.

***** ***** stat_3 ***** *****

Pinokkjo kien fuq ix‑xwiek biex jerġa’ jara lil Ġeppetto, imma b’xorti ħażina dan ma kellux iseħħ. Il‑volpi u l‑qattus reġgħu sabuh, u din id‑darba rnexxielhom jisirqulu l‑muniti. Meta mar għand il‑pulizija biex jgħidilhom li ġie misruq, il‑pulizija m’emmnuhx, u xeħtu lilu l‑ħabs minflok! Pinokkjo għamel erba’ xhur il‑ħabs qabel ma ħelsuh.

Minnufih mar lura d‑dar tas‑saħħara, imma meta wasal fil‑post sab li d‑dar ma kinitx għadha hemm. Pinokkjo nxteħet tulu fl‑art jibki għax ma kienx jaf x’jaqbad jagħmel. Lemħitu ħamiema u niżlet ħdejh. Qaltlu li Ġeppetto tant kien qalbu maqsuma li kien qabad dgħajsa u telaq ifittex lil Pinokkjo fuq il‑baħar. Issa Pinokkjo sewwed qalbu iktar għax tilef lil Ġeppetto wkoll.

Il‑ħamiema tħassritu, u offrietlu li tieħdu fuq daharha biex itiru lejn il‑baħar ħalli jfittxu lil Ġeppetto. Imma x‑xorti ħażina kienet għadha ma’ Pinokkjo. Meta waslu fejn il‑baħar, denfil qal lil Pinokkjo li Ġeppetto kienet belgħetu baliena kbira!

***** ***** stat_3 ***** *****

Pinokkjo xorta pprova jfittex lil Ġeppetto, sakemm wasal fi gżira fejn kulħadd kien iħobb jaħdem bla waqfien, tant li n‑nies kienu jsejħu l‑gżira bħala l‑Pajjiż tan‑Naħal. Pinokkjo kellu l‑ġuħ, imma xorta ma kienx lest li joqgħod jaħdem biex jaqla’ ħobżu. Imma kemm seta’ jissaporti? Fl‑aħħar beda jaħdem billi joqgħod iġorr l‑ilma lil waħda xwejħa. U malli tatu xi ikel, intebaħ li kienet is‑saħħara tax‑xagħar kaħlani! Fl‑aħħar kien reġa’ sabha.

Pinokkjo qal lis‑saħħara li kien xeba’ bħala pupazz u xtaq isir tifel ta’ veru. Imma s‑saħħara qaltlu li l‑uniku mod biex isir tifel veru kien li jkun persuna tajba u bil‑għaqal, ma kellux jigdeb, u kellu jmur l‑iskola. Għalhekk Pinokkjo baxxa rasu u beda jmur l‑iskola.

L‑iskola beda jaħdem bis‑serjetà, studja ħafna u spiċċa l‑ewwel fil‑klassi, u s‑saħħara kienet kuntenta b’dan. Wegħditu li f’qasir żmien kien se jsir tifel veru.

Imma! Fil‑klassi ta’ Pinokkjo kien hemm xi tfal ħżiena, imqarbin u għażżenin ukoll. Pinokkjo beda jagħmilha magħhom u f’qasir żmien sar bħalhom. Beda jittraskura l‑istudji u anki jiskarta l‑iskola. Fl‑aħħar, darba minnhom, ħarab ma’ dawn it‑tfal.

***** ***** stat_3 ***** *****

Din id‑darba marru fil‑Pajjiż tal‑Ġugarelli, għaliex hemm kuljum kien btala, u setgħu jilagħbu jew ma jagħmlu xejn il‑ġranet kollha tas‑sena. Li ma kinux jafu kien li ftit ftit bdew isiru ħmir – ħmir ta’ veru, b’widnejn twal, b’denb u b’ħanqa ta’ ħmar!

Malli Pinokkjo sar ħmar għalkollox, inbiegħ lil ċirku, fejn sid iċ‑ċirku beda jġiegħlu jagħmel il‑kutrumbajsi perikolużi quddiem in‑nies. Dan dam sejjer għal ħafna xhur. Pinokkjo kien jaħdem lejl u nhar għas‑sid kiefer tiegħu. Meta ma kienx jipprattika l‑kutrumbajsi kien jagħmel ħafna xogħol ta’ tagħbija. Darba minnhom, waqt kutrumbajsa, Pinokkjo tfixkel u waqa’. Lewa siequ u beda jzappap. Għalhekk sidu ma kellux aktar bżonnu, u biegħu biex jinqatel u ġildu tintuża biex jagħmlu t‑tnabar.

Sidu l‑ġdid, l‑ewwel, kellu bżonn joqtlu biex jieħu l‑ġilda tiegħu. Għalhekk malli xtrah rabtu ma’ ġebla kbira u xeħtu l‑baħar biex jegħreq.

***** ***** stat_3 ***** *****

Meta kien f’qiegħ il‑baħar tfaċċat baliena kbira u belgħetu. Kienet l‑istess baliena li kienet belgħet lil Ġeppetto, u Pinokkjo sabu hemm, fl‑istonku tal‑baliena, għadu ħaj! Pinokkjo issa fassal pjan biex joħorġu minn hemm. Intebaħ li biex torqod il‑baliena kienet titla’ f’wiċċ l‑ilma u tbexxaq ftit ħalqha biex tieħu n‑nifs. Pinokkjo ħaseb li hu u Ġeppetto setgħu jitilgħu mill‑istonku għal ġol‑ħalq miftuħ tal‑baliena u joħorġu waqt li tkun rieqda.

U hekk għamlu. Ħarġu minn ħalq il‑baliena u bdew jgħumu lejn ix‑xatt.

Imm’issa Ġeppetto kien batut wisq, u Pinokkjo għamel minn kollox biex idur bih. Tant ħadem qatigħ li s‑saħħara ħafritlu għat‑tielet u l‑aħħar darba. Qatgħetlu xewqtu, u fl‑aħħar Pinokkjo sar tifel tassew!

TMIEM
***** ***** stat_3 ***** *****