Carlo Collodi
(1826–1890)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Kotba fil-Librerija
L-Avventuri ta' Pinokkjo
 

L-isem proprju ta’ Carlo Collodi kien Carlo Lorenzini. Collodi kien l-isem tal-belt fejn kienet twieldet ommu, u użah bħala psewdonimu għall-kitbiet tiegħu. Għalkemm huwa l-aktar magħruf għall-ħrafa tiegħu L-Avventuri ta’ Pinokkjo, Collodi kiteb ħafna xogħol ieħor, u minbarra kittieb kien ukoll ġurnalist u umorista.

Collodi twieled f’Firenze, l-Italja, fl-24 ta’ Novembru 1826. Ommu kienet ħajjata u missieru kien kok. Collodi kien l-akbar minn għaxart aħwa (imma sebgħa minnhom mietu tfal). Collodi qatta’ l-parti l-kbira ta’ tfulitu f’Collodi, fejn kien jgħix ma’ nanntu. Il-ġenituri tiegħu kienu jaħdmu għal markiż (raġel sinjur), u l-markiż offra li jħallaslu l-iskola f’seminarju. Imma Collodi ma xtaqx isir qassis, u għalhekk mar jitgħallem f’kulleġġ f’Firenze. Hemmhekk beda jaħdem ma’ wieħed espert fil-manuskritti (kotba miktubin bl-id, mhux stampati) Taljani.

Fi żmien Collodi, l-Italja ma kinitx għadha pajjiż wieħed, u fl-1848 u l-1860 daħal suldat biex jiġġieled għall-indipendenza tal-pajjiż. Waqqaf ħafna gazzetti politiċi favur l-indipendenza tal-Italja, u kien f’dan iż-żmien li beda juża l-psewdonimu ta’ Carlo Collodi.

Maż-żmien tilef l-interess fil-politika u dar għal-letteratura tat-tfal. Beda billi qaleb għat-Taljan il-ħrejjef famużi Franċiżi ta’ Charles Perrault. Aktar tard kiteb stejjer oħra bbażati fuq karattri magħrufin oħra.

Collodi kellu l-idea li juża karattru simpatiku imma mqareb biex jgħaddi l-messaġġi u t-tagħlim tiegħu permezz ta’ allegorija: jgħaddi messaġġ jew tagħlima permezz ta’ karattru, lok jew simbolu. Fl-1880 beda jikteb L-Istorja ta’ Pupazz, li saret aktar famuża bit-titlu L-Avventuri ta’ Pinokkjo. L-istorja ħarġet f’episodji f’gazzetta tat-tfal, Giornale per i Bambini. Minn dak iż-żmien il-ħrafa daret madwar id-dinja kollha u saret popolari immens. Saru ħafna films fiċ-ċinema u t-televiżjoni u l-ħrafa ġiet maqluba f’mhux inqas minn 260 lingwa. Il-cartoon ta’ Walt Disney tal-1940 huwa x’aktarx l-aktar verżjoni popolari.

Collodi miet ħesrem f’Firenze ta’ 63 sena fis-26 ta’ Ottubru 1890. Il-Fondazzjoni Nazzjonali ta’ Carlo Collodi llum il-ġurnata għadha tippromwovi x-xogħlijiet tiegħu fl-edukazzjoni, u kull sena ħafna nies iżuru l-Park ta’ Pinokkjo f’Collodi.

© Norman C. Borg