Kitba ta’ Norman C. Borg
Madwar 1,800 kelma
Merlin Publishers (2024)
X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?
Din hija silta qasira mill-ktieb Żarbun Imsaħħar miktub minn Norman C. Borg u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.
Qalb David bdiet tħabbat sitta sitta hekk kif ġera lejn il‑lasta tat‑tim ta’ kontrih, u stenna lil Jason jgħaddi l‑ballun lejh. Id‑difensuri tal‑Klassi Ċ kienu tajbin, iżda Jason kellu l‑ħabta jiżgiċċa minn bejn saqajhom bla ma lanqas biss jarawh. Bil‑ballun jitgerbeb quddiemu, Jason seħħlu jaqbeż liż‑żewġ difensuri tal‑Klassi Ċ. Issa kulma kellu jagħmel kien li jqassam il‑ballun lil David. David kien qiegħed jistennieh bil‑ħerqa kollha. It‑tfal tal‑iskola li kienu qegħdin iżommu magħhom, u li dak il‑waqt kienu fil‑bitħa jaraw il‑logħba, bdew iwerżqu għajjat ta’ inkoraġġiment.
“Haw’, Jase! Hawn qiegħed! Waddbu ’l haw’!” David beda jgħajjat kemm jiflaħ lil Jason biex ikun jista’ jarah u jwaddab il‑ballun lejh.
F’ħin minnhom, Jason waqaf mill‑ġirja u b’xutt immirat sewwa waddab il‑ballun eżatt f’saqajn David.
“Isa, Dave, ixxuttja! Għandek ċans!”
Bl‑eċitament li kellu fuqu David lanqas biss indenja ruħu jimmira sew. Fajjar daqqa ta’ sieq lill‑ballun, u …
Xtaq l‑art tibilgħu malli ra l‑ballun itir minn fuq il‑lasta u jmur barra. Ħass fawra titla’ għal rasu hekk kif intebaħ li kien tellef iċ‑ċans lit‑tim tiegħu li jġib draw. Xi tfal minn madwar il‑bitħa bdew jibbuwjawlu.
“X’għamilt, nofs ras!” qabad jgħajjat Robert, il‑kaptan tat‑tim. “Injorant! Telliftna l‑logħba!”
Lanqas biss laħaq qal il‑kelma li s‑suffara tal‑għalliem ma nstemgħetx tidwi mal‑bitħa kollha. Il‑logħba kienet intemmet.
Robert ġera għal fuqu, tah daqqa fuq spalltu bil‑goff u sabbtu mal‑art. David ma kienx qiegħed jistenna daqqa bħal dik, u baqa’ bilqiegħda mal‑art waqt li Robert beda jgħajjat miegħu. “Minn dejjem kont naħseb li m’intix tajjeb għal mat‑tim, ħmar! Rieqed!”
“Iskot, Robert!” qabeż l‑għalliem tal‑PE hekk kif laħaqhom. “Il‑break spiċċa għalik. Mur biddel u itla’ fil‑klassi. Issa nkellmek fuq, lilek.”
Robert baqa’ jħares biċ‑ċiera lejn David għal ftit mumenti, u beda miexi lejn il‑klassijiet, imdawwar mill‑klikka tas‑soltu tiegħu. Beda jgedwed xi ħaġa minn taħt l‑ilsien, iżda David ma setax jisimgħu. Qam bilwieqfa, imma staħa jħares lejn is‑Sur Mangion, li barra minn għalliem tal‑PE kien ukoll il‑kowċ tat‑tim tal‑futbol tal‑iskola.
“Jiddispjaċini, David,” qal is‑Sur Mangion. “Ma wrejtnix li inti aħjar minn ħaddieħor fit‑tim. F’din il‑logħba għamilt wisq żbalji. Iddeċidejt li ndaħħal lil Martin minflokok fit‑tim għas‑semifinali tal‑iskejjel.”
“Kollox sew, Sir,” wieġbu t‑tifel bil‑mod, wiċċu lejn l‑art. X’seta’ jgħid aktar? Kien talab lis‑Sur Mangion bil‑ħerqa kollha biex idaħħlu fit‑tim. Kien iffittah tul dak ix‑xahar kollu biex iħajru jdaħħlu. U s‑Sur Mangion, forsi għax kien iddejjaq jisimgħu jittallab, jew forsi għax kien ġablu ħniena, kien iddeċieda li jħallih jilgħab xi logħbiet. Iżda ma kien wiegħdu xejn.
“Issa naraw kif tmur f’din il‑logħba,” kien qallu. “Imbagħad naraw x’nagħmlu.”
Iżda f’din il‑logħba David kien waqa’ għaċ‑ċajt bil‑kbir. Fl‑ewwel nofs tal‑logħba, għal daqsxejn ma kienx se jdaħħal awtogowl. Fit‑tieni nofs, meta s‑Sur Mangion kien biddillu l‑post minn difensur għal centre forward, tilef mill‑inqas ħames ċansijiet li jiskorja. U l‑aħħar wieħed kien tellifhom il‑logħba.
David kien imdejjaq, u d‑diżappunt kien jidher sew fuq wiċċu. Iżda ħass li s‑Sur Mangion kellu raġun ipoġġi lil Martin minfloku. Martin kien jiskorja tajjeb, u forsi kieku f’din il‑logħba kien minfloku l‑gowl tal‑aħħar kien jiskorjah.
Waqt li l‑oħrajn bdew deħlin bil‑qajla, David baqa’ waħdu, bilqiegħda f’xifer il‑ground, jisħet lilu nnifsu talli kien daqshekk imferfex. Malli daħal fil‑kmamar tax‑showers, sab lil sħabu diġà qegħdin ibiddlu. Jason u Albert resqu lejh.
“X’qallek is‑Sir?” staqsieh Jason.
“Mhux se jħallini nilgħab fis‑semifinali,” wieġeb David minn taħt l‑ilsien.
“Illistrina! Jiddispjaċini, Dave,” kompla Albert. “Naf li xtaqt ħafna li tieħu sehem fis‑semifinali. Lil min se jdaħħal minflokok?”
“Lil Martin.”
“Iss, mhux sew,” qabeż igerger Jason.
“Se jtellfek il‑logħba tas‑semifinali,” kompla Albert.
“Martin owkej,” wieġeb David pront pront. “Jekk jaf jilgħab aħjar minni huwa sew li jidħol hu. Naħseb li għas‑Sur Mangion huwa aktar importanti li nirbħu s‑semifinali milli jikkuntenta lilna. Wara kollox is‑Sir diġà ħallieni nilgħab żewġ logħbiet biex jippruvani — u għax iffittajtu jien!”
Kien f’dak il‑waqt li daħlu Robert, sieħbu Gordon u xi oħrajn mill‑klikka tagħhom. Robert minn dejjem kien iħares lejn David biċ‑ċiera. Ma kienx beda jaħmlu mill‑ewwel darba li kienu ltaqgħu. Iżda llum kien jidher ftit aktar inkurlat.
“Naħseb li s‑Sur Mangion tah xi kastig talli rrabja miegħek u mbuttak,” lissen Albert minn taħt l‑ilsien.
Robert ħares ħarsa madwar il‑kamra sakemm għajnejh waqfu fuq David. Minnufih resaq lejh.
“Daħħalha f’rasek darba għal dejjem li int ħmar fil‑futbol,” qallu b’ċerta arja. “Sewwa għamel is‑Sur Mangion li keċċiek mit‑tim. U oqgħod attent għax jekk tipprova terġa’ titolbu biex idaħħlek, b’rasek idur.”
“X’jiġifieri b’rasu jdur?” qabeż Jason. “X’tagħmillu kieku?”
“Inti tindaħalx!” wieġbu Gordon. “Mhux lilek kien qed ikellem Robert.”
“Jekk tmissu lil David ikollkom xi tgħidu magħna,” qabeż Albert.
“Ejja, isa, ħa nara x’intom kapaċi tagħmlu!” kompla Robert.
“Ieqfu, ieqfu!” qabeż David. “M’hemmx għalfejn toqogħdu tiġġieldu minħabba fija. M’iniex se nilgħab aktar futbol, Robert, tista’ sserraħ rasek.”
“U żgur li nserraħ rasi!”
Il‑klikka ta’ Robert bdiet tidħaq malli qal dan il‑kliem. Iżda David ma tax kashom. Għalkemm Robert kien kemxejn kiesaħ u kien jagħmel ħafna arja, speċjalment miegħu għax kien ftit iżgħar minnu, David kellu jammetti li forsi, wara kollox, Robert kellu raġun f’dak il‑każ. Forsi veru li ma kienx tajjeb biex jilgħab il‑futbol. Kien imissu ma ppruvax jiddeffes fit‑tim tal‑iskola mill‑bidu. Forsi kieku issa ma kienx iħossu daqshekk imdejjaq u qalbu sewda.
Li jieħu sehem f’xi league tal‑futbol kienet minn dejjem il‑ħolma ewlenija ta’ David. Il‑futbol kien iħobbu wisq. Kien għamel ħiltu kollha biex iħajjar lis‑Sur Mangion idaħħlu fit‑tim. Waqt il‑logħob kien joqgħod attent. Wara x‑xogħol tad‑dar kien imur fil‑bitħa ta’ wara daru u joqgħod jilgħab hemm, xi drabi waħdu, xi drabi ma’ xi ħbieb bħal Jason u Albert.
Iżda kollu kien għalxejn. Waqt il‑logħob kien imferfex wisq. Ħafna drabi ma kienx kapaċi jiddeċiedi fejn isib postu u ta’ spiss kien jixxuttja mingħajr ma jieqaf u jaħseb fejn jimmira l‑ballun, bħalma kien ġralu llum.
Kien jixtieq ħafna li jilgħab tajjeb daqs ħaddieħor. Iżda din tiegħu, milli jidher, kienet se tibqa’ biss ħolma. B’dan id‑dwejjaq kbir David, wara l‑iskola, irħielha bil‑mixi lejn daru.
Id‑dar ta’ David ma kinitx bogħod ħafna mill‑iskola. Madankollu ta’ spiss kien itawwal triqtu billi jgħaddi minn xi għelieqi li kienu fil‑qrib tar‑raħal tiegħu. Qalb dawn l‑għelieqi kien hemm ukoll blokk ta’ bini antik, imwarrab u mitluq, li ommu kienet dejjem tgħidlu biex ma jidħolx fih. Ma kienx jaf għalfejn ma setax jagħmel dan. Ta’ tifel li kien kellu kurżità kbira biex xi darba jara x’kien hemm f’dak il‑bini mitluq.
Ħafna bibien u twieqi kienu mkissrin, għalhekk kien ikun faċli għalih li jidħol ġewwa. Biss David kien ta kelmtu lil ommu li qatt ma jidħol hemm ġew, u kbira kemm kienet kbira l‑kurżità tiegħu, ma kienx lest li jikser il‑wegħda li kien għamlilha. Għalhekk kien jikkuntenta għall‑inqas jgħaddi minn ħdejn dak il‑post, iħares lejh mill‑bogħod, jimmaġina x’seta’ kien hemm fih meta kien għadu jintuża u jistħajjel li qed jesplorah u jiskopri dinjiet moħbija. Ma kien jagħmel xejn aktar minn hekk.
Dik il‑ġurnata ma kinitx eċċezzjoni. Għadda minn quddiem il‑bini mitluq bħas‑soltu. Dan aktar seħħ bi drawwa milli bi skop, għax illum tant kien inkwetat u mdejjaq b’dak li kien ġara l‑iskola li bilkemm kien jaf minn fejn kien għaddej fi triqtu lura d‑dar. Kien għadu qiegħed jhewden, bir‑raġun kollu, fuq il‑partita ta’ prova li kien organizza s‑Sur Mangion, u li minħabba fiha David issa kien tkeċċa mit‑tim tal‑iskola.
Ma kienx lagħab tajjeb biżżejjed. Jew aħjar, xi ħadd ieħor kien qiegħed jilgħab aħjar minnu. Kien imnikket ħafna b’dan. Madankollu ma ħass l‑ebda għira għal min kien se jilgħab minfloku fit‑tim. Jekk Martin kien kapaċi jilgħab aħjar minnu, kien xieraq li jidħol fit‑tim hu.
Dawn il‑ħsibijiet taru minn moħħ David hekk kif, hu u miexi, lemaħ żewġt itfal weqfin ftit aktar ’il quddiem fi triqtu. Qalbu għamlet tikk malli ntebaħ li kienu Robert u sieħbu Gordon.
David kien iħoss li Robert kellu xi ħaġa kontrih partikolari. X’kienet, David ma kienx jaf eżatt. Robert kien l‑aħjar fil‑futbol, iżda David kien iħoss li x’aktarx Robert kien jgħir għalih għaliex fl‑iskola David kien dejjem jiġi qablu fl‑eżamijiet. Minħabba f’hekk Robert kien dejjem lest li jsiblu d‑difetti u jgħajru għal kull ħaġa ta’ xejn; bħalma kien għamel dik il‑ġurnata fl‑iskola malli spiċċat il‑logħba.
Xi jridu minni? beda jaħseb bejnu u bejn ruħu, hekk kif kompla miexi lejn Robert u Gordon. Ma kellu l‑ebda triq oħra x’jieħu; bilfors kellu jgħaddi minn maġenbhom. Kienu t‑tnejn weqfin hemm, bħallikieku qegħdin jistennewh. Qalb David bdiet tħabbat sitta sitta hekk kif resaq lejhom.
“Ara min hawn! Il‑ħabib tagħna l‑ħmar!” lissen Robert bi tmejjil.
“David il‑ħmar,” tenna Gordon. Gordon kien qisu d‑dell ta’ Robert. Kien dejjem miegħu. Dak li kien jagħmel Robert kien jagħmlu hu. Dak li kien jgħid Robert kien jgħidu hu. Kien bħallikieku Gordon ma kellux karattru tiegħu, u kien ikun irid dejjem lil Robert miegħu biex jagħmel xi ħaġa.
Għoqla telgħet fi griżmejn David. Waqaf quddiemhom. “Xi tridu?” staqsiehom.
“Iddubbajt kastig minħabba fik, ħelu!” wieġeb Robert.
“Kastig?” tenna David.
“Is‑Sur Mangion tani kastig għax int, meta l‑ewwel waqajt mal‑art, ħaseb li mbuttajtek jien.”
“Ħaseb li mbuttak Robert,” tenna Gordon.
David ma qal xejn. Kien jaf sew li hu ma kienx waqa’ mal‑art minn jeddu. Robert tassew kien imbuttah. Issa kien qiegħed jigdeb biex isib skuża oħra ħalli jaqbad miegħu.
“Ħallini ngħaddi għax ommi qed tistennieni,” qabeż jgħid David.
“Mhux qabel ma tpattiha talli qlajt kastig minħabba fik!” wieġeb Robert.
“Iva, se npattuhielek,” kompla Gordon.
Jimxi ’l quddiem ma setax għax kellu lil Robert u lil Gordon qegħdin jagħlqulu t‑triq. Iżda David lanqas ried imur lura. Ma riedx jurihom li kien qiegħed jibża’ minnhom. Minn taħt il‑għajn kien għadu qiegħed jara l‑bini mwarrab fuq ix‑xellug tiegħu. L‑unika ħaġa li seta’ jagħmel kien li jiżgiċċa ’l hemm, isib moħba xi mkien hemm ġew u jara kif jagħmel biex jeħles minnhom.
Bħal sajjetta lebbet lejn il‑bini qabel ma Robert u Gordon kellhom iċ‑ċans jerfgħu jdejhom fuqu.
“Se jaħrab, rieqed! Mur iġri warajh!” sema’ lil Robert jgħajjat minn warajh, kif David beda jiġri kemm jiflaħ lejn il‑bini mwarrab.
Iż‑żewġ subien ġrew wara David u nfirdu biex jippruvaw jaqbduh aktar malajr. B’nifsu maqtugħ, David dar kantuniera u sammar dahru ma’ ħajt, wieqaf, biex jipprova jisma’ l‑passi ta’ dawk li kienu qegħdin jiġru warajh. Seta’ jismagħhom sew. Kienu qegħdin joqorbu lejh.
Issokta l‑ġiri tiegħu, mingħajr ma ra fejn kien sejjer. Ma setax jibqa’ fil‑beraħ. Kellu bilfors isib xi moħba xi mkien. Ħaseb li jipprova jinħeba u jistenna bit‑tama li jaqtgħu qalbhom milli jsibuh u jitilqu lejn djarhom.
Iżda fejn seta’ jistaħba? Seta’ jara ħafna twieqi u bibien miftuħin f’dak il‑bini mwarrab, u hemm ġew kellu ċ‑ċans jitlifhom qalb dawk il‑kmamar kollha. Ittanta joqrob lejn wieħed mill‑bibien hekk kif sema’ l‑passi ta’ dawk it‑tnejn joqorbu lejh. Iżda f’daqqa waħda ftakar f’ommu u fil‑wegħda li kien għamlilha.
Kif seta’ jaqbad u jidħol f’dak il‑bini jekk lil ommu kien taha l‑kelma tiegħu? Ma kienx jaf x’jaqbad jagħmel. Minn Robert u minn Gordon kien jibża’. Kienu kemm kemm akbar minnu, u kien jaf li kienu jħobbu jerfgħu jdejhom fuq ħaddieħor. Kien qiegħed jibża’ li jekk jiġi taħt idejhom żgur li kienu jkorruh.
Il‑bieb miftuħ quddiemu kien qiegħed isejjaħlu biex ifittex jidħol għall‑kenn.
Il‑passi tal‑oħrajn resqin lejh kienu qegħdin jimbuttawh biex ifittex jidħol.
Kien bejn ħaltejn x’jagħmel.