Rudyard Kipling
(1865-1936)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Drama
Fantasija
Letteratura għat-tfal
Poeżija
Novelli
Rudyard Kipling twieled f’Bombay (illum Mumbai), l‑Indja, nhar it‑3 ta’ Diċembru 1865, minn ġenituri Ingliżi. Dak iż‑żmien, missieru John Kipling kien edukatur imsemmi, artist u kuratur ta’ mużew f’dik il‑belt. Malli Rudyard kien ta’ età xierqa, il‑ġenituri tiegħu bagħtuh jistudja l‑Ingilterra.
Rudyard mar lura l‑Indja ta’ sbatax‑il sena, u hemm sab impjieg bħala assistent editur tas‑Civil and Military Gazette fil‑belt ta’ Lahore. Ta’ wieħed u għoxrin sena kien diġà ppubblika sitt volumi ta’ kitbiet. Il‑fama tiegħu bħala awtur malajr infirxet fl‑Indja u fl‑Ingilterra. Fil‑fatt, meta snin wara reġa’ żar l‑Ingilterra, stagħġeb malli ra li hemmhekk kien diġà magħruf sew.
Is‑suċċess tiegħu bħala kittieb kien l‑aktar minħabba l‑kreattività li kellu u l‑ħila tiegħu kif jirrakkonta storja b’mod interessanti. L‑istejjer tiegħu kollha għandhom dik l‑atmosfera maġika, kemm jekk iseħħu fl‑Indja, fl‑Ingilterra, fl‑Afrika, jew saħansitra fuq il‑baħar. Il‑karattri tiegħu huma varjati ħafna, forsi minħabba l‑fatt li hu siefer ħafna u ltaqa’ ma’ ħafna persunaġġi
minn kulturi differenti bħaċ‑Ċina, il‑Ġappun, l‑Afrika t’Isfel u l‑Amerka.
Fost l‑aktar kitbiet popolari tiegħu nsibu Il‑Kaptani Qalbenin − l‑istorja tal‑baħrin, Kim − l‑istorja tal‑ħajja ta’ tifel Indjan, Stejjer Kif Xieraq − għat‑tfal, Ktieb il‑Ġungla u It‑Tieni Ktieb il‑Ġungla − stejjer dwar id‑dinja tal‑annimali.
Fl‑1907, wara ħafna snin jikteb rumanzi, poeżiji u stejjer qosra, id‑dinja għarfet il‑ħila letterarja tiegħu meta ngħata l‑Premju Nobel għal‑Letteratura.
Miet f’Londra nhar it‑18 ta’ Jannar 1936, fl‑età ta’ 71 sena.
Qari tal‑provi Anabel Micallef u
l‑Aġenzija Nazzjonali tal‑Litteriżmu
© Norman C. Borg