Mill-ġabra Stejjer Kif Xieraq (Just So Stories)
ta’ Rudyard Kipling (Ingliż, 1865-1936)
Madwar 2,900 kelma

Attivitajiet dwar dan il-ktieb
X'Kelma din!
 

Traduzzjoni: © Norman C. Borg

Qari tal-provi: Priscilla Sammut

Aktar tagħrif f' Sagħtar
Ħarġa numru 382 (Jannar 2024)

Mela, iftaħ widnejk u isma’ sew, Qalb ta’ Qalbi; għax dan li se ngħidlek seħħ u ġara meta l‑annimali mansi kienu għadhom slavaġ. Il‑Kelb kien Salvaġġ, u ż‑Żiemel kien Salvaġġ, u l‑Baqra kienet Salvaġġa, u n‑Nagħġa kienet Salvaġġa, u l‑Ħanżir kien Salvaġġ – ma setgħux ikunu slavaġ aktar milli kienu – u kienu jimirħu l‑Boskijiet is‑Slavaġ kollha għal rashom. Iżda l‑aktar wieħed salvaġġ fost l‑annimali s‑slavaġ kien il‑Qattus. Hu kien ifendi għal rasu, u kien joqgħod fejn irid.

Naturalment, ir‑Raġel kien Salvaġġ ukoll. Kien salvaġġ mhux bi ftit. U lanqas biss ma beda jimmansa sakemm ma ltaqax mal‑Mara, li qaltlu li ma kenitx lesta li tgħix miegħu jekk jibqa’ jgħix ta’ salvaġġ. Għalhekk għażlet għar fond, sabiħ u kenni, minflok il‑ħaxix kiesaħ u umdu li r‑Raġel kien jorqod fuqu. Naddfet sew bir‑ramel l‑art tal‑Għar, u f’qiegħ l‑Għar kebbset nar qawwi bi ftit friegħi xotti. Mad‑daħla tal‑Għar, dendlet il‑ġilda mnixxfa ta’ żiemel salvaġġ, bid‑denb ’l isfel. “Issa,” qalet lir‑Raġel, “se jkollna dar. Imsaħ saqajk, ħanini, qabel ma tidħol.”

Dak il‑lejl, Qalb ta’ Qalbi, kielu ftit laħam tan‑nagħaġ mixwi fuq blata msaħħna, imżewqa b’tewm salvaġġ, u bżar salvaġġ; u papra salvaġġa mimlija b’ross salvaġġ, imżewwaq bil‑ħelba salvaġġa u frott tal‑kosbor salvaġġ; għadam tal‑barri salvaġġ; u fl‑aħħar ċirasa salvaġġa. Wara, kuntent u żaqqu mimlija, ir‑Raġel intefa’ jorqod qrib il‑ħuġġieġa; iżda l‑Mara baqgħet imqajma, tippettna xagħarha. Tefgħet ftit aktar ħatab fin‑nar, u għamlet Seħer. Għamlet l‑ewwel Seħer tal‑Għana fid‑dinja.

Fil‑qrib, qalb is‑siġar u l‑ħaxix tal‑Boskijiet is‑Slavaġ, l‑annimali s‑slavaġ inġabru fejn setgħu jaraw mill‑bogħod id‑dija tal‑ħuġġieġa, u ma setgħux jifhmu x’kienet.

Żiemel is‑Salvaġġ beda jagħti mal‑art b’siequ, u qal, “Ħbieb tiegħi u Għedewwa tiegħi, għalfejn ir‑Raġel u l‑Mara għamlu dak id‑dawl jiddi fil‑Għar, u xi ħsara jista’ jkun għalina, dan?”

Kelb is‑Salvaġġ għolla fl‑arja l‑imnieħer is‑salvaġġ tiegħu, u xamm ir‑riħa tal‑muntun mixwi, u qal, “Ħalli mmur inħares, u nifli u nara; għax naħseb li hija ħaġa tajba. Qattus, ejja miegħi.”

“Għid appa!” lissen il‑Qattus. “Jien il‑Qattus li jfendi għal rasu, u noqgħod fejn irrid. M’iniex ġej.”

“Mela jien u int qatt ma nistgħu nkunu ħbieb,” qal Kelb is‑Salvaġġ, u telaq lejn il‑Għar. Imma ftit mumenti wara li kien telaq, il‑Qattus beda jaħseb, “Jien nista’ noqgħod kullimkien. Għalfejn m’għandix immur u nara, u nitlaq meta rrid?” Għalhekk mar jiġri wara Kelb is‑Salvaġġ, sieket sieket, u nħeba fejn seta’ jara u jisma’ kollox.

Malli Kelb is‑Salvaġġ wasal fid‑daħla tal‑Għar, għolla l‑ġilda n‑niexfa taż‑żiemel b’geddumu u xamm ir‑riħa tfuħ tal‑muntun mixwi. Il‑Mara lemħitu u nfaqgħet tidħaq. “Hawn hu, ġej l‑ewwel wieħed!” qalet. “Ħlejqa Salvaġġa tal‑Bosk is‑Salvaġġ, xi trid?”

“O Għadu tiegħi u Mart l‑Għadu tiegħi,” wieġeb Kelb is‑Salvaġġ, “X’inhi dik il‑ħaġa li tfuħ daqshekk li nistgħu nxommuha mill‑Bosk is‑Salvaġġ?”

Il‑Mara ħatfet biċċa għadma bil‑laħam tal‑muntun, u tefgħetha quddiem Kelb is‑Salvaġġ. “Ħlejqa Salvaġġa mill‑Bosk is‑Salvaġġ, duq u tiegħem.”

Kelb is‑Salvaġġ beda jilgħaq, inittef u jiekol, u kienet l‑aktar ħaġa tajba li kien qatt daq. “O Għadu tiegħi u Mart l‑Għadu tiegħi,” qal fl‑aħħar, “Agħtini biċċa oħra.”

Il‑Mara weġbitu, “Ħlejqa Salvaġġa mill‑Bosk is‑Salvaġġ, għin lir‑Raġel jikkaċċja matul il‑jum, u oqgħod għassa mal‑Għar matul il‑lejl, u nagħtik laħam mixwi kemm trid.”

“Aa!” lissen il‑Qattus li kien qed jissemma’. “Din hija Mara tassew stuża. Imma jien stuż aktar minnha.”

Kelb is‑Salvaġġ tkaxkar ġewwa l‑Għar u poġġa rasu f’ħoġor il‑Mara. “O Ħabibti u Mara ta’ Ħabibi,” lissen, “Ngħin lir‑Raġel tiegħek jikkaċċja matul il‑jum, u noqgħod għassa mal‑Għar matul il‑lejl.”

“Aa!” lissen il‑Qattus li kien qed jissemma’. “Dak il‑kelb tassew mhuwiex għaqli.” U reġa’ lura fil‑Boskijiet is‑Slavaġ, ixejjer denbu u jimxi għal rasu. Iżda qatt ma qal lil ħadd dwar dak li ra u sema’.

Meta r‑Raġel stenbaħ, qal, “X’qed jagħmel Kelb Salvaġġ, hawn?”, u l‑Mara weġbitu, “Dak m’għadux jismu Kelb Salvaġġ, imma l‑Ewwel Ħabib, għaliex se jkun il‑ħabib tagħna għal dejjem ta’ dejjem. Ħudu miegħek meta tmur għall‑kaċċa.”

Il‑lejl ta’ wara, il‑Mara qatgħet ħafna ħaxix frisk minn maġenb ix‑xmara, u nixxfitu ħdejn in‑nar sakemm kellu r‑riħa bħal dik ta’ tiben maħrut frisk, u ntefgħet bilqiegħda fejn id‑daħla tal‑Għar u fasslet testiera mill‑ġild taż‑żiemel. U għamlet Seħer. Għamlet it‑tieni Seħer tal‑Għana fid‑dinja.

Qalb is‑siġar fil‑Bosk is‑Salvaġġ, l‑annimali s‑slavaġ bdew jitħassbu dwar x’kien ġara lill‑Kelb Salvaġġ, sakemm fl‑aħħar iż‑Żiemel sabbat siequ mal‑art u qal, “Ħalli mmur nara għaliex Kelb Salvaġġ ma ġiex lura. Qattus, ejja miegħi.”

“Għid appa!” lissen il‑Qattus. “Jien il‑Qattus li jfendi għal rasu, u noqgħod fejn irrid. M’iniex ġej.” Madankollu, xorta waħda mar wara ż‑Żiemel kutu kutu, u staħba fejn seta’ jara u jisma’ kollox.

Malli l‑Mara lemħet liż‑żiemel riesaq lejn l‑Għar, il‑ħin kollu jitfixkel fil‑krinjiera li kellu twila sa saqajh, qabdet tidħaq. “Hawn hu, ġej it‑tieni wieħed. Ħlejqa Salvaġġa tal‑Bosk is‑Salvaġġ, xi trid?”

“O Għadu tiegħi u Mart l‑Għadu tiegħi, fejn hu Kelb Salvaġġ?”

Il‑Mara daħqet, u wieġbet, “Ħlejqa Salvaġġa tal‑Bosk is‑Salvaġġ, inti ma ġejtx għal Kelb Salvaġġ, imma għal dan it‑tiben bnin u tajjeb.”

Żiemel Salvaġġ, li kien għadu qed jitfixkel fil‑krinjiera, lissen, “Tassew. Agħtini x’niekol.”

U l‑Mara wieġbet, “Ħlejqa Salvaġġa tal‑Bosk is‑Salvaġġ, baxxi rasek, u ilbes dan li se nagħtik, u tkun tista’ tiekol minn dan it‑tiben tliet darbiet kuljum.”

“Aa!” lissen il‑Qattus li kien qed jissemma’, “Din il‑Mara hija għaqlija, iżda mhix għaqlija daqsi.”

Żiemel Salvaġġ baxxa rasu, u l‑Mara poġġiet ma’ għonqu t‑testiera, u Żiemel Salvaġġ nefaħ fuq sieq il‑Mara u qal, “O Sidti u Mart Sidi, se nkun il‑qaddej tiegħek għat‑tiben bnin li se tagħtini.”

“Aa!” lissen il‑Qattus li kien qed jissemma’, “Dak iż‑Żiemel mhu għaqli xejn.” U reġa’ lura fil‑Boskijiet is‑Slavaġ, ixejjer denbu u jimxi għal rasu. Iżda qatt ma qal lil ħadd dwar dak li ra u sema’.

Meta r‑Raġel u l‑Kelb ġew lura mill‑kaċċa, ir‑Raġel staqsa, “X’qiegħed jagħmel hawn, Żiemel Salvaġġ?”

U l‑Mara wieġbet, “Dak m’għadux jismu Żiemel Salvaġġ, imma l‑Ewwel Qaddej, għaliex se jibda jġorrna minn post għal ieħor għal dejjem ta’ dejjem. Irkeb fuq dahru meta tmur għall‑kaċċa.”

L‑għada, waqt li żammet rasha ’l fuq biex il‑qrun tagħha ma jitħabblux mas‑siġar, Baqra Salvaġġa resqet lejn l‑Għar, u l‑Qattus mexa wara fis‑skiet, u staħba bħas‑soltu. U kollox ġara bħalma kien ġara l‑jiem ta’ qabel; u l‑Qattus lissen l‑istess kliem, u l‑Baqra Salvaġġa wiegħdet li tagħti lill‑Mara l‑ħalib tagħha biex tkun tista’ tiekol il‑ħaxix frisk, u l‑Qattus reġa’ lura fil‑Boskijiet is‑Slavaġ, ixejjer denbu u jimxi għal rasu, bħal qabel. Iżda qatt ma qal lil ħadd dwar dak li ra u sema’.

U meta r‑Raġel u l‑Kelb u ż‑Żiemel ġew lura mill‑kaċċa, ir‑Raġel staqsa l‑istess mistoqsijiet, u l‑Mara wieġbet, “Isimha m’għadux Baqra Salvaġġa, imma Dik li Tagħti Ikel Bnin. Se tagħtina l‑ħalib sħun u frisk għal dejjem ta’ dejjem, u jien nieħu ħsiebha waqt li inti u l‑Ewwel Ħabib u l‑Ewwel Qaddej tmorru għall‑kaċċa.”

L‑għada l‑Qattus qagħad jistenna biex jara kienx hemm xi Annimal Salvaġġ ieħor li kien sejjer lejn l‑Għar, imma ħadd fil‑Bosk Salvaġġ ma ċċaqlaq, għalhekk il‑Qattus mar ħdejn l‑Għar waħdu; u ra lill‑Mara tħalleb lill‑Baqra, ra l‑ħuġġieġa taqbad ġewwa l‑Għar, u beda jxomm ir‑riħa tfuħ tal‑ħalib frisk.

Il‑Qattus lissen, “O Għadu tiegħi u Mart l‑Għadu tiegħi, fejn marret il‑Baqra?”

Il‑Mara daħqet u qalet, “Ħlejqa Salvaġġa mill‑Bosk Salvaġġ, mur lura fil‑Bosk, għaliex issa m’għandniex bżonn aktar ħbieb u qaddejja fil‑Għar.”

Il‑Qattus wieġeb, “Jien la jien ħabib u lanqas seftur. Jien il‑Qattus li jfendi għal rasu, u nixtieq nidħol fil‑Għar tagħkom.”

U l‑Mara lissnet, “Mela għaliex ma ġejtx mal‑Ewwel Ħabib, fl‑ewwel lejl?”

Il‑Qattus irrabja ħafna, u qal, “Jaqaw Kelb Salvaġġ qala’ xi stejjer fuqi?”

Il‑Mara daħqet. “Inti l‑Qattus li jfendi għal rasu, u għalik kullimkien huwa l‑istess. La inti ħabib u lanqas qaddej. Tgħidu inti stess. Mela itlaq minn hawn u mur iġġerra fejn trid għal rasek.”

Il‑Qattus għamel tabirruħu li kien iddispjaċut, u qal, “Allura jien qatt ma nista’ nżur il‑Għar? Qatt ma nista’ niġi noqgħod fejn il‑ħuġġieġa sħuna? Qatt ma nista’ nixrob mill‑ħalib bnin? Inti mara għaqlija u sabiħa. M’għandekx tkun kattiva, lanqas ma’ Qattus.”

U l‑Mara qalet, “Kont naf li jien għaqlija, imma ma kontx naf li jien sabiħa. Mela, ħalli nagħmlu ftehim. Jekk qatt xi darba ngħid xi kelma biex infaħħrek, tkun tista’ tidħol fil‑Għar.”

“U jekk tgħid żewġ kelmiet?” staqsa l‑Qattus.

“Dak qatt ma nagħmlu,” lissnet il‑Mara, “imma jekk ngħidhom, tkun tista’ toqgħod bilqiegħda maġenb il‑ħuġġieġa ġewwa l‑Għar.”

“U jekk tgħid tliet kelmiet?” staqsa l‑Qattus.

“Qatt ma jien se ngħid tliet kelmiet,” qabżet il‑Mara, “imma jekk ngħid tliet kelmiet biex infaħħrek, tkun tista’ tiġi u tixrob mill‑ħalib tliet darbiet kuljum għal dejjem ta’ dejjem.”

Ma’ dan, il‑Qattus għawweġ dahru ’l fuq u qal, “Mela ħalli l‑Purtiera fid‑daħla tal‑Għar, in‑Nar fuq wara tal‑Għar u l‑Ħalib maġenb in‑Nar, jiftakru dak li qalet l‑Għadu tiegħi u Mart l‑Għadu tiegħi.” U telaq lura fil‑Boskijiet is‑Slavaġ, ixejjer denbu u jimxi għal rasu.

Filgħaxija, meta r‑Raġel u l‑Kelb u ż‑Żiemel ġew lura mill‑kaċċa, il‑Mara ma qaltilhomx bil‑ftehim li kellha mal‑Qattus, għax beżgħet li ma kinux jieħdu pjaċir.

Il‑Qattus telaq ’il bogħod minn hemm, u nħeba qalb is‑siġar tal‑Boskijiet is‑Slavaġ, dejjem għal rasu u għal żmien twil ħafna, tant li l‑Mara kienet insietu għalkollox. Biss il‑Farfett il‑Lejl – il‑Farfett il‑Lejl li kien jgħix imdendel rasu ’l isfel ġewwa nett fil‑Għar – kien jaf fejn kien il‑Qattus; u kull filgħaxija kien jittajjar s’għand il‑Qattus u kien jagħtih aħbarijiet dwar x’kien jiġri fil‑Għar.

Darba, Farfett il‑Lejl qallu, “Hemm Tarbija fil‑Għar. Huwa ġdid, kollu roża, imbaċċaċ u żgħir, u l‑Mara tħobbu ħafna.”

“Aa!” qal il‑Qattus, “Imma t‑Tarbija xi jħobb?”

“Iħobb affarijiet li huma rotob u li jgħarrxuh,” qal Farfett il‑Lejl. “Iħobb affarijiet sħan li jżomm miegħu waqt li jkun rieqed. Jieħu pjaċir jilgħab u min jilgħab miegħu. Iħobb dawn l‑affarijiet kollha.”

“Aa!” qal il‑Qattus kif sema’ dan, “mela wasal waqti.”

Il‑lejl ta’ wara, il‑Qattus mexa tul il‑Boskijiet is‑Slavaġ u staħba viċin l‑Għar sakemm sebaħ u r‑Raġel u l‑Kelb u ż‑Żiemel marru għall‑kaċċa. Il‑Mara kellha ħafna xogħol x’tagħmel dik l‑għodwa. Kienet qiegħda ssajjar l‑ikel, u ċ‑ċkejken qabad inewwaħ u waqqafha. Għalhekk, ħarġitu barra l‑Għar u tagħtu ftit ċagħaq biex joqgħod jilgħab. Imma ż‑żgħir xorta baqa’ jnewwaħ.

Imbagħad il‑Qattus ħareġ siequ u żiegħel lit‑tarbija fuq ħuġbejh, u dan waqaf inewwaħ. Il‑Qattus beda jogħrok siequ mas‑saqajn imbaċċin tat‑Tifel, u b’denbu beda jgħarrxu taħt il‑geddum imbaċċaċ tiegħu, u t‑tifel beda jidħaq. Il‑Mara semgħetu minn ġewwa, u tbissmet.

Wara dan, il‑Farfett il‑Lejl – dak li kien imdendel rasu ’l isfel mas‑saqaf tal‑Għar – qal lill‑Mara, “O Sidt id‑Dar u Mara ta’ Sid id‑Dar u l‑Omm ta’ Iben Sid id‑Dar, Ħlejqa Salvaġġa mill‑Bosk is‑Salvaġġ qed tilgħab u tferraħ lit‑Tarbija tiegħek.”

“Imbierka dik il‑Ħlejqa Salvaġġa, hi min hi,” lissnet il‑Mara, hekk kif iddrittat dahara, “għax illum kont bieżla ħafna u għamlitli pjaċir kbir.”

F’dak il‑waqt u l‑mument, Qalb ta’ Qalbi, il‑Purtiera tal‑ġild taż‑żiemel li kienet fid‑daħla tal‑Għar iċċarrtet u waqgħet mal‑art – Wuxxx! – għaliex ftakret il‑ftehim li kellha mal‑Qattus, u meta l‑Mara marret biex tiġborha, lemħet lill‑Qattus bilqiegħda komdu komdu fil‑Għar.

“O Għadu tiegħi u Mart l‑Għadu tiegħi,” qal il‑Qattus, “Jien qiegħed hawn għax għidt kelma ta’ ftaħir fuqi, u issa jien nista’ niġi noqgħod bilqiegħda fil‑Għar għal dejjem ta’ dejjem. Imma jien xorta għadni l‑Qattus li jfendi għal rasu, u kull post huwa l‑istess għalija.”

Il‑Mara rrabjat b’dan, imma ma tniffsitx, u qabdet il‑magħżel biex tagħżel ftit suf. Iżda malli l‑Qattus ħareġ mill‑Għar, it‑Tifel reġa’ beda jwerżaq, u l‑Mara ma setgħetx issikktu hekk kif beda jagħti b’saqajh u jixher sakemm wiċċu kħal.

Malli sema’ dak l‑istorbju fil‑Għar, il‑Qattus ġie lura. “O Għadu tiegħi, Mart l‑Għadu tiegħi u Omm l‑Għadu tiegħi, aqbad sufa milli qiegħda tagħżel, u kebbibha mat‑tuqqala, u ixħetha mal‑art, u nurik seħer li jferraħ lit‑Tifel u twaqqfu mit‑tnewwiħ.”

“Se nagħmel hekk għax qed nitlef il‑paċenzja,” lissnet il‑Mara, “imma mhux se nirringrazzjak ta’ dan.”

Kebbet is‑suf mat‑tuqqala tat‑tafal li kellha, u waddbitha mal‑art, u l‑Qattus beda jiġri warajha, iċaqlaqha b’saqajh, u jitgerbeb mal‑art, u jitfagħha fil‑għoli, u jgħaddiha bejn saqajh, u jagħmel taparsi jitlifha, u mbagħad taparsi jsibha, u jaqbeż fuqha, sakemm it‑Tifel beda jidħaq u jwerżaq, u jiġri wara l‑Qattus fuq idejh u saqajh, u jaqbeż u jitkaxkar mal‑Għar kollu sakemm beda jegħja u f’qasir żmien waqa’ f’nagħsa ħelwa jħaddan miegħu lill‑Qattus.

“Issa,” qal il‑Qattus, “Se ngħanni għanja lit‑Tifel li żżommu rieqed għal siegħa.” U beda jagħmel il‑ħoss ta’ qattus, fil‑għoli u fil‑baxx, fil‑baxx u fil‑għoli, u t‑Tifel baqa’ rieqed fil‑fond. Il‑Mara tbissmet hekk kif ħarset lejhom it‑tnejn, u qalet, “Dik kienet biċċa xogħol sabiħa tassew. Bla dubju inti għaqli, O Qattus.”

F’dak il‑mument u f’dik is‑sekonda, Qalb ta’ Qalbi, id‑duħħan tan‑nar li kien ġewwa nett fil‑Għar niżel bħal sħaba waħda – puff! – għaliex ftakar il‑ftehim li kien għamel mal‑Qattus, u meta d‑daħna fl‑aħħar għosfrot – ħaġa tal‑għaġeb! – hemm kien il‑Qattus, bilqiegħda komdu maġenb il‑ħuġġieġa.

“O Għadu tiegħi u Mart l‑Għadu tiegħi u Omm l‑Għadu tiegħi,” qal il‑Qattus, “Hawn jien għaliex inti faħħartni għat‑tieni darba, u jien issa nista’ noqgħod bilqiegħda maġenb in‑nar fil‑Għar tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Imma xorta waħda jien għadni l‑Qattus li jfendi għal rasu, u kull post huwa l‑istess għalija.”

Issa l‑Mara kienet aktar irrabjata, u ħallet xagħarha u tefgħet aktar ħatab fuq in‑nar, u għamlet Seħer biex iżommha milli tfaħħar lill‑Qattus għat‑tielet darba. Imma dan is‑Seħer, Qalb ta’ Qalbi, ma kienx Seħer tal‑Għana. Kien Seħer tas‑Skiet, sakemm waqa’ kwiet perfett fil‑Għar u ma kien jinstema’ xejn; tant kien hekk, li ġurdien ċkejken ċkejken ħareġ minn rokna tal‑Għar u ġera għan‑naħa l‑oħra.

“O Għadu tiegħi, u Mart l‑Għadu tiegħi, u Omm l‑Għadu tiegħi,” qal il‑Qattus, “Dak il‑ġurdien iż‑żgħir huwa parti mis‑seħer tiegħek?”

“Aah! Xuu! Le, mhuwiex!” werżqet il‑Mara hekk kif telqet kulma kellha f’idha u qabżet bilwieqfa fuq banketta, u barmet xagħarha biex żgur il‑ġurdien ma jitlax miegħu.

“Aa!” qal il‑Qattus, “mela l‑ġurdien mhux se jagħmilli ħsara jekk nieklu.”

“Le,” wieġbet il‑Mara hi u tobrom xagħarha, “fittex kulu u nkun nafulek.”

B’qabża waħda, il‑Qattus ħataf lill‑ġurdien u belgħu. “Mitt elf grazzi,” qalet il‑Mara, “Lanqas l‑Ewwel Ħabib ma jgħaġġel daqsek biex jaqbad il‑ġrieden. Inti tassew bravu.”

U eżatt f’dak il‑ħin u l‑mument, Qalb ta’ Qalbi, l‑iskutella bil‑ħalib li kienet maġenb in‑nar inqasmet f’żewġ biċċiet – ffft! – għaliex ftakret il‑ftehim li kienet għamlet mal‑Qattus, u malli l‑Mara niżlet minn fuq il‑banketta – xi ssib? – lill‑Qattus qiegħed jilgħaq il‑ħalib minn waħda mill‑biċċiet tal‑iskutella mkissra.

“O Għadu tiegħi, u Mart l‑Għadu tiegħi, u Omm l‑Għadu tiegħi,” qal il‑Qattus, “Hawn jien għaliex inti faħħartni għat‑tielet darba, u issa nista’ nixrob mill‑ħalib tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Madankollu, jien xorta għadni l‑Qattus li jfendi għal rasu, u kull post huwa l‑istess għalija.”

Il‑Mara nfaqgħet tidħaq, u ġabet skutella ġdida, imlietha bil‑ħalib, u tatha lill‑Qattus. “O Qattus, inti għaqli daqs bniedem, imma ftakar li l‑ftehim għamiltu miegħi biss, mhux mar‑Raġel u lanqas mal‑Kelb, għalhekk ma nafx x’se jgħidu meta jiġu d‑dar.”

“X’inhu dak għalija?” wieġeb il‑Qattus. “Ladarba għandi post fil‑Għar maġenb in‑nar, u nista’ nieħu tliet belgħat ħalib sħun kuljum, ma jimpurtanix x’jagħmlu r‑Raġel u l‑Kelb.”

Filgħaxija, meta r‑Raġel u l‑Kelb daħlu fil‑Għar, il‑Mara qaltilhom dwar il‑ftehim li għamlet mal‑Qattus, waqt li dan baqa’ bilqiegħda maġenb in‑nar, jitbissem. U fl‑aħħar ir‑Raġel qal, “Iva, imma m’għamilx ftehim miegħi, u lanqas mal‑Irġiel kollha l‑oħra li se jiġu warajja.” Wara dan neża ż‑żarbun tal‑ġild u ħataf il‑mannara taż‑żnied (tliet affarijiet b’kollox) u wara qabad biċċa għuda u mannara oħra żgħira (mela ħames oġġetti b’kollox) u poġġiehom mal‑art f’filliera waħda.

“Issa ħalli nagħmlu l‑ftehim tagħna,” qal ir‑Raġel. “Jekk ma taqbadx il‑ġrieden waqt li tkun fil‑Għar għal dejjem ta’ dejjem, jien nissuttalek dawn il‑ħames affarijiet kull meta narak, u hekk jagħmlu l‑Irġiel kollha li jiġu warajja.”

“Aa!” qalet il‑Mara. “Il‑Qattus huwa għaqli, imma mhux għaqli daqs ir‑Raġel tiegħi.”

Il‑Qattus ħares lejn il‑ħames oġġetti, u kollha kienu jidhru goffi u ibsin. “Meta nkun fil‑Għar naqbad il‑ġrieden għal dejjem ta’ dejjem,” lissen. “Imma xorta waħda għadni l‑Qattus li jfendi għal rasu, u l‑postijiet kollha huma l‑istess għalija.”

“Mhux meta tkun viċin tiegħi,” qal ir‑Raġel. “Kieku m’għidtx dik tal‑aħħar kont inwarrab dawn l‑affarijiet għal dejjem ta’ dejjem; imma issa se nissuttalek iż‑żraben u l‑mannara (u dawk jagħmlu tlieta) kull meta narak. U hekk jibdew jagħmlu l‑Irġiel kollha li jiġu warajja.”

“Stenna ftit,” qabeż il‑Kelb. “Dan m’għamilx ftehim miegħi u mal‑Klieb kollha li jiġu warajja.” Il‑Kelb kixef snienu. “Jekk ma ġġibx ruħek sew mat‑Tifel waqt li jien inkun fil‑Għar għal dejjem ta’ dejjem, niġri warajk sakemm naqbdek, u malli naqbdek nigdmek. U hekk jagħmlu l‑Klieb kollha li jiġu warajja.”

“Aa!” qalet il‑Mara. “Dan il‑Qattus huwa għaqli, imma mhux għaqli daqs il‑Kelb.”

Il‑Qattus għadd is‑snien tal‑Kelb (u kienu ppuntati ħafna) u qal, “Inġib ruħi sew mat‑Tifel meta nkun fil‑Għar – sakemm ma jiġbidlix denbi ħafna – għal dejjem ta’ dejjem. Imma jien xorti għadni l‑Qattus li jfendi għal rasu, u l‑postijiet huma kollha l‑istess għalija.”

“Mhux meta tkun viċin tiegħi,” qal il‑Kelb. “Kieku m’għidtx l‑aħħar ħaġa li għidt kont nagħlaq ħalqi għal dejjem ta’ dejjem. Imma issa se nibda niġri warajk sakemm ikollok titla’ siġra biex ma naqbdekx, għal dejjem ta’ dejjem. U hekk jagħmlu l‑Klieb kollha li jiġu warajja.”

U wara dan ir‑Raġel waddab iż‑żraben u l‑mannara (li b’kollox kienu jgħoddu tlieta) lejn il‑Qattus, u l‑Qattus lebbet minn ġol‑Għar u l‑Kelb beda jiġri warajh sakemm il‑Qattus kellu jitla’ ma’ siġra biex jaħrablu. U minn dak iż‑żmien ’l hawn, Qalb ta’ Qalbi, tliet irġiel minn ħamsa dejjem jissuttaw xi ħaġa lill‑Qattus kull darba li jarawh, u l‑Klieb kollha jibqgħu jiġru warajh.

Imma l‑Qattus dejjem iwettaq il‑parti tiegħu tal‑ftehim. Kull meta jkun f’dar, dejjem joqtol il‑ġrieden u jġib ruħu sew mat‑Tfal, dejjem sakemm dawn ma jiġbdulux denbu wisq. Imma wara li jagħmel dan, meta ma jkunx id‑dar u matul il‑lejl meta jitla’ l‑qamar, isir il‑Qattus li jfendi għal rasu, u l‑postijiet huma kollha xorta għalih. Imur fil‑Boskijiet is‑Slavaġ, jitla’ mas‑Siġar is‑Slavaġ jew is‑Soqfa Slavaġ, ixejjer denbu u jimxi għal rasu.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Ħelba: Pjanta tal‑familja tal‑piżelli li ż‑żerriegħa tagħha tintuża bħala ħwar. [Lura]

Kosbor: Pjanta li ż‑żerriegħa u l‑weraq tagħha jintużaw bħala ħwar. [Lura]

Krinjiera: Ix‑xagħar fuq ras u għonq iż‑żiemel. [Lura]

Magħżel: Dik il‑parti tal‑magna tal‑ħjata li jdur magħha l‑ħajt jew is‑suf. [Lura]

Testiera: Iċ‑ċineg li torbot ma’ ras iż‑żiemel. [Lura]

Tuqqala: Biċċa injama li tkebbeb is‑suf magħha. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****