1: Il‑Kwadru

Riħ sajfi kien qiegħed jonfoħ mit‑tieqa miftuħa tal‑istudju ta’ Basil Hallward. Iż‑żiffa kienet qed iċċaqlaq il‑purtieri tal‑bizzilla, u r‑riħa ta’ fjuri friski kienet qed tfewwaħ il‑kamra. Lord Henry Wotton, l‑akbar ħabib ta’ Basil Hallward, kien qiegħed bilqiegħda fuq is‑sufan, ipejjep sigarett, u t‑tnejn kienu qegħdin jammiraw il‑kwadru ta’ raġel żagħżugħ sabiħ.

“Dan huwa l‑aħjar xogħol tiegħek, Basil. Xieraq li tpoġġih għall‑wiri.”

“Le, Henry. Ma rridx nurih lin‑nies. Qed jikxef wisq mill‑karattru tiegħi.”

“Kif? M’għandek x’taqsam xejn miegħu. Dak huwa ritratt ta’ raġel għadu fl‑aqwa tiegħu u attraenti. Għandu xagħar bjond u wiċċu huwa perfett daqs dak ta’ statwa tal‑irħam. Inti għandek xagħar iswed, u tidher ixjaħ.”

“M’intix qed tifhem. Kull ħaġa li nħoss dwar l‑arti u s‑sbuħija tinsab f’dan il‑kwadru ta’ Dorian Gray. Jekk noħorġu għall‑wiri nkun qiegħed nikxef is‑sigrieti personali tiegħi fil‑pubbliku.”

“Hekk jismu? Dorian Gray? Nixtieq niltaqa’ miegħu.”

“Le, Henry. Ma nixtieqx. Għandu qalb tajba u innoċenti. Ma rridekx tagħtih eżempji ħżiena.”

Kien f’dak il‑waqt li Parker, il‑qaddej ta’ Basil Hallward, daħal fil‑kamra.

“Ġie s‑Sur Dorian Gray biex jarak, sinjur.”

“Mela issa se jkolli niltaqa’ miegħu żgur!” qabeż Wotton.

“Nitolbok, Henry. Toqgħodx titkellem dwar affarijiet li jistgħu jħassru mġibtu.” Wara dar lejn il‑qaddej. “Għidlu jidħol, Parker.”

Iż‑żagħżugħ li daħal fl‑istudju kien fula maqsuma max‑xbiha li kien hemm fil‑kwadru. Xagħru kien bjond u mmewweġ, u kellu par għajnejn koħol. Kellu karnaġġjon bajda, u xofftejn ħomor nar. Madankollu, l‑aktar li laqat lil Wotton kienet il‑ħarsa tiegħu; il‑ħarsa ta’ bniedem innoċenti li kien lest li jafda f’kollox u f’kulħadd.

Dorian kien ġie biex jippoża għall‑aħħar darba biex Hallward ikun jista’ jagħmel l‑aħħar irtokki fuq il‑kwadru. Waqt li Dorian baqa’ wieqaf, iħares ’il barra mit‑tieqa miftuħa u Hallward beda jagħti daqqiet ħfief bil‑pinzell u l‑kulur, Lord Henry beda jitkellem dwar il‑problemi tal‑ħajja f’dawk iż‑żminijiet.

“Il‑problema taż‑żagħżagħ ta’ llum hija li jibżgħu jgħidu dak li tassew jixtiequ. Jibżgħu li l‑ideat tagħhom ma jintgħoġbux mill‑pubbliku. Din hija tassew ħasra għaż‑żagħżagħ. Meta tkun għadek żgħir għandek tagħmel dak li jogħġbok. Ħa nieħdu lilek, Sur Gray. Żgur li għandek xi xewqat li tistħi tkellimna dwarhom. Għaliex? Taf sew li xi darba se tixjieħ u se titlef l‑opportunità li tagħmel illum dak li aktar tard f’ħajtek ma tkunx tista’ tagħmlu. Sakemm għadek żgħir il‑ħajja hija f’idejk. Malli tixjieħ, se titlef ħafna opportunitajiet, u jibqa’ jiddispjaċik.”

Dorian Gray sema’ sew dak li kien qiegħed jgħid Lord Henry, u beda jħossu stramb. F’daqqa waħda beda jħossu bħallikieku seta’ jara l‑ħajja quddiem ċara u mingħajr problemi. L‑ideat ta’ Lord Henry bdew jinteressawh.

Sadanittant, Hallward kien qiegħed jaħdem bil‑ħeffa. Osserva li Dorian ċaqlaq xofftejh kemm kemm, u Hallward ried jaqbad dak il‑mument fil‑pittura tiegħu.

Meta fl‑aħħar il‑kwadru kien lest, Dorian ħares lejn ir‑ritratt tiegħu. Għall‑ewwel kien kuntent bih. Hallward kien irnexxielu jpoġġi fil‑pittura l‑burdata li kien qiegħed iħossu fih dak il‑mument. Iżda ftit wara, dalma waqgħet fuq wiċċu, u Hallward intebaħ biha minnufih.

“Ma jogħġbokx, Dorian?”

“Iva, Basil, sabiħ,” wieġeb Dorian. “Iżda għadda ħsieb minn moħħi. Il‑persuna li hemm f’dan ir‑ritratt dejjem se tibqa’ tidher żagħżugħa u sabiħa, waqt li jien, aktar ma jgħaddi ż‑żmien, aktar nitbiddel, nixjieħ u nikrieh. Nixtieq li kieku jien nibqa’ żagħżugħ u jixjieħ il‑kwadru minfloki.”

***** ***** stat_3 ***** *****

2: James Vane jagħmel wegħda

Għal tliet ġimgħat sħaħ, Dorian Gray qatta’ l‑jiem tiegħu ma’ Lord Henry. Kienu jmorru jieklu flimkien, u kienu jżuru lill‑ħbieb tagħhom flimkien. U aktar ma Dorian beda jgħaddi ż‑żmien ma’ Lord Henry, aktar beda jsir bħalu. Meta Dorian kien ikun waħdu, kien jara x’jagħmel biex jixxala u jiddeverti.

Lejl minnhom, waqt li kien qiegħed jara reċta fit‑teatru, lemaħ għall‑ewwel darba l‑isbaħ tfajla li qatt kien ra. Kien jisimha Sybil Vane. Kellha xagħar twil, kannella u nnukklat, u wiċċha kien gustuż u forma ta’ qalb. Kien għad kellha biss sbatax‑il sena, iżda kienet taf tirreċta ħafna aħjar minn attriċi oħrajn id‑doppju tal‑età tagħha. Wara l‑ispettaklu, Dorian mar iżurha f’kamritha, u baqa’ jmur it‑teatru għal ġimgħat sħaħ biex jaraha.

Sybil kienet fqira ħafna. Kienet tgħix ma’ ommha u ħuha James ġewwa flett żdingat bi ftit li xejn għamara. Madankollu Sybil ma kinitx tħossha fqira. Minn mindu ltaqgħet ma’ Dorian, bdiet issejjaħlu l‑‘Prinċep is‑Sbejjaħ’ tagħha, u kienet tħossha kuntenta.

“X’jiswew il‑flus, ma?” qalet darba lil ommha. “L‑imħabba hija aktar importanti mill‑flus.”

Imma ommha kienet inkwetata. “Għadek żgħira wisq biex taħseb f’dawn l‑affarijiet,” qalet lil bintha. “James dalwaqt se jitlaq għall‑Awstralja, u m’hu se jibqagħli lil ħadd ħliefek.”

“Ħallini nkun kuntenta, ma.”

F’dak il‑waqt daħal James fil‑kamra. Kellu statura qasira, imma spallejh kienu kbar u għalhekk kien jidher iqsar milli kien. Xagħru kien imħabbel, u kellu x‑xejra ta’ wieħed serju ħafna.

“L‑affarijiet tiegħi lesti, ma?”

“Iva, James.”

“Sybil, nixtieq inkellmek.”

“Għalfejn? Għaliex dejjem tidher daqshekk serju?”

Sybil qabdet id ħuha, u mexxietu lejn il‑bieb.

“Iddumx, James,” ommu għajtet warajhom. “Il‑karozzin qed jistenniek biex jieħdok il‑port.” Iżda l‑aħwa ma semgħuhiex hekk kif għalqu l‑bieb warajhom.

Sybil u James imxew sal‑ġnien pubbliku li kien qrib. Sybil bdiet tgħidlu li ħolmot li kien se jkollu suċċess l‑Awstralja, u li wara kien se jiġi lura u jkollu dar sabiħa f’Londra. Iżda f’daqqa waħda ntebħet li ħuha bilkemm kien qiegħed jismagħha.

“Qed tismagħni? X’qed jinkwetak?” staqsietu.

“Sirt naf li hemm raġel li qiegħed jiġi jarak kuljum it‑teatru. Qatt ma kellimtni dwaru. Dak mhux tajjeb għalik.”

“Jim! Għalfejn qed tgħid hekk?”

“Għax huwa sinjur. U kull min għandu l‑flus huwa bniedem ħażin.”

“Jim, inti ma tafx x’inhi l‑imħabba. Kieku tarah ... jien insejjaħlu l‑Prinċep is‑Sbejjaħ tiegħi, għax għalija dak li hu.”

Kien f’dak il‑waqt li għadda karozzin minn ħdejhom. Fuqu kien hemm żewġ tfajliet u żagħżugħ bjond jidħqu jgħajtu.

“Hemm, arah!”

“Min?”

“Il‑Prinċep is‑Sbejjaħ.”

“Fejn? Urihuli.”

Imma f’dak il‑mument għadda karozzin ieħor u għattielhom il‑veduta. Sakemm għadda, il‑karozzin l‑ieħor kien laħaq mexa.

“Telaq! Kemm xtaqtek tarah!”

“Anki jien,” kompla James. “Għaliex jekk jagħmillek xi ħsara lest li noqtlu!”

Wiċċ James ħmar bir‑rabja. In‑nies li kienu mixjin qrib bdew iħarsu lejh, u Sybil bdiet tibża’.

“X’qed tgħid, Jim? Ejja mmorru d‑dar, għax mhux se tilħaq il‑vapur.”

***** ***** stat_3 ***** *****

3: Sybil ma tistax tirreċta

Dorian Gray xtaq li Basil u Lord Henry jiltaqgħu ma’ Sybil. Iżda qabel, talabha tiżżewġu. Għalkemm kienu qattgħu tliet ġimgħat biss flimkien, Dorian kien ċert li kien iħobbha. Ħa lil Basil u lil Lord Henry miegħu it‑teatru, biex jaraw lil Sybil fil‑parti ta’ Ġuljetta fir‑Romeo u Ġuljetta.

“Meta tarawha tirreċta,” qalilhom, “se tinsew li qegħdin f’Londra. L‑udjenza hawnhekk ma tafx tapprezza t‑teatru, iżda meta tidher hi fuq il‑palk, kulħadd jammiraha.”

Dik l‑għaxija, it‑teatru kien mimli daqs bajda, u kienet is‑sħana. Dorian, Basil u Lord Henry qagħdu f’gallarija, waqt li taħthom fil‑platea bdew deħlin ħafna żgħażagħ jiċċaċċraw u jitkellmu jgħajtu. Fuq in‑naħa ta’ barra tat‑teatru kien hemm bar, u setgħu jisimgħu iċ‑ċekċik tat‑tazzi u l‑fliexken.

Fl‑aħħar id‑dwal intfew u nfetaħ is‑siparju. Sybil Vane ħarġet fuq il‑palk.

“Sabiħa tassew,” lissen Henry.

Iżda malli bdiet titkellem, ħassew li kien hemm xi ħaġa nieqsa. Ma kienx hemm emozzjoni fil‑vuċi tagħha. Dorian ħass li ma kinitx qed tirreċta sew bħalma kienet għamlet fl‑iljieli ta’ qabel. Dorian beda jħossu ħażin. Ħbiebu ma tniffsux. Madankollu, l‑udjenza fil‑platea bdiet tgerger, u xi rġiel bdew isaffru. Meta spiċċa l‑ewwel att, Lord Henry qam bilwieqfa u ħataf il‑kowt tiegħu.

“Hija tfajla sabiħa, Dorian, iżda mhix attriċi tajba. Ejja mmorru.”

“Jiddispjaċini, Harry. Ma nistax nifhem x’inqala’.”

“Forsi ma tiflaħx, Dorian. Nerġgħu niġu darb’oħra.”

“X’jimporta li martek ma tafx tirreċta?” qabeż Basil. “L‑importanti li hija tfajla sabiħa.”

“Itilqu. Irrid nibqa’ waħdi. M’inthomx taraw li qalbi maqsuma?” Dorian għatta wiċċu b’idejh. Mingħajr ma qalu xejn aktar, ħbiebu telqu ’l barra. Wara li spiċċat ir‑reċta, Dorian mar wara l‑kwinti u fil‑kamra ta’ Sybil.

Wiċċha kien jixgħel, u dehret kuntenta.

“Kemm kont terribbli, hux?” qaltlu.

“Dażgur li kont! X’ġaralek? Qed tħossok ma tiflaħx? Waqqajtni għaċ‑ċajt ma’ sħabi.”

“Le, Dorian, m’intix qed tifhem. Issa li sibt il‑vera mħabba ma nistax nirreċta aktar. Kif nista’ nagħmel il‑parti ta’ Ġuljetta jekk m’għadnix inħoss l‑imħabba tagħha? Jien issa nħobb lilek, Dorian.”

Dorian dawwar wiċċu. “Qtilt l‑imħabba tiegħi lejk,” wieġeb bil‑korla. “Sirt inħobbok għax kont attriċi tajba. Ħsibt li ssir famuża u jkollok ismi malli niżżewġu. Issa qed nara li m’inti xejn aktar minn sempliċi wiċċ gustuż.”

Ma’ dan il‑kliem wiċċ Sybil bjad. Baqgħet skantata u ma setgħetx titkellem. Ippruvat twaqqaf lil Dorian, iżda dan ġera ’l barra mill‑kamra, u ħallieha waħidha.

***** ***** stat_3 ***** *****

4: Il‑kwadru jinbidel

Dorian Gray baqa’ l‑lejl sħiħ jiġġerra fit‑toroq wara li telaq lil Sybil fit‑teatru. Kien qed jisbaħ meta daħal lura d‑dar. Hekk kif beda miexi lejn il‑kamra tas‑sodda, kellu jgħaddi minn quddiem il‑librerija, u ta daqqa t’għajn ħafifa ġewwa. Ħass li kien hemm xi ħaġa mhux f’lokha. Waqaf u daħal fil‑librerija. Il‑kwadru li kien pitter Basil kien imdendel fuq il‑ħajt ta’ faċċata, u Dorian deherlu li kien kemm kemm differenti. Ħalqu ma kienx sew. Minflok tbissima żgħira, issa kien jidher aktar serju, kważi rrabjat. Kien jidher bħallikieku kien għamel xi ħaġa terribbli.

F’dak il‑waqt, Dorian ftakar fil‑kumment li kien għamel lil Basil dakinhar li kien ra l‑pittura lesta. Kien xtaq li x‑xbiha fil‑kwadru tixjieħ minfloku. U issa beda jinkwieta. Possibbli li dan seta’ jseħħ tassew? Dorian ma kienx jemmen f’dawn l‑affarijiet. Imma allura għaliex il‑kwadru kien tbiddel? Forsi għaliex kien ġab ruħu ħażin ma’ Sybil?

Dorian kien għajjien mejjet wara lejl sħiħ barra, u malajr neħħa dawn il‑ħsibijiet minn moħħu. Madankollu, ma xtaqx iħares aktar lejn il‑kwadru. Ħallieh imdendel fuq il‑post, imma għattih b’liżar.

L‑għada filgħodu, Dorian stenbaħ malli Victor, is‑seftur, daħal f’kamartu jġiblu l‑kolazzjon.

“Bqajt rieqed tard illum, sinjur.”

“Għaliex, mela x’ħin hu?”

“Is‑siegħa u kwart.”

Victor ġablu wkoll il‑posta li kien irċieva dik l‑għodwa. Waħda kienet mingħand Lord Henry. Hekk kif Victor kien se joħroġ mill‑kamra, Dorian waqqfu.

“Victor, ma rridx nara nies illum.”

“Kollox sew, sinjur.”

Dorian ma qarax l‑ittra ta’ Lord Henry. Fil‑fatt kien qatagħha li ma jibqax jiltaqa’ ta’ spiss miegħu għax beda jħoss li kien qiegħed jinfluwenzah wisq.

Wara l‑kolazzjon, reġa’ mar jara l‑kwadru. Kien qiegħed jittama li kien se jarah aħjar milli kien rah filgħaxija. Iżda l‑pittura kienet għadha l‑istess, b’dik il‑ħarsa kattiva fuq wiċċ ix‑xbieha. Issa Dorian kien ċert li kienet tbiddlet minħabba dak li kien għamel lil Sybil.

Għalhekk qagħad bilqiegħda u beda jikteb ittra twila lil Sybil. Talabha taħfirlu talli kien ġab ruħu daqshekk ħażin magħha, u stqarr li kien għadu jħobbha. Qalilha li kien biħsiebu jiżżewwiġha u jibda ħajja ġdida magħha.

Tard waranofsinhar, Lord Henry ġie jżuru. Dorian aċċerta ruħu li l‑kwadru kien mgħotti sew.

“Dorian,” lissen Lord Henry malli daħal, “jiddispjaċini b’dak li ġara, imma hemm bżonn tinsieha.”

“Lil min. Lil Sybil?”

“Iva.”

“Ma nistax ninsieha. Għalmitni nara d‑differenza bejn it‑tajjeb u l‑ħażin. Kont kattiv wisq magħha fit‑teatru. Jiddispjaċini. Imm’issa ddeċidejt li niżżewwiġha.”

“Tiżżewwiġha?” Lord Henry baqa’ jħares lejh, mifxul. “Mela ma tafx?” kompla. “Ma qrajtx l‑ittra li bgħattlek?”

“Le.”

“Jaħasra, Dorian! Mela tassew ma tafx. Sybil Vane mietet.”

Wiċċ Dorian sar abjad karti. “Le! Le! Ma jistax ikun. Qed tigdeb!”

Lord Henry spjega lil Dorian li ftit wara li kien telaqha fit‑teatru, lil Sybil sabuha mejta f’kamritha. Il‑pulizija kienu qed jgħidu li tant kellha qalbha maqsuma li xorbot xi velenu. Dorian beda jiddispra. Lord Henry xtaq jikkunslah b’xi mod, imma għamel hekk bil‑mod insensittiv tiegħu.

“Ikkalma, Dorian. Ejja kul għandi l‑lejla, u wara mmorru t‑teatru.”

“It‑teatru!” tenna Dorian. “Kif nista’ mmur it‑teatru jekk il‑maħbuba tiegħi mietet minħabba fija!”

“Għalhekk għandek tmur,” kompla Lord Henry. “Dan mhux tort tiegħek, Dorian. Il‑ħajja hija kollha traġedji. Inti għadek żgħir u sabiħ. Issa Sybil qiegħda fil‑passat. Aħseb fil‑ġejjieni u f’dak li għad tista’ tagħmel.”

Dorian ipprova jdaħħal f’rasu li l‑mewt ta’ Sybil ma kienx kaġun tiegħu. Ipprova ma jħossux ħati u bniedem ħażin. Kliem Lord Henry beda jikkwitah xi ftit. Għala ma kellux imur it‑teatru, beda jaħseb. Ladarba l‑kwadru kien se jikrieh minfloku kull darba li jagħmel xi ħaġa ħażina, waqt li hu jibqa’ żagħżugħ u sabiħ, ma kellux għalfejn joqgħod jikkonfondi.

***** ***** stat_3 ***** *****

5: Basil irid jara l‑kwadru

L‑għada filgħodu, Basil mar iżur lil Dorian. Sab lil Dorian fil‑librerija tiegħu, bilqiegħda fuq is‑sufan jixrob ftit inbid abjad. Kien jidher imdejjaq. Osserva li l‑kwadru kien mgħotti b’liżar.

“Dorian, qed nieħu pjaċir li sibtek. Qaluli li l‑bieraħ mort it‑teatru, imma m’emminthomx. Tassew jiddispjaċini b’dak li ġara lil Sybil. Nista’ biss nimmaġina kif tħossok.”

“Oqgħod bilqiegħda, Basil. Iva, mort it‑teatru, u kelli qalbi sewda. Imma m’għadnix inħossni hekk. Dak li ġara ġara, ma jistax ikun nibqa’ niftakar fih.”

Dan bellah kemxejn lil Basil. “Dorian, kif tista’ titkellem hekk dwar persuna li kont tħobb?”

“Sybil Vane kienet attriċi. Mietet bħalma mietet Ġuljetta. Kienet traġedja oħra. Qtajtha li f’ħajti ngawdi biss u ma noqgħodx nibki fuq dak li għadda.”

“Inti tbiddilt, Dorian,” lissen Basil. “Minn barra għadek tidher l‑istess kif kont l‑ewwel darba li ltqajt miegħek, imma minn ġewwa, inti differenti. M’għadekx innoċenti u qalbek tajba kif kont. Issa qed titkellem bħal wieħed mingħajr ħniena ta’ xejn. Harry influwenzak ħażin. Dan nista’ narah sew.”

“L‑ewwel darba li ltqajt miegħek kont għadni tifel, Basil,” wieġeb Dorian. “Imm’issa jien raġel. Harry għenni nagħraf lili nnifsi kif tassew jien.”

Dan ikkonfonda lil Basil. Xtaq jibqa’ jaħseb li Dorian kien bniedem tajjeb u ħanin kif kien l‑ewwel darba li ltaqa’ miegħu, u qatagħha li din l‑imġiba l‑ġdida ta’ Dorian kienet biss minħabba t‑telfa ta’ Sybil, u li kien biss mument li kellu jgħaddi malajr.

Basil ħares ’il fuq, lejn il‑kwadru mgħotti bil‑liżar, u biddel is‑suġġett. “Għalfejn għattejt il‑kwadru li pittirtlek. Dak huwa l‑isbaħ xogħol li għamilt. Ħalli nagħtih titwila.”

Hekk kif Basil qam biex jersaq lejn il‑kwadru, Dorian qomos minn fuq is‑sufan u ġera quddiemu.

“Le, Basil! Ma rridekx tarah!”

“Għaliex?” staqsa Basil, mistagħġeb.

Issa wiċċ Dorian kien sfar, u kien jidher itterrorizzat.

“Ma nistax ngħidlek,” qal bil‑ħatfa, “u nitolbok issaqsinix għalfejn.”

Basil ma qal xejn. Dar u mar jittawwal mit‑tieqa ’l barra. Issa hu kien imħasseb.

“Dorian, għidli l‑verità,” lissen wara ftit. “Rajt xi ħaġa stramba fil‑pittura? Xi ħaġa li qabel ma kinitx hemm imm’issa f’daqqa waħda qed tidher?”

Dan il‑kliem bellah lil Dorian, li issa kien qed iħossu aktar beżgħan minn qabel.

“Basil, x’qed tgħid!”

“Ismagħni sew, Dorian, u twaqqafnix. Għandi sigriet, u nittama li ma jikkonfondikx. L‑ewwel darba li rajtek, kont ħsibt li wiċċek kien l‑isbaħ wiċċ li qatt rajt. Ridt nara kif inpoġġi dik is‑sbuħija fil‑pittura tiegħi, għax ħsibt li kien jixraqlek. Ridt li fil‑pittura tiegħi inti tidher perfett.”

Dorian ma tniffisx hekk kif Basil kompla. “Naf li ma jistax ikun li bniedem ikun perfett, u qed nistħi ngħid dan. Il‑pittura għandha turi lill‑bniedem kif tassew hu, mhux bil‑perfezzjoni li nkunu nixtiequ aħna.”

Wiċċ Dorian reġa’ ħmar xi ftit hekk kif beda jifhem x’kien qiegħed jgħid Basil. Intefa’ bilqiegħda, u serraħ rasu li s‑sigriet tal‑kwadru kien għadu mistur. Kien beda jibża’ li Basil seta’ jara l‑karattru ikrah tiegħu fil‑pittura. Imma dak li qallu Basil ma kienx daqshekk ħażin daqs dak li kien hemm fil‑kwadru. Ftit ħin wara, Basil lesta biex jitlaq.

“Jiddispjaċini jekk dak li tara fil‑pittura ma jogħġbokx,” qal Basil, “imma xorta waħda nittama li xi darba tgħaddi s’għandi u tieħu ftit te miegħi.”

“Dażgur, Basil, mela le?”

Wara li Basil telaq, Dorian sab biċċa drapp tal‑bellus vjola bil‑pizzi tad‑deheb u għatta l‑pittura biha. Wara dan, l‑kwadru f’kamra oħra tad‑dar, fis‑sular ta’ fuq nett fejn qatt ma kien idaħħal mistednin. Il‑kamra sakkarha, u ċ‑ċavetta żammha dejjem fuqu. Issa kien aktar f’sikktu, għax kien jaf li ħadd qatt ma kien se jara dik il‑pittura aktar.

***** ***** stat_3 ***** *****

6: Basil jara l‑kwadru

Għadda ż‑żmien, u l‑kwadru ta’ Dorian Gray beda jikrieh aktar u aktar. Madankollu, Dorian kien għadu jidher daqslikieku kellu għoxrin sena. In‑nies li kienu jafuh kienu osservaw dan, u kien hemm min beda jgħid li Dorian kien qiegħed jagħmel ħwejjeġ tal‑biża’, għalkemm ħadd ma kien jaf eżatt x’kien qed isir. Lord Henry baqa’ l‑akbar ħabib tiegħu, u ta’ spiss kienu jorganizzaw flimkien festini fastużu fid‑dar kbira u sabiħa ta’ Dorian. Dejjem kienet tkun miżgħuda b’mużiċisti u żagħżagħ—ġuvintur u tfajliet—li kienu ħbieb tagħhom.

Dorian beda jinteressa ruħu aktar f’dawk l‑affarijiet fiergħa, l‑affarijiet li kienu jidhru sbieħ: ġojjelli, fwejjaħ, drappijiet fini, deheb u fidda. Iżda kull ftit żmien, kien jitla’ fil‑kamra ta’ fuq u jħares lejn il‑kwadru ħalli jara kif kien jidher kieku l‑karattru sigriet tiegħu kien joħroġ fil‑beraħ. Aktar ma beda jgħaddi ż‑żmien, Dorian aktar beda jsir egoist u irresponsabbli. Ma baqax jinkwieta dwar il‑konsegwenzi ta’ għemilu, għax minn barra kien jidher dejjem żagħżugħ u sabiħ.

B’dan il‑mod tilef ħafna ħbieb, u ħafna nies bdew jobogħduh. Madankollu kien hemm ukoll min kien jaħseb li kien speċi ta’ eroj ta’ dawk iż‑żminijiet: sabiħ u sinjur u mimli avventuri straordinarji—dejjem jekk kienu veri.

Iżda dik il‑pittura, imsakkra f’dik il‑kamra f’daru, baqgħet titbiddel kull darba li Dorian kien jagħmel xi ħaġa kattiva jew ħażina. Kienet saret ritratt ta’ raġel ħafna ixjeħ minn Dorian Gray. Għalkemm Dorian issa kellu tmienja u tletin sena, ir‑raġel fil‑pittura kien xiħ, b’xagħar griż qed jaqagħlu. Wiċċu sar kollu mkemmex, u ġismu kien jidher dgħajjef u xipli. Kull meta kien iħares lejn, Dorian kien juża mera. Fil‑mera, għajnejh kienu għadhom jidhru mimlija ħajja. Xagħru kien għadu folt u dehbi. Ma kienx jinkedd kif kien qiegħed jidher fil‑pittura, u lanqas kif ħaddieħor kien iħares lejh. L‑importanti għalih kien kif kien qiegħed jidher fil‑mera.

>O<

Lejlet it‑tmienja u tletin sena minn twelidu, it‑temp kien kiesaħ u mċajpar. Dorian kien miexi lura lejn daru lejn xi l‑ħdax ta’ billejl meta ltaqa’ ma’ Basil Hallwood, li kien ġej mingħandu.

“Dorian! Qed nieħu gost li sibtek. Ġejt inħabbatlek, imma s‑seftur qalli li kont barra. Sejjer l‑istazzjon tal‑ferrovija. Biħsiebni mmur Pariġi għal sitt xhur u xtaqt narak qabel ma nitlaq.”

Dorian ma ħax gost li ltaqa’ ma’ Basil, iżda stiednu d‑dar xorta waħda biex jieħdu grokk flimkien qabel ma Basil isiefer. Basil neħħa l‑kappell u l‑kowt u ħalliehom ħdejn il‑bieb ta’ barra.

“Dorian, x’inhuma dawn l‑għajdut kollha dwarek? Hemm nies li ma jridux jibqgħu jidhru fil‑kumpanija tiegħek. Qegħdin jgħidu li għarraqt il‑ħajja ta’ ħafna ġuvintur u tfajliet. Qiegħed tħalli effett ħażin fuq in‑nies u qiegħed tħeġġiġhom jagħmlu affarijiet ħżiena.”

“In‑nies iqasqsu fuq ħaddieħor għax ikollhom x’jaħbu huma. Ħadd m’hu tassew onest fl‑Ingilterra; sempliċiment jilagħbuha tal‑qaddisin. Il‑bnedmin jagħmlu li jridu b’ħajjithom, mhux għax ninkoraġġihom jien.”

“Nixtieq nemmnek, Dorian, u jien ċert li huwa kif qed tgħid. Kieku huwa veru dak li n‑nies tgħid fuqek, kienu jidher fuq wiċċek. Id‑dehra u s‑saħħa ta’ nies ħażina tidbiel meta tgħix ħajja bħal dik. Inti għadek tidher żagħżugħ u sabiħ. Imma jien illum ġejt biex nara ruħek. Urini ruħek, Dorian. Ikkonvinċini li inti raġel tassew tajjeb, u mhux il‑bniedem ħażin li n‑nies qed tgħid li int.”

Dorian qabad jidħaq b’Basil. Beda jidħaq bid‑dinja kollha. Għalfejn m’għandhomx ikunu jafu bis‑sigriet tiegħi—speċjalment Basil, li kien pitter il‑kwadru?

“Tassew trid tara ruħi, Basil? Mela ejja, ħa nurik!”

Dorian ħataf lampa minn fuq mejda qrib, u tella’ lil Basil sal‑kamra msakkra ta’ fuq. Hemmhekk, Basil ra l‑kwadru mgħotti taħt id‑drapp vjola u dehbi.

“Taħseb li Alla biss jista’ jara r‑ruħ ta’ persuna. Iżda issa inti wkoll tista’ tara tiegħi.”

Neħħa d‑drapp minn fuq il‑kwadru, u wiċċ Basil bjad malli ra l‑pittura. Intefa’ lura fuq siġġu, u għatta għajnejh b’idejh. Dorian baqa’ wieqaf kalm, ixomm il‑warda li kellu fil‑pavru tal‑ġlekk.

“Basil,” qallu, “tiftakar dik ix‑xewqa li kont għamilt dakinhar li lestejt din il‑pittura?”

“Iva, dażgur li niftakar!” Basil baqa’ jħares ċass lejh. “Dorian, mhux tard wisq. Nistgħu nitolbu maħfra. Jiena ħati wkoll ta’ dan.”

“Issa tard wisq.”

“Le, mhuwiex!”

F’daqqa waħda Dorian ħass leħħa ta’ mibegħda tiġri f’ġismu. Ħares lejn il‑pittura u kien bħallikieku semagħha tgħidlu x’kellu jagħmel. Ħataf sikkina li kien hemm fuq il‑mejda qrib, u resaq lejn Basil. Basil kien għadu b’rasu f’idejh, u ma rax lil Dorian jgħolli idu bis‑sikkina fuqu. Lanqas biss kellu ċ‑ċans iħares lejn Dorian, hekk kif dan niżżel is‑sikkina lejn għonqu bis‑saħħa kollha li kellu.

***** ***** stat_3 ***** *****

7: Alan Campbell

L‑għada filgħodu, Dorian kiteb żewġ ittri. Waħda kienet għal Alan Campbell, li kien joqgħod f’152 Hertford Street. Qabbad lis‑seftur tiegħu Victor joħodlu l‑ittra. L‑ittra l‑oħra żammha f’butu. Ftakar kif kien ħalla lil Basil il‑lejla ta’ qabel, fil‑kamra ta’ fuq. Mad‑daqqa, ras Basil tmejlet ’il quddiem qisu se jorqod, u Dorian ra l‑għadira demm fl‑art ma’ saqajh. Ipprova jneħħi dik ix‑xena minn moħħu. Ma xtaqx jiftakar f’affarijiet koroh.

Alan Campbell darba kien ħabib kbir ta’ Dorian. Kienu ltaqgħu waqt festin. Alan kien kimiku professjonali, imma kien jaf idoqq il‑pjanu tajjeb ħafna wkoll. Kienet din il‑ħila fih li kienet ġibdet lil Dorian. Ta’ spiss kienu jmorru t‑teatru flimkien, u Alan, bħal ħafna nies oħrajn, dejjem qies lil Dorian bħala persuna interessanti u intelliġenti. Imma ġurnata minnhom, ma baqgħux jaraw lil xulxin. Ħadd ma kien jaf għaliex, iżda n‑nies bdiet tosserva li Alan kien joħroġ mill‑kamra kull darba li Dorian kien jidħol. Alan beda jidher imdejjaq u qalbu sewda. Ma baqax imur festini u ma kompliex idoqq, u beda jqatta’ aktar u aktar żmien waħdu, fil‑laboratorju tiegħu, jagħmel l‑esperimenti.

Waqt li Dorian kien fil‑librerija, daħal Victor.

“Hawn is‑sur Alan Campbell, sinjur,” ħabbar Victor.

Dorian qallu biex iħallih jidħol. Alan Campbell kellu ħarsa serja ħafna, u ma kienx jidher f’tiegħu. Wiċċu kien abjad karti.

“Alan! Grazzi talli ġejt.”

“Taf li ma rridx narak aktar, Gray.”

“Alan, oqgħod bilqiegħda. Għandi bżonn ngħidlek xi ħaġa importanti ħafna.”

Campbell qagħad bilqiegħda, u Dorian beda josserva kif wiċċ Alan beda jitbiddel hekk kif irrakkuntalu x’kien għamel lil Basil.

“F’ġieħ Alla, Dorian! Qtiltu? Ma rridx inkun naf aktar. Jien se nitlaq minn hawn.”

Alan qam bil‑ġirja minn fuq is‑siġġu.

“Stenna! Stenna! Hemm bżonn li tgħini. Inti taf x’tip ta’ kimika hemm bżonn biex inkunu nistgħu neħilsu mill‑kadavru.”

“U x’fettillek taħseb li jien se ngħinek?”

Dorian resaq lejn l‑iskrivanija tiegħu, qabad folja u kiteb xi ħaġa fuqha. Għaddieha lil Alan. Alan qara x’kien hemm miktub, u wiċċu bjad aktar minn qabel. Reġa’ ntefa’ bilqiegħda fuq is‑siġġu.

“L‑ittra ktibtha diġà,” lissen Dorian. “Ħares lejn l‑indirizz. Jekk nimpustaha, taf x’jiġri lilek.”

Wara dan, Dorian ħareġ l‑ittra li kellu fil‑but, u werieha lil Alan. Kienet dwar sigriet ta’ Alan li ma xtaqx li jinkixef fil‑pubbliku.

Ftit żmien wara, Victor mar fid‑dar ta’ Alan Campbell u minn hemm ġabar il‑materjal kollu li Alan kellu bżonn biex jagħmel ix‑xogħol makabru li qabbdu jagħmel Dorian. Dam sigħat sħaħ jaħdem, u meta lesta, telaq jiġri minn dik id‑dar. Ġisem Basil kien għosfor għal kollox. Il‑kamra issa kienet vojta u nadifa, iżda kienet għadha tinxtamm ir‑riħa qawwija tas‑sustanzi kimiċi.

Dorian ressaq id‑drapp minn fuq il‑kwadru, u kważi waqa’ bil‑ħasda li qabditu malli ra li l‑id fil‑pittura kienet miksija kollha demm.

***** ***** stat_3 ***** *****

8: James Vane jerġa’ jitfaċċa

Ftit jiem wara, tard billejl, Dorian kien miexi f’parti mwarrba tal‑belt, fi triq fejn ma kienx hemm fanali, u kien ikun dlam ċappa kieku ma kinux għall‑ftit raġġi tal‑qamar li kienu qegħdin jarmu ftit dawl.

Dorian ma ntebaħx li kien hemm raġel liebes l‑uniformi ta’ baħri miexi warajh fis‑skiet. F’daqqa waħda, Dorian ħass id taħtaflu driegħu minn warajh. B’saħħa liema bħalha, ir‑raġel sabbtu mal‑eqreb ħajt. Id żammitu sod minn għonqu, u Dorian ħass il‑kanna kiesħa ta’ pistola ma’ rasu.

“Għandek minuta biex tammetti li int għamiltha, u wara noqtlok.”

“X’qed tgħid? Min int? Int qed tiġġennen?”

“Inti qtilt lil Sybil Vane. Qed jgħidu li xorbot il‑velenu, imma jien naf li kollu kien tort tiegħek. Ili nfittxek ħajti kollha, sur Prinċep Sbejjaħ. Jiena James Vane, ħu Sybil, u kont wegħidtha li noqtlok jew tagħmillha xi ħsara.

Qalb Dorian bdiet tħabbat sitta sitta. Ma kienx jaf x’jaqbad jagħmel, imma f’daqqa waħda ġietu idea.

“Stenna ftit. Kemm ilha mejta, oħtok?” staqsa lil James Vane.

“Tmintax‑il sena. Għaliex?”

“Ħares lejja sewwa. Tmintax‑il sena ilu kont inkun żgħir wisq biex noqtol lil oħtok.”

James Vane kaxkar lil Dorian f’parti tat‑triq fejn kien hemm id‑dawl tal‑qamar. Meta ra kemm wiċċ Dorian kien jidher żgħir, ħaseb li kien ħa żball. Minnufih, telaq lil Dorian.

“Skużani, sinjur,” beda jlaqlaq James Vane. “Fixkiltek ma’ xi ħadd ieħor.”

“Tassew, imma ma tistax toqgħod tiġri fit‑toroq u takkuża lil min ikun li hu qattiel. Kieku kont flokok, immur id‑dar u norqod raqda twila.”

B’dan il‑kliem, Dorian irranġa l‑ġlekk tiegħu u kompla miexi tul it‑triq. James Vane baqa’ wieqaf, imbellah. Ma setax jifhem kif kien għamel dak l‑iżball.

Hekk kif kien wieqaf hemm, resqet mara lejh. “Għamilt żball. Imissek qtiltu,” qaltlu.

“Le. Dak ma kienx il‑persuna li qed infittex. Ir‑raġel li rrid insib għandu jkollu madwar erbgħin sena. Dak ir‑raġel kien jidher ħafna iżgħar.”

“Ja iblah!” wieġbet il‑mara. “Jien iltqajt miegħu tmintax‑il sema ilu, u kien jidher eżatt kif jidher issa. Dak qatt ma jitbiddel. Dak hu kien.”

Malli sema’ dan, James Vane mar jiġri jdur mal‑kantuniera fejn kien mexa Dorian, iżda sadanittant, Dorian kien laħaq għosfor.

***** ***** stat_3 ***** *****

9: Inċident tal‑kaċċa

Dorian Gray kellu dar barra mill‑belt li kien juża bħala villeġġjatura, li kien jisimha Selby Royal. Hemmhekk ta’ spiss kien jorganizza festini, u kien jistieden lil ħafna mill‑ħbieb tiegħu. Ftit żmien wara l‑laqgħa ma’ James Vane, kien qiegħed ma’ Lord Henry u xi mistednin oħra f’dik id‑dar, meta f’daqqa waħda, stħajjel li lemaħ il‑wiċċ ta’ James Vane qiegħed jittawwal ġewwa minn tieqa minnhom. F’dak il‑waqt, Dorian ħassu ħażin u waqa’ tulu fl‑art. Lord Henry minnufih mar jgħinu jerġa’ jqum fuq saqajh.

“Dorian, x’ġaralek? Qed tħossok ħażin?”

Dorian fetaħ għajnejh, u kien jidher mifxul.

“Henry? Ninsab fil‑periklu? Ninsab fil‑periklu?” beda jtenni.

“M’intix f’sikktek,” wieġeb Lord Henry. “Aħjar intellgħuk fil‑kamra tas‑sodda ħalli timtedd ftit.”

Dorian baqa’ d‑dar u ma ħariġx għal jumejn sħaħ. Lill‑mistednin ġabilhom l‑iskuża li kien qiegħed iħossu għajjien, imma fil‑fatt kien itterrorizzat. Tassew kien lemaħ lil wiċċ James Vane qed jittawwal mit‑tieqa, jew kienet biss l‑immaġinazzjoni tiegħu? Forsi kien qiegħed iħossu ħati talli kien qatel lil Basil, u issa kien qiegħed jiffissa u jimmaġina l‑affarijiet?

Mat‑tielet jum kien qiegħed iħossu aħjar, u r‑riħa tas‑siġar u l‑arja friska dieħla mit‑twieqi rabbitlu l‑kuraġġ biex joħroġ mal‑mistednin għall‑kaċċa fil‑foresta qrib. Rikeb iż‑żiemel tiegħu u mar fil‑foresta biex jiltaqa’ mal‑mistednin l‑oħrajn. Ħassu kuntent hekk kif beda jisma’ l‑għajjat ta’ sħabu u l‑isparar fil‑bogħod.

F’ħin minnhom lemaħ lil Lord Henry qiegħed jarma s‑senter tiegħu bil‑balal, u resaq lejh. Fenek żgħir abjad feġġ minn qalb xi ħaxix, u dlonk Lord Henry għolla s‑senter u mmira lejh. Dorian ħatfu. “Le, tisparalux! Ħallih jgħix!”

Iżda Lord Henry ma semgħux. Il‑fenek ġera wara arbuxxell. Lord Henry spara żewġ tiri, u għajta ta’ raġel instemgħet tidwi minn qalb il‑ħaxix. Iż‑żewġt iħbieb mill‑ewwel fehmu li Lord Henry x’aktarx kien laqat lil xi wieħed mil‑lavranti li kienu moħbijin wara l‑arbuxxelli biex igerrxu lill‑annimali.

Dorian reġa’ beda jħossu stordut. Lord Henry baqa’ miegħu.

“Dak sinjal ħażin, Henry. Jien ċert li se tiġri xi ħaġa kerha.”

“Insiehom dawn il‑ħmerijiet,” qallu Lord Henry. “Ma jeżistux sinjali tajbin u sinjali ħżiena. U, wara kollox, minn xiex għandek tibża’? Id‑dinja kollha tħobbok.”

Iżda Dorian baqa’ jinkwieta. Filgħaxija ngħalaq f’kamartu u ma ħariġx minn hemm. Kien qiegħed iħoss il‑mewt kollha madwaru, u xtaq jitlaq minn Selby Royal. Għaldaqstant avża lill‑qaddejja tiegħu li kien biħsiebu jaqbad it‑tren għal Londra l‑għada filgħodu. Kien se jibda jikteb ittra lil Lord Henry biex javżah li kien biħsiebu jara lil tabib, meta xi ħadd ħabbat mal‑bieb ta’ kamartu. Kien l‑imgħallem tal‑lavranti li kienu jieħdu ħsieb il‑ġonna u l‑għelieqi ta’ madwar id‑dar. Dorian mill‑ewwel basar li ried jgħidlu xi ħaġa dwar il‑persuna li kien qatel Lord Henry ftit jiem qabel.

“Sibtu min kien?” Dorian staqsieh minnufih.

“Le, sinjur. Ma nafux min hu.”

“Kif, ma kienx wieħed mil‑lavranti tagħna?”

“Le, sinjur. Qatt ma rajtu f’għomri. U naħseb li kien baħri.”

Wiċċ Dorian bjad.

L‑imgħallem kompla jispjega. “Kien liebes l‑uniformi ta’ baħri u kien miksi bit‑tatoos. Sabulu pistola f’wieħed mill‑bwiet tiegħu.”

“Hemm bżonn narah. Għidli fejn qiegħed.”

L‑imgħallem ħadu f’waħda mill‑gabbani li kien hemm ftit lil hinn mid‑dar. Hemmhekk kien hemm il‑kadavru tal‑mejjet, b’maktur fuq wiċċu. L‑imgħallem neħħa l‑maktur, u Dorian ra li kien James Vane.

Ħassu jieħu r‑ruħ. Issa ma kienx għadu fil‑periklu.

***** ***** stat_3 ***** *****

10: Il‑trasformazzjoni ta’ Dorian

Wara din il‑ġrajja, Dorian beda jaħseb li kellu jbiddel ħajtu, jinsa d‑delitti li għamel fl‑imgħoddi u minflok jara kif jibda jagħmel il‑ġid. Darba, waqt li kien mistieden għal ikla għand Lord Henry, qatagħha li jgħidlu bil‑pjanijiet tiegħu.

“Ftit ilu ltqajt ma’ tfajla li fakkritni f’Sybil Vane,” Dorian beda jgħid lil Lord Henry. “Għamilna xi xahar noħorġu flimkien, u tassew sirt inħobbha. Imma fl‑istess ħin ma xtaqtx nagħmlilha l‑ħsara bħalma għamilt lil Sybil. Għalhekk għedtilha li ma xtaqtx noħroġ magħha aktar.”

“Imm’hekk qsamtilha qalbha. Xorta waħda għamiltilha l‑ħsara,” wieġeb Lord Henry.

“Ma qsamtilhiex qalbha. Tassew kienet qalbha sewda, iżda jiena ċert li biż‑żmien tinsini. M’għamilt xejn li seta’ jħassrilha ħajjitha.”

“Imma dak qed taħsbu int. Qed tgħid hekk biex ma tħossokx ħati u biex taħseb li m’għamilt xejn ħażin. Imma fil‑fatt għamilt ħażin. Dik qatt ma hi se tinsa lil bniedem sabiħ daqshekk. Se tibda timmaġinak aktar sabiħ milli int, u kull raġel li tiltaqa’ miegħu mhix se taħsbu sabiħ daqsek.”

“Ieqaf, Henry, iskot. Nistgħu nitkellmu dwar xi ħaġa oħra?”

“Nistgħu nitkellmu dwar Basil,” wieġeb Lord Henry fil‑pront. “Kulħadd qed jitkellem dwar kif għeb għalkollox. Jew dwar Alan Campbell. Taf li sabuh mejjet fil‑laboratorju tiegħu?”

Dorian kien ħosbien, u ma wieġeb xejn.

“Henry, qatt għadda minn rasek li Basil seta’ qatlu xi ħadd? X’taħseb jekk ngħidlek li qtiltu jien?”

Lord Henry nfaqa’ jidħaq.

“Ma nemmnekx,” lissen fil‑pront. “Nies ħżiena u kattivi jagħmlu xi ħaġa hekk. Ma kontx tgħix il‑ħajja li qed tgħix u tkun sabiħ kif int li kieku kont qattiel.”

Dorian qam minn postu biex jitlaq.

“Stenna Dorian, titlaqx għalissa. Ejja nieħdu grokk. Għadhom il‑ħdax.”

“Le, Henry. Irrid nidħol kmieni, dal‑lejl. Kif għedtlek, irrid inbiddel ħajti.”

Dorian ħassu kuntent meta fl‑aħħar mar lura d‑dar. Kien konvint li kien għamel sew meta lit‑tfajla kien qalilha biex ma tibqax tarah aktar. Kien l‑ewwel pass biex ibiddel ħajtu. Ried jieqaf milli jkompli jagħmel affarijiet li setgħu kienu ta’ ħsara lil ħaddieħor. B’hekk kien qiegħed jittama li forsi l‑pittura fil‑kwadru terġa’ titbiddel u fiha jidher żagħżugħ u sabiħ bħalma kien fil‑bidu.

U din l‑idea tant ħakmitu li malli wasal, neħħa l‑kowt minn fuqu u tela’ dritt fil‑kamra ta’ fuq, fejn il‑kwadru kien għadu mistur, mgħotti u msakkar. Fetaħ il‑bieb biċ‑ċavetta u xegħel il‑lampa. Is‑sikkina li biha kien qatel lil Basil kienet għadha fuq il‑mejda. Qalbu bdiet tħabbat sitta sitta hekk kif neħħa d‑drapp minn fuq il‑kwadru.

Iżda mad‑dehra ta’ dik il‑pittura beda jħossu ħażin u mdardar. Dik id‑dehra kienet tal‑biża’! Mhux biss il‑pittura baqgħet kif inhi, imma fil‑fatt saret aktar kerha, aktar ħażina.

Kif? Lord Henry kellu raġun? Dorian kien tassew daqshekk egoist, li seta’ biss jagħmel dak li kien tajjeb għalih? Din l‑idea li qatt ma seta’ jerġa’ jsir raġel tajjeb, u l‑idea li dak il‑kwadru kien se jfakkru dejjem kemm kien tassew ħażin, ma setax jiflaħha aktar, u ntilef f’rabja liema bħalha.

Aktar ma beda jiċċassa lejn dak il‑wiċċ ikrah fil‑kwadru, aktar beda jistħajlu qiegħed iħares lura lejh u jidħaq bih.

“Għalfejn qed tħares lejja hekk!” qabad jgħajjat.

Fil‑pittura, id‑demm li kellu fuq idu deher aħmar aktar minn qabel, u f’daqqa waħda Dorian intebaħ li anki l‑id l‑oħra kienet miksija bid‑demm, u kien qiegħed iċarċar mal‑art ukoll. F’ferħ ta’ ġenn, ħataf is‑sikkina minn fuq il‑mejda.

Reġa’ dar lejn il‑kwadru. “Inti l‑uniku xhud li jien qtilt lil Basil Hallward,” beda jgħajjat lill‑pittura fil‑kwadru. “Għalfejn għandi nħallik tgħix biex tibqa’ tittorturani għomri kollu? Jien se neqirdek! Għalfejn qed tħares lejja hekk?!”

B’għajnejh imberrqin bħal wieħed miġnun, għolla s‑sikkina u ħebb għall‑kwadru.

Is‑sefturi, li dak il‑ħin kienu reqdin f’kamrithom, f’daqqa waħda qamu maħsudin b’għajta li twaħħax, u tisbita qawwija mal‑art li kienet ġejja mill‑kamra ta’ fuq.

Qamu jiġru u telgħu jaraw x’kien ġara. Victor ħabbat fuq il‑bieb magħluq.

“Sinjur. Inti hemm ġew?”

Ma kienx hemm tweġiba. Ma setgħux jidħlu għax il‑bieb kien imsakkar minn ġewwa. Victor u żewġ qaddejja oħra ħarġu mit‑tieqa ta’ kamra oħra u ppruvaw jidħlu mill‑gallarija.

Malli daħlu, kien hemm biss id‑dawl inemnem tal‑lampa. L‑ewwel ħaġa li ra Victor kienet il‑pittura fil‑kwadru. Stagħġeb meta ra kemm kienet sabiħa, kif ix‑xbiha tal‑imgħallem tiegħu kienet tidher daqshekk żagħżugħa, sabiħa u mimlija ħajja, u kienet tixbah eżatt lill‑imgħallem tiegħu meta kellu madwar għoxrin sena.

U hekk kif it‑tliet qaddejja resqu aktar viċin lejn il‑kwadru, intebħu b’ġisem mixħut mal‑art quddiemu, rasu ’l isfel. Dawruh, u stagħġbu malli raw xiħ għakka, b’wiċċ kollu mkemmex u ikrah. Kellu ħarsa tal‑waħx, u sikkina kienet f’sidru.

Ma għarfuhx, iżda malli raw iċ‑ċrieket f’idejh intebħu li kien Dorian Gray.

TMIEM

***** ***** stat_3 ***** *****

Il-Kwadru ta' Doarian Gray © 2026 Norman C. Borg liċenzjat bħala CC BY-NC-ND 4.0Dan ix-xogħol:
CC: Creative Commons  BY: għandu dejjem jinkludi ħajr lill-awtur;  NC: ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu; 
ND: ma jistax jiġi ppubblikat jew riprodott b’mod fotostatiku, elettroniku jew mekkaniku.