Charles Dickens
(1812-1870)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Charles Dickens twieled f’Landport, l-Ingilterra, nhar is-7 ta’ Frar, 1812. Missieru kien segretarju u ommu kienet seftura. Kienet magħrufa għall-ħila tagħha biex tirrakkonta l-istejjer. Fl-1816, il-familja, li kienet tinkludi sebat itfal, bdew joqogħdu f’Chatham. Dickens minn dejjem kien xipli u marradi: għalhekk kien iqatta’ l-ħin jaqra u jara lil tfal oħra jilagħbu. Ommu għallmitu jaqra, u kien iħobb jgħarbel il-librerija żgħira ta’ missieru.
Missieru ta’ spiss kien ikun fid-dejn. Madankollu, lil bintu l-kbira ħallsilha biex tattendi l-Akkademja Rjali tal-Mużika. Lil Charles ma ħallaslux għall-edukazzjoni, u t-tifel spiċċa jsefter id-dar: jimblakka l-bwiez ta’ missieru, jieħu ħsieb lil ħutu ż-żgħar, u jagħmel xi qadjiet.
Iz-ziju ta’ Charles kien joqgħod f’dar fejn kien hemm negozju żgħir ta’ bejgħ tal-kotba, u sidt il-post silfitu xi kotba biex jaqra. Għalhekk l-interess fil-kotba baqa’ ħaj f’Charles, sakemm fl-aħħar beda jipprova jikteb hu.
Minħabba d-dejn li kellu, missieru spiċċa l-ħabs, u Charles kellu jibda jgħix f’Camden, ma’ mara xiħa. Aktar tard sab post aktar viċin tal-ħabs fejn kien missieru.
Madwar l-1824, beda jattendi skola, u saħħtu bdiet taqleb għall-aħjar.
Fl-1835 beda jaħdem bħala ġurnalista mal-gazzetta Morning Chronicle u beda jikteb ukoll għal ħafna rivisti. Għal waħda minnhom kiteb sensiela ta’ stejjer magħrufin bħala The Pickwick Papers, li kienu suċċess enormi mal-qarrejja.
Wara dan, Dickens kiteb Oliver Twist, Nicholas Nickelby, The Old Curiosity Shop u Barnaby Rudge fost ħafna oħrajn, u sar wieħed mill-aktar kittieba popolari taż-żmien. Madankollu Għanja tal-Milied (A Christmas Carol) huwa meqjus bħala l-aktar rumanz maħbub tiegħu.
Dickens kellu għaxart itfal, u kollha kien iħobbhom. Jekk inqisu l-popolarità ta’ kittieb skont kemm kien maħbub fi żmienu, nistgħu ngħidu li Charles Dickens kien wieħed mill-aqwa kittieba Ingliżi.
Qari tal-provi: Therese Vella
© Norman C. Borg