Robert Louis Stevenson
(Skoċċiż, 1850-1894)
Madwar 4,770 kelma
Ġeneri
Avventura
Makabru
Misteru
Rumanzi klassiċi
Kapitli
1. Edward Hyde
2. It‑Testment ta’ Dr Jekyll
3. Il‑Laboratorju
4. Henry Jekyll
5. Delitt
6. Investigazzjonijiet
7. Il‑Bidla f’Lanyon
8. Fl‑istudju ta’ Jekyll
9. L‑Ittra ta’ Lanyon
10. L‑Istqarrija ta’ Jekyll
Noti
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Għalkemm is‑Sur Utterson, l‑avukat, kellu ħafna ħbieb, kien iqis lis‑Sur Richard Enfield bħala l‑aqwa ħabib tiegħu. Enfield, fil‑fatt, kien magħruf u maħbub minn kulħadd. Kull nhar ta’ Ħadd, kienu jmorru jippassiġġaw flimkien.
Waqt waħda minn dawn il‑passiġġati mxew lejn waħda mill‑partijiet l‑aktar bieżla ta’ Londra, triq kollha mdawla bil‑vetrini tal‑ħwienet, bil‑persjani kollha miżbugħin friski u l‑ħabbata tal‑bronż kollha jleqqu.
Madankollu, żewġ bibien qabel il‑kantuniera, ir‑ringiela tal‑ħwienet kienet miksura minn daħla li kienet tagħti għal bitħa. Is‑sular ta’ fuq kien joħroġ ’il barra għal fuq it‑triq. It‑twieqi kienu mingħajr ebda tiżjin, u l‑bieb ewlieni kien jidher żdingat u traskurat.
Is‑Sur Enfield ipponta l‑bastun tiegħu lejn il‑bini.
“Qatt osservajt dak il‑bieb?” staqsa. “Dejjem ifakkarni fi storja stramba.”
“Tassew?” lissen is‑Sur Utterson, kollu kurżità. “Xi storja hi din?”
“Waqt lejla xitwija kont għaddej minn hawn,” qal is‑Sur Enfield. “It‑triq kienet baħħ; kullħadd kien rieqed dak il‑ħin. F’daqqa waħda lmaħt żewġ figuri; raġel qasir, jimxi mxengel, u tifla ċkejkna qed tiġri fit‑triq. Fil‑kantuniera baqgħu deħlin ġo xulxin. Mal‑ħabta t‑tifla stabtet mal‑art. U hawn hi l‑biċċa l‑kerha. Ir‑raġel qabad jagħtiha bis‑sieq u ħallieha mal‑art twaħwaħ u tgħajjat.” Malli ftakar f’dan Enfield kerrah wiċċu. “Tant irrabjani li mort warajh u ġegħiltu jiġi lura.”
“Kompli,” lissen Utterson.
“Ir‑raġel baqa’ kalm u ma qal xejn, imma tani ħarsa b’dak il‑wiċċ ikrah li kellu li kexkxitni. Sadanittant inġabru xi nies minħabba l‑għajat tat‑tifla, u ġew anki l‑ġenituri tagħha. Kienu bagħtuha biex issejjaħ lil tabib, u fil‑fatt wasal fil‑post hu ukoll.
“Iż‑żgħira kienet iktar imwerwra milli mweġġgħa,” kompla Enfield. “Forsi taħseb li l‑biċċa waqfet hemm, għalkemm kollha kemm aħna konna rrabjati b’għemil dak ir‑raġel. Imma xi ħaġa f’dik il‑persuna imbuttat lil kulħadd. Kemm jien kif ukoll it‑tabib tista’ tgħid li bgħadnieh mal‑ewwel ħarsa li tajnieh. Uħud min‑nies tant kienu rrabjati li kellna nżommuhom milli jagħmlu għalih. Ma nafx kif naqbad nispjega dak li ħassejna.”
“Stramba, l‑biċċa,” qal Utterson, imħasseb.
“Tabilħaqq,” kompla Enfield. “Insomma, għedna lir‑raġel li konna biħsiebna nqajmu pandemonju madwar Londra kollha fuq l‑imġiba tiegħu. Dan milli jidher m’għoġobx lir‑raġel, għax minnufih offra mitt sterlina lill‑ġenituri tat‑tifla biex isikkithom.” Enfield reġa’ pponta l‑bastun lejn il‑bieb żdingat. “Daħal hemm biex iġib il‑flus!
“Imma l‑biċċa ma tiqafx hawn,” kompla Enfield. “Ħareġ lura bi ftit flus u ċekk. U ċ‑ċekk kien iffirmat minn wieħed mill‑aktar nies magħrufin f’Londra għall‑qalb tajba tiegħu! Għall‑ewwel ħsibna li ċ‑ċekk kien falz, iżda r‑raġel baqa’ jinsisti li jibqa’ d‑dar tiegħi sakemm fetħu l‑banek l‑għada filgħodu. U fil‑fatt iċ‑ċekk kien tajjeb.”
“Tassew stramba!” lissen Utterson.
“Mhix storja sabiħa,” kompla Enfield. “Għadni niftakar id‑dehra ta’ dak ir‑raġel, imma nsibha diffiċli biex nidderskrivih sewwa. Kien hemm xi ħaġa stramba fil‑bixra tiegħu, ma nafx; qisu sfigurat f’xi mod. Imma ma bdejtx nobogħdu minħabba f’hekk. U bqajt nhewden ukoll dwar il‑persuna li ffirmat iċ‑ċekk. Mhux se nsemmi isimha għax hija persuna magħrufa ħafna. Għalfejn iffirma ċ‑ċekk lil dak il‑bniedem? Jaqaw kien qed jirrikattah? Affari tassew misterjuża.”
“U dak ir‑raġel li qaleb lit‑tifla, min kien?” staqsa Utterson f’daqqa waħda.
“Jismu Hyde – Edward Hyde.”
Malli sema’ dak l‑isem, Utterson kemmex wiċċu, u ħares ċass lejn il‑bieb żdingat.
“Mela m’għandekx bżonn tgħidli minn iffirma ċ‑ċekk,” lissen. “Naħseb naf min hu. Għax dak huwa l‑bieb ta’ wara tal‑laboratorju ta’ Henry Jekyll. Naħseb aħjar ma niddiskutux iktar dwar din il‑ġrajja, ħabib.”
Filgħaxija wara l‑ikel, Utterson mar fl‑istudju tiegħu b’lampa. Fetaħ il‑kaxxaforti u ħareġ dokument immarkat “It‑Testment ta’ Dr Jekyll”. Beda jaqrah bir‑reqqa.
It‑Tabib Jekyll kien wieħed mill‑eqdem ħbieb tiegħu, u għalkemm Utterson kien tah parir ma jiktibx it‑testment, Jekyll kien qatagħha li jagħmlu xorta waħda. U issa kien quddiem Utterson, iswed fuq l‑abjad. Henry Jekyll iddikjara li wara mewtu ħwejġu kollha kellhom jgħaddu lill‑ħabib tiegħu, Edward Hyde!
U dan ma kienx kollox. Jekk, għal xi raġuni jew oħra, Dr Jekyll kellu jgħosfor, kollox kellu jgħaddi lil Edward Hyde minnufih!
Dan it‑testment kien bellah lil Utterson u inkwetah mhux bil‑ftit, għax dak iż‑żmien ma kien jaf xejn dwar Edward Hyde. U issa, malli sema’ l‑istorja ta’ Richard Enfield, kien inkwetat ħafna iktar.
“Dak iż‑żmien ħsibt li kienet xi ġennata,” ħaseb, hekk kif poġġa d‑dokument f’postu, “Imm’issa qed nissuspetta li hemm xi ħaġa ħażina minn taħt. Jaqbilli nkellem lil Dr Lanyon.”
Libes il‑kowt u rħielha lejn Cavendish Square, fejn it‑Tabib Lanyon kellu d‑dar fejn kien jara lill‑pazjenti tiegħu. Hemmhekk, tkellem ma’ Lanyon dwar il‑każ.
“Naħseb aħna t‑tnejn l‑aktar ħbieb antiki ta’ Henry Jekyll,” qal Utterson.
“Hekk naħseb jien ukoll,” wieġeb Lanyon. “Madankollu ftit li xejn iltqajt miegħu, dan l‑aħħar.”
“Tassew?” lissen Utterson, ftit skantat. “Kont naħseb li kontu taqblu ħafna bejnietkom.”
“U hekk kont naħseb jien ukoll,” wieġeb it‑tabib. F’daqqa waħda wiċċu deher irrabjat. “Iżda dan l‑aħħar rajt li sar kemxejn kapriċċuż. Beda joħroġ b’ideat strambi li m’huma xjentifiċi xejn; kollha ħmerijiet.”
“Qatt iltqajt ma ħabib tiegħu jismu Edward Hyde?”
“Hyde?” tenna Lanyon. “Le, qatt ma smajt bih.”
Lanyon ma setax jagħti lil Utterson aktar tagħrif minn hekk, u l‑avukat mar lura d‑dar. Il‑lejl kollu beda jitqalleb fis‑sodda, jhewden dwar Dr Jekyll u b’liema mod seta’ kien marbut mas‑Sur Hyde.
U f’daqqa waħda lil Utterson ġietu l‑kilba li jara l‑wiċċ ta’ Edward Hyde. Forsi kieku jarah kien ikun jista’ jifhem ir‑raġuni għala Jekyll kien kiteb dak it‑testment stramb. Għall‑inqas seta’ jaqta’ l‑kurżità li ħakmitu biex jara għaliex Richard Enfield, li kien bniedem sod u tal‑affari tiegħi, kien ġiegħelu jsir jobogħdu daqshekk.
Minn dak il‑jum, Utterson beda joqgħod għassa mal‑bieb ta’ dak il‑laboratorju, bit‑tama li xi darba jilmaħ lil Hyde. Wara ftit jiem, ix‑xewqa tiegħu fl‑aħħar qatagħha.
Kien lejl kalm imma kiesaħ. Minkejja l‑għagħa u l‑istorbju tat‑toroq viċin, it‑triq kienet kwieta. Utterson sema’ xi passi joqorbu. Utterson ma tniffissx hekk kif lemaħ raġel qasir jitfaċċa minn qalb id‑dalma tal‑bini u jersaq lejn il‑bieb tal‑laboratorju. Ħareġ ċavetta minn butu, daqslikieku kienet persuna li waslet f’darha. Utterson resaq lejh.
“Is‑Sur Hyde, hux hekk?”
“Jien hu,” wieġeb ir‑raġel, hekk kif ħa nifs twil ’il ġewwa. “Xi trid?”
“Jien ħabib antik ta’ Dr Jekyll. Jisimni Utterson u noqgħod f’Gaunt Street. Naħseb smajt xi darba bija. Tħallini nidħol ukoll?”
“Dr Jekyll mhux hawn,” lissen Hyde b’leħen żorr u mingħajr ma ħares lejn Utterson.
“Tista’ turini wiċċek?” qal Utterson. Tant ma kienx qed jistenna talba bħal dik li Hyde donnu ħa qatgħa. Dam ftit qabel ma dawwar wiċċu. It‑tnejn baqgħu jħarsu ċassi lejn xulxin għal ftit sekondi.
“Huwa tajjeb li ltqajna,” lissen Hyde b’leħen maħnuq. “Tajjeb li jkollok l‑indirizz tiegħi.” Ma’ dan, ħareġ karta minn butu u għaddieha lil Utterson. Kellha indirizz fi triq f’Soho. “Kif taf bija?” staqsa Hyde.
“Għanda l‑istess ħbieb,” wieġeb Utterson. “Jekyll, pereżempju. Qatt ma qallek bija?”
Hyde qabad jidħaq. Dawwar iċ‑ċavetta, fetaħ il‑bieb, daħal ġewwa u għalqu warajh. Utterson baqa’ wieqef, ħosbien, għal ftit mumenti.
“Għalfejn tani l‑indirizz tiegħu?” qal bejnu u bejn ruħu. “Tgħid ħaseb fit‑testment?”
Utterson beda miexi tul it‑triq. Hyde kien ikrah, u ġismu kien qisu malformat, imma l‑avukat ma setax jaqbad eżatt kif kien dan. Id‑dehra ta’ dak il‑bniedem xorta ma setgħetx tispjega il‑għala hu, bħal Enfield, m’għoġbux mal‑ewwel darba li poġġa għajnejh fuqu.
“Hemm xi ħaġ’oħra li għad ma nistax nifhem,” kompla jaħseb. “Dan il‑bniedem bilkemm jidher uman. Povru Henry Jekyll. Jekk qatt ma rajt id‑dehra tax‑xitan qabel, qed naraha issa fil‑wiċċ tal‑ħabib tiegħek!”
Dar kantuniera u waqaf quddiem dar bil‑faċċata sabiħa, pulita u nadifa. Ħabbat mal‑bieb, u seftur dlonk fetaħ. “Dr Jekyll qiegħed hawn, Poole?” staqsa Utterson.
“Le, sinjur. Ħareġ.”
“Għadni kemm nara lis‑Sur Hyde dieħel mill‑bieb tal‑laboratorju,” kompla Utterson. “Dak sew, la Dr Jekyll mhux hawn?”
“Iva, sinjur,” wieġeb is‑seftur. “It‑tabib tana ordnijiet biex nobdu lis‑Sur Hyde. Għandu ċ‑ċwievet, u ġeneralment juża l‑bieb tal‑laboratorju.”
“Qed nifhem. Mela l‑lejl it‑tajjeb, Poole.”
Malli kompla l‑mixja tiegħu, Utterson ħassu mħawwad iktar minn qabel. Allura Jekyll kien qed iħalli lil Hyde jagħmel li jrid? Sinjal li Hyde kien qiegħed jaħkmu b’xi mod jew ieħor!
“Povru Henry Jekyll,” tenna bejnu u bejn ruħu. “Qed nissuspetta li jinsab f’xi inkwiet. Min jaf, forsi anki fil‑periklu. Dak Hyde jaf bit‑testment u jrid flus Jekyll. Min jaf x’jista’ jasal jagħmel. Inħoss li għandi ngħinu, jekk Jekyll jippermettili.”
B’xorti tajba, u b’kumbinazzjoni, it‑Tabib Jekyll stieden lis‑Sur Utterson għal ikla ma’ xi ħbieb oħra ftit żmien wara. Malli l‑mistednin l‑oħra telqu, Utterson, bħalma kien jagħmel ta’ spiss, baqa’ ma’ għand Jekyll. Poġġew bilqiegħda fuq il‑pultruni maġenb il‑fuklar, u bdew jitħaddtu; l‑avukat, irqiq u twil, u t‑tabib, wiċċu lixx u ġisem mibrum. Utterson semma t‑testment.
“Naf li ma taqbilx,” ħatfu t‑tabib, kemm kemm irritat.
“Iva, imma se nerġa’ ngħidlek,” qal l‑avukat. “Għax sirt naf b’Hyde.”
Utterson intebaħ li wiċċ Jekyll bjad malli sema’ l‑isem ta’ Hyde, u ħarstu sserjat.
“Ma rridx nisma’ aktar,” wieġeb bil‑ħatfa. “Il‑pożizzjoni tiegħi hija ftit skomda. Ma tistax tifhimha. Però ngħidlek ħaġa waħda: Nista’ neħles minn Hyde meta rrid. Din hija ħaġa privata, ħabib, għalhekk nitolbok ma ssemmihiex iktar.”
“Kollox sew,” wieġeb l‑avukat biered biered, hekk kif qam bilwieqfa.
“Għandi interess kbir dwar il‑povru Hyde,” kompla t‑tabib, hekk kif poġġa idu fuq driegħ Utterson. “Jekk jiġri xi ħaġa lili, nitolbok taċċerta ruħek li jkollu kull ma jistħoqqlu. Għinu b’rispett tiegħi jekk niġi nonqos.”
Utterson ħa nifs twil ’il ġewwa. “Kif tixtieq,” qal fl‑aħħar. “Imma tistenniex li dik il‑persuna qatt se togħġobni!”
Madwar xi sena wara, Londra nħakmet f’biża’ liema bħalha b’delitt li jkexkex. Id‑dettalji kienu tal‑għaġeb. Lejl minnhom, seftura kienet f’darha ħdejn ix‑xmara. Kien qamar sħiħ, u kien qiegħed idawwal is‑sqaq taħt it‑tieqa tagħha. Hekk kif kienet qed tittawwal, lemħet raġel anzjan, b’xagħar abjad, jippassiġġa fl‑isqaq. B’mod ferrieħi, sellem lil raġel ieħor, qasir, li kien qed jimxi fit‑triq.
Is‑seftura baqgħet tħares mistagħġba hekk kif il‑qasir infexx f’rabja liema bħalha, isabbat siequ mal‑art u jxejjer il‑bastun tiegħu. L‑anzjan inħasad u għamel passejn lura, imma l‑qasir għamel għalih bħal miġnun. Tant intilef f’korla li beda jfajjar il‑bastun fuq ir‑raġel l‑ieħor; darba, tnejn, tlieta – anki meta l‑imsejken waqa’ minxur fl‑art.
L‑attakk tant kien qalil li l‑mara ħassha ħażin. Meta ġiet f’tagħha bagħtet għall‑pulizija. Meta waslu fuq il‑post, sabu lill‑anzjan minxur fit‑triq bla ħajja. L‑aħbar ġriet minnufih hekk kif in‑nies saret taf li l‑vittma kien Sir Danvers Carew, membru tal‑parlament. Għalkemm il‑qattiel kien għosfor, permezz tad‑dawl tal‑qamar is‑seftura kien irnexxielha tagħraf min kien.
“Naf min hu!” qalet lill‑pulizija. “Kemm‑il darba ġie jżur lil sidi f’daru. Jismu Edward Hyde!”
Fl‑investigazzjonijiet tagħhom, il‑pulizija sabu nofs bastun mitluq fil‑gandott tat‑triq, kif ukoll ittra f’wieħed mill‑bwiet tal‑mejjet. Kienet indirizzata lis‑Sur Utterson. Minnufih, l‑Ispettur Newcomen ta’ Scotland Yard mar għand Utterson.
Utterson baqa’ mbellah bl‑aħbar tal‑mewt ta’ Carew. Bla telf ta’ żmien fetaħ l‑ittra li tah l‑ispettur u beda jaqraha.
“Din hija ittra dwar affari li kellu Carew,” spjega. “Kien klijent tiegħi. Kif, qed tgħid li Carew ġie maqtul?”
“Iva, sinjur,” wieġeb l‑ispettur. “Ċertu Edward Hyde qatlu b’daqqiet tal‑bastun. Bħalissa qegħdin infittxuh ma’ Londra kollha. Taf min hu?”
Utterson għamel sinjal b’rasu li kien jafu. “Iva, Spettur, nafu. Nista’ anki ngħidlek fejn joqgħod. Ħalli naqbdu karozzin u nieħdok hemm.”
Dar Hyde kienet tinsab f’parti mwarrba u miżera ta’ Soho. Madankollu kien jidher li Hyde kien qed jgħix ħajja komda. Malli waslu, sabu li daru kienet mogħnija b’għamara lussuża u ġdida. Kienet vojta: Hyde ma kienx hemm, u kien jidher ukoll li kien telaq minn hemm bil‑ġirja. Kien hemm ħwejjeġ mitluqin kullimkien, kxaxen nofshom miftuħin, u xi karti maħruqin fil‑fuklar. Mal‑art kien hemm ukoll nofs bastun maqsum, u Utterson għaraf li kien il‑bastun li kien ta hu stess lit‑Tabib Jekyll ftit żmien qabel. L‑ispettur ġabru.
“Żgiċċa, sinjur,” qal. “Imma mhux se jaħarbilna. Naċċertak li nsibuh żgur!”
L‑Għada filgħodu Utterson għamel żjara urġenti lil Henry Jekyll. Poole daħħlu d‑dar. Qasmu l‑bitħa u wrieh il‑bieb li kien jagħti għall‑istudju u l‑laboratorju ta’ Jekyll. Sabu lil Jekyll mixħut f’rokna ħdejn il‑fuklar. Kien jidher marid sew.
“Smajt b’Sir Danvers Carew?” staqsieh Utterson.
It‑Tabib ħakmitu tkexkixa hekk kif mejjel rasu.
“Carew kien klijent tiegħi,” kompla l‑avukat, “U int klijent tiegħi ukoll. Hyde qatlu f’ferħ ta’ ġenn. Inti qed tiġġennen, taħbi bniedem bħal dak?”
“Utterson, naħliflek li qatt ma jien se nerġa’ narah!” lissen Jekyll, imbikkem. “Kollox spiċċa bejnietna. Oqgħod fuq kliemi, qatt m’int se tisma’ dwaru aktar.”
“Nittama li hekk hu,” kompla l‑avukat, bl‑akbar serjetà. “Jekk il‑biċċa tispiċċa fil‑qorti, ismek se jidher żgur.”
Waqaf għal xi sekondi, u mbagħad staqsa lil ħabibu:
“Għidli, Jekyll – Hyde talbek biex fit‑testment tħalli kollox lilu?”
Jekyll mejjel rasu.
“Bsartha!” Utterson qabad jgħajjat. “Dak kien biħsiebu joqtlok. Skappajtha bil‑kbir!”
“Mhux dak biss, ħabib,” lissen Jekyll hekk kif ħeba wiċċu f’idejh. “Tgħallimt lezzjoni kbira wkoll!”
Għadda ż‑żmien, u l‑qattiel ta’ Sir Danvers Carew baqa’ ma nqabadx. Bdew jinqalgħu għajdut dwar il‑passat ta’ Edward Hyde, għajdut dwar vjolenza u ħruxija, ħbieb suspettużi u ħajja ħażina. Kien bħallikieku l‑mibegħda kienet iddur madwaru. Ħadd ma kellu kliem sabiħ xi jgħid dwaru. Londra kollha kienet qed tfittxu, imma hu kien għosfor għal kollox, qisu qatt ma kien eżista.
Biż‑żmien l‑inkwiet ta’ Utterson beda jonqos ukoll, u bin‑nuqqas ta’ Hyde, anki l‑ħajja tat‑Tabib Jekyll reġgħet bdiet tazzetta għan‑normal. Beda joħroġ aktar ta’ spiss ma’ ħbiebu, kien ħabrieki, u għamel ġid lil bosta nies. Għal aktar minn xahrejn, deher li Jekyll kien reġa’ ġie f’tiegħu, u Utterson kien kuntent.
F’daqqa waħda, Jekyll ingħalaq fil‑laboratorju tiegħu, u ma baqax jara nies.
Għal ġimgħa sħiħa, Utterson beda jżur lil Hyde kuljum, imma kull darba, it‑tabib irrifjuta li jarah u jkellmu. Utterson reġa’ beda jinkwieta, u mar ikellem lil Dr Lanyon.
Iżda Utterson kellu qatgħa oħra. Baqa’ mistagħġeb malli ra l‑bidla kbira f’Lanyon. It‑tabib kien inxtorob u wiċċu kien bjad. Deher xiħ u għajjien. Kien jidher sew minn imġiebtu li kien imwerwer b’xi ħaġa.
“Ġarrabt ħasda liema bħalha, Utterson,” lissen b’leħen dgħajjef. “U qed nibża’ li se nibqa’ taħtha.”
Utterson qabdu minn driegħu.
“Anki Jekyll huwa marid,” qal. “Inti kellimtu?”
Utterson osserva li malli semma lil Jekyll, wiċċ Lanyon tbiddel u għolla idu titriegħed.
“Ma rridx nisma’ aktar b’Dr Jekyll,” għajjat b’vuċi titriegħed. “Ma rridx li jkolli x’naqsam iktar miegħu. Għalija dak qisu mejjet. Forsi xi darba tifhem, Utterson, imma għal issa ma nistax nitkellem.”
Lanyon miet ftit aktar minn ġimgħatejn wara. Wara l‑funeral, Utterson qagħad fl‑istudju tiegħu u fetaħ ittra li kien ħallielu Lanyon. Fiha sab envelop issiġillat sew. Fuq barra tal‑envelop kien hemm miktub: “Ma jinfetaħx qabel l‑għajbien jew il‑mewt ta’ Dr Henry Jekyll.”
Utterson stagħġeb b’dan.
Din il‑biċċa kienet diġà ġrat bit‑testment misterjuż ta’ Henry Jekyll. Kif anki Lanyon kiteb hekk fuq dan l‑envelop ukoll?
Utterson kellu kilba kbira biex jiftaħ l‑envelop, iżda ma riedx jikser ix‑xewqa ta’ Lanyon, għaldaqstant sakkar l‑envelop fil‑kaxxaforti.
Kompla għaddej iż‑żmien, u Utterson baqa’ jipprova jkellem lil Hyde. Poole qallu li t‑tabib kellu xi ħaġa f’rasu. Kien qiegħed iqatta’ l‑ħin kollu tiegħu fil‑laboratorju, u saħansitra kien anki jorqod hemm. Ma ried jara lil ħadd; lanqas lis‑sefturi. Utterson beda jnaqqas iż‑żjarat tiegħu, sakemm fl‑aħħar waqfu għal kollox.
Ħadd minnhom, Utterson kien qiegħed jagħmel il‑passiġġata tiegħu tas‑soltu ma’ Enfield. Imxew tul it‑triq tal‑ħwienet, sakemm waslu ħdejn il‑bieb tal‑laboratorju, u waqfu quddiemu.
“Min jaf kif jinsab Jekyll?” qal Utterson.
Imxew ftit passi lura biex iħarsu lejn it‑tieqa tal‑ewwel sular, u stagħġbu mhux ftit hekk kif lemħu lil Jekyll jittawwal ’l isfel. Kellu wiċċ imdejjaq. Kien abjad karti, u Utterson tħassru.
“Jekyll!” għajjat Utterson. “Ġurnata sabiħa llum. Għax ma tiġix tippassiġġa ftit magħna?”
Jekyll xejjer rasu. “Ma nazzardax,” qal b’nitfa ta’ tbissima. “Imma tassew qed nieħu pjaċir narak, Utterson. Ibqa’ ħa nitkellmu ftit.”
Iżda bilkemm lissen dawn il‑kliem li ħarsa mwerwra ma dallmetx it‑tbissima ta’ Jekyll. Il‑bidla f’dak il‑wiċċ kexkxet lit‑tnejn lil Utterson u lil Enfield. It‑tieqa ngħalqet b’tisbita, u Jekyll ma deherx aktar.
Imbellhin, Utterson u Enfield daru u komplew il‑mixja tagħhom fis‑skiet. Kien biss wara li daru l‑kantuniera li ħarsu lejn xulxin.
“Hemm xi ħaġa mhix sew,” lissen Utterson b’leħen inkwetat.
Waqt li kien qiegħed mistrieħ maġenb il‑fuklar fl‑istudju tiegħu, ftit jiem wara, Utterson sema’ taħbita fuq il‑bieb. Kien Poole, is‑seftur ta’ Jekyll, u kien jidher inkwetat.
“It‑Tabib Jekyll,” sinjur, lissen b’leħen baxx. “Taf li dan l‑aħħar ingħalaq fil‑laboratorju tiegħu? Ili nissaporti ġimgħa sħiħa ma nisma’ xejn minnu, u issa ma niflaħx iktar. Tista’ tiġi tara, sinjur? Qed nibża’ li ġralu xi ħaġa.”
“Niġi minnufih,” lissen Utterson pront pront.
Marru flimkien id‑dar ta’ Jekyll u qasmu l‑bitħa li kienet tagħti għal‑laboratorju. Mid‑dwal fit‑twieqi kien jidher li t‑Tabib Jekyll kien ġewwa, imma l‑bieb kien imsakkar.
Poole sejjaħlu minn quddiem il‑bieb. “Sinjur,” għajjat. “Hawn is‑Sur Utterson ġie jarak.”
Instemgħet vuċi twieġeb minn ġewwa.
“Għidlu li ma nista’ nara ’l ħadd.”
“Kollox sew, sinjur,” kompla Poole. Is‑seftur ħares lejn Utterson u poġġa subgħajh ma ħalqu biex ma jitniffisx. Mexxieh ftit passi ’l bogħod mill‑bieb tal‑laboratorju u ħares dritt f’għajnejh.
“Smajtu dak il‑leħen, Sur Utterson?” qal b’leħen baxx. “Taħseb li dak huwa Dr Jekyll?”
Utterson kemmex wiċċu. “Ma nistax ngħid biċ‑ċert,” lissen.
“Naċċertak li dak mhux l‑imgħallem tiegħi, sinjur,” qal Poole, b’leħen sod. “Ili ġimgħa ma nisimgħu jitkellem. Qed nibża’ li xi ħadd ħeles minnu. Imm’allura min qiegħed hemm ġew minfloku?”
“Trid tgħid li xi ħadd qatel lil Dr Jekyll?” staqsa Utterson. “Jekk tassew ġara hekk ma naħsibx li l‑qattiel tiegħu se jibqa’ hemm ġew. Ma jagħmilx sens.”
“Ismagħni, Sur Utterson,” kompla Poole. “Tul il‑ġimgħa li għaddiet kollha, dik il‑persuna baqgħet tokrob għall‑mediċina. Xi drabi Dr Jekyll ħallieli xi ordnijiet bil‑miktub quddiem il‑bieb, biex immur għand spiżjar u nġiblu xi tip ta’ melħ. Ilna sejrin hekk il‑ġimgħa kollha. Kull darba li nħallihulu wara l‑bieb biex jiġbru, kien iħallili nota oħra li l‑melħ ma kienx pur biżżejjed u li kelli mmur inġibu minn xi spiżerija oħra. Hemm ġew hemm kilba kbira għal dik il‑mediċina, sinjur.”
Utterson baqa’ jħares inkwetat lejn Poole.
“Forsi huwa Dr Jekyll li għandu bżonnha. Forsi ma jiflaħx.”
Poole xengel rasu.
“Hemm xi ħadd ieħor hemm ġew,” baqa’ jinsisti. “Dalgħodu ġejt bla ħsieb u nzertajtu dieħel jiġri fil‑laboratorju. L‑imgħallem huwa raġel twil u mibni sew. Il‑persuna li rajt kienet qasira kważi daqs nanu – u kien liebes maskra. Ma kienx Dr Jekyll!”
Issa Utterson qatagħha li jagħmel xi ħaġa.
“Mela hemm bżonn niżgassaw il‑bieb ħalli naraw minn hemm, hemm ġew!”
Poole dlonk ġab mannara żgħira, u bil‑qajla reġgħu resqu lejn il‑bieb tal‑laboratorju. Setgħu jisimgħu l‑passi ta’ xi ħadd miexi minn ġewwa, u anki xi karba jew tnejn.
“Xi drabi nisimgħu inewwaħ qisu ruħ mitlufa,” qal Poole minn taħt l‑ilsien.
“Jekyll, ħallini nidħol!” għajjat Utterson.
“Ma nistax!” wieġeb il‑leħen minn ġewwa. “Utterson, ikollok ħniena minni!”
“Tassew, Poole!” qal l‑avukat, mistagħġeb, “Dik mhijiex il‑vuċi ta’ Jekyll. Issa qed nagħrafha! Dik il‑vuċi ta’ Edward Hyde! Isa, iftaħ dan il‑bieb!”
Is‑seftur xejjer il‑mannara darba darbtejn. Id‑daqqiet riegħdu l‑bini kollu, iżda s‑serratura ma ċedietx. Dwiet twerżiqa minn ġewwa. Poole baqa’ jagħti u jagħti fuq il‑bieb. Għalkemm il‑bieb kien magħmul minn injam oħxon u sod, bil‑qajla beda jċedi, sakemm fl‑aħħar infetaħ ’il ġewwa.
Utterson u Poole ittawlu ġewwa. Kien hemm kwiet perfett. Il‑kamra kienet imdawla minn lampa dgħajfa u n‑nar tal‑fuklar. Kitla kienet qed issaffar. Kien hemm ukoll kikkra te ppreparata fuq tavolina ħdejn in‑nar.
Edward Hyde kien minxur mal‑art. Kien liebes ħwejjeġ li kienu kbar wisq għall‑istatura żgħira tiegħu. Utterson mill‑ewwel intebaħ li fil‑fatt kienu ħwejjeġ li kien jilbes Jekyll. Utterson u Poole baqgħu imbellhin malli raw il‑ħarsa ttorturata fuq wiċċu u għajnejh imberrqin. Kien mejjet. F’id waħda kellu fjala żgħira, vojta. Kien xorob xi velenu.
Jekyll ma kien jidher imkien.
“X’sar mill‑imgħallem tiegħi?” għajjat Poole. “Fejn qiegħed?”
Utterson xengel rasu. Ma kienx jaf x’jaqbad jgħid.
Fuq il‑bank tal‑laboratorju sabu envelop indirizzat lil Utterson. Utterson fetħu, u ittra waqgħet mal‑art. Utterson ġabarha. L‑avukat għaraf il‑kitba ta’ Jekyll, u fil‑quċċata kien hemm id‑data.
“Ara, Poole!” qal mistagħġeb. “Din kitibha Jekyll. Kien hawn, u kien ħaj illum stess!”
“Għażiż ħabib, meta taqra din, jien se nkun sparixxejt. L‑istqarrija tiegħi se ssibha fl‑ittra mehmuża. Qabel ma taqraha, l‑ewwel aqra l‑ittra li Lanyon kien tak. Il‑ħabib miżerabbli tiegħek, Henry Jekyll.”
“Hemm xi ħaġ’oħra ma’ din l‑ittra?” staqsa Utterson.
“Hawn, sinjur,” wieġeb Poole, hekk kif ġabar pakkett żgħir minn fuq il‑bank u newwilulu. Kien issiġillat sew mill‑bnadi kollha.
“Tgħid xejn dwar dan lil ħadd, għalissa,” qal Utterson. “Jekk l‑imgħallem tiegħek mejjet jew ħarab, għad nistgħu nipproteġu r‑reputazzjoni tiegħu. Se mmur id‑dar u naqra dawn bil‑mod. Nerġa’ niġi malajr kemm jista’ jkun u nsejħu lill‑pulizija.”
Utterson mexa fit‑toroq fid‑dawl tal‑fanali, rasu baxxuta. Kien qed jittama li l‑ittra ta’ Lanyon u l‑istqarrija ta’ Hyde setgħu jispjegaw x’kien ġara.
Malli wasal fl‑istudju, Utterson fetaħ il‑kaxxaforti u ħareġ l‑ittra ta’ Dr Lanyon. Kiser is‑siġill u beda jaqra:
“Erbat ijiem ilu rċevejt nota stramba mingħand Dr Jekyll. Fiha talabni żewġ affarijiet, kwistjoni ta’ ħajja jew mewt. L‑ewwel, kelli mmur l‑istudju tiegħu u minn hemm kelli nieħu kexxun mill‑iskrivanija tiegħu, b’kulma kien hemm fih, u nieħdu f’dari f’Cavendish Square. It‑tieni, kelli nagħti l‑kexxun lil raġel li kellu jiġi għalih, bil‑moħbi, f’nofsillejl.
“Ħsibt li kien telaq minn rasu, imma billi kien ħabib tiegħi, għamilt kif qalli. Il‑kexxun sibtu, u ħadtu d‑dar f’karozzin.
“U tassew, malli daqq nofsillejl, tfaċċa raġel ta’ statura żgħira. Kien liebes pulit ħafna, imma l‑ħwejjeġ kienu jiġuh kbar wisq. Il‑qalziet kien imxammar biex ma jkaxkarx mal‑art, u l‑ġlekk kien jidher imdendel fuq spallejh. Fuq persuna normali din kienet tidher kemxejn komika, iżda ma zzardajtx nidħaq bih għaliex xi ħaġa f’wiċċu beżżgħetni u ddiżgustatni fl‑istess ħin. Daħħaltu fl‑istudju u tajtu l‑kexxun.
“Ħataf il‑kexxun qisu bniedem imġewwaħ. Stajt nisma’ snienu jħokku ma’ xulxin bl‑eċċitament. Dak il‑ħin ħassejt demmi jiksaħ. Mill‑kexxun qabad pakkett bi ftit trab fih u flixkun żgħir b’likwidu aħmar daqs id‑demm.
“Bil‑mod, beda jitfa’ t‑trab fil‑likwidu, u minnufih il‑flixkun beda jdaħħan. Il‑likwidu l‑ewwel sar vjola, ftit wara aħdar, u fl‑aħħar isfar. Hekk kif baqa’ jżomm il‑flixkun f’idu, dar lejja bi tbissima kerha. ‘L‑opinjonijiet tiegħek dwar ix‑xjenza huma limitati wisq, Lanyon. Dejjem dħaqt b’dawk li jafu aktar minnek. Issa ħares ’l hawn!’
“Malli lissen dan il‑kliem, poġġa l‑flixkun ma’ ħalqu u niżżel il‑likwidu f’belgħa waħda. Minnufih infexx f’għajta terribbli. Kien se jitlef il‑bilanċ, żamm mal‑mejda u beda jieħu nifs qawwi ’l ġewwa wieħed wara l‑ieħor. Bqajt inħares lejh imbellah hekk wiċċu swied u stħajjiltu qiegħed jintefaħ. Il‑fattizzi tiegħu donnhom bdew jinħallu u jerġgħu jieħdu l‑forma; forma differenti.
“Dak il‑ħin twerwirt. Qmost minn fuq is‑siġġu u għattejt wiċċi biex ma narax aktar minn dak li kien qed jiġri. Quddiem għajnejja, mixrub u abjad karti daqs katavru, issa kien hemm Dr Jekyll!
“Ma nistax nikteb dak li qalli wara. Qed inħoss ruħi marida, u ħajti tbiddlet għal kollox mill‑għeruq. Dak il‑bniedem li tbiddel quddiemi u sar Henry Jekyll ma kien ħadd għajr Edward Hyde, il‑qattiel ta’ Carew!
“‑ Hastie Lanyon”
Utterson telaq l‑ittra fuq il‑mejda u ntefa fuq il‑pultruna. Ma setax jemmen dak li kien għadu kemm qara.
Malli ġie ftit f’tiegħu, Utterson qabad il‑pakkett li kien sab fil‑laboratorju ta’ Dr Jekyll u fetħu. Fih kien hemm ittra kemxejn twila, iffirmata Henry Jekyll. Beda jaqraha. Kienet tirrakkonta storja stramba u li twaħħax.
“Twelidt f’familja sinjura. Madankollu dejjem ħdimt iebes, u kelli quddiemi ġejjieni kollu unuri u suċċess. Tant kont nirrispetta lil ħaddieħor, li tista’ tgħid kont qed ngħix ħajja doppja. Fuq naħa; Henry Jekyll, serju u onest, magħruf u rrispettat f’Londra kollha. Fuq in‑naħa l‑oħra; ħajja privata bil‑gosti u l‑pjaċiri sigrieti tiegħi, li dejjem stħajt nitkellem dwarhom ma’ sħabi għax kont nibża’ li jidħqu bija.
“Malli bdejt nimmatura ntbaħt li fil‑fatt il‑persuna tiegħi kienet maqsuma bejn it‑tajjeb u l‑ħażin, ħafna iktar minn nies oħra. Bil‑mod ta’ kif kont ngħix u b’dak li studjat fix‑xjenza, tgħallimt li l‑bniedem mhuwiex persuna waħda, imma tnejn.
“Bdejt nintebaħ li l‑ebda parti mill‑karattru tiegħi kienet l‑aħjar – għax it‑tnejn kienu parti minni. B’hekk bdejt nixtieq li nkun nista’ nifridhom. Kieku kull personalità kellha l‑identità tagħha, kemm kienet tkun aktar sempliċi, l‑ħajja! It‑tajjeb jaqbad triq, il‑ħażin jitlaq għal rasu, u ma jfixklux lil xulxin. Imma, nistgħu nifirduhom minn xulxin?
“Bdejt nesperimenta fil‑laboratorju, sakemm fl‑aħħar sibt mod kif nagħmel mistura li setgħet toħloq forma oħra tiegħi nnifsi. Bdejt naħsibha sew qabel ma ppruvajtha. Kont naf li kont qed nirriskja ħajti, għax setgħet teqred dan l‑istess ġisem li kont qed nipprova nbiddel. Imma l‑kurżità għelbitni, u neħħietli kull biża’ li kelli.
“Darba tard billejl, għamilt it‑taħlita. Rajtha tagħli u ddaħħan fil‑fjala. Malli birdet ftit, xrobtha. Bdejt inħoss uġigħ kbir ma’ ġismi kollu. Kien bħallikieku kull għadma f’ġismi kienet qed tinqasam u ruħi riedet tinfired minnu. Iżda ftit ħin wara, l‑uġigħ għeb għal kollox, ġejt f’tiegħi, u bdejt inħossni aktar ħafif, kuntent, u aktar żagħżugħ. Bdejt nintebaħ li kelli karattru mqareb, imma dan ma dejjaqnix.
“Ħarist lejn il‑mera, u rajt lil Edward Hyde għall‑ewwel darba. Kien ġisem iżgħar minn ta’ Henry Jekyll. Jekyll kellu l‑ħarsa ta’ bniedem onest, iżda Hyde kellu l‑wiċċ ta’ bniedem kattiv. Il‑bnedmin kollha għandhom ftit tajjeb u ftit ħażin fihom. Imma fuq wiċċ Hyde kien jidher il‑ħażin biss. Madankollu, hekk kif bqajt inħares ċass lejn dak il‑wiċċ fil‑mera, intbaħt li dak kien jien ukoll.
“Wara dan wasal iż‑żmien għat‑tieni esperiment. Stajt nerġa’ niġi lura kif kont qabel? Stajt minn Edward Hyde nerġa’ nsir Henry Jekyll? Domt intella’ u nniżżel x’nagħmel, imma ma domtx m’erġajt ġejt f’tiegħi wara li xrobt il‑mistura.
“Dak il‑lejl ġejt f’salib it‑toroq. Stajt waqaft hemm, jew stajt komplejt bl‑esperiment. Kont mimli eċċitament, u qtajtha li nkompli. Issa kelli żewġ karattri, żewġt uċuh. Xtrajt dar f’Soho u ktibt it‑testment, fil‑każ li b’xorti ħażina kont nibqa’ mwaħħal fil‑ġisem ta’ Edward Hyde. It‑tabib ġo fija baqa’ rieqed. Kulma kelli nagħmel kien li nixrob il‑mistura biex nitlaq lil dak il‑professur magħruf u nilbes bħal mantell il‑karattru ta’ Edward Hyde. Miegħu beda joħroġ il‑ħażen ta’ ġo fija. Stajt nagħmel li ridt mingħajr ma ninqabad. Wara kollox Edward Hyde ma kienx jeżisti għan‑nies!
“Xi kultant Henry Jekyll kien jiddispjaċih ta’ dak li kien jagħmel Edward Hyde, u kemm‑il darba pprova jagħmel il‑ġid biex ipatti għall‑ħażin li kien jagħmel Edward Hyde. U b’hekk kien ipoġġi l‑kuxjenza f’postha. Wara kollox, Edward Hyde kien qed jagħmel il‑ħażin. Henry Jekyll ma kellux x’jaqsam!
“Ftit wara l‑affarijiet bdew imorru għall‑agħar. Bdejt nitlef il‑kontroll tat‑tibdiliet. Kont immur norqod bħala Henry Jekyll, u meta nqum filgħodu nsibni bħala Edward Hyde. Kont qed nitbiddel matul il‑lejl mingħajr ma nixrob il‑mistura. Il‑karattru ta’ Edward Hyde beda jsir aktar u aktar b’saħħtu. Bil‑qajla, kont qed nibda nitlef il‑karattru t‑tajjeb tiegħi, u bdejt insir agħar, aktar selvaġġ, aktar kattiv. Qtajtha li kien jaqbilli nżomm il‑karattru tat‑tabib it‑tajjeb. Għalhekk, għamilt xahrejn ma mmissx il‑mistura.
“Jum minnhom erġajt waqajt fit‑tentazzjoni, u xrobt il‑mistura. Il‑persuna l‑ħażina ġo fija kienet damet magħluqa wisq, u issa ħarġet b’feroċja kbira. Kien dak il‑lejl lil qtilt lil Sir Danvers Carew f’leħħa ta’ rabja, sempliċement għax kellimni! Fit‑triq ġejt f’sensija u ntbaħt li jekk ninqabad kont nitlef ħajti jien ukoll. Mort niġri f’dari f’Soho u minnufih ħraqt id‑dokumenti kollha. L‑għada filgħodu nisma’ l‑aħbar li xi ħadd kien ra lil Edward Hyde joqtol lil Carew, u li issa l‑pulizija kienu qed ifittxuh.
“Issa kien hemm bżonn li ninħeba fil‑ġisem ta’ Henry Jekyll. Jekk Edward Hyde ifettillu joħroġ, imqar għal ftit minuti, kien hemm il‑periklu li jinqabad u jispiċċa fuq il‑forka bħala qattiel. Ippruvajt ngħix ħajja tajba u ninsieh, imma l‑ħażen ta’ ġo fija kellu ġenn biex joħroġ.
“Darba waranofsinhar Henry Jekyll tbiddel ħesrem f’nofs ġnien pubbliku f’Londra. Ippanikkjajt. Ma stajtx immur lura d‑dar bħala Edward Hyde – kieku s‑sefturi tiegħi kienu jġibu lill‑pulizija! Għalhekk mort nistaħba f’lukanda żgħira fejn ħadd ma kien jafni. Bgħatt nota lil Lanyon u tlabtu biex iġibli l‑mistura.
“Lanyon rani nitbiddel minn Hyde għal Jekyll, u tant baqa’ mwerwer li beda jinkwetani. Issa ma kontx qed nibża’ iktar mill‑forka, imma mill‑fatt li stajt nitbiddel f’Hyde bla mistenni. Bdejt nisma’ lil Lanyon irrabjat qisni f’ħolma, u mort id‑dar għajjien mejjet.”
Utterson dawwar il‑paġna u kompla jaqra. Ma setax ma jitħassarx lil persuna li kienet daqshekk iddisprata.
“L‑għada filgħodu qomt bħala Henry Jekyll, iżda ftit minuti wara tbiddilt f’Edward Hyde. Kelli nieħu l‑mistura darbtejn biex nerġa’ naqleb lura. Minn dak iż‑żmien bdejt nibża’ mmur norqod. Kull darba kont qiegħed nitbiddel f’Edward Hyde kull meta għajni kienet tmur bija. U kull meta kien jiġri dan, bħala Edward Hyde kont inħoss rabja u mibegħda jisplodu fija. Edward Hyde kien qed isir aktar u aktar b’saħħtu, u Henry Jekyll kien qed jiddgħajjef kull mument. Hyde kien qiegħed jegħleb lil Jekyll bil‑qajla.
“Issa ninsab fl‑agħar sitwazzjoni. Inqtajt għal kollox mill‑ġisem u r‑ruħ tiegħi innifsi. It‑tip ta’ melħ li kont qed nuża biex inħallat il‑mistura spiċċali kollu. Nassumi li Poole għarrfek dwar kemm bgħattu f’postijiet biex isib jixtrihuli. Kull darba li kien isibli ftit, kont inħalltu mal‑mistura, imma ma kinitx taħdem! Issa qed nissusspetta li l‑melħ li kont użajt għall‑ewwel taħlita ma kienx pur. Naħseb li kien għalhekk li l‑mistura kienet daqshekk qawwija.
“Qiegħed nikteb dan wara li wżajt l‑aħħar ftit melħ oriġinali li kelli. F’qasir żmien se nitbiddel f’Edward Hyde għall‑aħħar darba, u għal dejjem. Henry Jekyll mhux se jibqa’ jeżisti iktar, u ma nista’ nagħmel xejn dwar dan. Anki l‑ħażin Edward Hyde qed jifhem li waslet il‑mewt għalih ukoll. Kemm‑il darba nxteħet bilqiegħda jolfoq iddisprat.
“X’jista’ jagħmel, issa, Edward Hyde? Kien se jinqabad u jispiċċa fuq il‑forka? Jew jaqtagħha li jispiċċa ħajtu huwa stess?
“Mela hawnhekk nispiċċa din l‑ittra tiegħi. Hawnhekk tintemm il‑ħajja tal‑imsejken Henry Jekyll.”
TMIEM
Fjala: Speċi ta’ flixkun twil u rqiq li jużaw fil‑laboratorji. [Lura]
Kaxxaforti: (Bl‑Ingliż: safe). Kaxxa li tissakkar sew fejn fija jpoġġu flus u ħwejjeġ prezzjużi biex ma jinsterqux. Lura
Scotland Yard: Il‑kwartier ġenerali tal‑pulizija ta’ Londra. Illum magħruf bħala New Scotland Yard. [Lura]
Soho: Distrett fil‑belt ta’ Londra, l‑Ingilterra, popolari ħafna għall‑postijiet ta’ divertiment, ħwienet u ristoranti. [Lura]