Robert Louis Stevenson
(1850-1894)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Kotba fil-Librerija
Il-Gżira tat-Teżor  Il-Każ Misterjuż tat-Tabib Jekyll u s-Sur Hyde 
 

Robert Louis Stevenson twieled f’Edinburgh, l-Iskozja, fl-1850, iben inġinier. Ma kienx tifel b’saħħtu ħafna, u għal ħafna żmien f’ħajtu kien marid. Fl-1867 Stevenson beda jistudja l-inġinerija, imma s-suġġett ma kienx jogħġbu ħafna, għalhekk beda jistudja l-liġi minflok. Madankollu, l-aktar ħaġa li kienet tinteressah kienet il-letteratura.

Fl-1876 spiċċa l-università u siefer Franza u l-Belġju. Hemmhekk iltaqa’ mas-Sinjura Fanny Osbourne, armla Amerikana li kienet omm ta’ żewġt itfal. Fl-1879 mar California, u sena wara żżewweġ lis-Sinjura Osbourne f’San Francisco. Matul is-snin 1881 u 1882 kiteb Il-Gżira tat-Teżor għat-tifel tas-Sinjura Osbourne, Lloyd. Il-ktieb kien suċċess kbir. Aktar tard f’ħajtu mar lura l-Ingilterra fejn kiteb bosta xogħlijiet oħra ta’ suċċess, fosthom Il-Każ Misterjuż tat-Tabib Jekyll u s-Sur Hyde (1886), Il-Maħtuf (1886) u Il-Vleġġa s-Sewda (1888).

Fl-1888 beda jbati bit-tuberkolożi, u għalhekk kellu jitlaq mill-Ingilterra biex isib pajjiż bi klima aktar sħuna. Wara li dam sentejn isiefer, sab il-gżira ta’ Samoa, fl-Ibħra tan-Nofsinhar, u qatagħha li jibqa’ hemm.

Stevenson miet ħesrem fl-1894 b’emorraġija ċerebrali. F’ħajtu, l-aktar opra popolari tiegħu kienet Il-Gżira tat-Teżor, u hekk għadha sa llum.

Qari tal-provi: Therese Vella
© Norman C. Borg