Klikkja t‑titlu tal‑ktieb biex tara l‑kelma fil‑kuntest tal-istorja.
Magħżel: Dik il‑parti tal‑magna tal‑ħjata li jdur magħha l‑ħajt jew is‑suf. Il‑Qattus li Fenda għal Rasu
Malta bħala rigal: Fil‑fatt Karlu V kien ta ’l Malta lill‑Ordni bir‑renta ta’ bies (falkun tal‑kaċċa) kull sena. Kienet renta simbolika. L‑Assedju L‑Kbir
Mandarin: Speċi ta’ ministru jew pożizzjoni oħra għolja fil‑gvern tal‑Imperu taċ‑Ċina. Stejjer Qabel Torqod 1
Manilla: Mir‑reġjun ta’ New South Wales, l‑Awstralja. Moby Dick
Manuskritt: Dokument miktub bl‑idejn, mhux stampat. Vjaġġ lejn iċ‑Ċentru tad‑Dinja
Marte: Fir‑reliġjon pagana Rumana, l‑alla tal‑gwerra. Ben Hur
Mehrież: Tip ta’ skutella biex fiha tfarrak ħaxix u żerriegħa ibsin. Stejjer Qabel Torqod 1
Mekka, Il‑: Belt fl‑Arabja Sawdita li hija l‑aktar post qaddis għar‑reliġjon tal‑Iżlam, u fejn jingħad li kien twieled il‑profeta Mawmettu. Il‑Musulmani jridu bilfors jagħmlu pellegrinaġġ għall‑Mekka mill‑inqas darba f’ħajjithom. L‑Assedju L‑Kbir
Merċenarju: Suldat li kien jiġġieled mhux għar‑reliġjon jew għall‑politika, imma sempliċement biex jaqla’ x’jiekol. Għalhekk ma jkun marbut mal‑ebda armata jew gvern, u jista’ jitlaq meta jrid. L‑Assedju L‑Kbir
Meridjan: Linja immaġinarja mill‑parti ta’ fuq tad‑Dinja (l‑Artiku) għall‑parti t’isfel (l‑Antartiku). Billi d‑dinja għandha bejn wieħed u ieħor il‑forma ta’ globu, hemm 360 meridjan. Nibdew ngħoddu l‑merdjani minn Greenwich fl‑Ingilterra u nimxu lejn il‑Lvant. Bejn meridjan u ieħor hemm siegħa (siegħa aktar minn Greenwich lejn il‑Lvant, u siegħa inqas lejn il‑Punent). Għalhekk il‑meridjan tan‑nofs, il‑180, fuq id‑dinja jiġi eżatt l‑oppost ta’ Greenwich, bejn wieħed u ieħor fin‑nofs tal‑Oċean Paċifiku, bejn l‑Asja u l‑Amerka. Dawra mad‑Dinja fi Tmenin Jum
Mika tal‑iskist: Tip ta’ blat. Vjaġġ lejn iċ‑Ċentru tad‑Dinja
Mil: Kejl ta’ distanza antik Ingliż bejn wieħed u ieħor jiġi ftit aktar minn kilometru u nofs. Dawra mad‑Dinja fi Tmenin Jum | Il‑Vjaġġi ta’ Gulliver | Vjaġġ lejn iċ‑Ċentru tad‑Dinja
Milizzja: Forza ta’ nies ċivili maqbudin bil‑lieva, imma mhux imħarrġin bħala suldati b’mod professjonali. Spartaku
Minżel: Il‑kelma ‘minżel’ ġejja mill‑verb ‘niżel’, u tfisser post minn fejn tinżel, bħal xi taraġ. Is‑Sigriet ta' Għar is‑Sriep
Mirra: Prodott minn siġra li jintuża għall‑fwieħa u l‑inċens. Il‑Mummja
Mistur: Moħbi. Is‑Sigriet ta' Għar is‑Sriep
Mixi fuq it‑tavla: Xi drabi l‑pirati kienu jġiegħlu lill‑priġunieri tagħhom jimxu fuq it‑tavla. Kienu joħorġu tavla tal‑injam fuq il‑ġenb tax‑xini. Lill‑priġunieri kienu jorbtulhom idejhom wara daharhom u jġegħluhom jimxu sat‑tarf tat‑tavla. Jekk jaqgħu fil‑baħar ma kinux jistgħu jgħumu d’idejhom marbutin. Għalkemm din l‑istorja hija popolari, ma jeżistux ħafna dokumenti li jgħidu li l‑pirati tassew kienu jagħmlu dan lill‑priġunieri tagħhom. Peter Pan
Mnanar: Il‑plural ta’ mannara. Vjaġġ lejn iċ‑Ċentru tad‑Dinja
Mokassin: Żarbun ħafif tal‑ġild, kważi qisu papoċċ, tipiku tal‑ewwel nazzjonijiet tal‑Amerka tat‑Tramuntana. L‑Aħħar Moħikan
Moxt: Pettne. Stejjer Qabel Torqod 1