0.1 X'inhuma Kotba fil-But?
0.2 Daħla
0.3 Ħajr
Mingħajr l‑għajnuna ta’ numru ta’ persuni, la l‑proġett elettroniku Kotba fil‑But u lanqas din il‑Gwida ma kienu jaslu fejn waslu.
Għaldaqstant nixtieq nibda billi niżżi ħajr lill‑ qraba, ħbieb u kollegi li matul il‑vjaġġ tawni l‑kuraġġ inkompli x‑xogħol bil‑kummenti u s‑suġġerimenti tagħhom, u ta’ kemm ġerrew il‑kelma dwar il‑proġett, fosthom lil Lucienne Brincat, Kirsten Brincat, Christine Grech, Daniel Grech, Benedicta Borg, Joseph P. Borg u Ġorġ Mallia.
Nixtieq nirringrazzja lill‑istaff kollu tal‑Aġenzija Nazzjonali tal‑Litteriżmu, imma speċjalment lil David Muscat (CEO), Mark Camilleri u Helen Barbara, li bil‑professjonalità tagħhom għenu fl‑iżvilupp ta’ dan il‑materjal.
Nirringrazzja wkoll lil Anabel Micallef, Priscilla Sammut u Therese Vella, qarrejja tal‑provi professjonali li għoġobhom joffru bir‑reqqa s‑servizz tagħhom mingħajr ħlas.
Nirringrazzja lill‑Fondazzjoni Sagħtar u speċjalment lil Chris Giordano, editur tar‑rivista Sagħtar, li bl‑għajnuna tiegħu ppubblikajt f’dawn l‑aħħar sentejn artikli dwar uħud mir‑rumanzi li jinsabu fil‑Librerija ta’ Kotba fil‑But.
Nirringrazzja wkoll lill‑pubblikaturi Chris Gruppetta ta’ Merlin Publishers, David Bezzina u MaryAnn Vella (Horizons, Outlook Coop), Joanne Micallef (Faraxa Publishing) u lil Victor Fenech (Kotba Merill) talli tawni l‑permess nirriproduċi siltiet minn pubblikazzjonijiet tagħhom.
Nirringrazzja bil‑quddiem lil dawk l‑għalliema kollha li se jagħmlu ħilithom biex iżewqu l‑esperjenza edukattiva tal‑istudenti tagħhom – kif ukoll l‑iżvilupp tal‑ħiliet professjonali tagħhom – permezz tal‑użu ta’ dan il‑proġett.