6.1 Kelmtejn wara: F'idejkom...

Jiena nemmen li xogħol bħal dan ma jispiċċa qatt u dejjem għandu lok għal titjib. Anki jekk il‑materjal fih innifsu xi darba jinxef u ma nsibx aktar kotba x’inżid mas‑sit, dejjem hemm l‑opportunità għal aktar żvilupp permezz ta’ diskussjonijiet u tpartit ta’ ideat, speċjalment fost għalliema li jippruvaw iwettqu fil‑prattika dak li huwa ppreżentat hawn, u jipprovdu lok għal tkattir ta’ ideat u titjib tas‑sit innifsu.

Ma nistax ninsa hawn lill‑għalliema tal‑Malti lill‑barranin. Għalkemm il‑proġett oriġinali tiegħi kien għal studenti tal‑primarja, hawnhekk iffukajt l‑aktar fuq studenti tal‑iskola medja. Madankollu, il‑materjal li jinsab fis‑sit Kotba fil‑But jista’ jkun adattat għall‑ istudenti tal‑Malti adulti barranin, li qegħdin jitgħallmu l‑Malti għal raġunijiet varji u li naturalment huma ftit avvanzati fil‑Malti tagħhom, mhux dawk li għadhom qed jitgħallmu l‑ilsien fil‑bidu. Nistieden lil dawn l‑għalliema jagħtu ħarsa wkoll lejn il‑materjal f’Kotba fil‑But. Kotba bħal Il‑Ħrejjef ta’ Esopu u Il‑Praspar ta’ Nasreddin għandhom stejjer qosra ħafna li jistgħu jintużaw għall‑qari simplifikat.

Għaldaqstant nistieden lil dawk l‑għalliema li jippruvaw il‑proġett biex jibagħtu l‑kummenti tagħhom dwar kif fasslu l‑proġett għall‑klassi u anki – għaliex le? – fejn kien hemm fjask u x’seta’ jsir biex jiġi evitat.

Għal dan il‑għan hemm paġna fejn l‑għalliema – u edukaturi oħra – jistgħu jaqsmu l‑opinjonijiet u l‑esperjenzi tagħhom dwar dan il‑proġett. Barra milli jistgħu jsibu kopja elettronika ta’ din il‑Gwida, hemm ukoll kwestjonarju li jistgħu jwieġbu ladarba jkunu ppruvaw il‑proġett fil‑klassi.