4.6 Użu tal-attivitajiet onlajn

Is‑sezzjoni Ħaddem Rasek tipprovdi ftit attivitajiet interattivi. Dawn huma sempliċi ħafna fl‑għamla tagħhom. Billi l‑iskop ewlieni tas‑sit kien li jipprovdi materjal ħieles minn kull rabta ma’ apps differenti, biex noħloq dawn l‑attivitajiet użajt programmi sempliċi li jaħdmu fuq sit elettroniku bażiku. Għaldaqstant id‑dehra ta’ dawn l‑attivitajiet hija kemxejn rudimentali, bogħod mill‑attivitajiet ikkumplikati u mżewqa b’ħafna mużika u animazzjoni. Dawn tal‑aħħar għandhom teknoloġija avvanzata li, minkejja l‑vantaġġi tagħha, tista’ tkun aktar ta’ xkiel milli għajnuna. Għaldaqstant, l‑attivitajiet ta’ Kotba fil‑But jisħqu aktar fuq il‑lingwa, il‑vokabolarju u l‑fehim tal‑kotba fuq is‑sit  KE/7/S/11   KE/7/T/3 .

L‑attivitajiet jistgħu jintużaw kemm fil‑klassi kif ukoll id‑dar, u l‑għalliem jista’ jiddeċiedi hu hekk idaħħalhomx bħala parti mill‑iskema tal‑proġett jew iħallix lill‑istudenti jużawhom jew le. Bħala parti mill‑iskema tista’ tagħżel li tagħti wħud minnhom bħala homework. Madankollu ftakar li f’dan il‑każ l‑attivitajiet ikopru ħafna mill‑kotba l‑oħrajn fil‑Librerija, mhux biss dak li tkun qiegħed tuża għall‑proġett.

L‑attivitajiet huma:

  • Moħbakelma: Popolari bl‑isem Ingliż ta’ wordsearch u adattata biex tħarreġ fil‑ħiliet tal‑qari u l‑ortografija.
  • QabbelPari: tħarreġ fil‑memorja: diretta (trid tiftakar liema stampa tkun kxift qabel biex tqabbel mal‑waħda li għandek mikxufa) u indiretta għax l‑istampi li trid tqabbel jirreferu għal karattru, lok jew oġġett imsemmi fil‑ktieb.
  • KawlataKliem: tagħmel użu tal‑logħba popolari word cloud. Hawn ukoll tinvolvi l‑ħiliet ta’ memorja u ortografija.
  • Tislibiet: għall‑memorja, fehim u ortografija.
  • X’Kelma Din?: Vokabolarju u ortografija.
  • Għidli Din: Taħriġ il‑fehim, memorja, ortografija.  KE/8/K/9 
  • Isma' u wieġeb: Isma' silta u wieġeb il‑mistoqsijiet.

Sakemm qed tinkiteb din il‑gwida wħud mill‑attivitajiet għadhom qed jinħadmu.