L‑editur
L‑istess, jista’ jkun hemm aktar minn editur wieħed, jew tim ta’ assistenti edituri, b’kull wieħed u waħda minnhom fuq midja waħda (kitba jew tpenġija). L‑editur jiġbor il‑materjal kollu; jara li l‑elementi u t‑temi kollha qegħdin hemm, li m’hemm xejn nieqes u li l‑qari tal‑provi jkun finalizzat. Jara wkoll li kull tpenġija għandha kitba relatata magħha fejn hu xieraq, u li jkollha l‑kepxin xierqa. Jara li l‑elementi huma f’ordni alfabetika u jqassamhom fil‑paġni.
Il‑produttur u l‑pubblikatur
Dawk minnkom li jiftakruni bħala uffiċjal edukattiv fi ħdan il‑Ministeru jafu li fost xogħol ieħor kont responsabbli għall‑użu tal‑kompjuters fl‑iskejjel primarji. Madankollu, meta kont għamilt dawn il‑proġetti oriġinarjament ma kinux jeżistu kompjuters fil‑klassijiet, u kif spjegajt qabel, għamilt użu mill‑apparat elettroniku biex noħloq biss l‑għodod neċessarji għall‑proġetti, mhux biex nużahom b’għan pedagoġiku. Illum il‑ġurnata saret kważi awtomatika li wieħed jirrikorri għall‑apparat elettroniku speċjalment biex jikteb xi ħaġa.
Madankollu bħala edukaturi rridu dejjem inżommu f’moħħna l‑idea tax‑xogħol ‘manwali’, u li m’għandna qatt neskludu għalkollox metodi differenti ta’ kreattività. Wara kollox, m’hemm xejn aktar prattiku minn biċċa karta u lapes (jew crayon), speċjalment meta jmur id‑dawl.
Għaldaqstant hawnhekk qed nuża dawn iż‑żewġ termini biex nagħmel distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ ħiliet li bħala edukaturi huwa d‑dover tagħna li nrawmu fl‑istudenti. Qed nuża t‑terminu produttur biex nirreferi għal min jagħmel ix‑xogħol ‘manwali’ billi juża karti u pinen. Pubblikatur jista’ jkun student li jittrasferixxi dan ix‑xogħol fuq apparat elettroniku, billi jdaħħal manuskritt f’word processor jew jiskennja tpenġija f’software grafiku. Dan kollu jiddependi ħafna mill‑ħiliet li l‑istudenti diġà jkollhom, u anki mit‑tip ta’ programmi diġitali li jkollok disponibbli. Iż‑żewġ rwoli tista’ toħodhom persuna waħda, iżda għall‑iskopijiet tal‑proġett ikun dejjem aħjar jekk tinvolvi aktar minn student wieħed. Għal aktar dwar produzzjoni diġitali tal‑proġett ara s‑sezzjoni Għodod diġitali.
Dimensjoni oħra li tista’ toffri l‑għodda diġitali hija l‑multimedja. U hawnhekk jista’ jidħol rwol ieħor.