Hawnhekk nixtieq nagħmel xi appelli lill‑qarrejja ta’ din il‑Gwida, li għalkemm il‑parti l‑kbira huma għalliema tal‑Malti jista’ jkun hemm fosthom kittieba u anki pubblikaturi.
Kif diġà għedt, dan huwa xogħol li jibqa’ jiżviluppa. Bħala għalliema tal‑Malti, nitlobkom tħarsu lejn uħud mill‑kotba li jinsabu fil‑Librerija taħt lenti letterarja u lingwistika. L‑adattamenti huma kollha xogħli, u ma jistax ikun li f’dik il‑kitba kollha ma jkunx hemm aspetti lingwistiċi li wieħed jista’ jtejjeb. Sibt frażi f’waħda mill‑istejjer li tista’ titbiddel f’idjoma aktar adattata għas‑sitwazzjoni? Ibgħat għidli biha! Għandek xi ideat għal titli oħra li nistgħu nżidu fil‑Librerija? Merħba bihom! Kull għamla ta’ kontribuzzjoni tkun akkreditata f’dak il‑ktieb.
Bħala għalliema tal‑Malti bla dubju ta’ xejn ikollkom għajnejkom fuq l‑ortografija wkoll. Hawnhekk napprezza jekk inti qarrej tal‑provi u tkun tista’ tgħarbel titlu jew tnejn fil‑Librerija – b’mod volontarju. Hemm xi kotba li diġà sarilhom qari tal‑provi, u l‑kontributuri huma msemmija fil‑ktieb.
Parti mil‑Librerija hija s‑sezzjoni ‘Daqqa t’għajn’, fejn fiha nippreżenta siltiet ta’ xogħlijiet moderni lokali miktubin mill‑aqwa kittieba għat‑tfal li għandna bħalissa. L‑għan huwa li ndewwaq dawn il‑kotba biex inħajjar lit‑tfal ifittxuhom fil‑libreriji tal‑iskola jew pubbliċi jew jixtruhom direttament onlajn mingħand il‑pubblikaturi. Għalhekk inħeġġeġ lill‑awturi u anki l‑pubblikaturi biex jibagħtuli siltiet minn kotba li jixtiequ jippromwovu, dejjem fil‑limiti tal‑liġijiet tad‑drittijiet lettararji.
Aktar tagħrif dwar dawn il‑kontribuzzjonijiet issibuhom fil‑parti amministrattiva tas‑sit. B’dan il‑mod, flimkien, inkunu qegħdin nagħtu aktar opportunitajiet lill‑istudenti tagħna jħaddnu u jħobbu aktar il‑qari bil‑Malti.
Saħħiet.