3.4 Tqassim tax-xogħol: Il-qarrej tal-provi

Mela hawnhekk tidħol it‑tielet persuna fit‑tim. L‑istudenti se jitgħallmu li ħafna drabi huwa tajjeb li tqabbad lil xi ħadd ieħor jiċċekkja xogħlok. F’dan il‑każ tajjeb li tieħu deċiżjoni inti bħala għalliem, billi taħtar bħala qarrejja tal‑provi dawk l‑istudenti li jidhirlek li huma l‑aħjar fl‑ortografija; madankollu tagħmilhiex ovvja. Xorta waħda ħalli lil min ikun jixtieq jagħmel dan ix‑xogħol b’mod volontarju. Ħeġġeġ l‑użu tad‑dizzjunarji, stampati u diġitali, kull fejn ikun hemm xi dubji. Tħallihomx jiġu għandek qabel ma jkunu għamlu t‑tiftixa tagħhom l‑ewwel  KE/8/Q/7   KT/9/Q/4 .

Ma jagħmilx sens li jkollok qarrej tal‑provi differenti għal kull artiklu. Hawnhekk tkun idea tajba li toħloq tim ta’ bejn erba’ u ħames studenti, li jaħdmu flimkien, jiġbru l‑artikli mingħand il‑kittieba kollha u jaqsmu x‑xogħol.

S’issa, kull rwol li ddiskutejna (kittieb, illustratur, qarrej tal‑provi) se jinvolvi b’mod jew ieħor lil kull student fil‑klassi. Jista’ jkun ukoll li xi student ikollu aktar minn rwol wieħed. Ir‑rwoli li jmiss niddiskutu hawn taħt mhux bilfors se jinvolvu lil kull student, u se jittieħdu fit‑tielet trimestru (Fig. 12) wara li l‑materjal (kitba u tpenġija) ikun inġabar kollu u ffinalizzat bil‑qari tal‑provi. Għaldaqstant, sa dan iż‑żmien l‑istudenti kollha jkunu wettqu r‑rwoli ewlenin tagħhom, u għat‑tielet trimestru wħud minnhom se jaqbdu rwol ġdid.