1.3 L-Elementi: Il-proġett prattiku

Din hija t‑taqsima fejn l‑istudenti se jkollhom l‑aktar x’jagħmlu, fejn se jkunu involuti sal‑ponta ta’ mneħirhom.

Mill‑bidu nett l‑intenzjoni li nagħmel il‑proġett kienet li noffri lill‑istudenti xi ħaġa aktar minn sempliċi materjal għall‑qari, bl‑opportunità li aktar milli ‘udjenza’ passiva, ikunu kreattivi billi joħolqu xi ħaġa lil hinn mit‑test innifsu.

Wieħed jista’ faċilment jaħseb li jaqleb l‑istorja fi dramm, u joħloq reċta msejsa fuq il‑ġrajja li jaqraw dwarha. Din hija idea eċċellenti li, b’xorti ħażina, ma kinitx tapplika ħafna għalija għaliex qatt ma kont miġbud ħafna lejn il‑palk – imma nħeġġeġ hawn lil dawk l‑għalliema li huma aħjar minni f’dan il‑qasam biex jikkunsidraw jaqbdu din it‑triq.

Fil‑każ tiegħi, minflok, għal Is‑Saħħar ta’ Oż, ħsibt li nħajjar lit‑tfal jagħmlu enċiklopedija jew dizzjunarju tal‑ktieb. Dan kellu jilħaq numru ta’ għanijiet:

  1. Jgħin lill‑istudenti jirrevedu l‑qari biex jidħlu f’aktar dettall fl‑elementi tiegħu;
  2. Permezz tal‑kunċett ta’ ‘enċiklopedija’ jikkunsidraw l‑elementi kollha tal‑istorja, kemm jekk ta’ importanza kbira, kemm jekk żgħira  KE/8/Qari/6 ;
  3. L‑istudenti kollha jkollhom l‑opportunità jipparteċipaw, imqar b’sehem ċkejken, b’modi differenti u f’dik il‑ħila li jħossuhom l‑aktar kunfidenti;
  4. Jiżviluppaw il‑ħiliet ta’ xogħol kemm għal rashom kif ukoll fi gruppi, skont il‑ħtieġa tal‑proġett;
  5. Jerfgħu ċerta responsabbiltà f’xogħolhom waqt li jiżviluppaw il‑ħila ta’ kooperazzjoni. ☞ 

Qabel ma nidħlu fil‑fond dwar x’jinvolvi x‑xogħol innifsu, ta’ min iħares lejn il‑pjan direzzjonali tal‑proġett sħiħ. Bħalma rajna għall‑workbook, hemm bżonn isir xogħol minn ħafna żmien qabel biex l‑inizjattiva tirnexxi sew. Fil‑każijiet tiegħi, kont bdejt nippjana l‑materjal u l‑kalendarju mill‑bidu tas‑sena, bil‑għan li ċerti elementi jibqgħu għaddejjin is‑sena kollha, waqt li oħrajn nintroduċihom matul is‑sena skolastika skont il‑bżonn. Fig. 8 juri kif kont fassalt il‑pjan matul is‑sena u kif nipproponih għal Kotba fil‑But.

Tajjeb li t‑test jibda jinqara fil‑klassi mill‑bidu nett tas‑sena, għal bosta raġunijiet. L‑ewwel nett huwa faċilment aċċessibbli: qiegħed lest fuq is‑sit u l‑istudenti diġà għandhom l‑apparat meħtieġ biex ikunu jistgħu jaqrawh kemm fil‑klassi kif ukoll id‑dar  KE/8/Q/3   KE/8/T/8 . Idealment tajjeb li ma tħallix ix‑xogħol għall‑proġett prattiku jinġabar kollu fl‑aħħar ftit xhur tas‑sena skolastika, għaldaqstant dan għandu jibda fil‑bidu tat‑tieni trimestru. Għalhekk tajjeb li sa dakinhar l‑istudenti jkunu qraw it‑test kollu jew kważi. Ix‑xogħol fil‑workbook jista’ jibda mal‑qari u jimxi id f’id miegħu, għalkemm mhux neċessarjament; madankollu l‑attivitajiet tal‑workbook jistgħu fil‑fatt jitqassmu wkoll tul is‑sena kollha.