Fl‑ewwel lezzjoni, fil‑bidu tat‑tieni trimestru, se tispjega lill‑istudenti fiex se jikkonsisti l‑proġett. Tidħolx f’ħafna dettall għalissa: qabbad lill‑istudenti stess jispjegaw x’inhi enċiklopedija, x’inhu l‑iskop tagħha, x’tinkludi fiha, kif inhu organizzat il‑kontenut. Tista’ tuża eżempji stampati mil‑librerija tal‑iskola kif ukoll diġitali bħall‑Wikipedia KE/8/T/7 .
Fi gruppi qabbadhom jagħmlu ftit brainstorming dwar x’inhuma l‑affarijiet li wieħed jista’ jdaħħal f’enċiklopedija tal‑ktieb li qed taqraw. Hemm suġġetti varji, u barra minn dawk li huma ovvji, bħall‑karattri, jista’ jkun hemm elementi oħra li lanqas jgħaddu minn rashom. Mill‑brainstorming, tista’ toħroġ speċi ta’ tabella bħal dik ta’ Fig. 9.
Ladarba tkunu koprejtu sew it‑test tal‑istorja u l‑istudenti jifhmu sew il‑kunċett ta’ x’jistgħu jdaħħlu f’enċiklopedija, se jkun faċli ħafna għalihom li joħorġu b’ideat huma KT/9/L/11 . Naturalment, inti tista’ żżid tiegħek ma’ tagħhom, u forsi timla wkoll xi vojt b’ideat li ma jgħaddux minn rashom. Tiddejjaqx jekk jiġu b’xi affarijiet li jidhru strambi, jew li ma jkunux għaddew minn rasek. Ftakar li din hija sessjoni ta’ brainstorming, u dejjem għandek l‑opportunità tħeġġeġ lil studenti jesprimu l‑opinjoni tagħhom dwar xi suġġeriment mhux mistenni. Tagħmel x’tagħmel, qatt tiċħad idea mill‑ewwel.
Malli tara li għandek biżżejjed materjal x’taħdem fuqu, nippreparaw lill‑istudenti għal parti importanti tal‑proġett; parti li għandha tqanqal interess kbir fl‑istudenti. Kulħadd fil‑klassi se jaqbad tema, jew element wieħed minn tema, u matul il‑proġett se jiffoka fuqha. L‑istess, se tagħti l‑għażla lill‑istudenti stess biex jagħmlu dan, u hawnhekk nintroduċu l‑idea tar‑rwoli.
Nerġgħu nħarsu lejn mudell ta’ enċiklopedija, iżda minflok inħarsu lejn il‑materjal, issa niffukaw fuq in‑nies li jiġbruh. Se tkun persuna waħda li tikteb dak kollu li hemm f’enċiklopedija, jew se jkun hemm bżonn aktar nies? Nerġgħu nagħmlu ftit brainstorming, u nippruvaw nimmaġinaw kemm tipi ta’ nies – u ħiliet – differenti hemm bżonn biex noħolqu biċċa xogħol bħal din.
Hawnhekk jista’ jkun li jkollhom bżonn ftit aktar għajnuna mingħandek biex joħorġu bl‑ideat. Ara li bejn wieħed u ieħor joħorġu bi rwoli bħal dawk f’Fig. 10, u ssuġġerilhom int fejn ma jaslux.
Ladarba nidentifikaw liema rwoli jinvolvi dan ix‑xogħol, ieqaf hawn. Titlobx lill‑istudenti jagħmlu għażla għalissa. Agħtihom ċans jaħsbu sew xi jkunu jixtiequ jagħmlu ☞ u jagħtuk it‑tweġiba tagħhom fil‑lezzjoni li jmiss.