5.1 Valuri mgħallma

Kif diġà rajna, il‑ħiliet prattiċi tal‑proġett jidhru ċari fil‑wiċċ, speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu mal‑lingwa u l‑komunikazzjoni: qari, fehim, kitba, eċċ. Madankollu l‑proġett imur lil hinn billi jgħin fl‑iżvilupp ta’ valuri kemm personali kif ukoll soċjali li l‑istudenti jsibu indispensabbli matul ħajjithom. Meta jiġu biex jaħdmu flimkien fuq xogħol bħal dan, l‑istudenti se jitgħallmu li:

  •  ☜ Mhux dejjem huwa possibbli li din l‑għamla ta’ xogħol ambizzjuż tista’ twettqu waħdek mingħajr l‑għajnuna ta’ ħaddieħor. Kulħadd għandu l‑ħiliet differenti tiegħu, u meta ningħaqdu u naqsmu l‑ħiliet tagħna r‑riżultat aħħari se jkun ħafna aqwa.
  • M’għandi qatt nippretendi li x‑xogħol tiegħi huwa perfett; ħafna drabi ħaddieħor jista’ jinnota żball f’xogħli li lili jkun ħarabli. Għandi dejjem niftaħ għajnejja u widnejja għall‑kummenti ta’ ħaddieħor, biex dan jgħinni ntejjeb xogħli, niżviluppa l‑ħiliet tiegħi u nilħaq riżultat itjeb darb’oħra. ☞ 
  • Lanqas għandi nassumi li biċċa xogħol toħroġ tajba l‑ewwel darba. M’għandix niddejjaq nirrevedi xogħli u nbiddel fejn hemm bżonn; u xi drabi forsi anki nerġa’ nibda mill‑bidu nett!